|
2.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 259/70 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE”
2011/C 259/12
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
|
— |
jispera li l-istrateġija fil-livell tal-UE tkun tista' toffri valur miżjud effettiv b'mod konkret meta mqabbla ma’ inizjattivi ekwivalenti tal-Istati Membri individwali proprju minħabba n-natura dejjem aktar ta’ spiss transkonfinali tal-fenomenu li jrid jiġi indirizzat; |
|
— |
jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li fit-twettiq tal-miżuri previsti, l-esiġenza ta’ salvagwardja għas-sigurtà interna u s-sigurtà taċ-ċittadini, b'attenzjoni speċjali għall-ħarsien tal-privatezza, timxi pass pass mal-esiġenza parallela li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali; |
|
— |
jipproponi li l-UE tippromovi wkoll il-possibbiltà li jitwaqqfu awtoritajiet kuntrattwali ċentrali, li jikkoordinaw l-istituzzjonijiet fil-livell reġjonali, biex b'hekk, f'qafas territorjali predeterminat, il-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi jsiru b'mod uniformi filwaqt li jitnaqqas ukoll l-għadd ta’ korpi pubbliċi li għandhom is-setgħa li jagħmlu sejħa għal servizzi u fornimenti, permezz ta’ proċedura pubblika; |
|
— |
japprova l-għażla tal-Kummissjoni li fil-futur tippreżenta proposta leġislattiva maħsuba biex issaħħaħ il-qafas legali Ewropew fil-qasam tal-konfiska u jirrakkomanda li l-proposta leġislattiva li hemm maħsuba għandha tispeċifika, bi preferenza minn soluzzjonijiet possibbli oħra, il-muniċipalità fejn tinsab il-proprjetà kkonfsikata bħala r-reċipjent tad-dritt ta’ sjieda tagħha; |
|
— |
huwa sodisfatt li hija prevista sħubija mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-“ħolqien ta’ netwerk tal-UE dwar is-sensibilizzazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni” ippjanat (għal din is-sena); |
|
— |
jindika l-esiġenza li jkun hemm parteċipazzjoni fil-proċess ta’ reviżjoni tal-istrumenti finanzjarji tas-settur tal-affarijiet interni u tas-sigurtà għas-snin ta’ wara l-2013, kif ukoll li jkun hemm kollaborazzjoni attiva għall-iffurmar tal-istrumenti ta’ finanzjament possibbli. |
|
Relatur |
is-Sur VARACALLI (IT/ALDE) Sindku ta’ Gerace (RC) |
|
Dokument ta’ referenza |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura COM(2010) 673 finali |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Kummenti ġenerali
|
1. |
josserva li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bit-titolu “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni” (1), adottata fl-ambitu tal-programm ta’ Stokkolma 2009 u tal-programm ta’ ħidma ta’ ħames snin għall-ġustizzja u l-affarijiet interni, tinkludi strateġija globali fil-qasam tas-sigurtà interna u tiddefinixxi aġenda ġenwina ta’ erba' snin ta’ attivitajiet; |
|
2. |
huwa tal-fehma li t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġija Ewropea għas-sigurtà interna huma sfida li għandha tiġi indirizzata b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet Ewropej, mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u mis-soċjetà ċivili, fir-rispett tad-differenza tar-rwoli u l-kompetenzi; |
|
3. |
jenfasizza li l-intervent tal-Kummissjoni qed iseħħ f'mument storiku importanti b'mod partikolari għall-bilanċ tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, b'mod speċjali wara t-tisħiħ, bit-Trattat ta’ Lisbona, tal-kompetenzi tal-Parlament Ewropew, li għalih ġiet konsolidata definizzjoni aktar ċara tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet individwali fil-qasam tas-sigurtà interna; |
|
4. |
jesprimi ġudizzju globali pożittiv ħafna dwar l-impostazzjoni ġenerali tal-komunikazzjoni li toffri analiżi dettaljata u f'waqtha tal-għadd ta’ problemi Ewropej fil-qasam tas-sigurtà interna, minkejja l-esiġenza tal-qosor minħabba fit-tip ta’ dokument adottat; |
|
5. |
madankollu, fl-istess ħin jenfasizza li, bis-saħħa tal-ħidma speċifika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, iċ-ċittadini jgawdu b'mod ġenerali minn livell għoli ta’ sigurtà. Jeħtieġ li dan l-istandard għoli jkompli jiġi żviluppat fil-qafas tad-drittijiet fundamentali garantiti u tal-garanziji li joffri l-Istat tad-dritt. F'dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li titqies il-privatezza tal-individwi. L-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra dawn l-esiġenzi anke meta tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, minħabba l-miżuri ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw minnhom; |
|
6. |
huwa tal-fehma li b'metodoloġija oġġettivament adegwata u korretta, il-ħames objettivi strateġiċi li ġew identifikati huma akkumpanjati minn azzjonijiet relatati li jistgħu jiġu definiti u mkejla, f'numru konkretament limitat, biex b'hekk ikunu jistgħu jitwettqu aħjar; |
|
7. |
jikkonferma l-impenn tiegħu, li diġà ġie dikjarat f'opinjonijiet preċedenti, għal approċċ li jikkoordina l-livelli kollha istituzzjonali f'dan il-qasam, li jibda, ovvjament, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-entitajiet li b'mod naturali u inevitabbli huma interessati fi kwalunkwe sitwazzjoni kritika fil-qasam tas-sigurtà li tinħoloq f'territorju speċifiku; |
|
8. |
jinnota, b'mod partikolari, li l-analiżi tal-kunċett tas-sigurtà qed tieħu dimensjoni sopranazzjonali, fid-dawl tan-natura transkonfinali ta’ għadd ta’ theddidiet għas-sigurtà li tirriżulta mill-inċidenza li qed issir aktar frekwenti f'dawn l-aħħar snin; |
|
9. |
fost affarijiet oħra jenfasizza li l-problemi tas-sigurtà fil-pajjiżi individwali ma jistgħux jiġu iżolati minn politika Ewropea tas-sigurtà interna. Din tikkostitwixxi wkoll impetu ta’ koordinament, fir-rispett tal-prerogattivi nazzjonali, tal-attivitajiet fejn l-approċċ sopranazzjonali rriżulta f'effikaċja akbar u aktar adegwata; |
|
10. |
għalhekk jispera li l-istrateġija fil-livell tal-UE tkun tista' toffri valur miżjud effettiv b'mod konkret meta mqabbla ma’ inizjattivi ekwivalenti tal-Istati Membri individwali proprju minħabba fin-natura dejjem aktar ta’ spiss transkonfinali tal-fenomenu li jrid jiġi indirizzat; |
|
11. |
jenfasizza li, b'mod komplementari għall-attività neċessarjament sopranazzjonali, għandu jiġi promoss ukoll l-intervent minn isfel, riżultat tal-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala r-rappreżentanti tal-komunitajiet li huma l-aktar milquta mill-azzjonijiet kriminali; |
|
12. |
madankollu jispeċifika li qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni b'rabta mal-inizjattivi individwali li jinsabu fl-istrateġija, għandha titwettaq analiżi preliminari tal-qafas legali diġà fis-seħħ u valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà bis-sehem tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali; |
|
13. |
minkejja l-ġudizzju pożittiv tiegħu dwar l-istrateġija globali, jiġbed l-attenzjoni li fil-preżent ma jidhirx li hija akkumpanjata, b'mod ġenerali, minn valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet previsti. Għalhekk hemm bżonn li jsir provvediment għal din il-valutazzjoni, li tinkludi l-konsultazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-Kumitat tar-Reġjuni juri l-akbar disponibbiltà biex jikkoopera fil-fażi ta’ tħejjija; |
|
14. |
jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li fit-twettiq tal-miżuri previsti, l-esiġenza ta’ salvagwardja għas-sigurtà interna u s-sigurtà taċ-ċittadini, b'attenzjoni speċjali għall-ħarsien tal-privatezza, timxi pass pass mal-esiġenza parallela li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u jissaħħu d-drittijiet tal-indagati/imputati waqt il-proċess, fil-qafas tal-garanzija tad-dritt għal proċess ġust, mhux l-anqas b'attenzjoni għad-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-adeżjoni li jmiss tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jfisser li l-istituzzjonijiet Ewropej ser jaqgħu wkoll taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ewropea fi Strasburgu; |
|
15. |
għaldaqstant jenfasizza li, biex tittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, hu lest li jkompli jikkollabora mal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u li jgħin b'mod partikolari lill-awtoritajiet lokali u reġjonal jistabbilixxu bilanċ ġust, li mhu xejn faċli, bejn it-titjib tas-sigurtà, il-privatezza tal-individwi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali individwali u kollettivi fit-twettiq tal-istrateġija; |
|
16. |
għandu riżervi kbar rigward l-enfasi li l-Kummissjoni tpoġġi fuq “industrija solida tas-sigurtà tal-UE” fil-Komunikazzjoni tagħha. Għal kuntrarju, ta’ min wieħed jisħaq fuq il-monopolju tal-Istat fir-rigward tal-vjolenza. Permezz ta’ sistema pubblika effettiva ta’ awtorizzazzjoni u kontroll, jeħtieġ li jiġi żgurat ir-rispett kontinwu mhux biss tal-prinċipji legali li jirregolaw il-ġestjoni tal-impriżi privati tas-sigurtà iżda wkoll tal-garanziji l-oħra, b'mod speċjali fil-qasam tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Barra minn hekk, għandu jiġi evitat li wieħed juża r-rikors lejn l-impriżi privati biex jaħrab mir-regoli tal-Istat tad-dritt; |
|
17. |
jenfasizza li l-objettivi u l-azzjonijiet kollha miġbura fil-komunikazzjoni, minkejja li fil-ġabra tagħhom jippreżentaw aspetti ta’ interess kbir għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, jidher li ċerti aspetti huma aktar ta’ interess dirett; |
Approċċ amministrattiv
|
18. |
jemmen li rigward tal-Objettiv 1, tidher li hija partikolarment rilevanti għall-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali l-Azzjoni 2 (Il-protezzjoni tal-ekonomija kontra l-infiltrazzjoni kriminali), fejn ir-referenza f'waqtha għal politiki li jimpennjaw lill-“korpi governattivi u regolatorji responsabbli mill-għoti tal-liċenzji, l-awtorizzazzjonijiet, il-kuntratti tal-akkwisti jew is-sussidji (‘l-approċċ amministrattiv’)” tissemma b'mod prominenti ħafna; |
|
19. |
f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza ta’ għajnuna prattika mill-Kummissjoni għall-Istati Membri billi twaqqaf “netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali biex jiġu żviluppati l-aħjar prattiki” kif ukoll jingħata sostenn “lil proġetti pilota dwar kwistjonijiet prattiċi”; iqis li l-involviment dirett, b'mod formali u integrat, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dawn l-inizjattivi huwa assolutament indispensabbli u josserva li l-proċessi effettivi ta’ żieda fis-sigurtà għandhom jinkludu wkoll il-kontrolli kontinwi u rigorużi, fit-territorji nnifishom, ta’ kif jintużaw il-fondi pubbliċi, peress li dawn minn dejjem jiġbdu lejhom l-attenzjoni tal-kriminalità organizzata; |
|
20. |
b'attenzjoni partikolari għall-kwistjoni delikata tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku u tas-sussidji, jipproponi li l-UE tippromovi wkoll il-possibbiltà li jitwaqqfu awtoritajiet kuntrattwali ċentrali, li jikkoordinaw l-istituzzjonijiet fil-livell reġjonali, filwaqt li jiżviluppa aktar, u b'mod aktar effikaċi, il-ħolqien tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali. B'hekk, f'qafas territorjali predeterminat, il-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi jsiru b'mod uniformi filwaqt li jitnaqqas ukoll l-għadd ta’ korpi pubbliċi li għandhom is-setgħa li jagħmlu sejħa għal servizzi u fornimenti, permezz ta’ proċedura pubblika (2); |
Il-konfiska tal-assi
|
21. |
barra minn hekk huwa tal-fehma, dejjem fir-rigward tal-miżuri relatati mal-Objettiv 1, li l-azzjoni suċċessiva 3, relatata mal-konfiska tal-assi ta’ oriġini kriminali, pilastru inkontestabbli u ta’ natura trasversali assoluta fil-ġlieda kontra l-forom kollha tal-kriminalità, għadha rilevanti sew għat-tema tas-sigurtà interna Ewropea peress li huwa pruvat bla ebda dubju li l-konfiska effettiva tal-assi ta’ oriġini kriminali x'aktarx tirrappreżenta l-aktar miżura dissważiva effikaċi fil-ġabra ta’ strumenti li jintużaw kontra l-kriminalità; |
|
22. |
japprova, f'dan ir-rigward, l-għażla tal-Kummissjoni li fil-futur tippreżenta proposta leġislattiva maħsuba biex issaħħaħ il-qafas legali Ewropew fil-qasam tal-konfiska. F'dan il-kuntest jidhru partikolarment sinifikanti d-dispożizzjonijiet speċifiċi maħsuba għall-iżvilupp ta’ dan l-istrument, b'mod speċjali dawk li jikkonċernaw il-konfiska tal-assi ta’ terzi, il-poteri miżjuda għall-konfiska, u r-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tad-deċiżjonijiet għal konfiska mhux ibbażati fuq kundanna. Iż-żieda soġġettiva u oġġettiva fil-poteri tal-amministrazzjonijiet pubbliċi f'dan il-qasam, permezz ta’ raffinar tal-proċeduri applikabbli, mingħajr l-ebda dubju tippermetti ġlieda aktar effikaċi u konkreta kontra l-assi ta’ oriġini kriminali, billi tagħti koerenza reali lill-ġabra ta’ miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet; |
|
23. |
madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ konfiska dwar il-qagħda tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qafas 2006/783/GAI tal-Kunsill (3), il-grad ta’ traspożizzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri mhuwiex sodisfaċenti skont il-Kummissjoni, b'mod speċjali meta wieħed jikkunsidra li sal-aħħar ta’ Frar 2010, jiġifieri ħmistax-il xahar wara li skadiet l-iskadenza stabbilita, 13-il Stat Membru biss kienu wettqu t-traspożizzjoni (4); |
|
24. |
f'dan ir-rigward jaqbel mal-appell li sar mill-Kummissjoni lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw din id-deċiżjoni; |
|
25. |
jappoġġja l-iskeda għall-inizjattivi li l-Kummissjoni tipproponi li tniedi fil-qasam tal-konfiska u jikkunsidra li l-perjodu ta’ żmien propost ta’ erba' snin (mis-sena attwali sal-2014) huwa perjodu ta’ referenza adegwat għall-implimentazzjoni tal-programm; |
|
26. |
b'attenzjoni speċifika għall-inizjattiva ta’ twaqqif ta’ “Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi”, iqis li huwa assolutament essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu partijiet interessati attivi fuq il-bażi ta’ prinċipji u kriterji uniformi li jridu jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew, mill-bidu nett tat-twaqqif ta’ dawn il-korpi, permezz tal-parteċipazzjoni formali tar-rappreżentanti tagħhom fit-twaqqif tagħhom kemm fil-livell politiku kif ukoll dak operattiv; |
|
27. |
barra minn hekk jemmen bis-sħiħ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom skop biżżejjed biex jipparteċipaw fiż-żewġ flussi ta’ informazzjoni ssuġġeriti mill-Kummissjoni għall-2013, jiġifieri l-iżvilupp ta’ “indikaturi komuni” għall-valutazzjoni tal-funzjonament u tar-riżultati tal-uffiċċji, u t-twaqqif ta’ “gwida dwar l-aħjar prattiki” sabiex jiġi evitat li gruppi kriminali jerġgħu jiksbu l-oġġetti kkonfiskati: il-Kumitat iqis li huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet lokali jkunu involuti fiż-żewġ inizjattivi permezz ta’ sħubija formali mill-bidu nett tat-tnedija tagħhom; |
|
28. |
jirrakkomanda li l-proposta leġislattiva li hemm maħsuba għandha tispeċifika, bi preferenza minn soluzzjonijiet possibbli oħra, il-muniċipalità fejn tinsab il-proprjetà kkonfsikata bħala r-reċipjent tad-dritt ta’ sjieda tagħha sabiex jiġi stabbilit punt tat-tluq istituzzjonali sod għall-fażi sussegwenti ta’ użu mill-ġdid tal-proprjetà. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan għandu jkun ta’ skop soċjalment utli, bħalma huwa l-għoti lill-assoċjazzjonijiet u kooperattivi, mhux l-anqas minħabba l-fatt li l-komunitajiet lokali jħallsu l-ogħla prezz tal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata u l-użu mill-ġdid ta’ proprjetà kkonfiskata f'oqsma soċjali għandu valur għoli f'termini ta’ kumpens għall-komunitajiet affettwati minn din il-kwistjoni serja; jisħaq fuq is-siwi ta’ bażi legali soda għat-trattament li jingħata lill-assi konfiskati, u jenfasizza li jekk jittieħdu aktar miżuri biex il-qafas leġislattiv fis-seħħ jissaħħaħ u jinbidel, ikun opportun li jitqies ukoll il-fatt li l-komunitajiet lokali jiġu affettwati serjament, fost affarijiet oħra, mill-attivitajiet tal-kriminalità organizzata; |
|
29. |
madankollu jenfasizza li għal kull proprjetà kkonfiskata li ser tintuża mill-ġdid huwa meħtieġ ukoll li r-riżorsi jkunu disponibbli biex il-proprjetà tkun utilizzabbli fil-prattika peress li ħafna drabi dawn jintelqu u ma jibqgħux tajbin għall-użu; |
Radikalizzazzjoni u reklutaġġ
|
30. |
jilqa' b'sodisfazzjon, b'referenza għall-Objettiv 2 (Il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ), il-fatt li l-Azzjoni 1 (Il-komunitajiet jingħataw il-mezzi biex iwaqqfu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ) diġà tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, li l-prevenzjoni “Tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali”. Għal din ir-raġuni, l-interazzjoni diretta mal-awtoritajiet lokali u reġjonali titqies b'mod adegwat fil-komunikazzjoni; |
|
31. |
jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu kkunsidrati r-riskji speċifiċi fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali kkawżat minn ċerti miżuri meħuda, u b'mod speċjali miżuri maħsuba għall-ġlieda kontra t-terroriżmu; |
|
32. |
għaldaqstant huwa sodisfatt li, b'konsegwenza ta’ dan, hija prevista sħubija mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-“ħolqien ta’ netwerk tal-UE dwar is-sensibilizzazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni” ippjanat (għal din is-sena), li jista' jgħin għall-iskambju ta’ esperjenzi, għarfien u prattiki tajba għas-sensibilizzazzjoni dwar ir-risku tar-radikalizzazzjoni u għall-iżvilupp ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni għall-ġlieda kontra r-retorika tal-gruppi terroristiċi; |
|
33. |
jenfasizza li l-istruttura tan-netwerk kif proposta, bil-preżenza ta’ għadd ta’ persunaġġi involuti b'diversi modi fil-ġlieda kontra l-kriminalità, ser tifforma bażi eċċellenti għall-kooperazzjoni prattika u sostenibbli bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea, u ser tkun forum permanenti u informali għall-partijiet interessati, fejn dawn ikunu jistgħu jressqu l-ideat tagħhom sabiex jistimolaw id-dibattitu strateġiku u bħala bażi fejn jiġu ttestjati l-proġetti pilota; |
|
34. |
għaldaqstant, jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa attivament fit-tnedija tal-forums online u konferenzi proposti fl-UE, u jenfasizza l-ħtieġa sabiex is-sħubija tiġi attwata malajr permezz ta’ kuntatti immedjati bejn l-istrutturi rilevanti fi ħdan il-Kumitat u l-Kummissjoni; |
|
35. |
barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi kuntatti simili ħalli testendi s-sħubija għall-organizzazzjoni tal-konferenza ministerjali ppjanata għall-2012 u għall-abbozzar ta’ manwal ta’ azzjonijiet u esperjenzi li jkunu utli bħala appoġġ għall-attivitajiet tal-Istati Membri: is-sħubija li tirriżulta tkun tista' sservi biex jiġi stabbilit sett aktar organiku ta’ inizjattivi konġunti li jkunu jistgħu jgħinu biex il-pubbliku Ewropew jingħata perċezzjoni preċiża tal-impenn qawwi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fi kwistjoni ta’ rilevanza daqshekk kbira fil-mument attwali; |
|
36. |
joffri l-appoġġ u l-kooperazzjoni tiegħu għall-identifikazzjoni tal-infrastrutturi ta’ importanza primarja fil-qafas tal-prevenzjoni tal-attakki terroristiċi; |
Trasport
|
37. |
dejjem b'referenza għall-Objettiv 2, juri interess kbir fl-Azzjoni 3 (Il-protezzjoni tat-trasport) li fil-kuntest tagħha, barra milli jilqa' l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema tal-UE għas-sigurtà tal-avjazzjoni u marittima, jappoġġja l-pjani għal approċċ Ewropew aktar attiv għat-trasport bl-art; |
|
38. |
għaldaqstant, b'referenza kemm għat-trasport ferrovjarju lokali u reġjonali kif ukoll għal dak ferrovjarju ta’ veloċità qawwija, jappoġġja l-proposta f'waqtha li jitwaqqaf kumitat permanenti dwar is-sigurtà tat-trasport bl-art. Fir-rigward tal-komposizzjoni ta’ dan il-kumitat, huwa jirrakkomanda bħala ħtieġa operattivi l-preżenza formali, f'miżura adegwata (u għaldaqstant flessibbli, skont il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu kkunsidrati) ta’ rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
39. |
huwa tal-fehma li hija ħaġa ovvja b'mod indiskuttibbli li l-bosta problemi tas-sigurtà – li huma wkoll magħrufa sewwa – marbuta mat-trasport ferrovjarju għandhom impatt kbir ħafna fuq id-drittijiet tal-komunitajiet lokali għall-mobbiltà. Għal din ir-raġuni, is-sehem dirett tar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet lokali fi ħdan korpi Ewropej li qed jaħdmu f'dan il-qasam huwa assolutament neċessarju; |
|
40. |
jagħmel referenza għall-bosta opinjonijiet negattivi dwar l-użu tad-data fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) tal-ajru, u jħeġġeġ li din tiġi kkunsidrata meta jinħoloq, kif inhu mħabbar, att legali dwar il-ġbir tad-data dwar il-passiġġieri tal-ajru; |
Kriminalità tal-informatika
|
41. |
fuq kollox jixtieq li, b'referenza għall-azzjonijiet inklużi fl-Objettiv 3 (Intellgħu il-livelli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fiċ-ċiberspazju), jassumi rwol rilevanti fis-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u n-negozju lokali tal-ħtieġa dejjem ikbar li jiġu miġġielda t-theddida dejjem tikber u l-attakki kontra s-sistemi ta’ informazzjoni, fid-dawl ukoll tal-metodi ġodda użati biex jitwettqu reati ta’ din in-natura; |
|
42. |
jesprimi appoġġ għall-impenn qawwi li joħroġ mill-komunikazzjoni biex jindirizza l-problema, b'attenzjoni fuq il-kwistjoni fundamentali tas-sigurtà tan-netwerks tal-kompjuter bħala prerekwiżit essenzjali għall-funzjonament tas-soċjetà tal-informazzjoni. Dawn in-netwerks tal-kompjuter huma kkonċentrati l-iktar fiż-żoni urbani u n-nodi tagħhom jinsabu wkoll fl-istess żoni. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex, b'kooperazzjoni mal-gvernijiet deċentralizzati, tipproponi politika ta’ appoġġ għall-ħarsien u l-ġestjoni tan-nodi tan-netwerks tal-kompjuters fiż-żoni urbani; |
|
43. |
jemmen li jista' jikkoopera fil-miżuri proposti sabiex tingħata spinta 'l quddiem lill-kapaċità tal-Ewropa biex tittratta l-problema, u jinnota l-importanza tal-ħolqien sal-2013, fl-ambitu tal-istrutturi eżistenti, ta’ ċentru taċ-ċiberkriminalità b'kuntatt mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej, bħas-CEPOL, l-Europol u l-Eurojust. Il-Kumitat ikun jista' jikkontribwixxi wkoll għall-istudju ta’ fattibbiltà dwar dan iċ-ċentru; |
|
44. |
jiġbed l-attenzjoni li huwa meħtieġ ukoll li jitjiebu l-kompetenzi lokali f'dan il-qasam u li jkun utli wkoll investiment adegwat f'miżuri ta’ taħriġ fil-livell ta’ awtoritajiet lokali; |
Ġestjoni tal-fruntieri
|
45. |
jenfasizza l-importanza, fir-rigward tal-Objettiv 4 (It-tisħiħ tas-sigurtà permezz ta’ mmaniġġjar tal-fruntieri), l-ewwel nett tar-referenza ċara fil-komunikazzjoni għall-“ispirtu ta’ solidarjetà” u l-“iskambju ta’ responsabbiltà” (Artikolu 80 TFUE), prinċipji li huma essenzjali għal approċċ effettiv għall-problema, u jixtieq ukoll li dawn il-prinċipji jissarrfu f'miżuri konkreti li jipprovdu appoġġ lill-Istati Membri u t-territorji tagħhom li huma esposti l-iżjed għall-problema; |
|
46. |
jesprimi wkoll, f'termini wiesa', esiġenza qawwija li sakemm possibbli, jiġi żgurat bilanċ bejn, minn naħa, il-ħtieġa indiskutibbli li jissaħħu l-mekkaniżmi għall-ġlieda kontra l-problemi eżistenti, li dan l-aħħar qed jiggravaw, u min-naħa l-oħra, l-esiġenza parallela li nħarsu, b'mod adegwat, il-proċessi ta’ kooperazzjoni transkonfinali mal-imsieħba barra l-Unjoni: fid-dawl tal-komplementarjetajiet taż-żewġ esiġenzi, il-Kumitat jimpenja ruħu li jappoġġja kull attività li tikkontribwixxi għaż-żieda fil-livell tat-twettiq tat-tnejn li huma; |
|
47. |
fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-migrazzjoni li qiegħda dejjem tikber, jenfasizza l-ħtieġa urġenti li, bi qbil mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tinħoloq politika Ewropea dwar l-asil u l-immigrazzjoni msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà u r-responsabbiltà; b'mod partikolari, jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-privatezza tal-individwi li jiċċaqalqu bejn il-fruntieri. Iżda, hemm bżonn nenfasizzaw ukoll l-importanza li għadd ikbar ta’ pajjiżi jitħeġġu jilqgħu fi ħdanhom għadd ikbar ta’ persuni bil-għan li tiġi affrontata l-isfida demografika li jġibu magħhom it-tnaqqis fil-popolazzjoni u l-forza tax-xogħol fl-Ewropa; |
|
48. |
juri, b'riferiment ġenerali għall-pakkett tal-miżuri proposti dwar il-moviment tal-persuni, li dawn jissodisfaw kriterju integrat mixtieq għal azzjoni peress li dawn għandhom l-għan li jżidu l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda għall-kontrolli tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri (is-sistema Eurosur, li dwarha l-komunikazzjoni, ġustament tirreferi, fost oħrajn għall proposta leġislattiva speċifika ppjanata għal dis-sena) u jżidu l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-Frontex, li għaliha l-komunikazzjoni tipprovdi għal azzjoni speċifika għaż-żieda fil-kapaċità tal-ġestjoni tal-informazzjoni; |
|
49. |
jenfasizza li anke l-miżuri l-ġodda fil-qafas tas-sigurtà fil-fruntieri (pereżempju l-body scanners) għandhom ikunu adegwati u adatti għall-ksib tar-riżultat mixtieq, u għandhom jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali ta’ dawk ikkonċernati, speċjalment rigward l-aspett tad-dinjità tal-bniedem, tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dritt għal-moviment liberu, meta jkunu qed isiru l-kontrolli fuq in-nies. Fil-kuntest tal-aktar avvenimenti reċenti, jilqa' l-inizjattiva li ssir analiżi tar-riskju tal-merkanzija kollha. Dawn il-miżuri għandhom jitfasslu b'tali mod li l-possibbiltajiet tekniċi tal-kontroll, li huma limitati, ikunu jistgħu jintużaw b'mod immirat f'kull każ, b'mod li jiġi garantit it-trasport rapidu tal-oġġetti, billi dan hu importanti għall-ekonomija; |
Kriżijiet u diżastri
|
50. |
huwa impenjat, fir-rigward tal-Objettiv 5 (Iż-żieda tar-reżiljenza tal-Ewropa għall-kriżijiet u d-diżastri), li jappoġġja kwalunkwe inizjattiva ta’ rispons Ewropew għall-kriżijiet u d-diżastri, u huwa tal-fehma li jista' jagħti kontribut sinifikanti minħabba l-kapaċitajiet u l-esperjenza li għandhom, min-natura tagħhom, l-istituzzjonijiet lokali li huwa jirrappreżenta, kemm fl-istadju ta’ valutazzjoni tar-riskju jew theddida, fl-aspetti organizzattivi, fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll fil-fażi operattiva ta’ ttrattar ta’ emerġenzi, hekk kif previst fil-komunikazzjoni; |
|
51. |
f'dan il-kuntest, jenfasizza wkoll li hu lest jikkoopera fit-titjib tal-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, l-aktar fil-livell lokali, reġjonali u transkonfinali, fil-qasam tas-sigurtà tar-reatturi u l-ħarsien tal-popolazzjoni mit-theddid radjuattiv; |
Mezzi finanzjarji
|
52. |
bħala konklużjoni huwa tal-fehma li, għar-raġunijiet elenkati hawn fuq, huwa essenzjali li l-parteċipazzjoni indispensabbli tiegħu fil-proċess tat-titjib tas-sigurtà interna tal-Ewropa għandha tmur id f'id mal-adattament tal-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għalhekk jeħtieġ li jsir investiment f'riċerki ġodda u fiil-kamp tal-innovazzjonijiet f'oqsma bħaċ-ċibersigurtà, il-forensika, il-protezzjoni tal-infrastruttura kruċjali u s-sigurtà urbana u li l-Kummissjoni Ewropea tippromovi dan l-investiment. B'hekk, jistgħu jiġu indirizzati problemi dejjem aktar speċifiċi u kumplessi; |
|
53. |
fl-istess waqt jindika l-esiġenza li jkun hemm parteċipazzjoni fil-proċess ta’ reviżjoni tal-istrumenti finanzjarji tas-settur tal-affarijiet interni u tas-sigurtà għas-snin ta’ wara l-2013, kif ukoll li jkun hemm kollaborazzjoni attiva għall-iffurmar tal-istrumenti ta’ finanzjament possibbli, b'mod li, minħabba l-esperjenza li mmaturat fil-prattika tal-istituzzjonijiet lokali, jikkontribwixxu għall-garanzija ta’ previżjoni ta’ allokazzjoni razzjonali u effiċjenti tar-riżorsi. |
Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO
(1) COM(2010) 673 finali.
(2) Ara l-mudell taċ-ċentralizzazzjoni tal-awtorità li tagħti kuntratti pubbliċi stabbilita mil-liġi Taljana riċenti nru. 136 tat-13.8.2010 (“Piano straordinario contro le mafie. Misure di contrasto nel settore degli appalti” – Pjan estensiv kontra l-mafja. Kontromiżuri fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi; Parti v. Artikolu 13), li, fost affarijiet oħra, jipprevedu l-qbil tal-Konferenza Konġunta (li tħaddan rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali) meta jkunu qed jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-leġislazzjoni (ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 imsemmi hawn fuq).
(3) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6.10.2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska, ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59–78.
(4) COM(2010) 428 finali, rapport mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6.10.2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska.