31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 161/258


It-Tlieta 18 ta’ Mejju 2010
L-estimi tad-dħul u tal-infiq għas-sena 2011 - Taqsima I - Il-Parlament

P7_TA(2010)0171

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2011 (2010/2005(BUD))

2011/C 161 E/33

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2010 dwar il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2011 – it-Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX (3),

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fid-19 ta’ April 2010 skont l-Artikoli 23(6) u 79(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament,

wara li kkunsidra l-abbozz tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 79(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament,

wara li kkunsidra l-Artikolu 79 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0134/2010),

A.

billi biex jaqdi l-ħidmiet tiegħu taħt it-Trattat il-Parlament qed jimmira li juża u jiżviluppa bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu u billi dan jirrikjedi t-tisħiħ ta’ għadd ta’ oqsma prijoritarji waqt li fl-istess ħin, jirrikjedi approċċ strett għall-użu tar-riżorsi disponibbli,

B.

billi, f’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni baġitarja marbuta mal-intestatura 5 (nefqa amministrattiva) għall-2011 teħtieġ aktar minn qatt qabel approċċ attent u dixxiplinat għall-baġit tal-Parlament sabiex jiġu rikonċiljati l-għanijiet politiċi u l-iffinanzjar tagħhom,

C.

billi proċess pilota ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits beda sentejn ilu u nżamm għall-proċedura tal-2011,

D.

billi l-prerogattivi tal-plenarja biex jiġu adottati l-estimi u l-baġit finali għandhom jinżammu għal kollox skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u r-Regoli ta’ Proċedura,

E.

billi saru żewġ laqgħat ta’ prekonċiljazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fl-24 ta’ Marzu 2010 u fit-13 ta’ April 2010, li matulhom ġew diskussi għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin bejn iż-żewġ delegazzjonijiet,

Il-qafas ġenerali u l-baġit globali

1.

Jinnota li l-livell tal-baġit tal-2011, kif issuġġerit mill-Bureau, jammonta għal EUR 1 710 547 354, li jirrappreżenta 20.32 % tal-intestatura 5 tal-qafas finanzjarju pluriennali (MFF); jinnota li ż-żieda ssuġġerita hija ta’ 5.8 % fuq il-baġit tal-2010, inkluż l-Abbozz ta’ baġit ta’ emenda (DAB) Nru 1/2010;

2.

Filwaqt li konxju sew mill-isfidi futuri, hu tal-fehma li r-rata ta’ tkabbir u l-livell finali tal-baġit jeħtieġ li jiġu aġġustati f’dawn l-estimi; jiddeċiedi li f’dan l-istadju, il-livell ġenerali tal-baġit huwa ta’ EUR 1 706 547 354 miljun, li jirrappreżenta rata ta’ żieda ta’ 5.5 % u li jirrappreżenta sehem perċentwali ta’ 20.28 % tal-intestatura 5; jimmira wkoll li jikkjarifika bosta kwistjonijiet u jeżamina ulterjorment il-miżuri proposti, kif ukoll jidentifika ffrankar ta’ flus, qabel jiġi stabbilit il-baġit finali fil-Ħarifa 2010;

3.

Ifakkar fil-fehma tiegħu li, abbażi tar-referenzi oriġinali tal-MFF nnegozjati fl-2006 u li daħlu fis-seħħ fl-2007, l-infiq tiegħu għandu jiġi stabbilit madwar il-limitu tradizzjonali ta’ 20 %, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet l-oħrajn u l-marġni disponibbli; jinnota f’dan ir-rigward ir-rikjesti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni għal aktar minn EUR 10 miljun għas-sena 2010 biss; itenni li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jista’ jkollu impatt ukoll fuq l-intestatura 5; jikkonferma l-fehma tiegħu li l-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits għandhom jaħdmu flimkien biex jivvalutaw mill-ġdid dan il-limitu qabel ma jiftħu djalogu interistituzzjonali dwar din il-kwistjoni; jissuġġerixxi li jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma għal dan il-għan, li għandu jibda l-ħidma tiegħu qabel tmiem Lulju 2010;

4.

Ifittex kjarifika dwar l-ipprogrammar finanzjarju ta’ nofs it-terminu għall-intestatura 5 u l-marġini previsti ta’ EUR 109 miljun għall-2011, EUR 102 miljun għall-2012 u EUR 157 miljun għall-2013; iqis li jkun ta’ għajnuna li jinkiseb tagħrif dwar l-ipoteżi ta’ ħidma tal-Parlament dwar is-sitt rapport tas-segretarji-ġenerali (Ottubru 2009) f’termini tal-baġit u tal-karigi meta mqabblin mal-proposta għall-estimi li issa hija disponibbli; jixtieq jikkjarifika liema proġetti (potenzjali) sinifikanti u żviluppi tal-persunal diġà huma inklużi f’dan l-ipprogrammar għas-sentejn tlieta li ġejjin; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-ipprogrammar finanzjarju huwa biss strument ta’ ppjanar indikattiv li ma jorbotx u li l-awtorità baġitarja tieħu d-deċiżjonijiet finali;

5.

Filwaqt li m'huwiex kontra r-raġunament prinċipali li 1 % tal-baġit jiġi allokat bħala riżerva ta’ kontinġenza raġonevoli għal infiq mhux mistenni, jaqbel mal-proposta tal-Bureau, meta jikkunsidra s-sitwazzjoni ristretta ħafna fl-intestatura 5, li din ir-riżerva tiġi stabbilita għal EUR 14-il miljun;

6.

Jifhem li, fir-rigward tal-każ dwar is-salarji li jinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-“effett” totali għall-Parlament fl-2011, li jista’ jammonta għal EUR 12-il miljun fil-każ ta’ sentenza favur il-Kummissjoni, huwa inkluż bħala provvediment, f'bosta linji baġitarji, fil-proposta;

7.

Ifakkar fir-rikjesti preċedenti tiegħu li proposta sħiħa tal-baġit għandha tiġi ppreżentata fl-istadju tal-estimi fir-Rebbiegħa u konsegwentement jistenna biss tibdil minuri jew tekniku fl-hekk imsejħa “ittra ta’ emenda” fil-Ħarifa;

8.

Jenfasizza mill-ġdid l-importanza li jorbot mal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fil-kjarifika konġunta dwar il-konsegwenzi baġitarji tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu; jenfasizza wkoll li fi ħdan kull entità ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, huwa kruċjali l-użu ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji li jagħtu preżentazzjoni ċara lill-membri dwar il-konsegwenzi baġitarji kollha;

Kwistjonijiet speċifiċi

Kwistjonijiet relatati mat-Trattat ta’ Lisbona

9.

Jilqa’ b’sodisfazzjon u japprova l-iffinanzjar tas-suġġerimenti tal-Bureau fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, i.e. il-ħolqien ta’ riżerva speċifika għat-18-il Membru, ta’ EUR 9.4 miljun;

10.

Jaqbel mal-iffukar tal-Bureau fuq it-tisħiħ tal-kompetenza li jikkontribwixxi għall-objettiv tal-eċċellenza leġiżlattiva;

11.

F’dan ir-rigward, jappoġġja l-idea li tinstab taħlita ta’ kompetenza interna u esterna għad-dipartimenti tal-politika li jiddependu fuq it-tip ta’ informazzjoni meħtieġa għall-fajls speċifiċi taħt kunsiderazzjoni iżda jixtieq spjegazzjonijiet addizzjonali dwar jekk u kif iż-żieda proposta fil-persunal tista’ tintuża b’mod flessibbli u jixtieq jirċievi aktar tagħrif dwar ir-rati ta’ implimentazzjoni tal-passat u t-talba mill-kumitati għal din il-kompetenza;

12.

Jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Bureau kkunsidra t-tħassib muri dwar il-proporzjon tal-ADs u l-ASTs, li rriżulta fi tnaqqis ta’ 3 karigi AST, meta mqabbla mal-proposta inizjali; japprova l-approprjazzjonijiet għall-ħolqien ta’ 19-il kariga AD 5 u 13-il kariga AST 1 għad-dipartiment tal-politka kif qed jissuġġerixxi issa l-Bureau;

13.

Iħaddan il-bżonn li jissaħħu l-istudji esterni u jilqa' bi pjaċir il-ftehim milħuq bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits li l-ammont addizzjonali jiġi stabbilit għal EUR 1.7 miljun;

14.

Jinnota l-proposta li l-librerija tissaħħaħ bi 28 kariga, li minnhom 13 għas-servizz ta’ għoti ta’ informazzjoni għall-membri (qabel kienu persunal b'kuntratt); jista’ japprova l-finanzjament u l-integrazzjoni ta’ dawn it-tlettax-il kariga fl-organigramma sakemm tingħata l-assigurazzjoni li dawn se jimtlew permezz ta’ kompetizzjonijiet miftuħa u li jsir iffrankar korrispondenti fil-pakkett finanzjarju għall-kuntratti; iqis li aktar tisħiħ f'termini ta’ fondi u riżorsi umani tas-servizzi tal-informazzjoni eżistenti tal-PE irid jimxi id f'id mal-iżvilupp ta’ sistema li faċli tintuża mill-utent, hekk li jippermetti li l-Membri jkunu jistgħu jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni kollha prodotta internament; jiddeċiedi li jdaħħal l-approprjazzjonijiet għal 15-il kariga addizzjonali fl-estimi iżda jqiegħed nofs dan l-ammont fir-riżerva sakemm:

jingħataw ġustifikazzjonijiet ulterjuri dwar kif dawn il-karigi għandhom jintużaw biex jitjiebu s-servizzi ta’ għarfien espert għall-Membri;

tingħata informazzjoni konkreta dwar il-passi li ttieħdu mill-Bureau u mill-amministrazzjoni sabiex tiġi implimentata Sistema ta’ Ġestjoni tal-Għarfien interna, inkluża l-iskeda ppjanata għall-implimentazzjoni tagħha u l-iffrankar li jirriżulta mir-razzjonalizzazzjoni tar-sorsi ta’ informazzjoni;

15.

Iqis li l-għarfien u l-viżibilità għaż-żewġ servizzi ta’ appoġġ indirett imsemmija hawn fuq, inkluż permezz tal-paġni fuq il-websajt tal-Parlament, għandhom jiġu żgurati għall-benefiċċju tal-Membri;

16.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-linji gwida li fiha diġà ġiet mitluba valutazzjoni, inkluż dikjarazzjoni finanzjarja dettaljata tal-ispejjeż ġenerali li jirriżultaw miż-żieda proposta tal-allowances ta’ assistenza; għalhekk jiddeċiedi li jintroduċi fir-riżeva l-approprjazzjonijiet korrispondenti;

Tkabbir

17.

Jilqa’ d-dispożizzjonijiet għat-tkabbir biex tiġi inkluża l-Kroazja u japprova l-approprjazzjonijiet korrispondenti u l-miżuri marbuta mal-persunal;

L-organigramma ġenerali

18.

Jinnota li apparti mir-rikjesti għal 68 kariga marbuta ma’ Lisbona u 62 marbuta mat-tkabbir, (inklużi 11-il kariga għall-gruppi), 17-il kariga huma mitluba biex tiġi finalizzata t-tieni sena tal-pjan ta’ tliet snin għal DĠ INLO li kien hemm qbil dwaru fil-proċedura tal-2010 u 30 kariga għal oqsma oħra li ma setgħux jiġu koperti anki wara li kien ġie identifikat l-użu mill-ġdid ta’ 20 kariga mill-2011, li jġib it-total għal 180 kariga ġdida; jirrikjedi tagħrif aktar dettaljat dwar il-karigi użati mill-ġdid jew trasferiti mill-bidu tal-leġiżlatura, inkluż l-estimi tal-użu mill-ġdid tal-karigi u t-trasferimenti għall-2010 u, fejn possibbli, l-2011; jiddeċiedi li jdaħħal l-approprjazzjonijiet għall-ħolqien ta’ dawn il-karigi fl-estimi iżda jqiegħed l-ammont marbut mal-ħolqien ta’ 30 kariga għal “oqsma oħra” f'riżerva sakemm issir analiżi tal-informazzjoni mitluba;

19.

Jinnota li l-proposta tal-Bureau issa tinkludi wkoll kariga waħda AD5 u kariga waħda AST1 għall-Assemblea Parlamentari Ewromediterranja u 3 karigi AD5 u kariga waħda AST1 għall-Immaniġġjar tar-Riskju, iżda m'għadhiex tinkludi pjani għal EUR 3 miljun addizzjonali għad-DĠ ITEC;

20.

Jinnota wkoll li l-Bureau inkluda 56 kariga addizzjonali għall-gruppi politiċi;

21.

Japprova l-miżuri u l-karigi tal-2011 kif imressqa għat-tieni sena tal-programm ta’ tliet snin ta’ DĠ INLO li kien hemm qbil dwaru s-sena li għaddiet;

22.

Jixtieq jirċievi aktar tagħrif dwar l-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-aġenti kuntrattwali u perspettiva ġenerali tal-ispejjeż netti jew tal-iffrankar nett fil-pakkett li għandu x’jaqsam mal-aġenti kuntrattwali, li rriżultaw minn żidiet mogħtija għall-organigramma tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-internalizzazzjoni tal-funzjonijiet differenti fil-qasam tas-sigurtà, l-ICT u l-librerija;

Bini

23.

Jenfasizza li politika tal-bini raġonevoli hija intimament marbuta mal-proċedura tal-2011 u anki mal-kwistjoni ġenerali ta’ baġit sostenibbli;

24.

Jilqa’ l-fatt li l-Bureau, bid-Deċiżjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2010, wara t-talba li saret mill-Parlament Ewropew, ikkonforma mal-politika tal-proprjetà u l-bini fuq terminu medju sa terminu twil; jesprimi tħassib inizjali dwar jekk huwiex fattibbli li jitmexxew b’mod parallel l-operazzjonijiet tal-bini preżenti u ppjanati li jistgħu joħorġu mill-istrateġija tal-bini fuq terminu medju sa terminu twil; mhuwiex ċar kif l-ammont kbir ta’ proġetti se jidħlu fl-MFF u jitlob għall-kjarifiki meħtieġa;

25.

Jinnota f’dan ir-rigward il-proposta tal-Bureau li juża EUR 85.9 miljun ta’ dħul assenjat (li għandu jintuża fi ħdan il-qasam tal-politika tal-bini tal-Parlament) għall-uffiċċji tal-Membri fi Brussell; ifakkar li kull proġett marbut mal-bini li probabbli jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-baġit huwa suġġett għall-konsultazzjoni tal-awtorità baġitarja skont l-Artikolu 179(3) tar-Regolament Finanzjarju; ifakkar ulterjorment li fir-rigward tat-trasferimenti ‘l quddiem ir-Regolament Finanzjarju jistipula li d-dħul assenjat trasferit ‘il quddiem għandu jintuża l-ewwel; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-Parlament, permezz tar-rimborż tal-istat Bejġjan ta’ EUR 85.9 miljun, issa huwa fil-pożizzjoni li jagħti prijorità lil proġetti ġodda ta’ kostruzzjoni u b’hekk jimplimenta b’aktar ħeffa parti mill-istrateġija tal-bini fuq terminu medju;

26.

Ma jistax jaqbel li dan id-dħul assenjat jiġi riżervat għal dan il-proġett tal-bini partikolari;

27.

Jitlob li fil-ġejjieni l-fondi neċessarji skont l-ippjanar tal-bini fuq terminu medju jiġu stabbiliti fil-baġit; jitlob ukoll li tinħoloq linja speċifika tal-baġit għall-proġetti kbar ta’ bini, biex jiġi ffaċilitat pjan ta’ finanzjament fuq terminu medju għall-proġetti ta’ kostruzzjoni u sabiex tiżdied it-trasparenza;

28.

Jinnota li sar provvediment għal finanzjament minn qabel dirett tal-istadju inizjali tal-kostruzzjoni tal-bini tal-KAD il-ġdid għal EUR 10.2 miljun fuq il-linja baġitarja għall-ħlasijiet tal-kera fil-proposta tal-Bureau; jirrikonoxxi li dan il-finanzjament minn qabel volontarju jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ finanzjament iżda, meta titqies is-sitwazzjoni stretta immens għall-2011, jiddeċiedi li jdaħħal ammont aktar baxx ta’ EUR 6.2 miljun għal dan il-għan fl-estimi; lest biex jerġa' jevalwa dan l-ammont fil-Ħarifa tal-2010 abbażi ta’ aġġornament tas-sitwazzjoni baġitarja u tal-iżviluppi fil-politika tal-bini tal-Parlament;

Sigurtà

29.

Jorbot importanza mar-reviżjoni fid-dettall dwar il-politika tas-sigurtà mħabbra mill-Bureau u, f’dan ir-rigward, ifakkar li jemmen fl-użu prudenti tar-riżorsi u, b’mod partikolari, fil-bilanċ effettiv f’sens ta’ nefqa bejn persunal intern u aġenti esterni; jitlob lill-Bureau biex jeżamina sew l-implikazzjonijiet operattivi u finanzjarji ta’ strateġija ġdida, li għandha l-għan li ssib bilanċ tajjeb fil-proposti li għandhom isiru bejn it-tħassib tas-sigurtà minn naħa u l-aċċessibilità u t-trasparenza min-naħa l-oħra; jenfasizza li l-Parlament għandu jibqa' kemm jista' jkun istituzzjoni miftuħa u aċċessibbli; għalhekk jixtieq jirċievi aktar informazzjoni mill-amministrazzjoni dwar l-hekk imsejjaħ “proġett Wiertz” sabiex jevalwa l-implikazzjonijiet tiegħu relatati mal-aċċessibilità tal-pubbliku għall-Parlament;

L-istrateġija ICT

30.

Jilqa’ l-approċċ aktar strutturat tal-ICT u l-elaborazzjoni ta’ strateġija komprensiva f’dan il-qasam; itenni wkoll l-appoġġ tiegħu għal internalizzazzjoni biżżejjed tal-funzjonijiet biex titnaqqas id-dipendenza fuq fornituri esterni; jinnota, madankollu, li karigi ġodda diġà ngħataw għal tliet snin wara xulxin; għalhekk iqis li din hija kwistjoni li trid tiġi kkjarifikata;

31.

Jinnota li EUR 5 miljun ġew allokati għal proġett ta’ mobilità tal-IT tal-Membri u, b’mod partikolari biex ikopru l-komunikazzjonijiet mobbli; jixtieq jirċievi aktar tagħrif minħabba l-ammont relattivament għoli;

Kwistjonijiet marbuta mal-ambjent

32.

Jilqa’ ż-żieda modesta fl-iffinanzjar għall-implimentazzjoni tal-EMAS u l-miżuri għat-tnaqqis tas-CO2, mifruxa mal-baġit kollu, u jenfasizza ulterjorment l-importanza li jorbot ma’ din il-kwistjoni;

33.

Jinnota l-evoluzzjoni ta’ indikaturi ta’ rendiment prinċipali sa mill-2006 f’dan ir-rigward kif inkluż fir-Reviżjoni tal-Ġestjoni Ambjentali għas-Sena 2008, primarjament it-tnaqqis fil-marka tal-karbonju ta’ 12.9 %, it-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku ta’ 0.8 %, iż-żieda fil-konsum tal-gass/żejt/sħana ta’ 7.4 % fl-2008, wara tnaqqis ta’ 17.5 % fl-2007, iż-żieda fl-emissjonijiet tal-mobilità/tat-trasport ta’ 8.8 %, iż-żieda fil-perċentwali ta’ skart riċiklat minn 49.8 % fl-2006 għal 55.4 % fl-2008, iż-żieda fil-konsum tal-ilma ta’ 18.1 % u t-tnaqqis tal-konsum ta’ karti ta’ 16.9 %;

34.

Jilqa’ l-anness baġitarju dwar il-ġestjoni ambjentali li tagħti perspettiva teknika tajba tal-partiti baġitarji involuti; jilqa’ wkoll kieku, f’dan il-kuntest u li fl-istess anness, l-inklużjoni fir-rapporti annwali tal-EMAS ta’ aktar tagħrif dwar il-marka tal-karbonju differenzjata tal-bini tal-Parlament fi Strasburgu, Brussell u l-Lussemburgu kif ukoll fuq it-trasport u l-ivvjaġġar marbut mas-sessjoni, biex ikunu ppreżentati r-riżultati attwali dwar it-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-Parlament u jiġi illustrat l-impatt benefiku għall-ambjent bħala riżultat ta’ dawn l-investimenti, u fil-verità kull iffrankar miksub fuq terminu ta’ żmien itwal;

35.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-tmexxija ta’ miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu ulterjorment il-marka tal-karbonju tal-Parlament. Jilqa’ f’dan ir-rigward l-istudji li jinsabu għaddejjin dwar l-aspetti tal-iffrankar tal-enerġija marbuta mal-bini u l-modi kif jiġu implimentati skemi ta’ newtralizzazzjoni tal-emissjonijiet għall-ivvjaġġar; barra minn hekk jappoġġja inċentivi għall-użu ta’ trasport pubbliku minflok karozzi u d-disponibilità ta’ aktar roti fi Strasburgu;

36.

Jinnota li l-partita baġitarja għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri hija fil-verità ogħla minn dik tas-salarji; jenfasizza l-bżonn għall-użu responsabbli tal-allowances, primarjament l-allowances tal-ivvjaġġar, u jinnota li mingħajr ma jinbidlu r-regoli attwali u bl-użu, fejn possibbli, ta’ mezzi oħra ta’ trasport li ma jkunux titjiriet f’business class minn u għall-postijiet tax-xogħol tal-Parlament, il-marka tal-karbonju tista’ titnaqqas u l-ispejjeż iffrankati fl-istess ħin; jistieden lill-Bureau biex jippreżenta, kif miftiehem fl-aħħar laqgħa ta’ prikonċiljazzjoni, fil-ħin qabel l-ewwel qari fil-Parlament, studju li jiffoka fuq il-funzjonament tas-sistema l-ġdida u s-soluzzjonijiet possibbli għall-iffrankar li jrid ikun hemm;

37.

Ifakkar li fuq inizjattiva tas-Sur Barroso l-baġits tal-Istituzzjonijiet Ewropej ingħataw allokazzjoni mill-awtorità baġitarja sabiex jiffinanzjaw sussidju marbut mat-trasport pubbliku għall-persunal, bħala miżura ambjentali; jitlob għal aġġornament dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-Parlament;

38.

Jitlob li, fejn possibbli u xieraq, id-dikjarazzjonijiet ambjentali jiżdiedu mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji użati fl-istituzzjoni;

39.

Jemmen li d-direttivi dwar ix-xiri pubbliku jeħtieġ jiġu adattati aħjar, fejn possibbli u xieraq, biex jiffaċilitaw l-inklużjoni ta’ klawżoli ambjentali u soċjali;

Proġetti pluriennali u punti oħra ta’ infiq

40.

Jilqa' l-ftehim għal żieda ta’ EUR 2.6 miljun sabiex jiġu ffinanzjati 110 viżitatur annwali flok il-100 preżenti li l-Membri jistgħu jistiednu; hu tal-fehma li xieraq li jkun hemm iżjed żmien biex jiġi valutat il-funzjonament taċ-ċentru l-ġdid għall-viżitaturi qabel titqies xi żieda oħra; is-servizzi responsabbli għall-organizzazzjoni taż-żjarat għandhom iqisu wkoll li l-Membri jistgħu jaqsmu l-gruppi ta’ viżitaturi f’daqsijiet differenti matul is-sena;

41.

Japprova EUR 3 miljun allokati fir-rigward tal-ftuħ taċ-ċentru għall-viżitaturi u l-ispejjeż operattivi għal sena sħiħa standard; jinnota l-bżonn li s-sena inizjali tiġi evalwata wkoll mill-perspettiva finanzjarja, inkluż dawn l-ispejjeż rikorrenti;

42.

Jinnota d-deċiżjoni tal-Bureau li jiddaħħlu allowances għall-persuni li jkollhom karigi b’impatt baġitarju ta’ EUR 400 000; jinnota, madankollu, li d-diskussjoni fuq il-prinċipju kienet kontroversjali; f'dan ir-rigward, jilqa' bi pjaċir il-fatt li jridu jiġu pprovduti dokumenti ta’ ġustifikazzjoni sabiex jiġu rimbursati għall-ispejjeż żejda li jagħmlu fil-qadi ta’ dmirijiethom;

43.

Jinnota l-proposta tal-Bureau biex jiddaħħlu EUR 2.5 miljun għad-Dar tal-Istorja Ewropea, dwar studji li jsegwu r-riżultati tal-kompetizzjoni tal-periti li attwalment qed tiġi vvalutata; ifakkar fit-talba tiegħu tas-sena l-oħra li jirċievi deskrizzjoni ċara tal-ispejjeż previsti għall-proġett kollu kemm hu, inklużi l-ispejjeż amministrattivi, sa mhux aktar tard mill-istadju tal-abbozz preliminari tal-estimi għall-proċedura baġitarja tal-2011; ifakkar ukoll fil-ftehim mal-Bureau li sar fil-laqgħa ta’ qabel il-konċiljazzjoni fl-2009; jenfasizza li r-rapport tal-Kumitat ta’ esperti għad-Dar tal-Istorja Ewropea jelenka 11-il punt li jinvolvu aktar spejjeż: (1)“konsulenti akkademiċi magħmula minn esperti u speċjalisti tal-mużewijiet”, (2) “indipendenza istituzzjonali tal-istituzzjoni”, (3) “offerti pedagoġiċi tal-mużew estensivi” (4) “post fejn jiltaqgħu l-akkademiċi żgħażagħ”, (5) “evalwazzjoni permanenti” (6) “esebizzjoni temporanja u esebizzjoni li tivvjaġġa”, (7) “avvenimenti relevanti b'referenza Ewropea”, (8) “pubblikazzjonijiet proprji”, (9) “offerti on-line estensivi” (10) “Il-ħolqien ta’ kollezzjoni tal-mużewijiet proprja”, (11) “l-iżvilupp kontinwu ta’ esebizzjonijiet u tal-infrastruttura tal-mużew”; għalhekk jenfasizza li l-ispiża globali ta’ dan il-proġett jeħtieġ li tiġi identifikata b'urġenza;

Kwistjonijiet orizzontali

44.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni ta’ analiżi inizjali li tidentifika l-ispejjeż fissi u varjabbli fil-proposta tal-baġit; jirrikonoxxi d-diffikultajiet metodoloġiċi involuti iżda konvint li dawn il-kunċetti għandhom jiġu eżaminati ulterjorment; f’dan ir-rigward, ifakkar li qed jistenna tweġiba mill-entitajiet kompetenti dwar kif il-kunċett ta’ politika baġitarja b’bażi ta’ żero, li tiddistingwi wkoll bejn l-ispejjeż fissi u dawk varjabbli, jista’ jiġi applikat fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit tal-Parlament; jitlob eżami aktar dettaljat tal-ispejjeż fissi li jiddistingwi bejn spejjeż permanenti fissi, spejjeż fissi għal termini fissi u oqsma fejn jista' jiġi ġġenerat iffrankar; jitlob eżami aktar dettaljat rigward spejjeż varjabbli li jagħmel rabta aktar ċara bejn spejjeż u objettivi, politiki u azzjonijiet, u li jidentifika u jqassam il-prijoritajiet skont l-importanza;

45.

Jinnota li l-limiti ta’ referenza għall-proċeduri differenti tax-xiri pubbliku attwalment huma iktar stretti għall-istituzzjonijiet Ewropej minn dawk stipulati fid-direttivi Ewropej dwar ix-xiri pubbliku u li din is-sitwazzjoni twassal għal spejjeż amministrattivi addizzjonali u użu ta’ riżorsi umani li jistgħu jiġu ffrankati b'allinjament aħjar tal-limiti ta’ referenza;

46.

Jappoġġja attivitajiet li għandhom dimensjoni soċjali, kulturali jew lingwistika, għall-persunal u l-familji tagħhom, iżda ma jaqbilx ma sussidji individwali mogħtija f’dan il-kuntest u għalhekk jimmodifika r-rimarki għall-partita baġitarja rilevanti;

47.

Jappoġġja bis-saħħa sforzi ulterjuri biex l-istituzzjoni issir aktar adattata għall-persuni b’diżabilità kemm fir-rigward tal-bidliet meħtieġa għall-infrastruttura kif ukoll għall-miżuri tal-persunal;

Kunsiderazzjonijiet finali

48.

Jenfasizza li eżami aktar dettaljat tal-partiti baġitarji individwali, inkluża analiżi tar-rati ta’ implimentazzjoni, għandu jseħħ qabel il-votazzjoni fuq l-abbozz tal-baġit fil-Ħarifa; għalhekk se jeżamina u se jieħu d-deċiżjonijiet baġitarji finali dak iż-żmien;

49.

Jadotta tal-estimi għas-sena finanzjarja 2011 u jfakkar li l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-Abbozz tal-Baġit, kif modifikat mill-Kunsill, se sseħħ f’Ottubru 2010, skont il-proċedura ta’ votazzjoni stipulata fit-Trattat;

50.

Japprova l-konklużjonijiet konġunti tat-trilogu baġitarju tal-25 ta’ Marzu 2010 anness hawnhekk;

*

* *

51.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0087.


It-Tlieta 18 ta’ Mejju 2010
ANNESS

KONKLUŻJONIJIET KONĠUNTI TAT-TRILOGU BAĠITARJU TAL-25 TA’ MARZU 2010

TRILOGU BAĠITARJU

25 ta’ Marzu 2010

Konklużjonijiet

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħadu nota tat-tħassib espress mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u mis-Segretarji Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fl-ittra tagħhom mibgħuta lis-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-proċedura baġitarja l-ġdida u speċjalment dwar il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Huma jissuġġerixxu li dawn l-istituzzjonijiet jiġu mistiedna jibagħtu direttament bil-miktub ir-rimarki tagħhom lill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni dwar l-impatt tal-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew.