10.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 42/19 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika”
2011/C 42/04
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jinnota li, fil-proċess tar-riforma tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, m'għandniex ninjoraw l-għan ewlieni tiegħu, jiġifieri l-ħolqien ta' ekonomija b'pedamenti sodi għall-prosperità taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, b'aktar impjiegi u b'impjiegi ta' kwalità aħjar; |
— |
iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi l-aħjar taħlita ta' politiki u strumenti biex tnaqqas kemm jista' jkun ir-riperkussjonijiet tat-tnaqqis baġitarju fl-oqsma ewlenin ta' intervent tal-Istrateġija Ewropa 2020; |
— |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibiltajiet li jagħmlu liċ-ċittadini tal-Unjoni aktar sensittivi għall-isforz Ewropew u li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-funzjonament demokratiku tagħha; |
— |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex japplikaw il-prinċipju ta' konformità mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mill-aktar livell baxx sal-ogħla wieħed billi jinkludu d-dixxiplina baġitarja meħtieġa fil-liġijiet nazzjonali permezz ta' tibdil istituzzjonali fejn meħtieġ; |
— |
jinnota li l-ħidma li jwettqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiddefinixxu l-linji gwida tal-baġits kif ukoll biex jimplimentawhom ma ngħatatx l-attenzjoni meħtieġa u jipproponi li jipparteċipa, bħala sussidjarju, fil-proċedura tas-semestru Ewropew, billi jkollu l-possibbiltà li jirreaġixxi għar-rapport annwali dwar it-tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea, li ser jiġi eżaminat mill-Kunsill tar-Rebbiegħa; biex jappoġġja l-għanijiet tiegħu, jeħtieġ li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jirnexxiela, f'termini relattivi, tiżgura l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod partikolari fil-każ tar-reġjuni li għandhom setgħat leġislattivi f'dan ir-rigward. |
Relatur |
: |
Is-Sur Konstantinos Tatsis (EL/PPE) President tal-awtorità awtonoma ta' Drama-Kavala-Xanthi |
Dokumenti ta' referenza |
: |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika COM(2010) 250 finali Komunikazzjoni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi COM(2010) 367 finali |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
KUMMENTI ĠENERALI
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa' l-inizjattiva li ħadet il-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta proġett ta' koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, proġett li tfassal kemm bħala risposta għall-isfidi tal-kriżi ekonomika dinjija kif ukoll bħala mezz biex l-integrazzjoni Ewropea timxi 'l quddiem; |
2. |
jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija ġġustifikata biżżejjed u li l-għan tagħha huwa li tuża bis-sħiħ u bl-effikaċja kollha l-istrumenti ta' governanza ekonomika li jipprevedi t-Trattat ta' Lisbona; |
3. |
jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir bil-għan li dan jiġi rispettat aktar u biex jinkiseb tkabbir ekonomiku aktar qawwi fl-UE u r-reġjuni tagħha; |
4. |
jirrikonoxxi li fid-dawl tat-Trattat ta' Lisbona, l-Istati Membri tal-UE “għandhom iqisu il-linji tal-politika ekonomika tagħhom bħala materja ta' interess komuni u għandhom jikkordinawhom fi ħdan il-Kunsill” (Artikolu 121), filwaqt li dejjem jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà; |
5. |
jinnota li, fil-proċess tar-riforma tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, m'għandniex ninjoraw l-għan ewlieni tiegħu, jiġifieri l-ħolqien ta' ekonomija b'pedamenti sodi għall-prosperità taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, b'aktar impjiegi u b'impjiegi ta' kwalità aħjar; |
6. |
jenfasizza li kwalunkwe riforma li għandha tiġi adottata għandha tfittex bilanċ adatt bejn l-effikaċja u d-demokrazija, sabiex l-Unjoni Ewropea tissaħħaħ, u għaldaqstant jopponi proposti bħas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot f'każijiet barra minn dawk diġà msemmija fit-Trattati; |
7. |
