|
8.3.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 70/125 |
It-Tlieta 19 ta’ Ottubru 2010
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Nordjylland/Danimarka
P7_TA(2010)0359
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/001 DK/Nordjylland mid-Danimarka) (COM(2010)0451 – C7-0222/2010 – 2010/2163(BUD))
2012/C 70 E/15
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0451 – C7-0222/2010), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006), u b’mod partikulari l-punt 28 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament FEAG), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0270/2010), |
|
A. |
billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol, |
|
B. |
billi l-għan tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika, |
|
C. |
billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni fis-17 ta’ Lulju 2008, u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat l-FEAG, |
|
D. |
billi d-Danimarka talbet għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 951 sensja f’45 intrapriża li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 28 (manifattura ta’ makkinarju u tagħmir) fir-reġjun NUTS II ta’ Nordjylland; |
|
E. |
billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar l-FEAG, |
|
1. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG; |
|
2. |
Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, biex jingħata appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista’ jkollu fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol; |
|
3. |
Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati individwali f’impjieg; itenni li l-għajnuna mill-FEAG m’għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta’ ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi; |
|
4. |
Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni kumparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali; |
|
5. |
Jilqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv minflok l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li ma ntużawx tal-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati; |
|
6. |
Jinnota li, sabiex timmobilizza l-EGF għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament se jiġu trasferiti minn linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-impriżi ta’ daqs żgħir u medju u favur l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ qafas dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-bżonn għal appoġġ bħal dan; |
|
7. |
Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ eżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013; |
|
8. |
Jilqa’ l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li jippreżenta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, flimkien ma’ analiżi tal-kriterji ta’ eliġibilità u jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament; |
|
9. |
Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni; |
|
10. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-publikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; |
|
11. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
It-Tlieta 19 ta’ Ottubru 2010
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' …
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/001 DK/Nordjylland mid-Danimarka)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa maħsub li jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ġew issensjati bħala konsegwenza tal-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u sabiex jagħtihom għajnuna biex ikunu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. |
|
(2) |
L-għan tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika. |
|
(3) |
Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond fil-livell massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. |
|
(4) |
Id-Danimarka ressqet applikazzjoni fit-22 ta’ Jannar 2010 għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward tas-sensji fis-settur tal-manifattura ta’ makkinarju u tagħmir fir-reġjun ta’ Nordjylland, u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-28 ta’ April 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta’ EUR 7 521 359. |
|
(5) |
L-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka. |
ADOOTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 7 521 359 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi …,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
Għall-Kunsill
Il-President