2.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/26


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Iż-żgħażagħ attivi”

2011/C 104/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ b’mod favorevoli l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea “Żgħażagħ mobbli (sic. attivi)”, li tirrappreżenta qafas strateġiku ambizzjuż bil-għan li jitjiebu l-mobilità, l-edukazzjoni u l-inklużjoni professjonali taż-żgħażagħ Ewropej. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat qafas ta’ azzjoni dwar iż-żgħożija li jgħaqqad id-dimensjoni edukattiva u l-impjieg;

jindika li l-edukazzjoni trid tkun fil-qalba tal-mobilità taż-żgħażagħ;

jixtieq jenfasizza r-rabta stretta bejn il-prestazzjoni dgħajfa fl-iskola u l-iżvantaġġ soċjoekonomiku, li huma elementi determinanti ewlenin għal dawk iż-żgħażagħ li la huma impjegati u lanqas ma qed jirċievu tagħlim jew taħriġ. Li dan iċ-ċiklu jitkisser huwa sfida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa u għandu jitqies bħala prijorità fi ħdan din l-inizjattiva;

japprova l-użu flessibbli tal-Fond Soċjali Ewropew mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu megħjuna ż-żgħażagħ, b’mod partikulari fil-kuntest tat-twettiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020;

fl-evalwazzjoni tal-programmi kollha dwar il-mobilità edukattiva, li ser twassal għal proposti leġislattivi fl-2011 u għal qafas finanzjarju ġdid għal wara l-2013, huwa importanti ħafna, kif indikat fl-Opinjoni tal-KtR dwar il-Green Paper dwar il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi, li jitqies il-kontribut essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tiġi promossa l-mobilità taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi.

Relatur

:

Marc Schaefer (LU/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Vjanden

Dokument ta’ referenza

:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Żgħażagħ mobbli (Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea)

COM(2010) 477 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’mod favorevoli l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea “Żgħażagħ mobbli”, li tirrappreżenta qafas strateġiku ambizzjuż bil-għan li jitjiebu l-mobilità, l-edukazzjoni u l-inklużjoni professjonali taż-żgħażagħ Ewropej. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat qafas ta’ azzjoni dwar iż-żgħożija li jgħaqqad id-dimensjoni edukattiva u l-impjieg;

2.

jaqbel bis-sħiħ mal-objettiv li jitjiebu l-għarfien, il-kompetenzi u l-esperjenzi taż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu jidħlu faċilment fis-suq tax-xogħol u jisfruttaw bl-aħjar mod il-potenzjal tagħhom, biex b’hekk jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; fl-istess ħin, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-edukazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta’ titjib tal-impjegabilità, iżda għandu jkollha bħala għan aktar globali li twassal għall-iżvilupp tal-personalità kollha tal-individwu;

3.

jiddispjaċih li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ma tqiesx biżżejjed mill-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri li jiffavorixxu l-mobilità. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba li huma l-aktar viċin iċ-ċittadini, jinsabu fl-aħjar post biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-mobilità; l-istess jgħodd għad-disinn u l-iżvilupp tal-programmi mmirati għaż-żgħażagħ, peress li dawn l-awtoritajiet jifhmu bl-aħjar mod ir-realtajiet u s-sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ għaliex jinsabu l-aktar qrib tagħhom;

4.

ifakkar li l-miżuri mħabbra fil-qafas tal-inizjattiva għandhom ikunu aċċessibbli għall-ikbar għadd ta’ żgħażagħ possibbli, tkun xi tkun is-sitwazzjoni personali u ekonomika tagħhom, jew il-pożizzjoni ġeografika tar-reġjun ta’ oriġini tagħhom, peress li xi żgħażagħ, bħal dawk li jgħixu fir-reġjuni ultraperiferiċi jew fil-gżejjer, m’għandhomx l-istess opportunitajiet ta’ mobilità bħaż-żgħażagħ li jgħixu fl-Ewropa kontinentali; madankollu, jenfasizza li l-għan ta’ dan l-approċċ huwa li jinħolqu possibbiltajiet ta’ mobilità, iżda li l-għażla tal-mobilità tkun f’idejn iż-żgħażagħ infushom;

5.

