7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/52


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Att dwar is-Suq Uniku”

2011/C 166/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta’ bilanċ ġenerali bejn it-tliet pilastri mhux biss fir-rigward tal-għadd ta’ miżuri proposti, in-natura tagħhom, iċ-ċarezza tal-kontenut tagħhom iżda wkoll l-istat tal-progress tal-implimentazzjoni tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-proposti tagħha fir-rigward it-tieni u t-tielet pilastru - fost oħrajn, billi tagħti linji gwida għal proposti leġislattivi – biex jintlaħaq il-livell ta’ preċiżjoni tal-proposti tal-ewwel pilastru;

jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona li jistgħu jerġgħu jsawru l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-suq uniku, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-TUE li jistabbilixxi objettivi soċjali ġodda għall-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-applikazzjoni tal-“klawżola soċjali trasversali” kif ukoll l-aċċess universali għas-servizzi essenzjali għaċ-ċittadini tal-UE fil-lokalitajiet tagħhom (Artikolu 14 tat-TFUE u Protokoll Nru 26);

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħti aktar ċareżża b’mod partikolari biex terġa’ tinbet il-fiduċja tal-Ewropej billi, fuq il-bażi tal-iżviluppi tat-Trattat ta’ Lisbona, fi ħdan l-ewwel pakkett ta’ miżuri tiġbor il-proposti kollha relatati mal-aċċess għas-servizzi essenzjali – waħda mill-preokkupazzjonijiet ta’ kuljum tal-Ewropej; għalhekk, jirrakkomanda li l-proposti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Karta tad-drittijiet fundamentali (nru 29), mar-riforma tas-sistemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u l-ħolqien ta’ “passaport Ewropew tal-ħiliet” (nru 33 u nru 35), mat-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (nru 30), mas-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u s-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (nru 17 u nru 25), mal-intraprendenza soċjali (nru 36), mat-tnaqqis tal-ostakli fiskali li għadhom jaffrontaw iċ-ċittadini Ewropej (nru 42) u mal-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi (nru 40) jiġu integrati fl-ewwel pakkett ta’ miżuri

jipproponi li jiġu stabbiliti patti territorjali fejn, permezz ta’ approċċ reġjonali flessibbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw l-attivitajiet u l-fondi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin. Hemm bżonn ta’ enfasi partikolari fuq proġetti li jippromovu l-innovazzjonijiet soċjali fir-reġjun ikkonċernat u li jkollhom l-akbar impatt possibbli fuq is-soċjetà. L-użu tal-patti territorjali u l-kontenut ta’ dawn il-patti huma parti mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għall-proġetti.

Relatur

is-Sur Jean-Louis DESTANS (FR/PSE), President tal-Kunsill Ġenerali tal-Eure

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”

COM(2010) 608 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tressaq għal dibattitu pubbliku wiesa’ proposta għal “Att dwar is-Suq Uniku” ibbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna u msejjes fuq il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni ġenwina f’dan il-proġett min-naħa taċ-ċittadini Ewropej; jemmen li dan id-dokument jista’ jservi ta’ pjan direzzjonali għall-Kummissjoni Ewropea sal-2014 fir-rigward tal-politiki interni ewlenin tal-Unjoni u li l-prestazzjoni tal-Kummissjoni ser tiġi evalwata fid-dawl tal-kisbiet f’dan il-qasam;

2.

jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ Mario Monti, dwar il-fatt inkwetanti li ċ-ċittadini tal-UE qed ikunu dejjem aktar diżappuntati dwar is-suq uniku; itenni l-ħtieġa assoluta li tinstab soluzzjoni permezz tal-implimentazzjoni effettiva tas-suq uniku mhux bħala objettiv fih innifsu iżda bħala strument immirat lejn l-objettivi stabbiliti mit-Trattat ta’ Lisbona;

3.

jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li s-suq intern għandu jippermetti lill-UE tgawdi l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, jiftaħ oqsma ġodda tal-għarfien u tal-innovazzjoni bbażati fuq l-ekonomija diġitali, irawwem tkabbir sostenibbli għall-ħolqien tal-impjiegi għal kulħadd u jippromovi l-benesseri soċjali;

4.

għaldaqstant, japprova l-approċċ tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq approċċ globali tas-suq uniku li jmur lil hinn mill-objettiv sempliċi li jimla l-lakuni;

5.

jappella għat-tneħħija tal-ostakli għas-suq uniku diġitali. Hemm bżonn ta’ azzjoni minnufih li permezz tagħha jinħoloq suq fl-Ewropa kollha li jkun effettiv, ħaj u li jibqa’ jikber għall-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali legali u s-servizzi onlajn. Permezz ta’ dan ikunu jistgħu jinħolqu intrapriżi globalizzati ġodda, jissaħħu dawk li jeżistu diġà u, b’konsegwenza ta’ dan, tkun tista’ sseħħ żieda rapida fl-impjiegi bbażati fuq il-kultura u l-għarfien espert Ewropew biex il-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jiżguraw proporzjon li qed jikber tas-suq diġitali globali fil-kontenut u s-servizzi;

