|
10.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 42/54 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-implimentazzjoni tal-inizjattiva tas-sħubija tal-Lvant fil-Bjelorussja u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Bjelorussja u fl-UE”
2011/C 42/11
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
|
— |
jirrakkomanda li l-UE tieħu sehem fi djalogu globali, miftuħ u strutturat mal-awtoritajiet Bjelorussi, il-movimenti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili tal-Bjelorussja u tavża lill-Bjelorussja li r-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u l-użu effettiv tal-Istrumenti Ewropej kollha ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-vantaġġi ekonomiċi tagħhom ikunu possibbli jekk il-gvern, min-naħa tiegħu, ikun lest li jwettaq bidla tassew, li jirrispetta l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll li jimplimenta riformi għat-tisħiħ tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; |
|
— |
huwa favur li jitkomplew u jiġu żviluppati l-forom eżistenti tal-kooperazzjoni territorjali mal-Bjelorussja, b’mod partikolari permezz tal-programmi adegwati tal-INTERREG fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-NGOs ta' dawn ir-reġjuni biex jagħmlu aktar proġetti bil-għan li jiżviluppaw il-kuntatti lil hinn mill-fruntieri u li dawn isiru aktar permeabbli; |
|
— |
iħeġġeġ bis-sħiħ lill-gvern Bjelorussu jinkludi rappreżentanti tal-oppożizzjoni fid-delegazzjoni Bjelorussa li ser tattendi l-assemblea tal-EURONEST; |
|
— |
jistieden lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali Bjelorussi u r-rappreżentanti tal-NGOs jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-Istati tal-UE, sabiex jitħeġġu aktar proġetti ta' ġemellaġġ u l-iskambju personali bejn in-nies; |
|
— |
jirrakkomanda li wieħed jiffoka aktar fuq il-pjattaformi stabbiliti tal-iskambju tal-fehmiet, pereżempju l-Forum tas-Soċjetà Ċivili jew il-Forum ta' Minsk fil-fergħa tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' Dortmund għall-Edukazzjoni u t-Tlaqqigħ (Internationales Bildungs- und Begegnungswerk Dortmund) f’Minsk (IBB Johannes Rau), u li jissaħħaħ u jiġi istituzzjonalizzat b’mod sistematiku d-djalogu bejn ir-rappreżentanti uffiċjali tal-Bjelorussja, tal-oppożizzjoni, l-NGOs, ix-xjenzjati u l-mezzi tax-xandir. |
|
Relatur |
: |
Werner Heinrich Jostmeier (DE/PPE), Membru tal-Landtag ta' Nordrhein-Westfalen |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
|
1. |
jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-Bjelorussja, l-istorja tagħha, l-identità kulturali tagħha u l-wirt kulturali tagħha. Huma dawn il-fatturi li jagħmlu lill-Bjelorussja Stat importanti għall-iżvilupp sħiħ tal-Ewropa tal-Lvant u pont bejn il-Lvant u l-Punent biex titkompla l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati ta' dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika. B’hekk il-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant għandha importanza strateġika, ekonomika u kulturali kbira għall-Istati Membri tagħna; |
|
2. |
jirrikonoxxi wkoll li l-iżvilupp storiku u kulturali għandu jiġi kkunsidrat fil-mod kif ir-Repubblika tal-Bjelorussja titqarreb lejn l-UE permezz tas-selezzjoni u l-applikazzjoni b’attenzjoni tal-istrumenti tal-UE għad-demokratizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali awtonomi; |
|
3. |
jenfasizza li l-progress tas-Sħubija tal-Lvant għandu jiġi evalwat b’mod differenzjat u individwali f’kull Stat parteċipanti fis-Sħubija tal-Lvant. Dan għaliex ma teżisti l-ebda formola universali għad-demokratizzazzjoni tal-Istati, speċjalment fil-każ tal-Istati ekskomunisti fl-Ewropa tal-Lvant li matul l-istorja tagħhom ftit li xejn kellhom esperjenza b’rabta mal-istat tad-dritt, il-mobilità soċjali u l-libertajiet tal-ekonomija tas-suq. Il-Kumitat tar-Reġjuni jifhem li kull pajjiż għandu l-istorja tiegħu u, għalhekk, kull pajjiż għandu jitħalla jaqbad ir-ritmu tiegħu fl-iżvilupp kulturali, soċjali u ekonomiku; |
|
4. |
jenfasizza wkoll li Stat bħall-Bjelorussja, li wera li huwa lest jieħu sehem fis-Sħubija tal-Lvant u li huwa interessat fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea u mal-Kunsill tal-Ewropa, għandu jkun lest ukoll li jaċċetta d-drittijiet universali tal-bniedem u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, u, għalhekk, ikun lest jibda u jimplimenta proċess ġenwin ta' riforma, pereżempju, billi jipparteċipa aktar fil-proġetti ta' ġemellaġġ, billi jiżviluppa l-ġemellaġġi bejn il-bliet u l-forums ta' diskussjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u billi jsaħħaħ il-kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali, speċjalment mal-pajjiżi ġirien, jiġifieri l-Polonja, il-Litwanja u l-Latvja. Dan għandu jsir l-aktar fil-kuntest tal-fatt li f’Ottubru 2010 l-Kummissjoni Ewropea se tevalwa mill-ġdid l-istat tar-relazzjonijiet tagħha mal-Bjelorussja u, f’dawn iċ-ċirkostanzi, se tislet konklużjonijiet fundamentali dwar il-kooperazzjoni futura u t-tkomplija tal-parteċipazzjoni fis-Sħubija tal-Lvant; |
|
5. |
jinnota li għall-Bjelorussja l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala istituzzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li tinsab qrib iċ-ċittadini, huwa msieħeb ġenwin biex titkompla l-kooperazzjoni fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant. Id-diversi kuntatti huma eċċellenti għall-fehim tal-Bjelorussja, bil-għan li jingħata kontribut “minn isfel għal fuq” għad-demokratizzazzjoni u t-titjib tas-sitwazzjoni tan-nies fil-Bjelorussja; |
L-isfidi strateġiċi tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja u l-eżiġenzi għall-gvern tal-Bjelorussja
|
6. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Ftehim Bilaterali ta' Sħubija u Kooperazzjoni li tfassal fl-1995 bejn l-UE u l-Bjelorussja għadu ma ġiex ratifikat mill-Parlament Ewropew, u għalhekk għad m’hemmx bażi formali għall-kooperazzjoni billi l-isforzi li saru s’issa mill-Bjelorussja ma kinux suffiċjenti. Il-Bjelorussja hija l-uniku pajjiż parteċipanti fis-Sħubija tal-Lvant li mhux imsieħeb sħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV); il-Bjelorussja ma tissodisfax l-eżiġenzi standard tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Unjoni Ewropea, fosthom rigward il-kwistjoni ta' moratorju għall-kundanni għall-mewt u l-elettrokuzzjonijiet. Għaldaqstant, bħalissa jistgħu jiġu applikati biss ftit programmi u strumenti multilaterali tal-PEV; |
|
7. |
jappoġġja d-deċiżjoni tal-UE li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Bjelorussja b’rabta mat-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali, li tinkludi l-Bjelorussja fl-istrumenti finanzjarji tal-PEV fil-qafas tal-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant, u li, fid-dawl tal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-kooperazzjoni mal-Bjelorussja li l-UE se tagħmel f’Ottubru 2010, torbot it-tkomplija tal-integrazzjoni mal-progress fid-demokratizzazzjoni, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili; |
|
8. |
jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-Kumitat tar-Reġjuni jagħti kontribut għas-Sħubija tal-Lvant u jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma lesti li jaħdmu b’impenn sabiex jappoġġjaw is-Sħubija tal-Lvant b’kull mezz disponibbli u jersqu lejn il-Bjelorussja; |
|
9. |
jinnota b’sodisfazzjon li dan l-aħħar il-gvern tal-Bjelorussja ħa l-ewwel passi biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt, b’mod partikolari billi ħeles lil xi priġunieri politiċi, approva l-ftuħ ta' uffiċċju għad-delegazzjoni tal-Kummissjoni tal-UE f’Minsk u aċċetta li jsir il-Forum tas-Soċjetà Ċivili, li jiddefendi b’mod espliċitu d-demokratizzazzjoni u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja; |
|
10. |
jinnota b’sodisfazzjon li l-applikazzjoni ta' strumenti tal-PEV u ta' programmi ta' azzjoni li jippromovu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, bħal TAIEX jew EIDHR, wasslet biex tibda tittejjeb is-sitwazzjoni politika fil-Bjelorussja; |
|
11. |