ifakkar li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jippermettu liż-żgħażagħ mhux biss li jiksbu, jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi neċessarji għal impjieg, iżda wkoll il-konoxxenzi meħtieġa biex ikunu ċittadini attivi; fl-istess ħin, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-promozzjoni tal-kreattività u l-potenzjal għall-innovazzjoni taż-żgħażagħ kif ukoll il-ħolqien ta’ qafas għat-twettiq intellettwali u soċjali tagħhom huma kompitu ċentrali tal-istituzzjonijiet edukattivi kollha. Għalhekk, dawn l-oqsma kollha huma fatturi ewlenin għall-emanċipazzjoni personali u l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ, u jeħtieġu miżuri li jippermettulhom jikkonċiljaw l-edukazzjoni, l-istudji jew ix-xogħol mal-familja;

6.

jinnota li, b’mod partikulari minħabba l-kriżi ekonomika attwali, ta’ min iħeġġeġ iż-żgħażagħ ilestu l-istudji tagħhom jew isegwu taħriġ addizzjonali sabiex jiksbu l-ħiliet bżonjużi u b’hekk itejbu l-prospetti tagħhom fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol;

7.

jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiksbu l-kompetenzi għall-ħajja fil-kuntest tal-edukazzjoni mhux formali sostnuta mill-programm attwali “Żgħażagħ mobbli” u jitlob li dan il-programm jitkompla wara l-2013, peress li dawn il-kompetenzi jikkomplementaw it-taħriġ akkademiku u huma fundamentali biex jitħeġġu l-mobilità u l-impjegabilità taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

8.

ifakkar l-impenn tiegħu dwar il-mobilità, kemm jekk tkun edukattiva kif ukoll professjonali peress li, bħala fattur importanti għall-iżvilupp professjonali u personali, din tippermetti li tissaħħaħ l-identità Ewropea waqt li fl-istess ħin tikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE;

9.

jitlob li l-programmi edukattivi li jippromovu l-mobilità jiġu estiżi sa wara l-2013 u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew isaħħu r-riżorsi finanzjarji ta’ dawn il-programmi fil-kuntest tat-tħejjija tal-programmi qafas futuri;

10.

jenfasizza li l-objettivi tal-inizjattiva “Żgħażagħ mobbli” jistgħu jinkisbu biss jekk ikun hemm ħidma mal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati l-oħra li jaħdmu favur iż-żgħożija;

Dwar l-inizjattivi marbuta mal-mobilità

11.

jindika li l-edukazzjoni trid tkun fil-qalba tal-mobilità taż-żgħażagħ. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippjana miżuri ta’ appoġġ li jirrispettaw it-tqassim tal-kompetenzi previst fit-Trattati, sabiex jassiguraw l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ mobilità, itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u jipproteġu b’mod effikaċi d-dritt li kulħadd ikollu dritt għall-edukazzjoni; fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-kwistjonijiet marbuta mal-mobilità, bħall-iskambji tal-istudenti tal-iskola sekondarja u n-netwerking ta’ entitajiet involuti fil-mobilità tal-istudenti u ż-żgħażagħ;

12.

ifakkar li huma dawk li ma jkomplux bl-istudji universitarji u li ġejjin minn ambjenti soċjali żvantaġġjati li jsibu l-aktar ostakli għall-mobilità, apparti dawk li minħabba l-pożizzjoni ġeografika tar-reġjun ta’ appartenenza tagħhom m’għandhomx l-istess aċċess għall-mobilita. Ifakkar li l-UE għandha tiggarantixxi li dawn il-programmi ta’ mobilità jkunu aċċessibbli bl-istess kundizzjonijiet għaż-żgħażagħ kollha, u għalhekk jirrakkomanda li jiġu appoġġjati r-reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħar-reġjuni ultraperiferiċi jew il-gżejjer, fejn huwa diffiċli ħafna li jiġu żviluppati dawn il-politiki ta’ mobilità minħabba d-distanza u l-iżolament ġeografiku mill-Ewropa kontinentali. Għalhekk, għalihom, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi volontarji sabiex ikunu jistgħu, huma wkoll, jibbenefikaw bis-sħiħ mill-programmi Ewropej tal-mobilità. Dan ifisser, b’mod partikulari, azzjonijiet ta’ komunikazzjoni adegwati għal pubbliku differenti, iżda wkoll għajnuniet finanzjarji adattati, sabiex il-mezzi finanzjarji ma jkunux ostaklu għall-mobilità;

13.

bħalma jfakkar il-Kumitat tar-Reġjuni fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi  (1), jeħtieġ li jiġi enfasizzat il-kontribut prinċipali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu biex jistimulaw il-mobilità għal finijiet edukattivi. Dan huwa l-każ prinċipalment fir-rigward tal-informazzjoni, tal-parir u tas-sensibilizzazzjoni, iżda wkoll fil-parti l-kbira tal-każijiet, permezz ta’ miżuri li jiggarantixxu l-kwalità u l-finanzjament;

14.

jinnota li ta’ spiss huma l-proġetti żgħar ta’ għajnuna għall-mobilità li jħallu effetti sodi u jikkontribwixxu biex jissaħħu l-mentalità Ewropea, iċ-ċittadinanza attiva tal-Unjoni u d-demokrazija;

15.

jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tinforma aħjar liċ-ċittadini żgħażagħ, b’mod partikulari fir-rigward tal-proċeduri ssemplifikati ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali li jridu jqisu l-forom ġodda ta’ mobilità;

16.

jenfasizza l-bżonn li d-djar tal-istudenti jitqiesu fil-kuntest tal-ġenerazzjoni futura tal-fondi strutturali;

17.

jinsisti fuq ir-rabta bejn id-dibattitu li nfetaħ mill-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pensjonijiet (2) u l-mobilità taż-żgħażagħ Ewropej, bil-għan li l-pensjonijiet isiru aktar sostenibbli u adegwati. F’din il-perspettiva, huwa importanti li l-ħaddiema żgħażagħ ikunu jistgħu jkollhom aċċess għall-impjiegi u għal perijodu ta’ xogħol li jassiguralhom id-dritt għall-pensjoni;

Dwar il-politiki edukattivi u universitarji

18.

jappoġġja l-objettiv inkluż fl-Istrateġija Ewropa 2020 li l-proporzjoni ta’ żgħażagħ li jiksbu diploma mill-edukazzjoni superjuri jitla’ għal tal-inqas 40 %, iżda jenfasizza li dan jimplika aċċess aktar demokratiku għall-universitajiet li jridu jkunu aċċessibbli għall-akbar numru ta’ nies possibbli; barra minn hekk, huwa utli li jittieħdu u jiġu intensifikati l-azzjonijiet fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri li jippermettu bilanċ aħjar tal-kompetenzi u tal-impjiegi, b’mod partikulari permezz tas-sinerġiji għall-implimentazzjoni taż-żewġ inizjattivi ewlenin “Żgħażagħ mobbli” u “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”;

19.

jindika li għal din ir-raġuni, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tad-dħul tal-universitajiet m’għandhiex tkun limitata għal żieda eventwali fl-ispejjeż tal-iskrizzjoni, li tista’ tipperikola dan l-aċċess aktar demokratiku;

20.

jieħu nota tas-suġġeriment tal-Kummissjoni Ewropea li toħloq, b’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment, faċilità ta’ self lill-istudenti biex tikkomplementa l-iskemi eżistenti tal-Istati Membri; jinsisti fuq il-fatt li dan is-self m’għandux jikkontribwixxi biex l-aċċess għall-mobilità isir attività ekonomika;

21.

japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li toħloq klassifikazzjoni internazzjonali tal-prestazzjoni tal-universitajiet. Fil-fatt, dawn il-kriterji jridu, fost oħrajn, iqisu l-kwalità tat-tagħlim, l-innovazzjoni, l-involviment reġjonali u lokali, u l-internazzjonalizzazzjoni, iżda wkoll id-diversità tal-istudenti, l-oriġini tal-istudenti mil-lat soċjali u ġeografiku u l-bilanċ bejn is-sessi, kif ukoll il-livell tagħhom ta’ sodisfazzjon;

22.

jaqbel mar-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tipproponi kondizzjonijiet attraenti ta’ impjieg lir-riċerkaturi żgħażagħ. Għal dan il-għan, hemm bżonn li jinħolqu sinerġiji bejn il-finanzjamenti reġjonali u Ewropej sabiex iż-żgħażagħ li jixtiequ dan ikunu jistgħu jiffinanzjaw it-teżijiet tagħhom;

23.

jifhem li l-impjegabilità tal-istudenti trid tkun wieħed mill-objettivi tal-edukazzjoni ogħla iżda jenfasizza li dan it-tagħlim irid jistimula l-kreattività u l-potenzjal innovattiv tal-istudenti waqt li fl-istess ħin jassigura l-iżvilupp intelletwali u soċjali tagħhom;

Dwar l-inklużjoni professjonali taż-żgħażagħ

24.

jixtieq jenfasizza r-rabta stretta bejn il-prestazzjoni dgħajfa fl-iskola u l-iżvantaġġ soċjoekonomiku, li huma elementi determinanti ewlenin għal dawk iż-żgħażagħ li la huma impjegati u lanqas ma qed jirċievu tagħlim jew taħriġ. Li dan iċ-ċiklu jitkisser huwa sfida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa u għandu jitqies bħala prijorità fi ħdan din l-inizjattiva;

25.

jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li toffri sistema ta’ protezzjoni soċjali adegwata liż-żgħażagħ kollha. Lill-ebda żgħażugħ, hi x’inhi s-sitwazzjoni professjonali tiegħu, m’għandha tinċaħadlu l-protezzjoni soċjali;

26.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tniedi portal onlajn għall-iskambju tal-eżempji tal-aħjar prattika fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward tal-integrazzjoni professjonali taż-żgħażagħ;

27.

jirrimarka li l-Unjoni Ewropea, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jinsabu fl-aħjar post biex jidentifikaw iż-żgħażagħ f’diffikultà u jimplimentaw il-miżuri korrispondenti, għandha tħejji monitoraġġ sistematiku tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ li ma jaħdmux, mhux qed jistudjaw jew mhux qed isegwu xi taħriġ;

28.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu “Garanzija Żgħażagħ” li toffri liż-żgħażagħ kollha, fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu mill-iskola, impjieg, taħriġ vokazzjonali jew kors akkademiku, fuq il-bażi ta’ analiżi tas-sitwazzjoni personali tagħhom;

29.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija ta’ qafas għall-apprendistati, li jistgħu jkunu forza determinanti għall-inklużjoni professjonali taż-żgħażagħ. Sa fejn hu possibbli, l-apprendistati li mhumiex imħallsa jew mhumiex imħallsin biżżejjed għandhom jiġu evitati. Dan il-qafas Ewropew għandu jipprevedi kumpens finanzjarju u protezzjoni soċjali li jippermettu l-inklużjoni soċjali tal-apprendisti żgħażagħ, kif ukoll jirregola d-drittijiet u l-kompiti taż-żgħażagħ f’apprendistati u tal-kumpaniji fejn isiru l-apprendistati;

30.

jindika li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat fl-2011 ser tkun okkażjoni biex: (a) jintwera, fost aspetti pożittivi oħra, il-valur li ż-żgħażagħ jagħtu lill-attività volontarja bħala mod kif jistgħu jiżviluppaw id-direzzjoni tal-impjiegi professjonali tagħhom; u (b) jiġu indirizzati l-ostakli għall-volontarjat u l-bżonn ta’ oqfsa legali adegwati biex jiġu protetti d-drittijiet u l-jeddijiet tal-voluntiera;

31.

jiddubita kemm il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li jintroduċi kuntratti uniċi miftuħa huwa effiċjenti u jitlob kjarifiki fuq it-tul tal-perijodi ta’ prova u fuq id-dħul minimu speċifiku għaż-żgħażagħ. Hemm ir-riskju li dan it-tip ta’ kuntratt, li l-benefiċċji tiegħu għall-inklużjoni professjonali taż-żgħażagħ huma inċerti ħafna, saħansitra jipperikola d-dħul tagħhom fil-ħajja professjonali u li joħloq suq tax-xogħol b’żewġ livelli;

32.

jappoġġja l-inizjattiva “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” tal-Kummissjoni Ewropea bħala proġett pilota biex jgħin liż-żgħażagħ isibu xogħol f’wieħed mis-27 Stat Membru. Din l-inizjattiva għandha tinvolvi lill-assoċjazzjonijiet dedikati għall-inklużjoni taż-żgħżażgħ u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

33.

jilqa’ l-fatt li fost l-azzjonijiet prijoritarji hemm il-ħolqien ta’ grupp ta’ livell għoli dwar il-ġlieda kontra l-illitteriżmu. Dan il-grupp irid jinkludi esperti li ġejjin minn kuntesti lokali u reġjonali, li jistgħu joffru l-esperjenzi tagħhom tal-lokal. Bħalma fakkar il-Kumitat tar-Reġjuni fl-opinjoni fuq inizjattiva tiegħu dwar l-illitteriżmu (3), l-iskambju tal-prattika tajba fil-livell Ewropew huwa essenzjali, b’mod partikulari bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali li żviluppaw strateġiji biex titnaqqas din il-pjaga;

Dwar l-użu tal-fondi Ewropej

34.

japprova l-użu flessibbli tal-Fond Soċjali Ewropew mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu megħjuna ż-żgħażagħ, b’mod partikulari fil-kuntest tat-twettiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020. Huwa għaqli li jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal ta’ dan il-fond u tiġi garantita aktar sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet li joffri; b’mod parallel, programmi Ewropej oħrajn ta’ appoġġ li mhumiex (essenzjalment) orjentati lejn l-impjegabilità (pererżempju l-programm dwar it-tagħlim tul il-ħajja) għandhom jibqgħu jintużaw sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmijin fl-inizjattiva, peress li l-edukazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta’ titjib tal-impjegabilità;

35.

jirrimarka li jeżistu ħafna programmi Ewrpej bil-għan li tiġi promossa l-mobilità taż-żgħażagħ (il-programm għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, Erasmus Mundus, Żgħażagħ fl-Azzjoni, Ewropa għaċ-Ċittadini). Dawn il-programmi jistgħu jiffukaw ukoll fuq l-għalliema, l-edukaturi u l-ħaddiema soċjali li ta’ spiss huma katalisti tal-mobilità għaż-żgħażagħ li għalihom ikunu responsabbli;

36.

fl-evalwazzjoni tal-programmi kollha dwar il-mobilità edukattiva, li ser twassal għal proposti leġislattivi fl-2011 u għal qafas finanzjarju ġdid għal wara l-2013, huwa importanti ħafna, kif indikat fl-Opinjoni tal-KtR dwar il-Green Paper dwar il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi, li jitqies il-kontribut essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tiġi promossa l-mobilità taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi. Fil-fatt, dawn ta’ spiss jgħaddu l-informazzjoni, jagħtu pariri u jiffaċilitaw is-sensibilizzazzjoni tal-opportunitajiet ta’ mobilità. Joffru wkoll il-finanzjamenti meħtieġa. Hemm bżonn ukoll li jitnaqqsu l-formalitajiet amministrattivi ta’ dawn il-programmi;

Dwar l-inizjattivi simboliċi ta’ dan il-programm ta’ azzjoni u l-komunikazzjoni tiegħu

37.

japprova l-ħolqien ta’ karta “Żgħażagħ Mobbli”. Dan it-tip ta’ azzjoni simbolika jista’ jgħin li l-inizjattiva kollha ssir popolari u jissaħħaħ is-sens ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea. Madankollu, hemm bżonn li din il-karta tinkludi vantaġġi reali, u li ma tidħolx f’kompetizzjoni mal-karti eżistenti, bħall-International Student Identity Card (ISIC) jew il-European Youth Card tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karta taż-Żgħażagħ (EYC), li tista’ sservi ta’ appoġġ. Jista’ jiġi offrut roħs kbir fuq il-vjaġġi u l-akkomodazzjonijiet immirati għaż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea sabiex tiġi promossa l-mobilità taż-żgħażagħ;

38.

jinsisti fuq il-fatt li hemm bżonn li fil-“Passaport Ewropew tal-Ħiliet” jiġu integrati d-diversi inizjattivi eżistenti, bħall-Europass (is-CV f’format Ewropew). Fil-fatt, il-frammentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi tmur kontra l-objettiv li tiġi promossa l-mobilità billi jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-ħiliet bejn l-Istati Membri.

Brussell, 27 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper dwar il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi, CdR 246/2009.

(2)  Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri, COM(2010) 365 finali.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Innaqsu l-illitteriżmu – Infasslu strateġija Ewropea ambizzjuża għall-prevenzjoni tal-esklużjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp personali”, CdR 193/2009.