6.

jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li għandu l-għan jibbilanċja mill-ġdid is-suq uniku billi jibbażah fuq tliet pilastri: aspett ekonomiku biex jappoġġja t-tkabbir tal-intrapriżi; aspett soċjali biex isawwar mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE u aspett tal-governanza mtejba;

7.

madankollu, jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta’ bilanċ ġenerali bejn it-tliet pilastri mhux biss fir-rigward tal-għadd ta’ miżuri proposti, in-natura tagħhom, iċ-ċarezza tal-kontenut tagħhom iżda wkoll l-istat tal-progress tal-implimentazzjoni tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-proposti tagħha fir-rigward it-tieni u t-tielet pilastru - fost oħrajn, billi tagħti linji gwida għal proposti leġislattivi – biex jintlaħaq il-livell ta’ preċiżjoni tal-proposti tal-ewwel pilastru;

8.

jafferma li hemm bżonn li jkun hemm rabta strutturali bejn l-Att dwar is-Suq Uniku u l-Istrateġija Ewropa 2020. Fil-fatt, l-Att dwar is-Suq Uniku m’għandux l-istatus ta’ pjattaforma tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Kummissjoni tikkunsidrah biss bħala “lieva” tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-istess bħall-politika kummerċjali jew l-appoġġ finanzjarju ġenerali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota b’dispjaċir li l-prijoritajiet ta’ tkabbir għall-intrapriżi (tkabbir “qawwi, sostenibbli u ġust”) ma jikkorrespondux mal-prijoritajiet ta’ tkabbir tal-Istrateġija Ewropa 2020;

9.

jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona li jistgħu jerġgħu jsawru l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-suq uniku, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-TUE li jistabbilixxi objettivi soċjali ġodda għall-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-applikazzjoni tal-“klawżola soċjali trasversali” kif ukoll l-aċċess universali għas-servizzi essenzjali għaċ-ċittadini tal-UE fil-lokalitajiet tagħhom (Artikolu 14 tat-TFUE u Protokoll Nru 26);

Tkabbir qawwi, sostenibbli u ġust għall-intrapriżi

10.

jinsab konvint li s-suq intern jista’ jopera b’mod effettiv biss jekk l-intrapriżi jkunu kompetittivi u jekk joħloq vantaġġi soċjali għaċ-ċittadini tal-UE;

11.

jiddispjaċih li l-parti tal-Komunikazzjoni dwar it-tkabbir tal-intrapriżi tidher li tikkunsidra biss l-intrapriżi privati, għalkemm it-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku hija wkoll ta’ importanza kbira għall-ekonomja soċjali. Kemm is-sitwazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-qagħda tal-iżvilupp tal-intrapriżi lokali għandhom jitqiesu fil-miżuri maħsuba;

12.

jikkunsidra li s-servizzi jikkostitwixxu settur kruċjali għall-irkupru ekonomiku tal-UE Ewropea u jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-impjiegi kollha u tal-ħolqien nett tal-impjiegi kollha fis-suq uniku;

13.

jenfasizza li d-Direttiva dwar is-Servizzi taqdi rwol fit-twettiq tas-suq uniku iżda bosta Stati Membri qed isibuha diffiċli biex jimplimentawha, u jitlob lill-Kummissjoni tissokta bil-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka billi tinvolvi mill-qrib lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-organizzaturi u l-provvedituri ta’ servizzi ewlenin, qabel ma tfassal kwalunkwe miżura leġislattiva ġdida f’dan ir-rigward;

14.

ifakkar fir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-kmamar fl-introduzzjoni ta’ “one-stop shops” li huma parti essenzjali tad-Direttiva dwar is-Servizzi biex il-provvedituri jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha pertinenti u jwettqu l-proċeduri kollha minn punt ta’aċċess uniku;

15.

jitlob lill-Kummissjoni biex hija u tipproċedi tagħti prijorità lit-twettiq tal-analiżi fuq skala kbira dwar il-konsegwenzi tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi f’termini ta’ kwalità tas-servizz u l-impjieg, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-livell ta’ kwalifiki tal-persunal, il-prezz, il-koeżjoni territorjali u l-aċċessibbiltà, u biex tipproponi pjan ta’ azzjoni bbażat fuq il-konklużjonijiet ta’ din l-analiżi fir-rigward tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

16.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi Statut għall-Fondazzjonijiet Ewropej fid-dawl tar-rwol partikolari li jaqdu l-fondazzjonijiet fl-implimentazzjoni effettiva ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna;

17.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed timpenja ruħha biex tqis b’mod partikolari l-bżonnijiet tal-SMEs li jixprunaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll tad-diversifikazzjoni tal-impjiegi; madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrumenti ta’ stimolu għall-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda speċjalment dawk innovattivi u ta’ bażi teknoloġika, u l-istrumenti ta’ finanzjament għall-SMEs u tiżgura li l-mekkaniżmu ta’ garanzija taħt il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni jinżamm tul il-perjodu attwali ta’ finanzjament;

18.

jinsisti li l-objettiv ta’ tnaqqis tal-piż burokratiku ma jkunx ta’ benefiċċju biss għall-intrapriżi iżda wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis bis-sħiħ dan l-objettiv fit-tfassil tal-proposti leġislattivi tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-proċeduri dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, b’konformità mal-prinċipji tal-libertà amministrattiva tal-awtoritajiet lokali, tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà; jappella lill-KtR biex fir-risposta tiegħu għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jressaq proposti dwar is-semplifikazzjoni amministrattiva tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

19.

jifraħ lill-Kummissjoni għall-inizjattivi tagħha bil-għan li jkun hemm regolamentazzjoni aħjar u tnaqqis fil-piż burokratiku fuq l-intrapriżi, b’mod partikolari permezz tal-ħidma tal-grupp ta’ livell għoli, ippresedut mis-Sur Stoiber, li fih kien involut il-KtR. Madankollu, jinnota li r-regolamentazzjoni aħjar mhux bilfors tfisser id-deregolamentazzjoni u li din il-ħidma m’għandhiex tissostitwixxi l-proċess demokratiku;

20.

jitlob li l-valutazzjoni tas-Small Business Act titwettaq billi jiġu involuti mill-qrib l-operaturi ekonomiċi, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu enfasizzati l-aħjar prattiki żviluppati fil-livell lokali u reġjonali; jirrakkomanda li, bl-appoġġ tagħhom, jitfassal pjan direzzjonali globali, kif ukoll skeda ta’ żmien preċiża u mezzi li għandhom jintużaw biex tiġi garantita l-implimentazzjoni effettiva tas-Small Business Act, minkejja n-natura legali mhux vinkolanti tiegħu, b’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza l-importanza li jiġi introdott statut tal-kumpaniji privati Ewropej għall-integrazzjoni konkreta tal-SMEs fis-suq intern;

21.

jitlob lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha bis-sħiħ fil-qasam tat-taxxa tal-UE li hija element fundamentali għal approċċ globali tas-suq uniku u għat-tkomplija tal-kostruzzjoni tal-UE, b’mod partikolari billi tiċċara l-qafas applikabbli fir-rigward tal-VAT u billi tipproponi l-implimentazzjoni ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (CCCTB) biex tiġi ssemplifikata l-ħajja tal-intrapriżi; f’dan il-kuntest; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta dwar dan is-suġġett fit-tieni nofs tal-2011;

22.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija fattur ewlieni għal suq intern li jaħdem bla xkiel. Il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali tistimola l-innovazzjoni u l-kreattività, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija globali dwar il-proprjetà intellettwali li għandha tiggarantixxi tixrid fuq skala kbira kemm jista’ jkun tax-xogħlijiet u tal-għarfien, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet leġittimi ta’ min ikun ħoloqhom. F’dan il-kuntest, interessanti li titqies , pereżempju, is-sistema tal-Creative Commons, u s-sistema ta’ liċenzji assoċjata magħha li qed tikseb importanza dejjem ikbar fil-qasam diġitali u kreattiv;

23.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea talli f’Diċembru 2010 ppreżentat proposta li wittiet it-triq għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-akbar għadd ta’ Stati Membri possibbli bil-għan li tinħoloq privattiva unitarja fl-UE. Din is-sistema unika ta’ protezzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan joħolqu privattiva li tinkiseb fuq talba u li tkun valida fl-Istati parteċipanti; bi pjaċir jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2011 li tawtorizza t-tnedija ta’ kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam;

24.

jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit gradwalment suq uniku ekoloġiku għat-teknoloġiji, is-servizzi u l-prodotti emerġenti ambjentali u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, billi jiġu żviluppati standards għall-UE kollha dwar l-emissjonijiet tal-karbonju; jinsisti li l-istandards u t-tikkettar ċar fuq il-prodotti li għandhom prestazzjoni enerġetika tajba għandhom isiru obbligatorji bil-mod il-mod fl-Unjoni kollha. Fil-kuntest tat-tfassil ta’ dawn ir-regoli ġenerali Ewropej jeħtieġ li titqies iż-żieda fl-ispejjeż li dawn jistgħu jinvolvu għall-SMEs;

25.

jinsisti li l-proposti tal-Kummissjoni dwar it-trasport, b’mod partikolari l-White Paper li jmiss dwar il-politika tat-trasport, ma jkunux limitati għat-tneħħija tal-ostakli li għad fadal bejn il-mezzi u s-sistemi ta’ trasport nazzjonali. Jeħtieġ li dawn jinkludu objettiv ambjentali, il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà u tan-nuqqasijiet fit-territorju kollu, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni fiż-żoni l-aktar imbiegħda, fejn il-konnessjoni maż-żoni ċentrali Ewropej u l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni tan-netwerks tagħhom fin-netwerk Ewropew huma fundamentali għall-ħolqien ta’ suq uniku reali u effettiv. B’mod partikolari, hemm bżonn li nippromovu innovazzjonijiet ta’ trasport intelliġenti ġodda bl-użu tat-teknoloġija diġitali, skemi pilota relatati u l-introduzzjoni b’mod mifrux tar-riżultati;

26.

jenfasizza li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-infrastrutturi trans-Ewropej huma frott il-politiki u l-pjani ta’ tagħmir imwettqa fl-oqfsa nazzjonali tal-Istati Membri u, għalhekk, għadhom limitati wisq minħabba r-referenza għall-qafas ġeografiku nazzjonali;

27.

jemmen li huwa ferm importanti li jitnieda self obbligatorju Ewropew għall-proġetti (project bonds), sabiex jiġu ffinanzjati xogħlijiet kbar u li jkollhom effetti ekonomiċi fil-perjodu l-medju u fit-tul. Dan il-mekkaniżmu jista’ jsaħħaħ il-viżibbiltà tal-interventi tal-UE, iżda l-iktar l-effikaċja tagħha. Jista’ jkollu effett ta’ lieva pożittiv immens fuq id-dinamika tas-suq intern u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali;

28.

madankollu, jenfasizza li s-self obbligatorju Ewropew għall-proġetti (project bonds) għandu jikkomplementa r-rwol tal-fondi strutturali, u mhux jiħdilhom posthom;

29.

jixtieq jistieden lill-Kummissjoni biex ma ddumx ma tippreżenta proposti rigward il-mod li bih ser ikun possibli jitwaqqfu netwerks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija interkonnessi fil-livell tal-UE, sabiex b’hekk tkun żgurata provvista tal-enerġija affidabbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; il-Kumitat jixtieq li dawn il-proposti jkopru r-reġjuni ġeografikament żvantaġġati tal-UE, pereżempju l-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi;

30.

jitlob li ssir analiżi aktar bir-reqqa tal-idea tal-Eurobonds li, permezz ta’ qsim parzjali tad-dejn pubbliku, tippermetti lill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro jibbenefikaw minn rati ta’ interess li jkunu qrib ta’ dawk li attwalment għandhom l-aqwa prestazzjoni, tillimita l-ispekulazzjoni fir-rigward tas-self nazzjonali u twassal għal qabża kwalitattiva fil-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji;

31.

iqis li l-proposti relatati mal-kummerċ elettroniku u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi onlajn għandhom jintegraw il-kwistjoni tal-aċċess b’veloċità għolja u għolja ħafna u dik tal-finanzjament tal-infrastrutturi fit-territorju kollu tal-UE. Għandha tingħata attenzjoni partikolari li jiġu koperti r-reġjuni ġeografikament żvantaġġati, li l-iżvilupp ekonomiku tagħhom għandu jibbenefika b’mod konsiderevoli mill-iżvilupp ta’ dawn in-netwerks;

32.

ifakkar li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandha potenzjal kbir ta’ effikaċja għall-benefiċċju taċ-ċittadini; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala deċiżjoni organizzattiva interna li mhijiex koperta mil-liġi dwar l-akkwist pubbliku, b’konformità mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

33.

jafferma li, b’mod partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar is-swieq pubbliċi huma ta’ importanza kbira; jiddispjaċih li l-komunikazzjoni interpretattiva dwar is-swieq pubbliċi li ma jilħqux il-limitu sfortunatament toħroġ fid-dieher nuqqas ta’ sensitivittà min-naħa tal-Kummissjoni għall-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward; jinsisti li, fil-kuntest ta’ diskussjonijiet futuri dwar din il-kwistjoni, jinstabu soluzzjonijiet li jiżguraw is-sigurtà legali fl-interess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-akbar trasparenza u semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għażla u tal-għoti, partikolarment meta l-awtoritajiet tal-għoti jkollhom il-ħsieb li jużaw il-possibbiltà li jillimitaw l-għadd ta’ kandidati li jiġu mistiedna li jressqu offerta;

34.

iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tas-suq uniku fuq il-bażi tal-prinċipju tar-reċiproċità, biex din tkun il-bażi biex tiġi ffaċċjata l-globalizzazzjoni u l-intrapriżi jitħejjew għall-kompetizzjoni internazzjonali; f’dan ir-rigward, jappoġġja kull inizjattiva tal-Kummissjoni intiża biex tarmonizza l-istandards internazzjonali mal-istandards tal-UE, b’mod partikolari dawk soċjali u ambjentali, u li mingħajr din l-armonizzazzjoni dawn l-istandards jistgħu jitqiesu li jwasslu għal nuqqas ta’ kompetittività għall-ekonomija tal-UE;

35.

jitlob li fil-liġi Komunitarja jiġu riflessi l-impenji li daħlet għalihom l-UE fir-rigward tal-aċċess għas-swieq fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi. Din it-traspożizzjoni tagħti ċarezza u sigurtà legali indispensabbli lill-awtoritajiet kontraenti;