jaqbel mal-enfasi li qed terġa' titpoġġa fuq id-defiċits pubbliċi u d-dejn fir-rigward tas-sorveljanza finanzjarja biex id-dixxiplina baġitarja ma tkomplix tmur għall-agħar u jekk jista' jkun tiġi evitata tali sitwazzjoni; |
8. |
fl-istess waqt jinnota li, minħabba l-armonizzazzjoni imperfetta tal-politiki ekonomiċi nazzjonali, l-Istati Membri li m'għandhomx ekonomija soda qed jiffaċċjaw rati ta' interess wisq għoljin biex jissellfu; |
9. |
jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-effikaċja tal-miżuri li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi mill-ġdid l-applikazzjoni stretta tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u jtenni li jeħtieġ li jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità; |
10. |
iwissi li l-bidliet estiżi li l-komunikazzjoni beħsiebha tintroduċi fil-leġislazzjoni sekondarja jistgħu jwasslu għal dewmien u jitlob lill-Istati Membri biex jikkonformaw ruħhom minnufih mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, independentement minn dawn il-bidliet; |
11. |
jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea rigward il-mezzi biex jiġi żgurat li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jikkonformaw mal-Patt ta' Stabbiltà u ma jaqbilx li eventwalment terġa' tmur għas-suġġeriment inizjali tagħha li tippenalizza lil Stat Membru ħati billi twaqqaf l-għajnuna li tkun ingħatat fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni, il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd peress li tali approċċ jolqot ħażin il-prinċipju tal-proporzjonalità u jaffettwa prinċipalment ir-reġjuni li għadhom qed jiżviluppaw u li assolutament għandhom bżonn ta' dawn il-programmi kofinanzjati biex jiffaċċjaw l-iżvantaġġi strutturali tagħhom; |
12. |
jinnota li l-ħruġ mill-kriżi jeħtieġ sensiela ta' azzjonijiet fejn l-Ewropa tagħmel sforz ta' konsolidazzjoni fiskali u terġa' ssib it-triq lejn tkabbir b'saħħtu, ibbilanċjat u sostenibbli; |
13. |
ifakkar li l-integrazzjoni Ewropea mhijiex kwistjoni ta' ġurnata iżda hija proċess ta' evoluzzjoni permanenti u li tul dan il-proċess kriżi ekonomika bħal dik tal-lum il-ġurnata tista' tkun l-opportunità biex jiddaħħlu riformi radikali u estiżi li jistgħu jippromovu l-kompetittività tal-ekonomija u l-iżvilupp tal-proġett tal-Unjoni Ewropea; |
14. |
jaqbel li l-aġġustamenti baġitarji li bihom ser tibda l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-komunikazzjoni ser ikollhom riperkussjonijiet estiżi ħafna f'bosta oqsma ta' intervent, bħall-politiki reġjonali u soċjali jew il-politiki ta' koeżjoni u innovazzjoni u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li t-tnaqqis tad-defiċit isir b'mod proporzjonat u bbilanċjat; |
15. |
iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi l-aħjar taħlita ta' politiki u strumenti biex tnaqqas kemm jista' jkun ir-riperkussjonijiet tat-tnaqqis baġitarju fl-oqsma ewlenin ta' intervent tal-Istrateġija Ewropa 2020; |
16. |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibiltajiet li jagħmlu liċ-ċittadini tal-Unjoni aktar sensittivi għall-isforz Ewropew u li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-funzjonament demokratiku tagħha; |
17. |
jistqarr li l-unjoni monetarja u l-euro jirrappreżentaw is-suċċessi l-aktar sinifikanti li kisbet l-Unjoni Ewropea tul il-proċess tat-twettiq tas-suq uniku u l-irkupru tar-riżorsi u l-kwalità tal-ħajja fl-Istati Membri differenti u huwa tal-opinjoni li, biex jitħarsu u jissaħħu dawn l-iżviluppi, l-Unjoni għandha tagħti attenzjoni kbira u tkun prudenti ħafna hi u tiddefinixxi mill-ġdid ir-regoli; |
18. |
jilqa' l-isforz li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qed jagħmlu flimkien biex jistabilixxu objettivi nazzjonali fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jidentifikaw l-ostakli li jwaqqfu t-tkabbir; |
19. |
jinsisti mill-ġdid fuq ir-rwol fundamentali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-promozzjoni tal-politiki dwar l-ispirtu intraprenditorjali, it-taħriġ, l-innovazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu d-dimensjoni reġjonali u lokali tal-mekkaniżmu ta' sorveljanza biex jagħtuh l-affidabbiltà u s-saħħa meħtieġa u jitlob biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fid-definizzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fit-twettiq tal-politiki relatati; |
