8.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 70/128


It-Tlieta 19 ta’ Ottubru 2010
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: NXP Semiconductors/l-Olanda

P7_TA(2010)0360

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(l-applikazzjoni EGF/2010/011 NL/NXP Semiconductors mill-Olanda) (COM(2010)0446 – C7-0210/2010 – 2010/2141(BUD))

2012/C 70 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0446 – C7-0210/2010),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament FEAG),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0269/2010),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-għan tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika,

C.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni fis-17 ta’ Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat l-FEAG,

D.

billi l-Olanda talbet l-għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 512-il sensja f’NXP Semiconductors Netherlands, li joperaw fis-settur elettroniku fir-reġjuni li jaqgħu taħt NUTS II ta’ Gelderland u Eindhoven,

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar l-FEAG,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, biex jingħata appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista' jkollu fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati individwali f’impjieg; itenni li l-għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehim kollettiv, u lanqas miżuri ta’ ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni kumparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali;

5.

Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv minflok l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li ma ntużawx tal-Fond Soċjali Ewropew, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6.

Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlas se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ qafas dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-bżonn ta’ appoġġ bħal dan;

7.

Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ eżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013;

8.

Jilqa' l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li jippreżenta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, flimkien ma’ analiżi tal-kriterji ta’ eliġibilità u jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-publikazzjoni f il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


It-Tlieta 19 ta’ Ottubru 2010
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ …

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni EGF/2010/011 NL/NXP Semiconductors mill-Olanda)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa maħsub li jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ġew issensjati bħala konsegwenza tal-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u sabiex jagħtihom għajnuna biex ikunu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-għan tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond fil-livell massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)

Il-Gvern tal-Pajjiżi Baxxi ressaq applikazzjoni fis-26 ta’ Marzu 2010 biex jimmobilizza l-FEAG, fir-rigward ta’ sensji fl-intrapriża NXP Semiconductors Netherlands BV u ssupplimentaha b’informazzjoni addizzjonali sat-3 Ġunju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta’ EUR 1 809 434.

(5)

L-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni mressqa mill-Pajjiżi Baxxi.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 1 809 434 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.