jilqa’ wkoll il-kooperazzjoni tal-Bjelorussja mal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u l-OSKE rigward il-kodiċi elettorali u jħeġġeġ lill-Bjelorussja tkompli din il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-aħħar tal-2010/bidu tal-2011 sabiex jiġu ggarantiti elezzjonijiet ġusti u trasparenti. Dan jinkludi wkoll li l-osservaturi internazzjonali jkunu awtorizzati josservaw l-elezzjonijiet u jingħataw aċċess għall-proċeduri elettorali kollha li jsiru qabel u wara l-votazzjoni; |
|
12. |
ifakkar fis-sinifikat tal-monitoraġġ tal-elezzjonijiet tal-kungress tal-muniċipalitajiet u r-reġjuni Ewropej tal-Kunsill tal-Ewropa, bil-parteċipazzjoni tal-KtR, u jirrakkomanda li d-delegazzjonijiet konġunti tagħhom fil-futur jipparteċipaw ukoll fil-monitoraġġ tal-elezzjoniiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Bjelorussja; |
|
13. |
jilqa’ r-relazzjonijiet globalment pożittivi li żviluppaw mill-bidu tal-2009 lil hawn bejn il-Bjelorussja u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant. L-attivitajiet diplomatiċi bejn il-Bjelorussja u l-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Azerbajġan huma sinjal tal-iżvilupp awtonomu u multilaterali ta' kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi fiż-żona mill-Baħar Baltiku sal-Baħar l-Iswed; |
|
14. |
però jinnota bi preokkupazzjoni kbira t-theddida li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja fl-ewwel nofs tal-2010 tistaġna ruħha minħabba n-numru li qed jerġa’ jiżdied ta' każi fejn jinkisru d-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, ir-repressjonijiet sistematiċi kontra l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-andament diżappuntanti tal-elezzjonijiet komunali li fihom, mill-madwar 25 000 kandidat awtorizzat fil-pajjiż, tnejn fil-mija biss kienu mill-oppożizzjoni; |
|
15. |
huwa serjament imħasseb ukoll fuq ir-rapporti reċenti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-libertà tal-istampa u l-ostakli għall-ħidma tar-rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir barranin, fuq ir-restrizzjonijiet tal-libertà tal-minoranzi etniċi fil-Bjelorussja, fuq l-eżekuzzjoni ta' żewġ kundanni għall-mewt f’Marzu, fuq l-azzjonijiet u programmi restrittivi ġodda fil-kuntest tal-kampanji għall-elezzjonijiet komunali u fuq l-azzjoni tas-Servizzi Sigrieti Bjelorussi madwar il-pajjiż kollu kontra l-kampanja “Għid il-verità” fit-18 ta' Marzu 2010, li fiha ġew imfittxija bosta appartamenti u uffiċċji tal-oppożizzjoni. Il-Kumitat tar-Reġjuni josserva b’sens ta' inkwiet li qed jiżdiedu l-miżuri ripressivi attwali tal-gvern fir-rigward taċ-ċensura tal-libertà tal-mezzi tax-xandir u b’mod partikolari tal-internet, li huwa mezz ta' komunikazzjoni ferm importanti għall-oppożizzjoni u li jaqdi rwol importanti għall-elezzjoni presidenzjali li ġejja; |
|
16. |
iħeġġeġ bil-qawwa lill-gvern Bjelorussu biex jirritorna għat-triq tad-demokratizzazzjoni u biex iwaqqaf mingħajr dewmien il-kundanni għall-mewt u l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-intimidazzjoni tal-gruppi tas-soċjetà ċivili kif ukoll ir-restrizzjonijiet, l-iżvantaġġi u d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw il-minoranzi etniċi fil-Bjelorussja fil-livell politiku, ekonomiku, soċjali u kulturali; |
|
17. |
jappella bil-qawwa lit-tmexxija Bjelorussa biex sal-elezzjoni presidenzjali li jmiss isir progress sostanzjali fl-oqsma li ġejjin: moratorju li jiffunzjona għall-piena tal-mewt, libertà komprensiva ta' opinjoni, garanzija tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon, garanzija tad-drittijiet politiċi għall-movimenti tal-oppożizzjoni; |
|
18. |
iħeġġeġ bis-sħiħ lill-gvern Bjelorussu jinkludi rappreżentanti tal-oppożizzjoni fid-delegazzjoni Bjelorussa li ser tattendi l-assemblea tal-EURONEST; |
|
19. |
jinnota li fil-Bjelorussja, b’rabta mal-amministrazzjoni reġjonali u lokali awtonoma, hemm bżonn ta' miżuri estensivi ta' modernizzazzjoni sabiex:
|
|
20. |
huwa konvint li b’hekk ser jingħata kontribut għat-titjib tal-kwalità ta' ħajjet iċ-ċittadini Bjelorussi. Il-Kumitat tar-Reġjuni joffri l-appoġġ tiegħu għall-modernizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
21. |
jenfasizza bil-qawwa l-fatt li interruzzjoni oħra fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bjelorussja jkollha konsegwenzi negattivi fuq l-impenn li qed jiżviluppa tas-soċjetà ċivili u fuq l-ispirtu pro-Ewropew attwali fost iċ-ċittadini Bjelorussi; |
|
22. |
jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ġemellaġġi ħajjin bejn il-bliet tal-Istati Membri tal-UE u dawk tal-Bjelorussja, pereżempju bejn Minsk u Bonn. Il-ġemellaġġi bejn il-bliet, bis-saħħa tal-bosta esperjenzi, kuntatti u netwerks tagħhom, jiffurmaw pilastru importanti għat-tkomplija tad-demokratizzazzjoni fil-Bjelorussja u t-tqarrib tagħha lejn l-UE. Huma motivazzjoni biex l-uffiċjali u ċ-ċittadini jikkontribwixxu għal dan it-tip ta' ġemellaġġi permezz tal-impenn u l-għarfien tagħhom; |
|
23. |
fir-rigward tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza fundamentali ta' relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien li huma Stati Membri tal-UE, jiġifieri l-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja. Għandhom ikunu relazzjonijiet ta' ħbiberija, u għandhom jiżguraw li l-minoranzi etniċi kollha jaqdu rwol politiku, ekonomiku, soċjali u kulturali adegwat fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, b’mod li jippromovu relazzjoni twila, stabbli u bbażata fuq ir-rispett reċiproku; |
Rakkomandazzjonijiet ta' politika għat-tkomplija tal-kooperazzjoni
|
24. |
jirrakkomanda lill-UE tieħu sehem fi djalogu globali, miftuħ u strutturat mal-awtoritajiet Bjelorussi, il-movimenti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili tal-Bjelorussja u tavża lill-Bjelorussja li r-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u l-użu effettiv tal-Istrumenti Ewropej kollha ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-vantaġġi ekonomiċi tagħhom ikunu possibbli jekk il-gvern, min-naħa tiegħu, ikun lest li jwettaq bidla tassew, li jirrispetta l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll li jimplimenta riformi għat-tisħiħ tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; |
|
25. |
għaldaqstant, jirrakkomanda bil-qawwi lill-UE biex fil-futur torbot aktar l-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' għajnuna umanitarja u l-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji mal-progress li jsir fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiliment ta' moratorju li jiffunzjona għall-piena tal-mewt fil-Bjelorussja. Fl-istess ħin, bħal qabel u aktar minn qabel, għandu jkun ta' importanza kbira għall-Unjoni Ewropea li l-fondi jintefqu b’mod konformi mal-objettivi u għall-benefiċċju tal-iżvilupp umanitarju u tal-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, u ma jservux biex isaħħu l-istrutturi awtoritarji u r-reġim awtoritarju f’Minsk; |
|
26. |
jirrakkomanda lill-UE tkompli tosserva mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni politika interna fil-Bjelorussja sal-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin fl-aħħar tal-2010/bidu tal-2011, u wara li tagħmel dan biss għandha tislet il-konklużjonijiet tagħha dwar it-tkomplija tal-kooperazzjoni, minflok ma tissokta, kif huwa ppjanat s’issa, bl-evalwazzjoni mill-ġdid fil-ħarifa tal-2010; |
|
27. |
jitlob lill-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali josserva l-elezzjonijiet fil-Bjelorussja biex jara jekk it-tħejjijiet u l-andament tagħhom jaqblux mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Hawnhekk il-KtR joffri li jkompli l-kooperazzjoni li saret s’issa b’rabta mal-osservazzjoni tal-elezzjonijiet; |
|
28. |
jirrakkomanda lill-UE biex sal-bidu tal-2011 tressaq rapport interim speċjali dwar ir-relazzjonijiet mal-Bjelorussja minn meta reġgħu nbdew il-kuntatti magħha f’Ottubru 2008 lil hawn, sabiex tevalwa b’mod awtokritiku l-impenn tagħha stess fil-Bjelorussja fl-24 xahar li għaddew u minn dan tislet il-konklużjonijiet dwar it-tkomplija tal-kooperazzjoni mal-NGOs demokratiċi tal-Bjelorussja; |
|
29. |
jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha jkomplu jkunu solidali mal-atturi demokratiċi fil-Bjelorussja u, b’mod partikolari, isaħħu l-kuntatti mal-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li tiġi bbilanċjata l-konċentrazzjoni tal-poter f’Minsk. Hawnhekk l-għan għandu jkun li dawk li jiffurmaw l-opinjoni tan-nies b’mod miftuħ u demokratiku, speċjalment fil-livell lokali u fir-reġjuni li għandhom fruntiera mal-Istati Membri tal-UE, jiġu involuti b’mod attiv fid-diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni sabiex l-iżvilupp tal-politika interna tal-Bjelorussja jiġi influwenzat b’mod pożittiv “minn isfel għal fuq”; |
|
30. |
jirrakkomanda li wieħed jibbaża aktar fuq il-pjattaformi stabbiliti tal-iskambju tal-fehmiet, pereżempju l-Forum tas-Soċjetà Ċivili jew il-Forum ta' Minsk fil-fergħa tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' Dortmund għall-Edukazzjoni u t-Tlaqqigħ (Internationales Bildungs- und Begegnungswerk Dortmund) f’Minsk (IBB Johannes Rau), u li jissaħħaħ u jiġi istituzzjonalizzat b’mod sistematiku d-djalogu bejn ir-rappreżentanti uffiċjali tal-Bjelorussja, tal-oppożizzjoni, l-NGOs, ix-xjentisti u l-mezzi tax-xandir; |
|
31. |
jirrakkomanda li meta jitkompla t-tfassil tal-kontenut tad-djalogu mal-movimenti li huma favur id-demokrazija u l-partiti tal-oppożizzjoni Bjelorussi, wieħed jikkonċentra b’mod partikolari fuq il-libertà tal-mezzi tax-xandir u tal-istampa. Sa minn tard fil-ħarifa tal-2009, il-gvern Bjelorussu adotta miżuri differenti bil-għan li jxekklu l-ħidma tal-istampa Bjelorussa u barranija u jirregolaw l-internet, u dan jikkumplika r-rappurtar indipendenti u ħieles kif ukoll l-attivitajiet tal-movimenti tal-oppożizzjoni. Ir-rappurtar ħieles għandu rwol importanti b’mod partikolari fil-kampanji għall-elezzjoni presidenzjali fi tmiem l-2010. Il-KtR jista’ jagħti kontribut importanti għall-appoġġ tad-djalogu dwar id-demokrazija mal-Bjelorussja billi jħeġġeġ lill-korpi Bjelorussi kollha jużaw b’mod partikolari t-teknoloġiji u l-possibbiltajiet tal-mezzi tax-xandir il-ġodda (fosthom YouTube, il-bloggijiet, Twitter u strumenti oħra tan-netwerking soċjali) sabiex jiffaċilitaw il-ħidma tal-movimenti tal-oppożizzjoni; |
|
32. |
jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Bjelorussja biex, b’konformità mal-istrumenti tas-Sħubija tal-Lvant, jiftħu djalogu miftuħ u sistematiku dwar id-deċentralizzazzjoni u t-tisħiħ tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fis-sistema politika tal-Bjelorussja. Dan id-djalogu għandu jindirizza s-suġġetti li ġejjin:
|
|
33. |
jistieden lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali Bjelorussi u r-rappreżentanti tal-NGOs jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-Istati tal-UE, sabiex jitħeġġu aktar proġetti ta' ġemellaġġ u l-iskambju personali bejn in-nies; |
|
34. |
huwa favur li jitkomplew u jiġu żviluppati l-forom eżistenti tal-kooperazzjoni territorjali mal-Bjelorussja, b’mod partikolari permezz tal-programmi adegwati tal-INTERREG fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-NGOs ta' dawn ir-reġjuni biex jagħmlu aktar proġetti bil-għan li jiżviluppaw il-kuntatti lil hinn mill-fruntieri u li dawn isiru aktar permeabbli; |
|
35. |
jinkoraġġixxi b’mod partikolari lir-reġjuni tal-fruntiera fl-Istati Membri tal-UE, jiġifieri fil-Polonja, il-Litwanja u l-Latvja, biex ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni transkonfinali mal-muniċipji u l-awtoritajiet reġjonali tal-Bjelorussja, pereżempju fl-oqsma li ġejjin:
|
|
36. |
huwa favur li l-istrumenti tal-PEV jibqgħu jintużaw għat-tisħiħ tal-iskambji transkonfinali bejn l-istudenti tal-iskejjel u tal-università u l-apprentisti (ERASMUS, TEMPUS) bil-għan li jittejjeb il-fehim bejn il-Bjelorussi u ċ-ċittadini tal-Istati tal-UE, u b’hekk tiġi promossa l-idea Ewropea u titqajjem kuxjenza dwar l-impenn ċivili fil-Bjelorussja. |
Brussell, 2 ta' Diċembru 2010.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO