12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/6


It-Tlieta 15 ta’ Ġunju 2010
Mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2011

P7_TA(2010)0205

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2011 (2010/2002(BUD))

2011/C 236 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011 li l-Kummissjoni adottat fis-27 ta' April 2010 (SEC(2010)0473),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (IIA) (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta miftehma fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni tat-18 ta' Novembru 2009 dwar miżuri Tranżitorji applikabbli għall-proċedura baġitarja wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar il-prijoritajiet għall-baġit tal-2011 – Taqsima III – Il-Kummissjoni (3),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2010 dwar il-linji gwida tal-baġit għall-2011,

wara li kkunsidra l-Kapitolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0183/2010),

A.

billi l-proċedura baġitarja tal-2011 hija l-ewwel tat-tip tagħha skont it-Trattat ta' Lisbona u billi l-qari uniku tagħha jitlob kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa mal-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja sabiex jintlaħaq ftehim matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni rigward in-nefqa kollha,

B.

billi t-trilogu li se jsir f‘Lulju għandu jimmira li jwitti t-triq qabel ma l-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' baġit, sabiex jiġu identifikati l-punti ta' qbil minn qabel,

Abbozz ta' baġit għall-2011

Rimarki ġenerali

1.

Jinnota li t-total għall-abbozz ta' baġit (AB) għall-2011 huwa ta' EUR 142 576,4 miljun f’approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) u EUR 130 147,2 miljun f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (AĦ), li għalhekk iħalli marġni ta' EUR 1 224,4 miljun f’AI u EUR 4 417,8 miljun f’AĦ; jinnota li dawn l-ammonti totali rispettivament jirrappreżentaw 1,15 % u 1,05 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE previst għall-2011;

2.

Huwa mħasseb mill-fatt li ż-żieda fl-AI hija ta' 0,77 % biss meta mqabbla mal-baġit tal-2010 kif adottat, differenza li ma tirriflettix l-istennija espressa b’mod ġenerali li l-baġit tal-UE għandu rwol kruċjali fl-appoġġ tal-ekonomiji Ewropej wara l-kriżi; jinnota li l-AĦ żdiedu b’5,85 %, iżda jfakkar li l-livell baxx mhux normali tal-AĦ fl-2010 jipprovdi spjegazzjoni matematika għal din iż-żieda; ifakkar li l-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) jipprovdi limiti ta' EUR 142 965 miljun għall-AI u EUR 134 280 miljun għall-AĦ, fi prezzijiet attwali;

3.

Jirrikonoxxi t-tnaqqis fid-diskrepanza bejn l-AI u l-AĦ kif imqabbel mal-baġit tal-2010 (EUR 12 429 miljun meta mqabbla ma’ EUR 18 535 miljun), li jindika implimentazzjoni aħjar tal-baġit tal-UE, iżda fl-istess ħin jinnota li l-MFF jipprovdi differenza ta' EUR 8 366 miljun biss bejn l-AI u l-AĦ għall-2011; ifakkar f’dan ir-rigward li dawn id-diskrepanzi joħolqu żbilanċi fuq medda twila ta' żmien u għandhom għalhekk jiġu evitati f’ġieħ is-sostenibilità u l-ġestjonabilità baġitarja;

4.

Jinnota li l-maġġoranza (70 %) tal-marġni ġenerali ta' EUR 1 224,4 miljun fl-AB toħroġ mill-marġni fl-intestatura 2 dwar il-preservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali, u li l-intestaturi l-oħra – b’mod partikolari l-intestaturi 1a, 3b u 4 – għandhom marġni limitati ħafna, u b’hekk proporzjonalment inaqqsu l-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal bidliet ta' politika u għal bżonnijiet mhux mistennija filwaqt li żżomm il-prijoritajiet tagħha;

5.

Jenfasizza, barra minn hekk, li l-marġni fl-intestatura 2 jista' fil-fatt ikun aktar baxx, peress li l-kundizzjonijiet tas-suq jistgħu jinbidlu;

6.

Jilqa’ bi pjaċir il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-ftehim interistituzzjonali (COM(2010)0185) u jfakkar, f’dan ir-rigward, li proposta għal reviżjoni sostanzjali tal-baġit hija mistennija, u li d-diffikultajiet li tfaċċaw matul proċeduri baġitarji preċedenti biex ikun hemm reazzjoni adegwata u sodisfaċenti għal bosta sfidi li nqalgħu jwasslu biex reviżjoni tal-MFF tkun inevitabbli; ifakkar li jistenna li l-Kummissjoni tagħmel proposti konkreti għal reviżjoni tal-MFF qabel tmiem l-ewwel nofs tal-2010;

7.

Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' proċeduri pendenti b’konsegwenzi baġitarji estensivi li jeħtieġu jiġu konklużi miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja fl-2011 (ir-reviżjoni baġitarja, it-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-baġits emendatorji, ir-reviżjoni tal-IIA, ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, eċċ);

8.

Jieħu nota tal-prijoritajiet stipulati mill-Kummissjoni (primarjament l-appoġġ tal-ekonomija tal-UE wara l-kriżi u l-adattament għar-rekwiżiti l-ġodda, i.e. l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-awtoritajiet ġodda ta' superviżjoni finanzjarja, l-iffinanzjar tal-inizjattiva tal-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma, eċċ) u jistaqsi jekk iż-żieda modesta fl-AI meta mqabbla mal-baġit tal-2010 hijiex biżżejjed biex tindirizzahom;

9.

Jenfasizza l-importazza ta' reazzjoni b’saħħitha għall-kriżi u għall-instabilità tas-swieq finanzjajri li għandhom jinvolvu kapaċità u flessibilità akbar ta' finanzjament għall-baġit tal-UE; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummisjoni biex jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar l-impatt li jista' jkollu fuq il-baġit tal-UE l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja li ttieħdet deċiżjoni dwaru fil-laqgħa tal-Kunsill staordinarju tal-Ecofin tad-9 u l-10 ta' Mejju 2010; jitlob barra minn hekk, biex jiġu evitati kriżijiet futuri, li titwaqqaf sistema effiċjenti ta' monitoraġġ li tkun tinkludi l-għoti dirett ta' informazzjoni lill-Parlament;

10.

Jiddeplora l-impossibilità li tiġi identifikata b’mod ċar, minn perspettiva baġitarja, l-implikazzjonijiet finanzjarji fl-AB 2011 tal-inizjattivi rappreżentativi tal-Istrateġija UE 2020, bħalma huma “Unjoni ta' Innovazzjoni”, “Żgħażagħ Mobbli”, “Ewropa b’użu effiċjenti ta' riżorsi”, “Ħiliet u impjiegi ġodda” u “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”, u jesprimi dubji kbar dwar il-kapaċità li jiġi żgurat, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju attwali, finanzjament adegwat għal dawn l-inizjattivi kruċjali;

11.