20. |
jistieden lill-Istati Membri biex jippromovu b'mod mgħaġġel ir-riformi li saru indispensabbli minħabba l-kriżi għaliex ladarba tintemm il-kriżi dawn ir-riformi ser iwasslu għall-ħolqien ta' Unjoni Ewropea b'saħħitha u kompetittiva; |
MIŻURI EFFIKAĊI U MMIRATI LEJN IT-TKABBIR BIEX JIĠU RRISPETTATI L-ISTANDARDS TAL-PATT TA' STABBILTÀ
21. |
jinnota li l-iżbilanċ baġitarju jista' jirriżulta minn sensiela ta' fatturi u għaldaqstant jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea talli pproponiet analiżi kwantitattiva fir-reqqa tad-dejn. Huwa u jiġbed l-attenzjoni għal kemm ilaħħaq id-dejn privat, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjoni il-fatt li l-punt ġie inkluż f'din l-analiżi u jinsisti fuq l-importanza tas-sistema bankarja għal ekonomija f'saħħitha; |
22. |
jistaqsi jekk is-sanzjonijiet previsti humiex proporzjonati u effikaċi biżżejjed u jesprimi ir-rifjut tiegħu ta' kwalunkew proposta ta' tnaqqis sever fir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-politiki ta' żvilupp; |
23. |
ifakkar li l-politika ta' koeżjoni, il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd jikkostitwixxu assi fundamentali tal-iżvilupp fl-UE. Jekk eventwalment jinxteħet dubju fuq l-objettivi tagħhom dan ikun kontroproduttiv u jikkontradixxi kemm l-għan tal-komunikazzjoni kif ukoll il-linji gwida ġenerali tal-politiki tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-riżorsi għandhom jinħelsu biss taħt ċerti kondizzjonijiet jekk jiġi kkonfermat li huma ġestiti tajjeb u jiġu vverifikati u m'għandhomx jintużaw għal finijiet oħra; |
24. |
jemmen li, minkejja s-salvagwardji, mekkaniżmu ta' konformità għall-Istati Membri bbażat fuq ir-riżorsi meħuda mill-baġit Ewropew jista' jkollu effetti partikolarment negattivi u li l-ksib tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jista' jsir aktar ikkumplikat. Is-suspensjoni jew l-invalidazzjoni tat-taxxi fuq ir-riżorsi Ewropej li huma previsti bħala sanzjoni għall-ksur tagħhom jittrasferixxu l-piż minn fuq l-Istat ċentrali tal-pajjiżi ikkonċernat għal fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali tiegħu, b'tali mod li ċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-intrapriżi ta' kull Satt Membru jkollhom jassumu b'mod kollettiv ir-responsabbiltà tal-iżbalji politiċi tal-gvern nazzjonali tagħhom stess. Għaldaqstant, it-tnaqqis tar-riżorsi ser jinfluwenza b'mod negattiv it-tkabbir u, fejn jagħti l-każ, iżid l-iżbilanċi baġitarji ladarba jiġi imponut fuq pajjiż li l-finanzi tagħhom diġà jkunu mhedda; |
25. |
iwissi li pieni bbażati fuq ir-riżorsi meħuda mill-baġit Ewropew żgur għandhom riperkussjonijiet transkonfinali, li ser jikkostitwixxu theddida għall-ħarsien tal-koeżjoni territorjali u ser imorru kontra l-impenni tal-Istati; |
26. |
jinnota barra minn hekk li pieni ibsin b'mod sproporzjonat ser iwasslu biex inaqqsu l-appoġġ taċ-ċittadini għall-kostruzzjoni tal-Ewropa. Għaldaqstant, il-pieni għandhom ikunu ppjanati b'tali mod li jiżguraw li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi tagħhom u, fl-istess ħin, jipprovdu lill-pubbliku aktar informazzjoni kemm dwar l-importanza tad-dixxiplina baġitarja kif ukoll dwar l-użu tal-Fondi Strutturali sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-politiki nazzjonali; |
27. |
jinnota li l-pieni previsti għandhom ikunu applikabbli u konvinċenti għax dan huwa l-unika mezz biex tiġi żgurata l-validità tal-Patt il-ġdid ta' Stabbiltà u Tkabbir; |
28. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex janaliżżaw kif ikun possibbli li jittieħdu miżuri b'mod aktar rapidu f'każ ta' żbilanċ baġitarju, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju tal-applikazzjoni gradwali tas-sanzjonijiet; |
29. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex japplikaw il-prinċipju tal-konformità mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mill-aktar livell baxx sal-ogħla wieħed billi jinkludu d-dixxiplina baġitarja meħtieġa fil-liġijiet nazzjonali permezz ta' tibdil istituzzjonali fejn meħtieġ; |
30. |
jenfasizza l-importanza li għandu approċċ minn isfel għal fuq fir-rigward tar-rwol li jassumu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġġestixxu tajjeb ir-riżorsi, imexxu l-politika ekonomika u jiskopru f'waqthom il-problemi tal-iżvilupp fil-livell tagħhom; |
31. |
jappella lill-Istati Membri biex jippromovu deċentralizzazzjoni akbar fil-ġestjoni tal-mezzi finanzjarji mmirati għall-koeżjoni sabiex jissaħħu t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni tal-flus Ewropej. L-awtoritajiet reġjonali huma l-uniċi korpi li għandhom għarfien tajjeb ħafna tal-bżonnijiet lokali u li jistgħu jwettqu t-titjib u l-aġġustamenti li huma assolutament neċessarji. Huwa proprju għalhekk li l-missjoni li jassumu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni tal-mezzi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom mill-Unjoni Ewropea toħroġ aktar fid-dieher; |
KOORDINAZZJONI PRUDENTI TAT-TKABBIR BIL-PARTEĊIPAZZJONI ATTIVA TAL-AWTORITAJIET REĠJONALI
32. |
jinnota li biex jissaħħu l-euro u s-suq uniku jeħtieġ li tiġi stabbilita governanza Ewropea komuni u mtejba fil-qasam finanzjarju li taħdem b'mod partikolari biex tipprojbixxi l-użu spekulattiv ta' prodotti kontra n-nuqqas ta' ħlas ta' dejn pubbliku jew it-transazzjonijiet lejn ir-rifuġji fiskali; |
33. |
jilqa' l-idea li jiġi stabbilit “semestru Ewropew” bħala qafas omoġenju għall-kontroll tal-proċeduri baġitarji u tal-livell ta' dejn tal-Istati Membri, kif ukoll l-idea li s-sorveljanza tiġi estiża biex tkopri l-iżbilanċi makroekonomiċi; |
34. |
jinnota li l-ħidma li jwettqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiddefinixxu l-linji gwida tal-baġits kif ukoll biex jimplimentawhom ma ngħatatx l-attenzjoni meħtieġa u jipproponi li jipparteċipa, bħala sussidjarju, fil-proċedura tas-semestru Ewropew, billi jkollu l-possibbiltà li jirreaġixxi għar-rapport annwali dwar it-tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea, li ser jiġi eżaminat mill-Kunsill tar-Rebbiegħa; biex jappoġġja l-għanijiet tiegħu, jeħtieġ li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jirnexxiela, f'termini relattivi, tiżgura l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod partikolari fil-każ tar-reġjuni li għandhom setgħat leġislattivi f'dan ir-rigward; |
35. |
l-istrumenti proposti fost il-miżuri ta' koordinazzjoni għandhom jikkunsidraw l-interazzjonijiet li għandhom il-politiki orizzontali fil-livell lokali mar-rwol ċentrali li taqdi l-politika baġitarja u għandhom jintegraw id-dimensjoni tas-sostenibbiltà fit-tul peress li l-politiki attivi tal-impjieg huma integrati wkoll f'dan il-qafas; |
36. |
jinsisti fuq l-importanza tar-reviżjoni bejn il-pari u l-iskambji ta' prattiki tajba għat-tfassil u l-eżekuzzjoni tal-baġits iżda xorta waħda jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tad-dewmien possibbli u l-kumplikazzjonijiet burokratiċi li s-soluzzjonijiet proposti jistgħu jintroduċu fil-proċeduri tat-tfassil, l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tal-baġits tal-Istati Membri, |
37. |
jemmen li jekk għandu jinkiseb it-tkabbir ekonomiku meħtieġ, jeħtieġ li fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jiġu introdotti r-riformi strutturali meħtieġa f'firxa wiesgħa ta' oqsma, bħall-politika tad-dixxiplina baġitarja, il-kontroll tan-nefqa pubblika, il-politika tal-għarfien u l-innovazzjoni, il-protezzjoni tal-aktar gruppi dgħajfa tas-soċjetà fil-qafas tal-politika soċjali, il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika għall-effikaċja tas-servizzi pubbliċi. F'dan il-kuntest, il-Kumitat iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu objettivi ambizzjużi għall-Istrateġija Ewropa 2020 u jitlob lill-Kunsill biex iżid b'mod ġeneruż il-baġit Ewropew sabiex il-mezzi disponibbli jkunu jistgħu jissodisfaw l-għanijiet mixtieqa; |
38. |
jistenna bil-ħerqa l-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea u ser jeżamina bir-reqqa r-riperkussjonijiet tagħhom għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri. |
Brussell, 1 ta' Diċembru 2010.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO