7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/35


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni”

2011/C 166/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jifraħ li l-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni tista’ tkopri r-reġjuni Ewropej kollha, ikun xi jkun il-livell ta’ żvilupp tagħhom, u jappoġġja l-ħolqien ta’ kategorija intermedja ġdida ta’ reġjuni, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ir-reġjuni;

jixtieq li jkunu jistgħu jitqiesu kriterji li jikkumplementaw il-PDG għall-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, sabiex jiġi rifless aħjar il-livell ta’ żvilupp ta’ kull reġjun;

itenni xewqtu li l-FSE għandu jibqa’ integrat kif inhu fil-Fondi Strutturali fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni, u jqis li l-implimentazzjoni tiegħu għandha ssir fil-livell territorjali;

jixtieq li jissaħħaħ l-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali, partikularment mil-lat finanzjarju, u jirrakkomanda li l-fondi allokati għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali jitqassmu fil-livell Komunitarju, u mhux f’dak nazzjonali;

jappoġġja l-prinċipju ġenerali tar-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jfakkar li din m’għandhiex tkun għas-servizz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Programmi Nazzjonali ta’ riforma biss, billi hi għandha l-objettivi tagħha stess li huma mniżżlin fit-Trattat;

jixtieq li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali jissarraf permezz tal-identifikazzjoni ta’ linja territorjali prijoritarja fil-“menu” tal-UE, li tikkomplementa s-suġġetti marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020;

jappoġġja t-tfassil ta’ Qafas Strateġiku Komuni, u jipproponi li l-“kuntratti ta’ sħubija fl-iżvilupp u l-investiment” jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’kull Stat Membru, b’konformità mal-prinċipji ta’ governanza f’diversi livelli;

jopponi d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kundizzjonalità makroekonomika hekk imsejħa esterna, kif ukoll il-proposta li tiġi stabbilita riserva ta’ prestazzjoni; jaċċetta l-bżonn li jiġu stabbiliti forom ġodda ta’ kundizzjonalitajiet finanzjarji li jkunu marbuta mar-riżultati, sakemm il-kriterji magħżula jkunu ġenerali, ġusti, proporzjonati u bbażati bbażati fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Relatur

is-Sur Michel DELEBARRE (FR/PSE), Sindku ta’ Dunkirk

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni

COM(2010) 642 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jsawwar bażi tajba għad-diskussjoni dwar il-linji gwida rigward il-politika ta’ koeżjoni wara l-2013;

2.

jirrikonoxxi l-analiżi importanti li wettqet il-Kummissjoni Ewropea f’dan l-ewwel rapport dwar il-koeżjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, speċjalment fir-rigward tar-rikonoxximent tal-koeżjoni territorjali fost l-objettivi prinċipali tal-Unjoni. Madankollu, jiddispjaċih li r-rapport huwa bbażat l-aktar fuq l-istatistika ta’ qabel il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali li l-Unjoni Ewropea ilha għaddejja minnha sa mill-2008; għalhekk jitlob li l-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss ikun ibbażat fuq l-istatistika li tinħareġ wara l-kriżi u jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz possibbli fil-livelli politiċi u amministrattivi biex jiksbu dan il-għan. Barra minn hekk dan il-fatt isaħħaħ il-bżonn li jintużaw indikaturi komplementari oħra aktar aġġornati sabiex jiġi determinat l-istat reali tal-iżvilupp tar-reġjuni, peress li t-tkabbir tal-PDG waħdu mhux ser jirrifletti l-impatt effettiv tal-kriżi. Il-Kumitat tar-Reġjuni diġà ta l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward fl-Opinjoni “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”. Fl-Opinjoni jiġu proposti żewġ indikaturi globali disponibbli fuq perjodu qasir, bħall-indiċi ambjentali globali u l-istħarriġ soċjali armonizzat fil-livell reġjonali;

3.

jifraħ bl-avvanzi fil-politika ta’ koeżjoni li ppermettiet li jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, li jiżdied il-kapital uman, li tiġi ffaċilitata l-kostruzzjoni tal-infrastrutturi prinċipali fit-territorji, u li jittejjeb il-ħarsien tal-ambjent. Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija wkoll rikonoxxuta bħala investiment effettiv għall-kompetittività u l-innovazzjoni l-iktar fil-kapaċità tagħha li timmobilizza l-potenzjal tas-settur privat;

4.

jinnota li, minkejja l-progress li sar bil-politika ta’ koeżjoni fir-rigward tat-tnaqqis tad-diverġenzi, għadhom jeżistu żbilanċi kbar bejn ir-reġjuni Ewropej u fi ħdanhom, li jikkonċernaw l-aktar id-diverġenzi fl-iżvilupp tal-infrastruttura, fid-dħul finanzjarju, fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi u fl-aċċess għal dawn is-servizzi. Dawn l-iżbilanċi jiġu enfasizzati b’mod partikolari bl-impatt divrenzjat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, u tal-isfidi li dejjem qed jikbru, jiġifieri l-globalizzazzjoni, il-qgħad (speċjalment fost iż-żgħażagħ), it-tixjiħ demografiku, it-tibdil fil-klima, u d-dipendenza enerġetika;

5.

għalhekk jinsisti li l-politika ta’ koeżjoni għandu jkollha riżorsi li jkunu kapaċi jindirizzaw l-objettivi mixtieqa, li jsaħħu l-azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri, fil-livell lokali u dak reġjonali, bil-għan li jerġa’ jissawwar bilanċ ekonomiku, soċjali u territorjali ġenwin bejn ir-reġjuni Ewropej;

6.

ifakkar li l-valur miżjud Komunitarju tal-politika ta’ koeżjoni jissejjes l-ewwel u qabel kollox fuq l-approċċ tiegħu, li hu:

solidali, permezz tal-appoġġ għal żvilupp bilanċjat fil-livell tal-Unjoni;

strateġiku, permezz tal-identifikazzjoni tal-objettivi prinċipali u adatti għall-bżonnijiet tat-territorju u taċ-ċittadini tiegħu;

integrat b’sinerġija akbar bejn il-politiki settorjali f’territorju individwali;

trasversali, permezz ta’ politiki differenti li jkollhom impatt fuq it-territorju;

territorjali, fuq il-bażi ta’ dijanjożi territorjali li tenfasizza l-aspetti dgħajfa u dawk b’saħħithom ta’ kull reġjun;

multiannwali, permezz tad-definizzjoni tal-objettivi għal perijodu ta’ żmien qasir, medju u twil;

ibbażat fuq is-sħubija, għaliex jinkludi l-livell Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll lill-atturi soċjoekonomiċi tat-territorju fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi;

7.

ifakkar li, bis-saħħa ta’ dan l-approċċ uniku, il-politika ta’ koeżjoni tippermetti, aktar minn kwalunkwe politika oħra tal-Unjoni Ewropea, li l-integrazzjoni Ewropea toħroġ fid-dieher fil-livell tat-territorji u taċ-ċittadini billi tipprovdi reazzjoni adatta u kkoordinata għall-ħtiġijiet tagħhom;