Ifakkar li, kif mistqarr fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar il-prijoritajiet għall-baġit tal-2011, it-tema li tittratta ż-żgħażagħ hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-baġit 2011, li għandha tiġi promossa bħala tema trasversali, b’mod li tiżviluppa sinerġiji bejn oqsma ta' politika differenti marbuta maż-żgħażagħ, primarjament l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-intraprenditorjat u s-saħħa, filwaqt li tiffaċilita u tħeġġeġ l-inklużjoni soċjali, l-għoti ta' kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobilità taż-żgħażagħ; jinnota li t-tema taż-“żgħażagħ” għandha titqies bħala kunċett wiesa’ li jinvolvi l-abilità tal-individwi li jbiddlu l-pożizzjonijiet u l-istatus tagħhom bosta drabi matul ħajjithom, b’mod li jgħaddu mingħajr restrizzjoni mill-ambjenti tal-apprentistat, dak akkademiku jew professjonali u t-taħriġ vokazzjonali, u li għal dan il-għan wieħed mill-objettivi għandu jkun li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mis-sistema edukattiva għas-suq tax-xogħol;

12.

Jiddeplora l-fatt li, minkejja profil estremament għoli u rata ta' implimentazzjoni għolja ħafna – li laħqet 95-100 % kull sena matul il-perjodu 2007-2009 – iż-żieda fl-approprjazzjonijiet proposta fl-AB għall-istrumenti u l-programmi essenzjali marbuta maż-żgħażagħ, bħal Tagħlim tul il-Ħajja, Żagħżagħ fl-Azzjoni u Erasmus Mundus, hija pjuttost simbolika; iqis li din iż-żieda ma tippermettix lill-UE li tindirizza din il-prijorità b’mod adegwat u għalhekk biħsiebu jipprovdi aktar appoġġ għal dawn il-programmi; ifakkar, f’dan il-kuntest, li bla dubju dawn il-programmi għandhom valur miżjud Ewropew u jikkontribwixxu immens għall-ħolqien ta' soċjetà ċivili Ewropea qawwija, minkejja l-allokazzjoni finanzjarja modesta li jirċievu;

13.

Jitlob għal kjarifika addizzjonali fl-analiżi bejn in-nefqa operattiva u dik amministrattiva, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi li saru fir-rigward tal-preżentazzjoni tan-nefqa amministrattiva lil hinn mill-intestatura 5; jinnota li diġà hemm ammont sostanzjali ta' dak li, fir-realtà, huwa infiq amministrattiv li qiegħed ikun iffinanzjat mill-approprjazzjonijiet operattivi;

14.

Hu determinat li jaffronta n-negozjati fuq il-baġit għas-sena finanzjarja 2011 b’mod kostruttiv u miftuħ, meta wieħed iżomm f’moħħu l-objettivi ta' effiċjenza u ta' valur miżjud Ewropew; jistenna min-naħa l-oħra li l-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja se tadotta approċċ kooperattiv sabiex tiżgura djalogu politiku ġenwin u li se titbiegħed “mill-eżerċizzju ta' kontabilità” fejn it-tifdil u l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri huma mogħtija post prominenti żżejjed fin-negozjati; ifakkar li t-Trattat mhux biss immodifika l-qafas legali għall-proċedura baġitarja, iżda anki introduċa metodu ġdid u skadenzi ġodda għan-negozjati u għall-kisba tal-kompromessi;

15.

Jenfasizza l-fatt li l-baġit tal-UE huwa limitat ħafna meta mqabbel ma’ baġits nazzjonali; ifakkar għalhekk fil-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn il-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali li sabiex isseħħ l-implimentazzjoni ta' strateġiji komuni tal-UE; jenfasizza li l-koerenza tagħti impatt akbar lill-politiki Ewropej, b’mod li jinkiseb valur miżjud veru Ewropew, filwaqt li tappoġġa objettivi ta' politika fuq terminu twil ta' żmien; huwa konvint li l-baġit tal-UE jista' jkun strumentali, f’oqsma kruċjali, biex jappoġġa l-investimenti għal terminu twil ta' żmien u l-impiegi; jistenna li l-Kunsill jikkunsidra sew dan id-dmir meta jiddeċiedi dwar il-baġit tal-UE u jżomm lura milli jagħmel tnaqqis ġenerali f’kull qasam, minkejja li l-isfond tal-finanzi pubbliċi nazzjonali huwa diffiċli ħafna;

16.

Ifakkar fil-prijoritajiet tiegħu kif espressi fir-riżoluzzjoni tal-25 ta' Marzu 2010 msemmija hawn fuq;

Intestatura 1a

17.

Jinnota żieda ta' 4,4 % fl-AI (għal EUR 13 437 miljun) u ta' 7 % fl-AĦ (għal EUR 11 035 miljun (4), flimkien ma’ marġni ta' EUR 50,1 miljun (meta mqabbla ma’ EUR 37 miljun fl-ipprogrammar finanzjarju), li jirriżultaw minn tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-infiq ta' appoġġ amministrattiv u tekniku (ex “linji BA”) kif ukoll għall-aġenziji deċentralizzati u eżekuttivi, u minn tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għal sensiela ta' programmi, bħal Dwana 2013 u CIP-Imprenditorjat u Innovazzjoni;

18.

Ifakkar fir-rwol importanti li għandhom l-SMEs biex jiġi żgurat l-irkupru u biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-UE; jitlob li jingħata appoġġ akbar lill-programmi u lill-istrumenti kollha li għandhom l-għan li jrawmu lill-SMEs, u jinsab imħasseb, f’dan ir-rigward, bit-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet propost għas-CIP-Imprenditorjat u Innovazzjoni;

19.

Ifakkar li l-bżonnijiet il-ġodda li għandhom jiġu ffinanzjati minn din l-intestatura (programm ta' dekommissjonar ta' Kozloduy, awtoritajiet Ewropej ta' sorveljanza finanzjarja, ITER u GMES, inkluż ir-rikjesta tal-Parlament li jżid l-approprjazzjonijiet għall-fażi operattiva tiegħu) ma ġewx previsti waqt l-adozzjoni tal-MFF attwali; jenfasizza li l-finanzjament ta' dawn il-bżonnijiet ma għandhomx ikunu ta' ħsara għall-iffinanzjar ta' programmi u azzjonijiet oħra tal-intestatura 1a li huma fundamentali għall-isforzi ta' rkupru tal-Ewropa wara l-kriżi;

20.

Ifakkar li l-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew (EERP) hu parzjalment iffinanzjat minn din l-intestatura, kif huma għadd kbir ta' programmi multiannwali (CIP, FP7, TENs, Galileo/EGNOS, Marco Polo II u l-programm Progress) li se jkunu laħqu l-maturità fl-2011; itenni, għalhekk, ir-rikjesta tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport ta' segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-EERP, inkluż dwar miżuri fdati lill-BEI;

21.

Jilqa’ ż-żidiet fl-approprjazzjonijiet għall-programmi prinċipali (FP7, 13,8 %); CIP, 4,4 %; Tagħlim tul il-Ħajja, 2,6 %; TEN 16,8 %), u jenfasizza li dawn il-programmi jipprovdu lieva essenzjali fl-istrateġija ekonomika tal-UE ta' kontra l-kriżi;

22.

Jenfasizza li l-intestatura 1a tinkludi bosta inizjattivi rappreżentattivi tal-istrateġija UE2020, bħal Unjoni ta' Innovazzjoni, Żgħażagħ Mobbli, Ewropa lil tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, Ħiliet u impjiegi ġodda kif ukoll Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni; jiddeplora l-fatt li huwa impossibbli li, mill-perspettiva baġitarja, jiġu identifikati b’mod ċar l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-istrateġija UE2020 u jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-kapaċità li jiġi żgurat, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju attwali, finanzjament adegwat għal dawn l-inizjattivi;

23.

Ifakkar li minħabba l-istrateġija UE2020, il-prijoritajiet għall-2011 se jiġu ffinanzjati primarjament minn din l-intestatura, u li l-kompetenzi tal-UE li joħorġu mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat x’aktarx ikollhom implikazzjonijiet baġitarji; jenfasizza li l-politika tal-ispazju, li hija eżempju konkret ta' politika industrijali Ewropea li tippromwovi l-progress xjentifiku, teknoloġiku u ambjentali Ewropew filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività industrijali, teħtieġ sforz finanzjarju akbar, sew mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri fil-kuntest tal-GMES;

24.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Żgħażagħ Mobbli” li tfittex li ttejjeb il-prestazzjoni u l-attrazzjoni internazzjonali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla Ewropej u tgħolli l-istandard ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE; jappoġġa b’mod qawwi l-promozzjoni tal-opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ kollha, irrispettivament mill-isfond edukattiv tagħhom; jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat biżżejjed finanzjament għal politika ambizzjuża fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, li għandu rwol kruċjali fl-istrateġija UE2020; jenfasizza li l-UE se tuża r-riżorsi kollha tagħha biex twieġeb għal din l-isfida ambizzjuża, li toħloq momentum bħal qatt qabel għall-iżvilupp ta' politika globali għaż-żgħażagħ tal-UE; jenfasizza, madankollu, li t-tnedija ta' inizjattiva rappreżentattiva u komprensiva bħal din li tkopri għadd ta' programmi distinti u stabbiliti sew tal-UE f’dan il-qasam ma għandhiex tbaxxi l-profil tal-programmi individwali;

25.

Jenfasizza li r-riżorsi baġitarji li huma disponibbli fil-futur għal strumenti bħall-programm Tagħlim Tul il-Ħajja u ħiliet trasversali, bħall-e-ħiliet, kapaċitajiet internazzjonali, ħiliet intraprenditorjali u l-multilingwiżmu, għandhom jirriflettu l-valur miżjud Ewropew għoli li jġibu dawn l-istrumenti u għalhekk għandhom jingħataw prijorità fil-Baġit 2011;

26.

Huwa diżappuntat li t-turiżmu, li jiġġenera indirettament iktar minn 10 % tal-PGD tal-UE u li sar kompetenza sħiħa tal-UE wara r-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona, mhuwiex identifikat b’mod ċar fl-AB tal-2011;

27.

Jinnota l-inklużjoni, għall-ewwel darba, ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni, u jqis li dan huwa element importanti fir-riflessjoni ġenerali dwar il-ġestjoni u l-viżibilità ta' dan il-fond; iqis, madankollu, li dawn l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet jafu ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ammonti meħtieġa għall-applikazzjonijiet tal-FEAG fl-2011; itenni għalhekk it-talba tiegħu li ma jiġux iffinanzjati applikazzjonijiet tal-FEAG esklużivament permezz ta' trasferimenti tal-linji tal-FSE u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tidentifika u tuża mingħajr aktar dewmien linji differenti tal-baġit għan dan l-iskop; jenfasizza l-ħtieġa ta' proċedura simplifikata u aktar mgħaġġla għall-mobilizzazzjoni tal-fond (5);

28.

Jinnota ż-żieda vera modesta fl-approprjazzjonijiet għall-impenji, jew l-istaġnar tagħhom (meta mqabbla mal-baġit 2010), għall-EURES u għat-tliet linji tal-baġit li jappoġġaw ir-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali; jemmen li, fil-kuntest attwali ta' sensji massivi u ristrutturar minħabba l-kriżi, dawn il-linji għandhom jissaħħu;

Intestatura 1b

29.

Jinnota li l-AB 2011 jipprovdi żieda ta' 3,2 % fl-AI għal total ta' EUR 50 970 miljun, li EUR 39 891,5 miljun minnhom huma għall-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE) – ammont simili għaċ-ċifra tal-2010 – u EUR 11 078,6 miljun għall-Fond ta' Koeżjoni;

30.

Jinnota li din il-proposta hi konformi mal-allokazzjonijiet stabbiliti fl-MFF, meta jitqies l-aġġustament tekniku għall-qafas finanzjarju għall-2011 (6) (żieda ta' EUR 336 miljun), kif previst fil-punt 17 tal-IIA; jinterpreta f’dan is-sens il-marġni ta' EUR 16,9 miljun, li jirriżultaw l-aktar mill-allokazzjoni ta' assistenza teknika u jirrappreżentaw 0,03 % tal-intestatura;

31.

Jilqa’ ż-żieda ta' 16,9 % fl-AĦ għal EUR 42 541 miljun proposti għall-2011, iżda madankollu jinsab mħasseb li l-bżonnijiet tal-ħlasijiet ġew stmati fuq il-bażi tar-rati ta' ħlasijiet storiċi meta mqabblin mal-kwoti tal-impenji korrispondenti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-programmi kienet miexja ħafna aktar bil-mod fil-bidu tal-perjodu 2007-2013 u għalhekk se jkollha tirkupra sew, b’mod partikolari fl-2011;

32.

Jiddubita li l-aġġustamenti magħmula, primarjament permezz tal-allokazzjoni ta' ħlasijiet imdewma bħala proporzjon ta' ħlasijiet mistennija fis-snin li ġejjin, huma totalment xierqa biex jindirizzaw il-bżonnijiet kollha ta' ħlasijiet addizzjonali li jirriżultaw b’mod partikolari minn dawn li ġejjin:

bidliet leġiżlattivi riċenti, li b’mod partikolari jimmiraw li jiffaċilitaw l-immaniġġjar tal-finanzjamenti tal-UE u li jaċċelleraw l-investimenti;

l-2011 se tkun l-ewwel sena sħiħa li fiha s-Sistemi ta' Ġestjoni u Kontroll kollha se jiġu approvati, li hija prekondizzjoni għall-ħlasijiet interim u li tfisser li l-implimentazzjoni tal-programmi se tkun għaddejja b’ritmu tajjeb, minħabba li sa tmiem Marzu 2010 diġà ġew magħżula proġetti għal aktar minn 93 biljun jew 27 % tal-volum finanzjarju totali għall-perjodu kkonċernat;

l-għeluq tal-programmi 2000-2006 huwa mistenni li jkompli fl-2011, u b’hekk jeħtieġ li jsiru l-ħlasijiet finali iżda wkoll jinħelsu xi riżorsi biex titħaffef aktar l-implimentazzjoni ta' programmi tal-perjodu 2007-2013;

33.

Iqis barra minn hekk li riżorsi adegwati għall-politika ta' koeżjoni huma kruċjali sabiex jitħaffef l-irkupru tal-ekonomija Ewropea u biex jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 għar-reġjuni; jenfasizza l-effetti sinerġiċi tal-kooperazzjoni makroreġjonali tal-UE sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-bżonn li jiġu allokati biżżejjed riżorsi sabiex jiġu implimentati l-strateġiji makroregjonali eżistenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex mingħajr dewmien jippreżentaw u jadottaw baġit emendatorju, jekk l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-bżonnijiet;

34.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem mill-qrib ma’ dawk l-Istati Membri b’rata baxxa ta' assorbiment, sabiex ittejjeb aktar il-qagħda fir-rigward tal-assorbiment fuq il-post; huwa konxju mill-fatt li rata bil-mod ta' assorbiment tista' tipperikola l-implimentazzjoni progressiva tal-politiki tal-UE;

35.

Jitlob lill-Kummissjoni wkoll biex tkompli r-riflessjoni tagħha dwar kif se tqalleb mill-ġdid is-sistema kumplessa ta' regoli u rekwiżiti imposti mill-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri, sabiex tiffoka aktar fuq il-kisba tal-għanijiet u inqas fuq il-legalità u r-regolarità, mingħajr ma titbiegħed mill-prinċipju ewlieni ta' ġestjoni finanzjarja tajba; jenfasizza li riflessjoni bħal din għandha tikkontribwixxi wkoll għal abbozzar aħjar tar-regolament bażiku tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; ifakkar f’dan ir-rigward fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Novembru 2009 dwar is-simplifikazzjoni u użu aktar immirat tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni fil-kuntest tal-kriżi ekonomika;

Intestatura 2

36.

Ifakkar li waħda mill-bidliet ewlenin imdaħħla bit-TFUE hija l-abolizzjoni tad-distinzjoni bejn l-infiq obbligatorju u dak mhux obbligatorju fil-proċedura baġitarja, li tippermetti, fl-aħħar, liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jinnegozjaw bl-istess kundizzjonijiet fir-rigward tal-approprjazzjonijiet anwali kollha; ifakkar li l-infiq obbligatorju kien jammonta għal kważi 34 % tal-baġit globali, bil-parti l-kbira tiegħu fl-intestatura 2;

37.

Jenfasizza li, matul l-aħħar ftit snin, l-awtorità baġitarja għamlet użu minn din l-intestatura biex jintlaħaq ftehim globali dwar il-baġits annwali, permezz tal-użu tal-marġni jew tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet għall-użu fi programmi u azzjonijiet oħra;

38.

Jieħu nota li, minkejja l-istqarrija li l-approprjazzjonijiet baqgħu stabbli, id-dħul assenjat niżel b’aktar minn 25 % fl-2011, l-appoġġ tas-suq niżel bi kważi 22 % (għal EUR 3 491 miljun), u l-approprjazzjonijiet għall-miżuri veterinarji u fitosanitarji juru tnaqqis ta' 7,8 %; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-suppożizzjonijiet ottimisti tal-Kummissjoni (minħabba ż-żieda fil-volatilità tas-swieq u l-vulnerabilità tal-attività agrikola għall-perikli tas-saħħa) fir-rigward tax-xejriet fis-swieq agrikoli fl-2011, li rriżultaw fi tnaqqis ta' madwar EUR 900 miljun f’infiq relatat mas-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimmonitorjaw b’attenzjoni l-iżviluppi fis-swieq agrikoli u biex ikunu lesti jirreaġixxu malajr u b’mod effikaċi bil-miżuri meħtieġa ta' salvataġġ biex jegħlbu żviluppi negattivi fis-suq u l-volatilità tal-prezzijiet fis-suq; jesprimi tħassib ukoll dwar it-tnaqqis ippjanat fl-approprjazzjonijiet għall-miżuri veterinarji u fitosanitarji, minħabba l-bżonn li wieħed jibqa’ viġilanti fir-rigward tal-qerda tal-mard tal-annimali;

39.

Jilqa’ ż-żieda fl-approprjazzjonijiet għal għajnuna diretta mhux marbuta mal-produzzjoni (9,7 %), għall-iskema tal-frott u l-ħxejjex fl-iskejjel (sa 50 % għal EUR 90 miljun), u għall-ħalib fl-iskejjel (5,3 %), kif ukoll l-approprjazzjonijiet iddedikati għall-programm għall-għajnuna għal persuni mċaħħda; jinnota b’sodisfazzjon it-tnaqqis kostanti fir-rifużjonijiet għall-esportazzjonijiet mill-2007 ‘l hawn (EUR 166 miljun fl-AB tal-2011);

40.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li terġa talloka mill-ġdid il-fondi li ma ntnefqux minn bosta Stati Membri lil Stati Membri oħrajn li qed jimplimentaw il-programm b’suċċess;

41.

Jieħu nota li kif stipulat fl-istrateġija Ewropa 2020, l-azzjoni klimatika hija prijorità u jinnota l-bidla fl-intestatura tat-Titolu 07 għal “Ambjent u l-azzjoni klimatika” jieħu nota taż-żieda fl-approprjazzjonijiet proposti għall-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-azzjoni klimatika kif ukoll azzjoni preparatorja ġdida dwar l-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

42.

Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fl-AI għal LIFE + għal EUR 333,5 miljun (żieda ta' 8,7 %), u jilqa’ ż-żieda qawwija fl-AĦ (24,3 % għal EUR 268,2 miljun) b’konformità mar-rati ta' implimentazzjoni mtejba, mhux l-inqas bil-ħsieb tal-miżuri ta' segwitu għall-istrateġija tal-bijodiversità ppjanati fl-2010; jirrimarka li l-isfidi ambjentali kbar li qed taffaċċja l-UE, inkluż it-tniġġis tal-ilma, jirrikjedu li jsir sforz finanzjarju addizzjonali f’dan il-programm;

43.

Ifakkar li l-miżura speċfika ta' appoġġ għas-suq fis-settur tal-ħalib li ġiet adottataadottat fil-baġit 2010 biex itaffi l-konsegwenzi tal-kriżi tal-ħalib suppost kellha tkun azzjoni ta' darba; jitlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina kif qed jintużaw mill-Istati Membri l-EUR 300 miljun f’finanzjament eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u sabiex tgħaddi l-evalwazzjoni tagħha ta' din il-miżura, flimkien ma’ proposti għal approċċ permanenti u proposti konkreti biex tiġi ttrattata l-volatilità tal-prezzijiet f’dan is-settur;

44.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-importanza politika tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) mhijiex riflessa b’mod adegwat fl-abbozz ta' baġit għall-2011; jirrimarka li l-fondi proposti għall-iżvilupp ta' politika marittima integrata mhumiex biżżejjed biex ikopru l-aspetti l-aktar importanti tat-tnedija ta' din il-politika ġdida; jenfasizza li politika marittima ġdida tal-Unjoni Ewropea tista' tiżviluppa għad-detriment ta' oqsma prijoritarji eżistenti tal-PKS f’dak li jirrigwarda l-finanzjament baġitarju tagħhom; jenfasizza li politika bħal din se tirrikjedi finanzjament adegwat minn aktar minn linja waħda tal-baġit;

Intestatura 3a

45.

Jinnota li ż-żieda ġenerali fil-fondi marbuta ma’ din l-intestatura (+12,8 %) tidher li tagħti effett prattiku lill-ambizzjonijiet f’dan il-qasam espressi fit-Trattat ta' Lisbona u fil-Programm ta' Stokkolma;

46.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni; ifakkar, kif jingħad fil-Programm ta' Stokkolma, fil-ħtieġa li jkun hemm miżuri ta' inklużjoni soċjali u programmi ta' risistemazzjoni soċjali u li jiġu appoġġati inizjattivi kontra d-drogi (li jkunu jinvolvu l-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara);

47.

Jieħu nota, f’dan ir-rigward, tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma, u jilqa’, fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-appoġġ għall-integrazzjoni tal-immigranti, iż-żieda proposta fl-AI għall-Fond għall-Fruntieri Esterni (EUR 254 miljun, +22 %), il-Fond Ewropew għar-Ritorn (EUR 114 miljuni + 29 %) u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati (EUR 94 miljun, + 1,3 %);

48.

Jirrikonoxxi li t-tnaqqis propost fl-approprjazzjonijiet għal FRONTEX fl-2011, minkejja ż-żieda fix-xogħol, jiġi minn valutazzjoni aġġornata tal-approprjazzjonijiet mhux użati u l-bilanċi favorevoli annwali tiegħu;

49.

Jilqa’ l-adozzjoni tar-regolament għat-twaqqif ta' Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-EASO jibda jopera fi żmien sew qabel l-2011 u li jkunu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-uffiċċju biex jibda l-mandat tiegħu;

50.

Jiddeplora l-fatt li, fl-istennija tat-tressiq (previst għall-2013) tal-proposta għal regolament dwar il-EUROPOL, aġenzija tal-UE ffinanzjata mill-baġit tal-UE mill-2010, il-volum ta' approprjazzjonijiet għall-2011 (EUR 82,9 miljun) baqa’ kważi l-istess meta mqabbel mal-2010 (EUR 79,7 miljun), minkejja li l-Programm ta' Stokkolma talab li l-EUROPOL jissaħħaħ;

51.

Jinnota li, minkejja li l-iskeda programmatika għall-iżvilupp u d-dħul fl-operat tas-Sistema ta' Informazzjoni Schengen II (SIS II) hija inċerta, qed jiġi propost li l-AI jonqsu biss bi ftit minn EUR 35 miljun għal EUR 30 miljun, filwaqt li l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet jiżdiedu minn EUR 19,5 miljun għal EUR 21 miljun; ifakkar li l-Kummissjoni kienet ipproġettat EUR 27,91 miljun sakemm jibda jopera s-SIS II fir-raba’ kwart tal-2011; jirrimarka li l-iżvilupp tas-SIS II diġà waqa’ lura fiż-żmien u probabbilment mhux se jitlesta qabel tmiem l-2011; iqis li huwa meħtieġ, meta wieħed jikkunsidra li l-prospettiva ta' migrazzjoni għas-SIS II qed issir dejjem iżjed improbabbli u li fil-preżent qed tiġi mħejjija possibilità alternattiva, li parti minn dawn il-fondi jitqiegħdu fir-riżerva, fl-istennija ta' analiżi addizzjonali;

52.

Jenfasizza li l-iffinanzjar tal-aġenzija ppjanata għall-amministrazzjoni operazzjonali ta' sistemi fuq skala kbira ta' IT fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja m’għandux iwassal għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IT addizzjonali qabel ma s-SIS II jew soluzzjoni alternattiva u l-VIS ikunu bdew jaħdmu; jitlob li l-ispejjeż ta' din l-aġenzija u l-proġetti tagħha jkunu speċifikati b’mod ċar;

Intestatura 3b

53.

Ifakkar li l-intestatura 3b tkopri kwistjonijiet ta' interess kbir għaċ-ċittadini Ewropej, bħaż-żgħażagħ, il-programmi edukattivi u kulturali, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-istrument ta' protezzjoni ċivili u l-politika tal-komunikazzjoni; jinnota, għalhekk, bi tħassib kbir, li l-approprjazzjonijiet globali naqsu għat-tieni sena konsekuttiva, bi tnaqqis fl-AI ta' 0,03 % (għal EUR 667,8 miljun) u fl-AĦ ta' 3,1 % (għal EUR 638,9 miljun) kif imqabbel mal-baġit tal-2010, li jħalli marġni ta' EUR 15,2 miljun;

54.

Jinnota li ż-żieda proposta għal xi programmi (Media 2007, Kultura 2007, Saħħa Pubblika, eċċ) saret possibbli bin-nuqqas ta' AI għal bosta proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji; jiddeplora l-fatt għalhekk li l-marġni żgħir se joffri spazju ta' manuvra limitat meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar it-tisħiħ tal-finanzjament tal-prijoritajiet li minnhom jibbenefikaw direttament iċ-ċittadini u fl-adozzjoni ta' proposti għal proġetti u azzjonijiet;

55.

Itenni li investiment koordinat u multidixxiplinari fiż-żgħażagħ għandu jibda mingħajr dewmien bħala tema trasversali, u li żieda fil-finanzjament tal-istrument tal-politika taż-żgħażagħ għandha tiġi proposta kif xieraq; jiddeplora n-nuqqas ta' ambizzjoni muri mill-Kummissjoni li ma rnexxilhiex tindirizza sew din il-prijorità u jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jemenda l-abbozz ta' baġit sabiex ikunu pprovduti fondi adegwati għal din il-prijorità;

56.

Ifakkar li t-tħeġġiġ u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ u l-isport hija prijorità għall-baġit 2011 u jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju għal avvenimenti annwali speċjali huwa għodda importanti għal dan il-għan; jiddeplora l-fatt li ebda AI ma ġew inklużi fl-abbozz ta' baġit għall-2011 (p.m. f’AI u EUR 2,9 miljun biss f’AĦ), meta mqabbla ma’ EUR 9,8 miljun u EUR 10,25 miljun rispettivament fil-baġit tal-2010;

57.

Jilqa’ t-tnedija tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat fl-2011, ibbażata fuq l-azzjoni preparatorja introdotta fl-2010 fil-baġit 2010, u jfakkar fid-deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li jżidu għal EUR 8 miljun l-allokazzjoni ġenerali prevista fl-att leġiżlattiv rilevanti;

58.

Huwa mħasseb dwar il-livell baxx ta' approprjazzjonijiet – li saħansitra naqsu f’xi każijiet meta maqqbla mal-2010 – iddedikati għal programmi li jippromwovu ċ-ċittadinanza Ewropea, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni għall-midja; jemmen li dawn il-programmi huma element essenzjali fit-tiswir ta' identità Ewropea u fil-komunikazzjoni tal-proġett Ewropew liċ-ċittadini tal-UE;

59.

Jiddispjaċih dwar il-livell imnaqqas ta' impenji għall-programm DAPHNE, u jiġbed l-attenzjoni rigward il-konsegwenzi negattivi possibbli ta' dan fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza; jitlob li jkomplu jiġu ffinanzjati miżuri eżistenti u effikaċi biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa;

Intestatura 4

60.

Ifakkar, għal darba oħra, fil-marġni ristretti ħafna disponibbli fl-intestatura 4, li ma jippermettux lill-UE tirreaġixxi adegwatament għal kriżijiet u emerġenzi rikorrenti u emerġenti; jirrimarka li d-diskrepanza li qed tiżdied u li mhux tollerabbli bejn din l-intestatura sottofinanzjata u l-impenji politiċi l-ġodda tal-Kunsill fil-livell dinji jistgħu biss jiġu indirizzati permezz ta' reviżjoni tal-limitu massimu fl-MFF eżistenti (7);

61.

Jilqa’ ż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet għall-Politika Ewropea tal-Viċinat għan-Nofsinhar u għal-Lvant, u b’mod aktar speċifiku għad-dimensjoni tas-sħubija tal-Lvant ta' din tal-aħħar; jinnota l-proposta li l-linja baġitarja dedikata għall-istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku tiżvojta, iżda jiddeplora l-fatt li mhuwiex dedikat ammont ekwivalenti għal din l-istrateġija fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għal-Lvant;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jitwettqu l-objettivi u tinkiseb implimentazzjoni effikaċi tas-Sħubija tal-Lvant, biex tiżgura li tingħata assistenza finanzjarja supplimentari għall-Programmi Indikattivi Multiannwali u l-Programmi Indikattivi Nazzjonali l-ġodda tal-ENPI għall-perjodu 2011-2013 li jkopru l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

63.

Huwa mħasseb ħafna rigward it-tnaqqis propost ta' aktar minn 32 % fl-AI għall-assistenza finanzjarja lill-Palestina, il-proċess ta' paċi u l-UNRWA, meta wieħed iżomm f’moħħu l-ħtieġa rikorrenti ta' aktar fondi; iqis li l-istqarrija tal-Kummissjoni dwar “l-allokazzjonijiet eċċezzjonalment għolja tas-snin ta' qabel li ma jistgħux jinżammu mingħajr ma jiġu pperikolati l-finanzjamenti għal pajjiżi oħra fir-reġjun” issaħħaħ il-bżonn urġenti għal reviżjoni sostanzjali tal-kapaċitajiet ta' finanzjament fl-intestatura 4, u ma għandhiex twassal biex titnaqqas l-assistenza finanzjarja ta' importanza vitali għall-poplu Palestinjan, l-Awtorità Palestinjana u l-UNRWA; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Awtorità Palestinjana fl-intensifikazzjoni tal-kapaċitajiet istituzzjonali tagħha; ifakkar li, anke jekk l-UE tkun lesta testendi l-pakkett tagħha ta' għajnuna lill-Palestinjani, dan l-impenn mhuwiex bla tmiem u jinsisti li, filwaqt li l-għajnuna umanitarja għandha tibqa’ inkondizzjonali, l-UE għandu jkollha rwol politiku li jagħti riżultati tanġibbli għall-ħolqien ta' Stat Palestinjan, li jkunu konsistenti mal-għajnuna finanzjarja sinifikattiva tagħha u mal-influwenza ekonomika fir-reġjun;

64.

Jirrimarka, f’dan ir-rigward, li anki l-użu esklussiv tal-marġni kollu tal-intestatura 4 għall-assistenza finanzjarja għall-Palestina ma jkunx biżżejjed biex jintlaħaq il-livell tal-AI tal-2010 (EUR 295 miljun fl-2010, meta mqabbel mal-EUR 270 miljun ipotetiċi fl-2011);

65.

Jinnota ż-żieda sostanzjali fl-approprjazzjonijiet (13,2 %) biex ikopru l-proċess ta' tkabbir, li fih huwa mistenni progress ulterjuri fl-2011 (negozjati li jinsabu għaddejjin u negozjati potenzjali mal-Kroazja, l-Iżlanda, l-FYROM, it-Turkija u l-Balkani tal-Punent);

66.

Iqis li ż-żieda proposta għad-DCI hija adegwata, iżda jiddeplora l-preżentazzjoni qarrieqa min-naħa tal-Kummissjoni, li turi żieda ta' EUR 65 miljun għall-ambjent u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali bħala segwitu tal-Ftehim ta' Kopenħagen, filwaqt li din iż-żieda tibbaża fuq il-programmazzjoni finanzjarja u mhux fuq il-baġit tal-2010 (l-AB tal-2011 fl-fatt jipprevedi tnaqqis ta' EUR 1,2 miljun għal din il-linja baġitarja meta mqabbla mal-baġit tal-2010 li huwa punt ta' tħassib); jinsisti li dan il-pakkett “ta' bidu mgħaġġel” ta' finanzjament għall-klima għandu jkun addizzjonali u m’għandux isir bi ħsara għall-programmi eżistenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-koerenza u l-viżibilità tal-finanzjament għal kontribuzzjoni għal “bidu mgħaġġel” tal-UE u jitlob lill-Istati Membri sabiex iqegħdu informazzjoni malajr għad-disponibilità tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa u addizzjonalità tal-kontribuzzjoni tal-UE;

67.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-baġit tal-Komunità li jkopri miżuri mfassla sabiex jindirizzaw il-fenomenu tal-migrazzjoni, bl-iskop li tittejjeb l-amministrazzjoni tal-migrazzjoni legali, titnaqqas il-migrazzjoni illegali u jiġi ottimizzat l-impatt tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp;

68.

Ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-prinċipju ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi prinċipali tal-AKP fornituri tal-banana, iżda jtenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-finanzjament ta' miżuri ta' akkumpanjament għall-banana permezz tal-użu tal-marġni; ifakkar li l-marġni limitat fl-intestatura ma jippermettix l-iffinanzjar ta' dawn il-miżuri, li ma kinux previsti fl-2006 meta ġie adottat l-MFF; huwa jopponi bis-saħħa wkoll kull ridistribuzzjoni minn strumenti eżistenti fl-intestatura 4 li tikkomprometti l-prijoritajiet eżistenti; huwa għalhekk kontra l-proposta tal-abbozz tal-baġit li għal dan il-għan jiġu riallokati EUR 13 miljun mill-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp u EUR 5 miljuni mill-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili;

69.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jiġi emendat ir-regolament li joħloq strument għall-pajjiżi industrijalizzati (ICI +), iżda huwa kontra bil-qawwi li dan ikun iffinanzjat minn approprjazzjonijiet li huma pprogrammati li jintużaw taħt l-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp; jenfasizza li l-fondi allokati għall-koperazzjoni għall-iżvilupp għandha mira jittaffa l-faqar; ma huwa sodisfatt xejn li mit-total ta' EUR 70,6 miljun f’approprjazzjonijiet allokati għal dan l-istrument il-ġdid fl-abbozz tal-baġit, ittieħdu EUR 45 miljun mill-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;

70.

Itenni l-intenzjoni tiegħu li jipprovdi lis-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna bil-mezzi amministrattivi neċessarji biex iwettaq il-missjoni tiegħu; jenfasizza, madankollu, li l-allokazzjoni ta' riżorsi ġodda għall-inklużjoni ta' persunal li joriġina mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri u l-ispiża għall-infrastruttura neċessarja għandhom ikunu marbutin ma’ żieda xierqa tal-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna;

71.

Jilqa’ ż-żieda fl-approprjazzjonijiet għall-PESK għal EUR 327,4 miljun (AI), kif previst fil-programmazzjoni finanzjarja u b’konformità mar-rwol dejjem iżjed ambizzjuż li l-UE tixtieq li jkollha f’żoni li għaddejjin minn proċess ta' stabilizzazzjoni jew huma milquta minn konflitti u kriżijiet; jinnota li l-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE ġiet żvujtata, kif previst f’rabta mal-istabbiliment tas-SEAE, u jfakkar li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-IIA marbuta mal-PESK se jkollhom jiġu maħsuba mill-ġdid b’mod sostanzjali fil-qafas tan-negozjati fuq IIA rivedut u l-adozzjoni ta' proposta dwar l-SEAE;

72.

Jieħu nota taż-żieda proposta fl-abbozz ta' baġit għall-2011, meta mqabbla mal-baġit għall-2010, għal-linja tal-baġit tal-assistenza makrofinanzjarja (01 03 02); ifakkar li l-mobilizzazzjoni ta' dan l-istrument għal kull pajjiż terz taqa’ taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar iż-żieda proposta tagħha;

73.

Jilqa’ l-istabbiliment ta' azzjoni preparatorja dwar Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja, bħala segwitu tad-dħul fis-seħħ tat-TFUE (Artikolu 214), u b’konformità mas-sena Ewropea għall-Volontarjat fl-2011;

Intestatura 5

74.

Jinnota li n-nefqa amministrattiva totali għall-istituzzjonijiet kollha hija stmata għal EUR 8 266,6 miljun, i.e. żieda ta' 4,5 %, li tħalli marġni ta' EUR 149 miljun;

75.

Jenfasizza li l-abbozz tal-estimi ta' kull istituzzjoni, flimkien mal-baġits emendatorji ppreżentati fl-2010, għandhom iqisu l-ħtiġijiet addizzjonali kollha relatati mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, partikolarment fir-rigward tal-Parlament, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni; ifakkar f’dan il-kuntest fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Novembru 2009 dwar l-intestatura 5, li stiednet lill-istituzzjonijiet biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jiffinanzjaw il-bżonnijiet amministrattivi marbuta mar-remunerazzjoni tal-persunal tagħhom fil-limitu tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-taqsimiet rispettivi tagħhom tal-baġit 2010;

76.

Jinnota ż-żieda ta' 2,9 % fis-sehem tal-Kummissjoni tal-baġit amministrattiv; jinnota, madankollu, li mhux l-ispejjeż kollha assoċjati mal-funzjonament u t-twaqqif tas-SEAE huma inklużi f’dan l-istadju; huwa tal-fehma li kull rikjesti addizzjonali f’dan ir-rigward ma għandhomx iħallu impatt negattiv fuq l-attivitajiet preżenti tal-istituzzjonijiet; jenfasizza bis-saħħa, għalhekk, il-bżonn li tinkiseb struttura effikaċi, b’definizzjoni ċara tar-responsabilitajiet, sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tal-ħidmiet u spejjeż (amministrattivi) mhux meħtieġa li għandhom jinġarru mill-baġit u li jistgħu jwasslu biex is-sitwazzjoni finanzjarja f’din l-intestatura tmur għall-agħar;

77.

Jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li l-aġġustament tas-salarju ta' 3,7 % propost għall-2009, li jista' jkollu jitħallas kollu jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqtagħha favur il-Kummissjoni, għandu jiġi mdaħħal fil-baġit bħala prekawzjoni; jinnota li, anki meta jittieħed dan il-livell għoli bħala l-bażi għall-futur, l-aġġustament tas-salarju previst għal tmiem l-2010 għadu stmat għal 2,2 %, f’kuntest ta' kriżi ekonomika u soċjali, biex imbagħad jinżel għal 1,3 % għal tmiem l-2011; jitlob lill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-kalkoli tagħha;

78.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex ma titlobx postijiet addizzjonali, iżda jikkunsidra b’xettiċiżmu l-impenn tagħha li tissodisfa l-bżonnijiet kollha, inklużi dawk relatati ma’ prijoritajiet ġodda u mad-dħul fis-seħħ tat-TFUE, sempliċement permezz ta' ridistribuzzjoni interna tar-riżorsi umani eżistenti;

79.

Huwa mħasseb sew dwar il-fatt li, b’mod ġenerali, ix-xejriet ta' esternalizzazjoni tal-Kummissjoni, flimkien mal-bidla ta' postijiet f’approrjazzjonijiet għal aġenti kuntrattwali, wasslu għal sitwazzjoni fejn għadd dejjem ikbar tal-persunal impjegat mill-UE la hu viżibbli fl-organigrammi tal-istituzzjonijiet kif adottati mill-awtorità baġitarja u lanqas imħallas taħt l-intestatura 5; għalhekk huwa tal-opinjoni li bidliet fl-għadd ta' persunal tal-Kummissjoni għandu jitqies mhux biss fuq il-bażi tal-postijiet fl-organigramma iżda wkoll ta' persunal ieħor, inkluż persunal ta' aġenziji eżekuttivi u deċentralizzati fejn il-Kummissjoni ttrasferiet il-ħidmiet ta' dan il-persunal; iqis li, minkejja li dan iwassal għal iffrankar fuq il-pagi, it-trasformazzjoni tal-postijiet tal-organigramma f’persunal estern, probabbli jħalli impatt fuq il-kwalità u l-indipendenza tas-servizz ċivili Ewropew;

80.

Jinnota t-tnaqqis ta' 13 % fil-baġit tal-EPSO, li huwa marbut mal-livell aktar baxx ta' nfiq għall-kompetizzjonijiet li jirriżulta mis-sistema l-ġdida proposta fil-programm ta' żvilupp tal-EPSO, iżda jisħaq li dan it-tnaqqis m’għandux isir b’detriment għall-kwalità, it-trasparenza, il-korrettezza, l-imparzjalità u n-natura multilingwali tal-proċeduri kollha ta' selezzjoni tal-UE; ifakkar lill-EPSO li skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 il-kandidati għandhom dritt inaljenabbli li jaċċessjaw id-data personali tagħhom, inklużi l-mistoqsijiet u t-tweġibiet, u jitlob li l-EPSO jiggarantixxi dan id-dritt; jistenna mill-Kummissjoni garanziji b’saħħithom f’dan ir-rigward;

81.

Jilqa’ l-kisba min-naħa tal-Kummissjoni tal-objettivi ġenerali tagħha f’termini ta' reklutaġġ ta' ċittadini ta' Stati Membri ġodda kif ukoll l-impenn tagħha għal monitoraġġ mill-qrib u regolari tar-reklutaġġ tal-UE-12 sabiex tiżgura l-konformità mal-miri tar-reklutaġġ kif ukoll ir-rappreżentazzjoni bilanċjata taċ-ċittadini tal-UE-2 u l-UE-10 f’kull grupp ta' funzjoni;

82.

Jieħu nota taż-żieda fl-infiq għall-pensjonijiet u l-Iskejjel Ewropej, minħabba l-bidla ġenerazzjonali fl-istituzzjonijiet tal-UE li tirriżulta mill-mewġa ta' rtirar mix-xogħol ta' uffiċjali mwielda fil-ħamsinijiet kif ukoll mir-reklutaġġ tal-persunal ġdid; jistenna li l-Kummissjoni tforni analiżi aktar fid-dettall tal-konsegwenzi fuq terminu ta' żmien twil li dan il-proċess se jħalli fuq il-baġit;

83.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tispeċifika fir-rimarki taħt il-linji tal-baġit rilevanti l-ammonti bbaġittjati għall-proġetti kollha ta' bini li għandhom implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti u li huma suġġetti għal konsultazzjoni mal-awtorità tal-baġit skont l-Artikolu 179(3) tar-Regolament Finanzjarju;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji

84.

Ifakkar li, f’konformità mal-punt 46(a) tal-IIA, il-Kummissjoni għandha tipprovdi estimi multiannwali u tħalli l-marġni taħt il-limiti awtorizzati;

85.

Jenfasizza l-importanza ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji bħala strumenti prinċipali għall-formulazzjoni ta' prijoritajiet politiċi u biex titwitta t-triq għal inizjattivi ġodda li jistgħu jinbidlu f’attivitajiet u programmi tal-UE li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini tal-UE; jikkonferma, għalhekk, diġà f’dan l-istadju tal-proċedura, li huwa determinat li juża l-mezzi kollha disponibbli biex jiżgura l-adozzjoni tal-proposti tiegħu fir-rigward ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji għall-baġit 2011;

86.

Ifakkar li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji li ġew adottati skont il-baġit 2010 jammontaw għal EUR 103,25 miljun f’AI għall-intestaturi kollha; jenfasizza li, jekk l-awtorità baġitarja tadotta, għall-2011, proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji f’livell simili u bi tqassim ugwali bejn l-intestaturi, 56 % tal-marġni fl-intestatura 1a (u 33 % tal-marġni fl-intestatura 1b, 59 % fl-intestatura 3b, u 37 % fl-intestatura 4) jkunu diġà ntużaw, anki jekk l-ammont totali allokat għal dan il-għan fil-baġit 2010 lanqas biss laħaq l-ammont massimu permess fl-IIA (EUR 103,25 miljun kontra l-EUR 140 miljun);

87.

Biħsiebu jgħaddi lill-Kummissjoni, kif previst fl-Anness II, parti D tal-IIA, l-ewwel lista proviżorja ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji potenzjali li għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-2011, sabiex il-Kummissjoni tikkontribwixxi għad-definizzjoni mill-Parlament ta' pakkett finali globali u bbilanċjat fuq il-kwistjoni; jistenna lill-Kummissjoni li tipprovdi analiżi mmotivata sew tal-proposti indikattivi tal-Parlament; jenfasizza li din l-ewwel lista proviżorja ma teskludix it-tressiq u l-adozzjoni formali ta' emendi li jirrigwardaw il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji matul il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament;

Aġenziji

88.

Jilqa’ l-istabbilizzazzjoni kumplessiva tan-nefqa baġitarja tal-UE fir-rigward tal-aġenziji deċentralizzati għal EUR 679,2 miljun; huwa konxju tal-fatt li t-twaqqif ta' aġenziji ġodda jeħtieġ finanzjament adegwat, kif propost għall-ħames (8) aġenziji godda u t-tlieta (9) li gradwalment qed isiru operattivi; jenfasizza li, jekk il-kompiti ta' aġenzija deċentralizzata (inklużi l-awtoritajiet superviżorji finanzjarji) jiżdiedu meta mqabbla ma’ dak li kien propost oriġinarjament, l-allokazzjoni korrispondenti tal-approprjazzjonijiet għandha konsegwentament tiġi modifikata; ma jaqbilx, fir-rigward tad-dħul assenjat tal-aġenziji li jiddependu fuq il-ħlas ta' drittijiet, mal-approċċ tal-Kummissjoni rigward iż-żieda tal-marġni b’mod artifiċjali;

89.

Jinnota l-fatt li, mill-258 post ġdid fl-organigramma għall-aġenziji, 231 se jiġu allokati għal aġenziji ġodda jew li jinsabu fil-fażi inizjali;

90.

Jistgħaġeb kif assolutament ebda dħul assenjat ma huwa mistenni li joħroġ minn bilanċi favorevoli ta' xi aġenziji, u jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-kontribuzzjoni proposta mill-baġit tal-UE fid-dawl ta' informazzjoni addizzjonali li tasal, b’mod partikolari meta l-kontijiet finali tal-aġenziji jiġu adottati; fl-istess ħin jinsab imħasseb dwar il-bilanċi favorevoli persistenti ta' xi aġenziji fl-aħħar tas-sena, li turi ġestjoni baġitarja u tal-kontanti batuta u li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-qafas tar-Regolament Finanzjarju;

91.

Huwa konvint li l-programmazzjoni finanzjarja 2011-2013 għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi hija ottimista wisq u jqis li mhuwa realistiku xejn li l-aġenzija tiġi mistennija li tiffinanzja lilha nnifisha fl-2011; jirrimarka li d-dħul previst minn drittijiet fl-2011 huwa bbażat fuq stima li saret fl-2006; jitlob li ssir dispożizzjoni għal miżuri kawtelatorji li jiġu applikati jekk ikun meħtieġ;

*

* *

92.

Ifakkar, f’dak li jirrigwarda l-aspetti proċedurali tal-kumitat ta' konċiljazzjoni, li l-istituzzjonijiet involuti suppost jilħqu ftehim fit-trilogu li huwa pprogrammat għal Lulju; jinsisti li l-Presidenza li jmiss tal-Kunsill Ecofin, li se tadotta l-baġit, tieħu sehem f’dan it-trilogu; iqis li l-punti li ġejjin huma ta' interess speċifiku għat-trilogu li għandu jsir fit-30 ta' Ġunju 2010:

l-implikazzjonijiet baġitarji tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja,

l-implikazzjonijiet baġitarji tal-istrateġija UE2020,

il-programmi relatati maż-żgħażagħ,

is-sostenibilità finanzjarja u l-ġestjonabilità tal-intestatura 1a, inklużi l-bidliet li saru bit-Trattat ta' Lisbona,

l-intestatura 4, inkluż it-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

il-marġni limitati fl-AB 2011 u l-ħtieġa ta' reviżjoni tal-MFF attwali;

93.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  Ara Testi adottati tas-17.12.2009, P7_TA(2009)0115.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0086.

(4)  Esklużi l-proġetti tal-enerġija EERP.

(5)  Kif jingħad fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba (COM(2010)0185).

(6)  COM(2010)0160, 16.4.2010.

(7)  Kif jingħad fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba (COM(2010)0185).

(8)  Aġenzija għall-amministrazzjoni operazzjonali ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja; Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil; Awrorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq; Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.

(9)  Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija; Korp tar-regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika; Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.