36.

ifakkar li s-suq uniku joffri potenzjal f’termini ta’ impjiegi, tkabbir u kompetittività – b’mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ tas-servizzi – u li, biex isir l-aħjar użu possibbli minn dan il-potenzjal, jeħtieġ li jiġu implimentati politiki strutturali ta’ appoġġ b’saħħithom. Jinsisti bis-saħħa biex din id-dimensjoni tiġi integrata malajr fl-att għall-irkupru tas-suq uniku billi tissejjes fuq politika ta’ koeżjoni msaħħa li tkun ukoll politika ta’ appoġġ għall-kompetittività tal-UE. Hija l-effett indispensabbli tas-suq uniku, l-istrument ta’ konverġenza pożittiva tal-istandards tal-ħajja u għodda essenzjali biex l-istrateġija ta’ żvilupp tat-territorji tintrabat mal-prijoritajiet politiċi definiti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

37.

jenfasizza l-importanza tal-industrija tal-ekonomija tal-UE li waħedha tirrappreżenta 85 % tan-nefqa fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tal-intrapriżi u l-mutur ewlieni tat-talba għas-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ dan fil-proposta finali tagħha għal Att dwar is-suq uniku u li jorbotha b’mod adatt mal-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali fl-era tal-globalizzazzjoni;

38.

iqis ukoll li l-politika tal-kompetizzjoni taqdi rwol deċiżiv fil-kapaċità tal-intrapriżi tal-UE biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni, pereżempju fir-rigward ta’ fużjonijiet u konċentrazzjonijiet, ta’ kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, ta’ trasferiment tan-know-how u tat-teknoloġija, ta’ għajnuna għall-esportazzjoni u għall-innovazzjoni, jew inkella fir-rigward ta’ piż burokratiku u amministrattiv fuq l-SMEs. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Komunikazzjoni ma tirreferix għall-politika ta’ kompetizzjoni u li ma nħolqot l-ebda rabta bejn l-objettivi tal-politika ta’ kompetizzjoni u l-Att dwar is-Suq Uniku. Jinsisti li hemm bżonn ta’ politika ta’ kompetizzjoni li tkun għas-servizz ta’ ekonomija soċjali ta’ suq kompetittiva ħafna;

39.

huwa tal-fehma li l-benefiċċji tas-suq intern mhumiex mqassma b’mod ugwali fost ir-reġjuni differenti tal-Ewropa. L-aktar li huma milquta huma r-reġjuni l-aktar imbiegħda li, minħabba l-limitazzjonijiet kbar li għandhom, isibuha iktar diffiċli biex igawdu minn dawn il-benefiċċji. Għaldaqstant, iwissi biex tingħata attenzjoni ħalli t-tfassil tal-politiki Ewropej marbutin mas-suq intern jiġu adattati fuq il-bażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, l-aktar fir-rigward tal-provvista tas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-kjarifika tal-qafas applikabbli tal-VAT;

L-Ewropej fil-qalba tas-suq uniku

40.

jiddispjaċih li din il-parti tal-Komunikazzjoni mhijiex adattata biżżejjed għall-preokkupazzjonijiet ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE fit-territorji tagħhom (l-impjieg, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport...) u jilmenta li l-Kummissjoni Ewropea mhix qed tisfrutta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona;

41.

iqis li l-mudell Ewropew, u b’mod partikolari d-dimensjoni soċjali ta’ dan il-mudell, huwa sors ta’ kompetittività fil-perjodu fit-tul: il-mobilizzazzjoni ta’ ħaddiema kkwalifikati, immotivati u b’saħħithom kif ukoll ta’ intraprendituri, min iħaddem u riċerkaturi kulma jmur ser issir l-element prinċipali għal kompetittività fit-tul ibbażata fuq l-innovazzjoni u l-kwalità;

42.

jagħraf l-importanza kruċjali tal-edukazzjoni u l-kwalifikigħall-ħolqien kapaċi jiġġeneraw it-tkabbir, tal-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali li huma prerekwiżiti għas-suċċess tas-suq intern;

43.

jappoġġja l-proposta li jitfassal qafas ta’ kwalità għall-apprendistati li jista’ jkun element deċiżiv biex iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u għall-mobbiltà fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa. Dan il-qafas, imfassal bl-appoġġ tal-imsieħba soċjali, għandu jikkonsisti minn għadd minimu ta’ drittijiet u obbligi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali u għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rimunerazzjoni, jew forom oħra ta’ kumpens għal min ikun qed jitħarreġ skont id-dħul fl-Istati Membri rispettivi;

44.

iqis li huwa indispensabbli li jiġu promossi l-għaqdiet u l-għarfien tal-kwalifiki bejn l-Istati Membri mingħajr ma jinħoloq mudell Ewropew uniku għall-edukazzjoni; madankollu, huwa tal-fehma li l-objettiv tal-Kummissjoni Ewropea li taġġorna d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (Direttiva 2005/36/KE) għandu jiġi implimentat biss wara li ssir evalwazzjoni fil-fond tas-sistema attwali. L-għan għandu jkun li jiġu ssemplifikati r-regoli eżistenti u li l-professjonijiet jiġu integrati aktar fis-suq uniku;

45.

f’dan il-kuntest, ifakkar li l-kompetizzjoni dinjija u l-orjentazzjoni lejn ekonomiji bbażati fuq l-għarfien u s-servizzi joħolqu sfidi ġodda għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-edukazzjoni. Impjiegi b’livelli baxxi ta’ kwalifiki u b’pagi baxxi m’għandhomx joħolqu grupp ġdid ta “fqar li jaħdmu”. Għalhekk jeħtieġ li s-servizzi soċjali jiffukaw b’mod partikolari fuq l-assistenza lill-persuni kkonċernati permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għal kullħadd, u dispożizzjonijiet biex tiżdied il-mobbiltà soċjali;

46.

jenfasizza li hemm bżonn assolut li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku. L-importanza mogħtija lis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali, bħala prodotti pubbliċi, hija għodda importanti għas-suċċess ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol strateġiku fil-promozzjoni tat-tkabbir Ewropew, b’mod partikolari permezz tas-settur pubbliku sottonazzjonali li jirrappreżenta 17,2 % tal-PDG tal-UE u EUR 221 biljun ta’ investiment u li għalhekk l-iżvilupp ta’ servizzi bħal dawn għandu jiġi appoġġjat mill-Unjoni Ewropea;

47.

ifakkar li l-Protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, kif ukoll l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħrfu kemm l-ispeċifiċità u d-diversità tas-servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSIĠ) u l-kompetenza prijoritarja tal-Istati Membri fir-rigward tal-provvista, l-eżekuzzjoni u l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi; madankollu, jenfasizza li l-marġni wiesa’ ta’ flessibbiltà li għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, li biex jiġi implimentat jeħtieġ bażi legali derivata li tiddefinixxi l-interazzjonijiet mal-politiki l-oħra Ewropej; f’dan ir-rigward, jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx inizjattiva skont l-Artikolu 14 tat-TFUE, u li b’hekk ħalliet il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea toħroġ il-pożizzjoni tagħha dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu ċċarati min-naħa tal-leġislatur, b’konformità mal-prinċipju tar-responsabbiltà demokratika;

48.

ifakkar li l-liġi tal-UE tinfluwenza b’diversi modi s-sistemi nazzjonali tal-prestazzjoni tas-servizzi soċjali. Fil-passat rajna li bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat l-UE kellha impatt qawwi fuq l-organizzazzjoni tas-servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali, però ma ġiet assigurata l-ebda ċertezza legali ġenwina għall-provvedituri u għal dawk li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi;

49.

ifakkar li t-Tielet Forum dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, organizzat mill-Presidenza Belġjana tal-UE, ressaq 25 proposta konkreta biex il-liġi Komunitarja tiġi adattata skont l-ispeċifiċitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ finanzjament ta’ dawn is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u d-dispożizzjonijiet tas-sistema tal-kuntratti. Huwa jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tadotta dawn il-proposti, b’mod partikolari fil-qafas tar-reviżjoni tal-pakkett Monti-Kroes u bil-għan li tiġi ssemplifikata l-liġi Komunitarja applikabbli fid-dawl tal-fatt li s-servizzi tagħha huma ta’ natura essenzjalment lokali u tad-densità qawwija tan-nisġa tal-atturi li huma nkarigati li jippromovuhom lokalment u qalb il-popolazzjoni lokali;

50.

jiddispjaċih li l-Att dwar is-Suq Uniku ma jagħmel l-ebda referenza għall-Att dwar l- assoċjazzjonijiet Ewropej li madankollu huma atturi soċjoekonomiċi kruċjali, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali;

51.

jenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-konċessjonijiet tas-servizzi mhumiex koperti mid-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-prinċipju tat-trattament ugwali u t-trasparenza) u li l-awtoritajiet kontraenti pubbliċi għandu jkollhom id-dritt li jiżguraw l-għoti ta’ servizzi permezz ta’ konċessjoni, jekk huma jqisu li dan ikun l-aħjar metodu biex jiġi żgurat is-servizz ta’ interess ġenerali kkonċernat u li r-riskju marbut ma’ operazzjoni ta’ dan it-tip – li jkun limitat ukoll – jiġi ttrasferit kollu kemm hu (1). Għaldaqstant, jemmen li din il-każistika toffri l-bażi meħtieġa biex tiġi konsolidata liġi li żżomm l-istatus quo; huwa kontra proċedura unika għall-akkwist ta’ dawn il-konċessjonijiet li tostakola l-libertà ta’ organizzazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-awtoritajiet lokali b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tar-rekwiżit Komunitarju ta’ pubblikazzjoni minn qabel;

52.

jikkunsidra li l-moviment ħieles tal-ħaddiema u tas-servizzi m’għandux iwassal għad-dumping soċjali. L-erba’ libertajiet tas-suq uniku għandhom jintrabtu mal-klawżola soċjali orizzontali introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 9 tat-TFUE);

53.

jitlob lill-Kummissjoni tipproċedi mingħajr dewmien bl-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew u b’konformità mal-proposta nru 29 tal-Att dwar is-Suq Uniku, li tipproċedi għall-analiżi minn qabel u bir-reqqa tal-impatt soċjali tal-proposti kollha ta’ leġislazzjoni dwar is-suq uniku; isostni li huwa lest jgħin lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-għarfien espert territorjali f’dawn il-valutazzjonijiet ta’ impatt, b’mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020 u n-netwerk tiegħu tas-sussidjarjetà;

54.

jinnota li l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema toħloq problemi rigward ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-ħaddiema; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li s-servizzi tal-Kummissjoni ħadmu flimkien mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali bħala osservaturi, fi grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva li fih qed jiġu studjati d-diffikultajiet attwali, iqis li r-reviżjoni tad-direttiva trid tagħti kas il-konklużjonijiet ta’ dan il-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli u tiċċara l-livell ta’ protezzjoni meqjus adatt u l-flessibbiltà li għandha tingħata lill-imsieħba soċjali u l-Istati Membri fil-każ ta’ mobbiltà temporanja tal-ħaddiema;

L-għodod għal governanza tajba tas-suq uniku

55.

jiddeplora sew il-fatt li hemm differenza bejn l-objettiv ta’ governanza tajba u l-miżuri proposti. Ħidma kollettiva maħsuba biex issaħħaħ is-suq intern għandha ovvjament tqis ir-rapporti bejn il-livell lokali u reġjonali u ma tiffukax l-aktar fuq ir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-UE;

56.

jenfasizza li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ambitu tas-Suq Uniku għandu żewġ lati: bis-saħħa tas-setgħat, il-kompetenzi u l-politiki tagħhom l-awtoritajiet jaqdu qabel kollox rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tas-Suq Uniku. Imbagħad, bis-saħħa tas-servizzi differenti li joffru lill-popolazzjoni jaħdmu qrib iċ-ċittadini tal-UE. Għaldaqstant, jistgħu jidentifikaw in-nuqqas ta’ ftehim li joħloq is-Suq Uniku u jwasslu l-istennijiet taċ-ċittadini. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali m’għandhomx jiġu kkunsidrati biss bħala mezz ta’ trażmissjoni minn fuq għal isfel (l-implimentazzjoni tas-suq uniku). Huma għandhom jaqdu wkoll rwol ta’ mezz ta’ trażmissjoni minn isfel għal fuq (iwasslu l-istennijiet taċ-ċittadini) biex jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-bilanċ tas-suq uniku u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Dan japplika għad-definizzjoni tal-istrateġija globali għat-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku u ser ikun applikabbli wkoll għall-analiżi li jmiss ta’ kull waħda mill-50 proposta li l-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta;

57.

jemmen li l-iżvilupp tal-Att dwar is-Suq Uniku jikkostitwixxi żona politika adatta għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli minħabba d-diversità ta’ atturi minn livelli differenti ta’ governanza involuti u d-diversità ta’ strumenti regolatorji;

58.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fir-rieda tagħha li testendi l-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka tad-Direttiva dwar is-Servizzi biex jinkludi leġislazzjonijiet ewlenin oħra tas-suq uniku billi tispeċifika li, biex ikun effikaċi, dan għandu jiġi estiż b’mod sistematiku għall-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-setturi li jikkonċernawhom, biex isir proċess multilaterali; jirrakkomanda li dan il-proċess jiġi estiż b’mod prijoritarju għal kull inizjattiva tal-Kummissjoni relatata mas-swieq pubbliċi, il-konċessjonijiet tas-servizzi, is-servizzi ta’ interess ġenerali, l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-mobbiltà tal-ħaddiema;

59.

jipproponi li jiġu organizzati forums territorjali tas-suq intern ibbażati fuq il-bżonnijiet essenzjali tal-Ewropej u fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tagħhom fit-territorji tagħhom, għas-servizzi li jolqtu l-preokkupazzjonijiet essenzjali tagħhom: l-impjiegi, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, it-trasport, is-saħħa eċċ.;

60.

jikkunsidra li r-REKT għandhom jgħinu lil xulxin b’mod partikolari għall-esperimentazzjoni transkonfinali ta’ prattiki innovattivi fil-qasam tas-suq intern u tas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet essenzjali tal-Ewropej;

61.

ifakkar li l-għodod informali tar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti, b’mod partikolari n-netwerk Solvit, għadhom mhux magħrufa biżżejjed mal-intrapriżi u ċ-ċittadini. Għaldaqstant, jeħtieġ li titnieda kampanja ta’ komunikazzjoni strutturata biex l-SMEs u ċ-ċittadini jiġu infurmati dwar dawn il-mekkaniżmi u s-soluzzjonijiet barra mill-qorti li joffru u jeħtieġ li jingħataw riżorsi u persunal addizzjonali;

62.

jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha biex jidħlu fis-sistema ta’ informazzjoni dwar is-suq intern li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi toffri spazju ta’ kollaborazzjoni u ta’ skambju bejn awtoritajiet minn Stati Membri differenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi l-applikazzjonijiet ta’ din is-sistema lil hinn mid-Direttiva dwar is-Servizzi u mid-Direttiva dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali;

II.   KONKLUŻJONIJIET

Lejn Patt biex jingħelbu l-isfidi strateġiċi ewlenin attwali

63.

iqis li fid-dawl tan-natura strateġika tal-isfidi attwali jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-proposti tal-Kummissjoni u, kif issuġġerixxa Mario Monti fir-rapport tiegħu lill-President Barroso, li jinħoloq patt ġenwin bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji kollha, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, l-Ewropej u l-intrapriżi bil-għan li flimkien jikkostitwixxu ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna li tkun tista’ tagħti risposti sostenibbli;

64.

jissuġġerixxi li dan il-patt jissejjes abbażi tal-prinċipji ta’ bilanċ stabbiliti mit-Trattati bejn l-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali tas-suq uniku, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-Ewropej, ir-rispett tal-prinċipji ta’ koeżjoni u ta’ solidarjetà bejn il-poplu Ewropew u ta’ twettiq tajjeb tal-missjonijiet imposti mill-awtoritajiet pubbliċi inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fuq is-servizzi ta’ interess ġenerali biex jiggarantixxu l-aċċess għal kulħadd għal servizzi essenzjali;

65.

iqis li ċ-ċarezza ta’ dan il-patt għall-Ewropej u l-SMEs hija neċessità u li din għandha twassal lill-Kummissjoni biex, fil-pakkett tagħha ta’ 50 proposta, tiddefinixxi għadd limitat ta’ azzjonijiet ewlenin b’mod li tkabbar il-viżibbiltà tagħhom fost l-Ewropej u l-SMEs, b’mod partikolari f’termini ta’ impatti reali fuq il-kundizzjonijiet tagħhom fil-ħajja u x-xogħol ta’ kuljum, fit-territorju tagħhom u fil-qasam ta’ attività tagħhom;

66.

jipproponi li dawn l-inizjattivi ewlenin jkunu s-suġġett ta’ segwitu speċifiku f’termini ta’ implimentazzjoni u impatt reali fuq il-ħajja tal-Ewropej u l-SMEs u ta’ azzjoni ta’ komunikazzjoni għall-pubbliku inġenerali li hija meħtieġa għaċ-ċarezza tal-patt u tal-linji gwidi ewlenin tiegħu għall-implimentazzjoni;

67.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħti aktar ċarezza b’mod partikolari biex terġa’ tinbet il-fiduċja tal-Ewropej billi, fuq il-bażi tal-iżviluppi tat-Trattat ta’ Lisbona, fi ħdan l-ewwel pakkett ta’ miżuri tiġbor il-proposti kollha relatati mal-aċċess għas-servizzi essenzjali – waħda mill-preokkupazzjonijiet ta’ kuljum tal-Ewropej; għalhekk, jirrakkomanda li l-proposti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Karta tad-drittijiet fundamentali (nru 29), mar-riforma tas-sistemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u l-ħolqien ta’ “passaport Ewropew tal-ħiliet” (nru 33 u nru 35), mat-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (nru 30), mas-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u s-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (nru 17 u nru 25), mal-intraprendenza soċjali (nru 36), mat-tnaqqis tal-ostakli fiskali li għadhom jaffrontaw iċ-ċittadini Ewropej (nru 42) u mal-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi (nru 40) jiġu integrati fl-ewwel pakkett ta’ miżuri;

68.

jipproponi li, flimkien mal-patt applikabbli għall-partijiet kollha msemmija hawn fuq, jiġu stabbiliti patti territorjali fejn, permezz ta’ approċċ reġjonali flessibbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw l-attivitajiet u l-fondi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin. Hemm bżonn ta’ enfasi partikolari fuq proġetti li jippromovu l-innovazzjonijiet soċjali fir-reġjun ikkonċernat u li jkollhom l-akbar impatt possibbli fuq is-soċjetà. L-użu tal-patti territorjali u l-kontenut ta’ dawn il-patti huma parti mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għall-proġetti;

69.

jemmen li l-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, għandha twettaq analiżi komplementari u realistika li tikkunsidra l-iżvantaġġi u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda huma u jipparteċipaw fis-suq intern Ewropew u jippruvaw jibbenefikaw mill-vantaġġi li joffri, kif ukoll huma u jippruvaw jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Brussell, 1 ta’ April 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2010, Kawża C-206/08, punti 72 sa 75.