Lejn arkitettura ġdida tal-politika ta’ koeżjoni

Politika ta’ koeżjoni għar-reġjuni kollha, adatta għal-livell ta’ żvilupp tagħhom

8.

jifraħ li l-ħames rapport dwar il-koeżjoni jikkonferma li l-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni tista’ tkopri r-reġjuni Ewropej kollha, ikun xi jkun il-livell ta’ żvilupp tagħhom. F’dan ir-rigward, jenfasizza li l-Fondi Strutturali għandhom ikunu ffokati l-ewwel nett fuq ir-reġjuni Ewropej l-inqas żviluppati, filwaqt li jagħtu l-appoġġ indispensabbli lir-reġjuni l-oħra bil-għan li jinkoraġġixxuhom isaħħu l-kompetittività, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, sabiex jiġi promoss żvilupp armonjuż fl-UE kollha;

9.

huwa tal-fehma li għandu jiġi previst il-ħolqien ta’ kategorija intermedja ġdida ta’ reġjuni li jinsabu bejn 75 % u 90 % tal-PDG Komunitarju. L-għan ta’ din is-sistema hu li jiġi limitat l-effett tal-konformità mal-limitu ta’ 75 % tal-PDG Komunitarju (il-limitu attwali tal-eliġibbiltà bejn l-objettivi tal-konverġenza u l-kompetittività) u li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament tar-reġjuni. Għandhom jiġu kkunsidrati kemm id-diffikultajiet tar-reġjuni li, mill-2013 ’l hemm, għall-ewwel darba mhux ser jaqgħu taħt l-objettiv ta’ konverġenza, kif ukoll dawk li, għad li huma eliġibbli għall-objettiv tal-kompetittività fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet soċjoekonomiċi strutturali fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jkollhom problemi bid-disparitajiet reġjonali interni. Il-ħolqien ta’ din il-kategorija m’għandux jippenalizza lir-reġjuni li qed jirċievu fondi taħt l-objettiv tal-konverġenza, l-objettiv tal-kompetittività jew fl-introduzzjoni/tneħħija gradwali;

10.

itenni xewqtu li jitqiesu kriterji li jikkumplementaw il-PDG, l-iktar għall-implimentazzjoni u l-valutazzjon tal-programmi sabiex jiġi rifless aħjar il-livell ta’ żvilupp ta’ kull reġjun u l-problemi speċifiċi relatati mal-koeżjoni soċjali u territorjali li jinqalgħu (differenzi sottoreġjonali, differenzi fid-dħul, rati tal-qgħad, aċċessibbiltà għas-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ), aċċessibbiltà u interoperabbiltà tal-mezzi tat-trasport, kwalità tal-ambjent, benesseri soċjali, livell ta’ edukazzjoni, eċċ.). Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-perjodu ta’ programmazzjoni (5+5) għandha tkun il-mument adatt biex jitqiesu dawn il-kriterji l-ġodda li jikkumplementaw il-PDG. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tfassal lista ta’ indikaturi għall-iżvilupp territorjali, soċjali u ambjentali applikabbli fil-livell sottoreġjonali fuq il-bażi tal-ħidma tal-EUROSTAT, tal-ESPON (1) u l-OECD;

It-tisħiħ ta’ approċċ integrat

11.

jappoġġja l-approċċ integrat tal-politika tal-koeżjoni, sabiex il-fondi kollha (il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FEŻR, l-FSE, il-FAEŻR u l-FES) ikunu komplementari u sabiex l-implimentazzjoni tagħhom tiġi ffaċilitata permezz ta’ approċċ integrat. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu identifikati b’mod ċar l-oqsma ta’ intervenzjoni għal kull fond kif ukoll ir-relazzjoni tagħhom mal-interventi li jkunu twettqu mill-fondi l-oħra tal-UE, pereżempju dawk destinati għat-trasport jew għall-ambjent, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operattiv. Barra minn hekk, għandhom jiġu definiti linji ta’ gwida ċari fil-livell Ewropew u għandhom jiġu stabbiliti strutturi ta’ koordinazzjoni fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali;

12.

jixtieq xi kjarifiki dwar id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew, u jqis li l-FSE għandu jibqa’ integrat kif inhu llum fil-Fondi Strutturali fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u jemmen li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-FSE u l-FEŻR tkun aktar adatta. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iħeġġeġ li jintużaw iktar transfinanzjamenti u li jiġu implimentati programmi operattivi b’diversi fondi (FEŻR u FSE);

13.

jemmen li sabiex il-FSE jikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, l-implimentazzjoni tiegħu għandha ssir fil-livell territorjali u għandha tkun parti bis-sħiħ mill-qafas tal-politika ta’ koeżjoni fuq il-bażi tal-ħtiġijiet li jkun hemm fil-livell lokali u reġjonali (2). Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Presidenza Belġjana wara l-laqgħa informali (3) tal-Ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni li rrakkomandaw li “tissaħħaħ id-dimensjoni reġjonali tal-FSE, u b’hekk tissaħħaħ il-viżibbiltà tiegħu” u, b’dan, l-integrazzjoni tiegħu fl-istrateġiji soċjoekonomiċi reġjonali;

14.

jixtieq li l-viżibbiltà tal-proġetti ffinanzjati mill-FSE titjieb permezz ta’ implimentazzjoni aktar reġjonalizzata, abbażi tal-ħtiġijiet lokali l-aktar konkreti u prattiċi, b’mod li jsiru aktar viżibbli waqt li jikkomplementaw il-ħidma mwettqa fil-qasam tal-komunikazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni u ffinanzjati fil-qafas tal-għajnuna teknika fil-livell Komunitarju, nazzjonali u reġjonali;

15.

huwa tal-fehma li t-tqassim tal-FEŻR/FSE għandu jkun iddeterminat minn persentaġġ stabbilit fil-livell nazzjonali, sabiex jiġu żgurati allokazzjonijiet tal-FSE adatti għall-isfidi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Istati Membri u fir-reġjuni kkonċernati. Il-Kumitat tar-Reġjuni jissuġġerixxi li l-Istati Membri jqassmu l-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE) fil-livell nazzjonali, fil-marġni stabbiliti diġà, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

16.

jemmen li fil-futur il-flessibbiltà bejn il-FEŻR u l-FSE għandha tkun inkoraġġuta u semplifikata, l-iktar permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni u b’mod partikolari fil-kuntest tal-approċċi għall-iżvilupp lokali u tal-pjani urbani integrati (4) tal-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-proposti leġislattivi li jsiru fil-futur tipprevedi sistema simili bejn il-FEŻR u l-FAEŻR, bil-għan li jiġi garantit approċċ aktar integrat fil-livell taż-żoni rurali;

Kooperazzjoni territorjali msaħħa

17.

jappoġġja r-referenza għall-kooperazzjoni territorjali li ser iżżomm l-istruttura attwali tagħha bi tliet partijiet, però jiddispjaċih li mhix aktar dettaljata. F’dan ir-rigward jixtieq li dan l-objettiv jissaħħaħ billi:

jiżdied il-baġit tiegħu;

ikun hemm regoli speċifiċi aktar adatti għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali billi tikber l-għajnuna teknika fil-livell lokali, jiġu semplifikati r-regoli tal-verifika u tal-kontroll, jiġu standardizzati u adatti l-ispejjeż indiretti applikabbli, jiġu definiti r-regoli tal-eliġibbiltà tan-nefqiet Komunitarji, eċċ.;

isiru proposti bil-għan li tittejjeb il-governanza ta’ dawn il-programmi;

18.

jirrakkomanda li l-fondi allokati għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali jitqassmu fil-livell Komunitarju, u mhux f’dak nazzjonali. Il-benefiċjarji ta’ dawn il-programmi għandhom jiġġustifikaw b’mod iktar ċar ir-riżultati u l-valur miżjud ġenerat mill-proġetti tal-kooperazzjoni territorjali fir-reġjuni mit-trasferiment tal-prattiki tajbin u l-għarfien. Il-Kumitat jixtieq li tingħata preferenza lil approċċ strateġiku u integrat fil-livell taż-żoni ta’ kooperazzjoni, filwaqt li tiġi evitata kull kunsiderazzjoni nazzjonali f’termini ta’ ritorn finanzjarju;

19.

jitlob lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġislattivi futuri tagħha tipprevedi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-FSE jintervjeni fil-qafas tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali bil-għan li jiġu ffinanzjati azzjonijiet rilevanti fl-oqsma ta’ intervenzjoni tiegħu;

20.

jappella biex it-tliet objettivi tal-politika ta’ koeżjoni jkunu verament komplementari. L-intervent tal-Unjoni fil-livell transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali għandu jikkumplementa l-intervent li jsir fil-livell tal-programmi reġjonali implimentati fil-qafas tal-objettivi tal-“konverġenza” u tal-“kompetittività reġjonali u l-impjieg”. L-identifikazzjoni tal-prijoritajiet jew il-miżuri ddedikati għall-kooperazzjoni territorjali fil-programmi reġjonali jistgħu jiġu inkoraġġuti, speċjalment sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati l-proġetti strutturali fil-livell transkonfinali jew transnazzjonali. B’mod parallel, għandha tittejjeb il-koordinazzjoni bejn it-tliet partijiet tal-objettiv tal-“kooperazzjoni territorjali”;

21.

jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali jintrabtu aħjar mal-istrateġiji territorjali mfasslin fuq il-bażi ta’ xewqa komuni tal-atturi territorjali (5). F’dan ir-rigward jemmen li l-programmi transnazzjonali jistgħu jappoġġjaw l-istrateġiji makroreġjonali kif ukoll l-istrateġiji marittimi integrati li qed jibdew jitħejjew. Bl-istess mod, il-programmi transkonfinali jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-istrateġiji Ewroreġjonali u Ewrometropolitani li qed jiġu implimentati bħalissa. Il-Kumitat għalhekk jitlob li ssir reviżjoni konsiderevoli taż-żieda fil-limitu tad-distanza ta’ 150 km użat għall-klassifikazzjoni tal-gżejjer u r-reġjuni lil jmissu mal-fruntieri;

22.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffaċilita sħubijiet territorjali ġodda billi tissemplifika u ttejjeb il-mod li bih jiġu amministrati l-programmi tal-kooperazzjoni interreġjonali. Kooperazzjoni interreġjonali mtejba tiżgura mhux biss approċċ koordinat għall-problemi komuni, iżda tagħraf ukoll li s-soluzzjonijiet innovattivi mhumiex ristretti biss għall-fruntieri territorjali eżistenti;

23.

ifakkar li r-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT)  (6) għadu biċċa għodda prezzjuża biex jiffaċilita l-kooperazzjoni, speċjalment fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali. Jemmen li fil-programmazzjoni futura r-regolament dwar ir-REKT għandu jiġi semplifikat u adatt skont l-esperjenzi li jinkisbu matul il-perijodu attwali. Dawn is-semplifikazzjonijiet jistgħu jikkonċernaw, fost affarijiet oħra, l-arranġamenti li japplikaw għall-persunal u s-sistema fiskali tar-REKT, u t-tnaqqis tat-tul tal-proċeduri attwali. Barra minn hekk, jinkoraġġixxi li s-sussidji globali għar-REKT jingħataw b’mod aktar sistematiku sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw direttament il-Fondi Strutturali;

24.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb il-kooperazzjoni attwali fil-fruntieri esterni. B’mod partikolari huwa neċessarju li l-proċeduri jiġu ssemplifikati u li jiġu stabbiliti aktar sinerġiji bejn l-għajnuna mogħtija mill-FEŻR u dik mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

25.

jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni territorjali għar-reġjuni l-iktar imbiegħda; il-pożizzjoni ġeografika fil-fruntieri esterni l-iktar imbiegħda tfisser li din il-kwistjoni hija kruċjali. Jappella għall-implimentazzjoni tal-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Viċinat Usa’” sabiex dawn ir-reġjuni jiddaħħlu iktar fl-ambjent ġeografiku;

Prijoritajiet strateġiċi adatti għall-ispeċifiċitajiet reġjonali

Lejn rabtiet aktar flessibbli mal-Ewropa 2020

26.

jenfasizza li, flimkien mal-azzjonijiet l-oħra ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, il-politika ta’ koeżjoni tista’ u għandha tkompli taqdi rwol deċiżiv biex, fl-istess ħin, tippermetti tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv kif inhu previst fl-Istrateġija Ewropa 2020, u tappoġġja l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni billi ttejjeb il-potenzjal endoġeniku tar-reġjuni kollha u tnaqqas id-diverġenzi bejn it-territorji Ewropej kif inhu previst fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

27.

jappoġġja l-prinċipju ġenerali tar-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha sabiex isir progress fit-triq tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Madankollu, jaħseb li matul il-perijodu 2007-2013 diġà saru sforzi kbar f’dan il-qasam, u dawn għandhom jiġu evalwati qabel jiġu ddedikati aktar riżorsi;

28.

f’dan ir-rigward, ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex tkun għas-servizz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Programmi Nazzjonali ta’ riforma biss, billi hi għandha l-objettivi tagħha stess li huma mniżżlin fit-Trattat, jiġifieri t-tnaqqis tad-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-politika ta’ koeżjoni għandha tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tat-territorji, il-ħtiġijiet tagħhom u l-potenzjal tagħhom li jiżviluppaw;

29.

jappoġġja l-prinċipju ġenerali ta’ “menù” Komunitarju ta’ prijoritajiet tematiċi vasti, li jieħu post il-loġika attwali tal-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali għall-kategoriji tan-nefqiet definiti b’mod restrittiv. Però jopponi r-restrizzjoni kbira wisq tan-numru ta’ dawn il-prijoritajiet li wieħed irid jagħżel minnhom fil-kuntest tal-Kuntratti l-ġodda għas-Sħubijiet għall-Iżvilupp u l-Investiment tal-programmi operattivi, sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom flessibbiltà suffiċjenti fl-implimentazzjoni territorjali tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

30.

jemmen li mhux il-kompitu tal-Kummissjoni Ewropea li tiddeċiedi li wħud minn dawn il-prijoritajiet ikunu obbligatorji; dawn għandhom jiġu definiti fil-livell reġjonali fuq il-bażi ta’ dijanjożi territorjali li tenfasizza l-aspetti dgħajfa u dawk b’saħħithom tat-territorju. Bl-istess mod, jemmen li mhux tajjeb li ammont kbir mill-Fondi Strutturali kollha jkollu jiġi allokat biss għal dawk il-prijoritajiet tematiċi li r-reġjuni ser ikollhom jagħżlu mill-menù Komunitarju. Din id-dispożizzjoni tmur kontra l-istess prinċipju tal-approċċ integrat, li jassumi li strateġija tal-iżvilupp għandha tkun ibbażata fuq l-investiment f’setturi differenti;

31.

għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li l-lista tal-prijoritajiet tematiċi li tista’ tinħareġ fir-regolamentazzjoni futura dwar il-politika ta’ koeżjoni ma tkunx restrittiva wisq, sabiex mhux biss titqies id-diversità territorjali, ekonomika u soċjali ta’ kull reġjun, iżda wkoll biex wieħed imur lil hinn mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-oqsma tal-koeżjoni soċjali u territorjali;

Lejn kunsiderazzjoni ġenwina tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali

32.

japprova l-prinċipju li jkun hemm iktar flessibbiltà fl-organizzazzjoni tal-programmi operattivi sabiex ikun jista’ jsir intervent f’livelli territorjali differenti (sottoreġjonali, reġjonali, multireġjonali u makroreġjonali) skont l-ispeċifiċitajiet territorjali jew taż-żoni funzjonali, bħall-baċiri tax-xmajjar, iż-żoni muntanjużi, l-arċipelagi, eċċ. Madankollu, l-interventi ta’ dan it-tip għandhom ikunu bbażati fuq ix-xewqa komuni tal-atturi territorjali u b’mod partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jissieħbu fi proġett verament reġjonali, mingħajr ma tiġi affettwata r-rilevanza fil-livell reġjonali;

33.

jitlob li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali jissarraf fl-istruttura l-ġdida tal-politika ta’ koeżjoni, permezz tal-identifikazzjoni ta’ linja territorjali prijoritarja fil-“menu” tal-UE, li tikkomplementa s-suġġetti marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020 b’tali mod li l-koeżjoni territorjali tkun tista’ tiżgura żvilupp bilanċjat tar-reġjun biex titħeġġeġ l-interdipendenza bejn ir-reġjuni u l-koerenza globali tal-politiki. Barra minn hekk, jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tikkunsidra sew ir-reġjuni bi speċifiċitajiet territorjali  (7);

34.

jenfasizza li għandha tibqa’ tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni ultraperiferiċi fid-dawl tal-istatus speċifiku tagħhom rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-Trattat ta’ Lisbona. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu previsti dispożizzjonijiet finanzjarji għal dawn ir-reġjuni bil-għan li jiġu kkumpensati s-sensiela ta’ restrizzjonijiet li huma l-bogħod, l-insularità, is-superfiċje żgħira, il-pajsaġġ u l-klima diffiċli, kif ukoll id-dipendenza ekonomika minn numru żgħir ta’ prodotti. Dan il-kumpens jidher li huwa indispensabbli sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tar-reġjuni ultraperiferiċi għas-suq intern b’kundizzjonijiet bħal dawk ta’ reġjuni Ewropej oħra;

35.

japprova l-kunsiderazzjoni mtejba tad-dimensjoni urbana fil-politika ta’ koeżjoni, permezz ta’ involviment akbar tal-bliet u l-agglomerazzjonijiet fl-istadji kollha tal-politika tal-koeżjoni: programmi nazzjonali ta’ riforma, kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment u l-programmi operattivi. F’dan ir-rigward, jixtieq li d-dimensjoni urbana titqies b’mod adatt fil-programmi operattivi, u jtenni x-xewqa tiegħu li tingħata preferenza lil approċċ ta’ żvilupp urban integrat. Fil-fatt, ifakkar li ż-żoni urbani ħafna drabi jkunu kkaratterizzati minn diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali kbar, li għandhom jingħataw risposti adatti. Dan l-approċċ ta’ żvilupp urban integrat għandu jkun ibbażat fuq il-ħidma li saret fil-qafas tal-Karta ta’ Leipzig bil-għan li tiġi ttestjata s-sistema l-ġdida ta’ referenza komuni għall-belt Ewropea sostenibbli. Il-bliet għandhom jitqiesu bħala ċentri ta’ tkabbir u żvilupp għar-reġjun tagħhom kollu kemm hu;

36.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li r-rappreżentanti lokali u/jew reġjonali eletti jingħataw rwol akbar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp urban fil-kuntest tal-programmi operattivi. Din is-sjieda u r-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tista’ ssir billi s-sussidji globali jiġu allokati b’mod aktar sistematiku lill-bliet, l-agglomerazzjonijiet u r-reġjuni kkonċernati. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa favur li tinżamm id-dimensjoni urbana fil-qafas tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni. Il-bliet jistgħu jkunu xpruni importanti għat-tkabbir u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-bliet u ż-żoni rurali jista’ jippromovi b’mod partikolari l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u, fl-istess ħin, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Sabiex titwettaq din il-funzjoni, jeħtieġ li fil-futur jittieħdu wkoll miżuri għall-istabilizzazzjoni soċjali u ekonomika u għall-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u taż-żoni urbani li għandhom il-problemi. Dawn il-miżuri għandhom jiġu ppjanati u implimentati fil-qafas tal-programmi operattivi reġjonali;

37.

jiddispjaċih li ma ssirx referenza għad-dimensjoni rurali, għalkemm it-territorji rurali u periurbani jsawru aktar minn 80 % tat-territorju tal-Unjoni skont id-definizzjonijiet li jeżistu. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikolari lir-rabta bejn tipi differenti ta’ muniċipalitajiet – iż-żoni urbani (bliet kbar u żgħar) u ż-żoni rurali għaliex din hija element essenzjali f’politika integrata tal-iżvilupp reġjonali. Barra minn dan, jixtieq li d-dimensjoni rurali jkollha l-post tagħha fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni, u li jkun hemm rabta aħjar u sinerġija akbar bejn l-interventi tal-FEŻR, tal-FSE u tal-FEAŻR kemm permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni kif ukoll fil-livell tal-Programmi Operattivi. Jipproponi wkoll li l-programm attwali URBACT jiġi żviluppat f’programm bl-isem RURBACT (8) li jippermetti l-inkoraġġiment tal-prattiki tajba u l-istabbiliment ta’ netwerks rigward il-problemi urbani u rurali, u rigward ir-rabta li għandha tiġi stabbilita bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet;

38.

għalhekk jinkoraġġixxi l-identifikazzjoni ta’ prijorità territorjali fil-programmi operattivi li tippermetti l-finanzjament tal-proġetti li jagħmlu parti mill-miżuri territorjali sottoreġjonali. L-approċċ il-ġdid għall-iżvilupp lokali għandu jsir il-qafas strateġiku olistiku għall-iżvilupp sottoreġjonali taż-żoni kkonċernati kollha, irrispettivament minn jekk humiex urbani, rurali jew urbani-rurali u jrid jiġi integrat fil-programmi reġjonali;

39.

jiddispjaċih li l-ħames rapport dwar il-koeżjoni ma jenfasizzax biżżejjed it-tendenza li ċerti diverġenzi sottoreġjonali jkomplu jiggravaw. Dawn id-diverġenzi huma kkaratterizzati minn fenomeni, bħas-segregazzjoni tat-territorju, li joħolqu ċerti forom ta’ gettijiet u jwasslu għal deterjorament kontinwu f’ċerti żoni li għadhom lura. Il-fatt li dawn id-diverġenzi sottoreġjonali joħorġu fid-dieher b’mod ċar, permezz ta’ statistika adatta, u li jittieħdu l-miżuri bil-għan li jnaqqsuhom, jikkontribwixxi biex jiġi kkunsidrat aħjar l-objettiv tal-koeżjoni territorjali fil-livell lokali, bil-kundizzjoni li l-ġestjoni tkun fuq skala reġjonali;

40.

jappoġġja l-ħtieġa li tingħata attenzjoni akbar lill-inizjattivi tal-iżvilupp lokali, li għandhom jiġu inkoraġġuti permezz ta’ kofinanzjament Komunitarju aktar sistematiku. Fejn ikun applikabbli, parti minn programm operattiv għandha tiġi ddedikata għall-inizjattivi tal-iżvilupp lokali (pereżempju fi sħubija). Dan jista’ jkun sejħa għal proġetti reġjonali jew multireġjonali (9) bil-għan li kemm l-atturi pubbliċi (ir-rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali jew ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet pubbliċi, eċċ.) kif ukoll l-atturi privati (l-intrapriżi, il-kmamar tal-konsulenti, il-kooperattivi, l-intrapriżi soċjali, l-assoċjazzjonijiet, eċċ.) jiġu inkoraġġuti jfasslu u jimplimentaw strateġija ta’ żvilupp lokali bbażata fuq approċċ integrat (10). L-inizjattivi tal-iżvilupp lokali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostenibbli għall-iżvilupp istituzzjonali fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-kundizzjoni li jiġu appoġġjati finanzjarjament, fost l-oħrajn permezz ta’ programmi ta’ għajnuna teknika;

41.

jaħseb li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali japplika għall-politiki kollha tal-Unjoni u għandu jissejjes fuq il-koerenza bejn il-politiki settorjali u l-politika ta’ koeżjoni, kif ukoll fuq kunsiderazzjoni mtejba tal-impatt territorjali tal-politiki kollha tal-Unjoni meta jkunu qed jitfasslu. F’dan il-kuntest, jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea għadha ma indirizzatx it-talba tiegħu li tiġi ppreżentata White Paper dwar il-koeżjoni territorjali (11);

42.

jiddispjaċih li fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni ma ssirx referenza għas-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ), filwaqt li r-rabta intrinsika bejn il-missjonijiet tagħhom u l-koeżjoni territorjali hija rikonoxxuta b’mod espliċitu fl-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll 26 anness mat-Trattat ta’ Lisbona. Għalhekk, itenni t-talba tiegħu li jsiru evalwazzjonijiet ex-ante u ex-post tal-impatt territorjali tal-politiki tal-Unjoni fuq l-SIĠ;

L-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni

Approċċ strateġiku

43.

jappoġġja t-tfassil ta’ Qafas Strateġiku Komuni li jkopri l-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd. Madankollu, jixtieq li dan il-qafas strateġiku jiġi definit b’mod konġunt mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, fi sħubija mal-Kumitat tar-Reġjuni. Dan il-Qafas Strateġiku Komuni għandu jiċċara l-ambitu u, b’hekk, ir-rwoli u r-rabtiet bejn dawn il-fondi Komunitarji differenti kif ukoll ma’ fondi oħra tal-UE b’dimensjoni territorjali ċara u b’relazzjoni mill-qrib mal-Fondi Strutturali, bħall-fondi tan-Netwerks Trans-Ewropej jew il-fondi futuri potenzjali għall-ambjent u l-klima fost oħrajn;

44.

jemmen li l-istrateġiji makroreġjonali eżistenti jistgħu jservu ta’ “oqfsa ta’ referenza strateġika f’livell makroreġjonali”. L-istrateġiji reġjonali stabbiliti fil-kuntest tal-programmi operattivi (li jirriżultaw mit-tliet objettivi tal-politika ta’ koeżjoni) jistgħu jispiraw il-prijoritajiet għal dawn l-istrateġiji makroreġjonali;

45.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara xi punti marbuta mal-kontenut u l-modalitajiet relatati mal-“kuntratti ta’ sħubija fl-iżvilupp u l-investiment” li ser jiġu nnegozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Jenfasizza l-ħtieġa li l-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli jitqiegħdu fil-prattika u b’hekk jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw fit-tfassil, in-negozjati u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kuntratti, billi huma direttament involuti fil-programmi operattivi previsti f’dawn il-kuntratti. Fil-fatt, huma għandhom jiġu involuti meta fil-livell tal-kuntratt nazzjonali jiġu definiti l-għażla ta’ prijoritajiet tematiċi u l-impenji finanzjarji li jridu jiġu applikati fil-programmi operattivi li jipparteċipaw fihom huma;

46.

jipproponi li l-“kuntratti ta’ sħubija fl-iżvilupp u l-investiment” kif ukoll il-“patti territorjali għall-implimentazzjoni tal-Istraġeija Ewropa 2020” jintroduċu, għal kull Stat Membru, sistema ta’ governanza f’diversi livelli li tinvolvi l-livelli differenti tat-territorju (Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali) fil-qafas ta’ sħubija msaħħa mal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali (bħala kofinanzjaturi u/jew koġestjonarji tas-servizzi pubbliċi) ikunu firmatarji ta’ dawn il-patti territorjali (12), u jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tfassil, in-negozjati, l-implimentazzjoni u s-segwitu tagħhom. L-istess bħall-Qafas Strateġiku Komuni, dawn il-patti territorjali għandhom iħaddnu l-Fondi tal-Koeżjoni, il-FEŻER, l-FSE, il-FAEŻR u l-FES u jassiguraw il-koerenza mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma billi jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħhom fit-territorju;

47.

jilqa’ l-applikazzjoni ta’ programmi operattivi, bħalma jsir għall-perijodu attwali, bħala għodda prinċipali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. F’dan ir-rigward, ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tfassil, in-negozjati kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi;

48.

jappoġġja l-istabbiliment ta’ rapporti annwali dwar l-eżekuzzjoni li bis-saħħa tagħhom jingħata rendikont tat-twettiq tal-objettivi matul il-perijodu kollu tal-programmazzjoni, kif inhu l-każ bħalissa. Min-naħa l-oħra, ma jarax l-iskop li tiġi introdotta eżiġenza ġdida li ssir evalwazzjoni matul l-eżekuzzjoni tal-programmi hekk kif parti determinata tal-fondi tiġi ċċertifikata lill-Kummissjoni Ewropea;

49.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu organizzati dibattiti politiċi b’mod regolari fil-forums kompetenti differenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, huwa lest jgħin lill-Kummissjoni Ewropea torganizza dibattiti mal-membri tiegħu fl-okkażjoni tas-sessjonijiet plenarji jew il-laqgħat tal-Kummissjoni COTER;

50.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li huwa importanti ħafna li l-ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni jiltaqgħu regolarment f’konfigurazzjoni formali tal-Kunsill  (13) sabiex jitkellmu dwar l-avvanz tal-programmazzjoni u biex jevalwaw il-progress li jsir fir-rigward tal-objettivi mixtieqa;

Sħubijiet u governanza

51.

jemmen li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 jiddependi minn implimentazzjoni li tinvolvi lill-atturi differenti kkonċernati fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali permezz ta’ sistema ta’ governanza f’diversi livelli. F’dan ir-rigward, ifakkar fil-ħtieġa li jiġu żviluppati patti territorjali li jinvolvu b’mod aktar dirett lill-awtoritajiet reġjonali u lokali;

52.

ifakkar fl-importanza ta’ kriterji iktar b’saħħithom u iktar dettaljati li jwasslu għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi Komunitarji u nazzjonali kif ukoll tal-programmi operattivi. Jifraħ li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jenfasizzaw li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-atturi soċjoekonomiċi tat-territorju huma fattur deċiżiv għas-suċċess tal-politika ta’ koeżjoni;

Prestazzjoni, kundizzjonalità, inċentivi u penali

53.

iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiżguraw l-ogħla prestazzjoni tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tagħhom kif ukoll sabiex jiżviluppaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-kumplessità tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, l-aktar f’termini ta’ piż amministrattiv u burokrazija; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati livelli adegwati ta’ finanzjament sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jieħdu sehem b’mod adatt fil-proġetti ewlenin iffinanzjati permezz tal-Fondi Strutturali;

54.

jopponi bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kundizzjonalità makroekonomika hekk imsejħa esterna, jiġifieri li ma jingħatawx il-Fondi Strutturali li huma disponibbli għar-reġjuni u l-bliet minħabba l-iżbalji u l-irregularitajiet tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom jew f’każ li l-gvernijiet nazzjonali ma jirrispettawx il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Hemm ir-riskju li l-użu ta’ penali jew inċentivi finanzjarji marbuta mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bil-ħsieb li jiggarantixxu l-konformità mal-kundizzjonijiet makroekonomiċi jippenalizza essenzjalment lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, filwaqt li dawn mhumiex responsabbli għall-fatt li l-Istati Membri ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom fil-qasam (14);

55.

jappoġġja t-twaqqif ta’ kundizzjonalità hekk imsejħa interna li għandha l-għan li ttejjeb l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni. Din ix-xorta ta’ kundizzjonalità għandha tkun marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet tematiċi tal-politika ta’ koeżjoni u ma għandhiex tipprova toħloq rabtiet ma’ riformi strutturali usa’ li huma biss marbuta b’mod indirett mal-funzjonament tal-politika. Għandha tiffoka fuq dawk il-kundizzjonijiet tematiċi u strutturali meħtieġa biex jiġi assigurat l-aħjar użu tar-riżorsi ta’ koeżjoni. Għandha tkun sempliċi, applikabbli, proporzjonali u tiġi valutata ex ante;

56.

jappoġġja l-fatt li jinżamm kofinanzjament Ewropew li jiggarantixxi s-sjieda u r-responsabbilizzazzjoni tal-atturi lokali. Bħalma qed jiġri fil-perijodu attwali, ir-rati ta’ kofinanzjament Komunitarju għandhom jiġu aġġustati għal kull objettiv skont il-livell ta’ żvilupp ta’ kull reġjun. Mill-banda l-oħra, il-Kumitat jopponi kwalunkwe tnaqqis fir-rati ta’ kofinanzjament; dawn m’għandhomx iservu bħala varjabbli tal-aġġustamenti f’każ ta’ restrizzjonijiet baġitarji li jirriżultaw mill-ftehim interistituzzjonali dwar il-perspettivi finanzjarji li jmiss. Barra minn hekk, il-Kumitat jistaqsi kif ser taħdem is-sistema proposta mill-Kummissjoni Ewropea li r-rati ta’ konfinanzjament ivarjaw skont il-valur miżjud Komunitarju, it-tipi ta’ azzjonijiet u l-benefiċjarji. Hemm ir-riskju li sistema ta’ dan it-tip tiftaħ it-triq għal kumplessitajiet li jistgħu joħolqu l-irregularitajiet, u li tkompli tikkumplika l-kompiti tal-awtoritajiet tal-ġestjoni. Fl-aħħar nett, ifakkar li r-rati ta’ kofinanzjament għal kull prijorità għandhom jiġu stabbiliti fil-livell ta’ kull programm operattiv sabiex ikunu adatti għall-objettivi prijoritarji miżmuma;

57.

jopponi l-proposta li tiġi stabbilita riserva ta’ prestazzjoni bbażata fuq l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, li għaliha jidher li hu diffiċli li jiġu definiti kriterji oġġettivi għall-allokazzjoni. Hemm ir-riskju li riserva ta’ prestazzjoni bħal din tkun ta’ benefiċċju għall-aktar reġjuni effiċjenti mingħajr ma jitqiesu l-isforzi li jagħmlu ċerti reġjuni li mhux dejjem ikollhom kundizzjonijiet favorevoli mil-lat territorjali, ekonomiku jew soċjali, u mingħajr ma titqies in-natura ta’ ċerti soluzzjonijiet, b’mod partikolari s-soluzzjonijiet integrati kumplessi, li jeħtieġu tħejjija fit-tul. Riserva ta’ prestazzjoni tista’ twassal għad-definizzjoni ta’ għanijiet inqas ambizzjużi mill-Istati Membri. Barra minn hekk, jemmen li l-ħolqien ta’ riserva ta’ prestazzjoni, sew jekk tkun stabbilita fil-livell Komunitarju sew f’dak nazzjonali, ma tiggarantixxix li l-investiment ikun aktar effikaċi. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jista’ jappoġġja l-ħolqien ta’ riserva ta’ flessibbiltà (li ma tkunx ibbażata fuq kriterju ta’ prestazzjoni) fuq il-bażi ta’ approprjazzjonijiet li jiġu diżimpenjati b’mod awtomatiku matul il-perijodu ta’ programmazzjoni bil-għan li:

tiffinanzja l-inizjattivi sperimentali fil-qasam tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli jew inklużiv;

kif ukoll li l-Fondi Strutturali jkunu jistgħu jintużaw f’sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika, soċjali jew ambjentali flimkien mal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

58.

jaċċetta l-bżonn li jiġu stabbiliti forom ġodda ta’ kundizzjonalitajiet finanzjarji (imsejħa interni) li jkunu marbuta mar-riżultati, filwaqt li, biex tiġi garantita implimentazzjoni koerenti tas-sistema ta’ kundizzjonalità strutturali, iqis li huwa indispensabbli li jiġu definiti kriterji – ġenerali, ġusti, proporzjonati u bbażati fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali – li abbażi tagħhom ikun possibbli jiġi stabbilit jekk kundizzjoni partikolari tkunx intlaħqet jew le. L-objettivi kwantifikati għandhom iservu għat-tmexxija strateġika tal-programmazzjoni mingħajr ma joħolqu spejjeż żejda sproporzjonati. Filwaqt li jiġu definiti bil-għajnuna ta’ għadd limitat ta’ indikaturi tat-twettiq u tar-riżultati, dawn jippermettu li jitkejjel il-progress li jinkiseb mis-sitwazzjoni tat-tluq kif ukoll it-twettiq tal-objettivi li jimplimentaw il-prijoritajiet. Għalhekk m’għandux ikun hemm penali jekk ir-riżultati mistennija ma jintlaħqux għalkollox. Kif fakkru l-ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni li ltaqgħu f’Liège nhar it-22 u t-23 ta’ Novembru 2010, bħalissa qed jiġu implimentati kundizzjonalitajiet kbar u dawn urew li huma effikaċi. Dawn huma, b’mod partikolari, ir-regola tad-diżimpenn awtomatiku, ir-regoli tal-għeluq, tal-approvazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ verifika, il-prinċipji tal-addizzjonalità u tal-kofinanzjament, eċċ. Għalhekk, dawn il-kundizzjonalitajiet interni jistgħu jitkomplew u jittejbu;

59.

ifakkar li l-kontributi li jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-konformità mal-prinċipju tal-konfinanzjament jagħmlu lill-Kumitat tar-Reġjuni totalment leġittimu li jipparteċipa fid-djalogu kostruttiv mixtieq mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li ssir diskussjoni fil-fond dwar il-modalitajiet differenti tal-kundizzjonalità li huma ppreżentati fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni, fil-kuntest ta’ task force dwar il-kundizzjonalità, flimkien mal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew;

Evalwazzjoni u r-riżultati mistennija

60.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiffoka aktar fuq ir-riżultati permezz ta’ objettivi u indikaturi tar-riżultati ċari, li jistgħu jitkejlu, u li jiġu stabbiliti b’approċċ minn isfel għal fuq skont l-objettivi speċifiċi ta’ kull reġjun. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni tista’ taqa’ għat-tentazzjoni li tivvaluta l-prestazzjonijiet biss skont il-progress li jkun sar b’mod konkret fit-twettiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020. F’dan ir-rigward, ifakkar li l-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 diġà wettaq avvanz f’dan il-qasam bl-istabbiliment ta’ evalwazzjoni ex-ante, in itinere u ex-post li għandha tagħti rendikont qabel ma nkomplu mexjin f’din it-triq;

61.

jappoġġja l-użu ta’ numru limitat ta’ indikaturi komuni b’rabta mal-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u tal-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tistabbilixxi evalwazzjoni globali u kontinwa tal-perijodu kollu ta’ programmazzjoni. Madankollu, il-parti l-kbira tal-indikaturi għandhom jiġu stabbiliti fil-livell reġjonali skont l-ispeċifiċitajiet territorjali ta’ kull reġjun u l-prijorità miżmuma. Barra minn hekk għandhom jirriflettu l-ħtieġa ta’ soluzzjoni proposta għall-iżvilupp territorjali;

Strumenti ta’ inġinerija finanzjarja

62.

jappoġġja l-użu ta’ strumenti ta’ inġinerija finanzjarja sabiex jiżdied l-effett ta’ lieva tal-fondi Komunitarji. Madankollu, jiddispjaċih li l-Kummissjoni tapplika restrizzjonijiet tematiċi biex tistabbilixxi d-dritt għall-għajnuna u jemmen li huwa indispensabbli li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu f’liema livell (nazzjonali, reġjonali) jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji bl-aktar mod effettiv possibbli. Però l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti għandha tkun semplifikata u espliċita sabiex:

tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-BEI u ta’ korpi bankarji rilevanti oħra fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inkoraġġuti jużaw aktar dawn l-istrumenti u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom; u

jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-reġjuni kollha, kbar u żgħar, billi l-istrumenti attwali huma mfassla biss għal azzjonijiet fuq skala kbira;

63.

għandu d-dubju dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-appoġġ finanzjarju jiġi mmirat lejn l-intrapriżi, l-aktar permezz tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja, filwaqt li s-sussidji jitħallew għall-kofinanzjament ta’ programmi ta’ għajnuna ffokati fuq l-innovazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent, eċċ. L-għajnuna għall-intrapriżi fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni ma tistax issir biss permezz tal-inġinerija finanzjarja u ma tneħħix il-bżonn għas-sussidji, billi mhux kull attività tista’ tiġi ffinanzjata mis-self. U mhux il-korpi kollha jistgħu jieħdu f’idejhom il-ġestjoni ta’ proġetti ffinanzjati mis-self. Il-kriżi wriet li f’perjodu ta’ reċessjoni l-istrumenti bbażati fuq is-suq ma jistgħux jitħaddmu. Huwa f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jagħżlu t-tip ta’ għajnuna l-aktar adatta skont in-nisġa ekonomika u intraprenditorjali ta’ kull reġjun, u fid-dawl tal-politika tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, tal-għajnuna għal finijiet reġjonali;

Semplifikazzjoni

64.

jopponi kwalunkwe modifika sostanzjali tas-sistema attwali tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tar-riformulazzjoni tar-regolament finanzjarju. Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżomm is-sistema attwali li qed tibda tħalli l-frott fir-rigward tat-tnaqqis tar-rati tal-iżbalji u tal-irregularitajiet, filwaqt li ttejjibha u tissemplifikaha kif meħtieġ;

65.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni tkun effikaċi u tagħti prestazzjoni aħjar billi jinstab bilanċ bejn is-sempliċità u l-effiċjenza tal-proċeduri u l-ġestjoni finanzjarja bil-għan li tiżdied il-prattikabbiltà u t-trasparenza tal-politika ta’ koeżjoni. Ir-rikonoxximent tal-kompetenza sħiħa tar-reġjuni fil-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi reġjonali ser ikun wieħed minn dawn l-elementi ta’ bilanċ. Barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun jista’ jipproponi soluzzjonijiet biex jappoġġja kull proposta li l-għan tagħha jkun li tkompli tissemplifika r-regoli tal-implimentazzjoni tal-fondi għall-awtoritajiet tal-ġestjoni, u tal-ksib tal-finanzjamenti għall-benefiċjarji. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tissokta bir-riflessjonijiet tagħha dwar is-semplifikazzjoni sabiex tkun tista’, b’mod partikolari, tnaqqas iż-żmien li jittieħed biex jiġu rimborżati l-benefiċjarji;

66.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tuża metodi semplifikati għar-rimborż tal-benefiċjarji billi jiġu standardizzati l-ispejjeż kemm għall-FEŻR kif ukoll għall-FSE. Jappella lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippermettu implimentazzjoni rapida ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li ser jikkontribwixxu wkoll biex il-programmazzjoni tkun ikkonċentrata aktar fuq ir-riżultati mistennija;

67.

huwa favur reviżjoni tal-proċeduri relatati mal-programmi tal-kooperazzjoni territorjali bil-għan li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-programmi kollha sabiex il-proċeduri tal-verifika aċċettati fil-livell nazzjonali jkunu jistgħu japplikaw għall-imsieħba, u b’hekk l-imsieħba ewlenin ma jkollhomx għalfejn jikkonfermaw il-verifiki minn Stati Membri oħra;

68.

iwissi lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-proposta li jiġu stabbiliti dikjarazzjonijiet tal-immaniġġjar ffirmati mill-awtoritajiet tal-ġestjoni u l-Qorti tal-Awdituri. Proposta bħal din m’għandhiex twassal biex tagħmel il-kompitu tal-awtoritajiet reġjonali u lokali aktar diffiċli minħabba r-regoli tal-kontroll u tal-verifika, u biex il-Kummissjoni Ewropea taħrab mir-responsabbiltà tagħha ta’ interpretazzjoni u appoġġ fis-suġġett;

69.

jenfasizza li l-kontroll finanzjarju u tal-verifika jridu jkunu bbażati b’mod ċar fuq il-konformità regolatorja u għandhom ikunu proporzjonali; u jopponi bil-qawwa l-proċess ta’ “regolamentazzjoni gradwali”, li permezz tiegħu l-awtoritajiet tal-ġestjoni jkunu “mħeġġa” jħejju ċerti pjani ta’ valutazzjoni meta ma jkun hemm l-ebda ħtieġa biex dan isir, u li, permezz ta’ dan il-proċess ukoll, il-listi standardizzati ta’ kontroll li jintużaw mill-awdituri, provduti mill-Coordination Committee of the Funds (Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Fondi – COCOF), ikunu jinkludu elementi li mhumiex fir-Regolamenti tal-UE u lanqas ma jkunu ħtieġa tar-regolamenti nazzjonali;

70.

jifraħ bil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li l-ewwel sena tal-programmazzjoni tiġi eskluża mir-regola tad-diżimpenn awtomatiku, u jixtieq li din l-ewwel sena tkun ġustifikata biss meta jingħalaq il-programm operattiv. Dispożizzjoni bħal din tippermetti li jitneħħa d-dewmien li jkun hemm fil-bidu tal-perijodu ta’ programmazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jridu jaraw li l-adozzjoni tal-programmi operattivi tkun effettiva b’approċċ kemm jista’ jkun minn isfel għal fuq bil-għan li jintaqqsu r-riskji ta’ dewmien fil-bidu tal-perijodu;

71.

jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma tipproponi l-ebda semplifikazzjoni rigward il-proġetti li jiġġeneraw id-dħul, li l-kumplessità tal-mod tal-kalkolu tagħhom tidher li qed tkun kontroproduttiva u qed taqta’ qalb dawk responsabbli għalihom. Barra minn dan, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tissemplifika u tħaffef is-sistema tal-approvazzjoni tal-proġetti l-kbar;

72.

jappoġġja l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż bejn l-oqsma ta’ azzjoni, l-istrumenti u r-riżorsi – permezz ta’ dispożizzjonijiet dettaljati fil-Qafas Strateġiku Komuni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali direttament assoċjati miegħu – biex jiġu semplifikati l-proċeduri tal-implimentazzjoni u biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji tal-irregularitajiet. Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jipparteċipaw bis-sħiħ fl-istabbiliment ta’ dawn ir-regoli tal-eliġibbiltà flimkien mal-Istati Membri biex tiġi assigurata l-interpretazzjoni komuni tajba u l-applikazzjoni tar-regolamenti Komunitarji fil-livell nazzjonali u f’dak reġjonali.

Brussell, 1 ta’ April 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Iżvilupp u l-Koeżjoni Territorjali (ESPON).

(2)  Ara l-Opinjoni dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013 – CdR 370/2010 (relatur: Catiuscia Marini, IT/PSE).

(3)  Laqgħa ministerjali informali li saret f’Liège nhar it-22 u t-23 ta’ Novembru 2010.

(4)  Ara l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar l-iżvilupp urban sostenibbli.

(5)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KtR dwar Strateġija għaż-żona ġeografika tal-Baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż – CdR 99/2010 fin (relatur: Hermann Kuhn, DE/PSE).

(6)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-perspettivi ġodda għar-reviżjoni tar-Regolament REKT – CdR 100/2010 riv. 3 (relatur: Alberto Nuñez Feijoo, ES/PPE).

(7)  Ara l-Artikolu 174 TFUE: “żoni rurali, […] żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u […] reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi”.

(8)  Il-programm RURBACT ikun ibbażat fuq l-evoluzzjoni u t-tisħiħ tal-programm URBACT, fid-dawl tal-esperjenza tan-netwerk RURACT sabiex titqies aħjar ir-rabta bejn id-dimensjonijiet urbani u rurali.

(9)  Ara l-eżempju tal-kunsiderazzjoni tal-koeżjoni territorjali fl-approċċ integrat tal-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali fl-Italja matul il-perijodu 2000-2006. Dawn il-proġetti territorjali integrati jkopru seba’ reġjuni NUTS II, b’implimentazzjoni fil-livell sottoreġjonali.

(10)  Ara l-eżempju tal-Grupp ta’ Azzjoni Lokali fil-qafas tal-programm LEADER+.

(11)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali (relatur: Jean-Yves Le Drian, FR/PSE), CdR 274/2008 fin.

(12)  L-identifikazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkunu firmatarji għandha ssir fil-livell ta’ kull Stat Membru skont it-tqassim tal-kompetenzi sottoreġjonali.

(13)  Din tista’ tkun konfigurazzjoni speċifika għall-politika ta’ koeżjoni, jew inkella sessjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali li jkunu ddedikati għall-politika ta’ koeżjoni, bil-preżenza tal-ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni.

(14)  Opinjoni tal-KtR tal-1 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, relatur: is-Sur Tatsis (EL/PPE), CdR 224/2010 fin, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tal-KtR dwar il-prijoritajiet għall-2011 adottata fit-2 ta’ Diċembru 2010, CdR 361/2010 fin (speċjalment punt 10).