12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/167


It-Tlieta 15 ta’ Ġunju 2010
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: ES/Castilla-La Mancha

P7_TA(2010)0199

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2010)0205 – C7-0117/2010 – 2010/2068(BUD))

2011/C 236 E/34

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0205 – C7-0117/2010),

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidra ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (Regolament dwar il-FEAG) (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0179/2010),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali ewlenin fir-ritmi tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-għan tal-FEAG twessa' għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika,

C.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli malajr b'mod effiċjenti kemm jista' jkun, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni tas-17 ta’ Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

D.

billi Spanja talbet għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 585 sensja f'36 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 16 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ('Il-manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; il-manifatura ta’ oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar) fir-reġjun tan-NUTS II Castilla-La Mancha (3),

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw sensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jisħaq li l-FEAG jista' jkollu rwol kruċjali fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li tilfu xogħolhom;

3.

Jisħaq fuq il-fatt li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema individwali li tilfu xogħolhom; itenni li l-għajnuna mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ma għandhiex tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u l-anqas ma għandha tieħu post il-miżuri għar-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji jew setturi;

4.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fil-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data ukoll fir-rapporti annwali tal-FEAG;

5.

Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, biex ma tittrasferix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-FSE, peress li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

6.

Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-qafas tal-evalwazzjoni ġenerali tal-programmi u l-bosta strumenti oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

7.

Jilqa' l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-Memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha tagħrif ċar u dettaljat dwar l-applikazzjoni, tanalizza l-kriterji ta’ eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hija konformi mar-rikjesti tal-Parlament;

8.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)  EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha.


It-Tlieta 15 ta’ Ġunju 2010
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati minħabba bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-għan tal-FEAG tmwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)

Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)

Fid-9 ta' Ottubru 2009 Spanja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEAG fir-rigward ta' sensji mogħtija minn 36 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 16 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ('Il-manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; il-manifattura ta' oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar') f'reġjun wieħed tan-NUTS II, Castilla-La Mancha (ES42) u kompliet issostni din l-applikazzjoni b'informazzjoni addizzjonali sat-22 ta' Frar 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tressaq proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 1 950 000.

(5)

Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa minn Spanja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 950 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.