18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/34


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa”

2011/C 15/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa' b'sodisfazzjon l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-għan ġenerali tal-Aġenda Diġitali huwa li jitqassmu benefiċċji sostenibbli ekonomiċi u soċjali minn suq diġitali uniku bbażat fuq internet u applikazzjonijiet interoperabbli veloċi u veloċi ħafna. L-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali tiddependi mill-livell ġust ta' ambizzjoni u impenn, li ser jagħti l-qawwa lill-Ewropa li tibni mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq l-għarfien, ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u rata għolja ta' impjiegi;

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fost ir-riċevituri ewlenin tar-rakkomandazzjonijiet tal-aġenda u jistgħu jkunu forza mexxejja ewlenija għall-implimentazzjoni tagħha. Il-prijoritajiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa fil-livell lokali u reġjonali huma prerekwiżiti għall-kwalità tal-ħajja u l-attività soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, u ser jistimulaw servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u personalizzati kif ukoll in-negozji lokali;

jenfasizza li s-Suq Diġitali Uniku huwa pedament essenzjali tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li jippermetti li jinħoloq suq pan-Ewropew ta' suċċess, ħaj u li qed jikber għall-ħolqien u d-distribuzzjoni ta' kontenut diġitali legali u servizzi elettroniċi, kif ukoll biex il-konsumaturi jingħataw aċċess faċli, sigur u flessibbli għall-kontenut diġitali u s-swieq tas-servizzi;

jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tissemplifika ċ-ċertifikazzjoni, il-ġestjoni u l-liċenzjar transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur bit-tisħiħ tal-governanza, it-trasparenza u l-liċenzjar pan-Ewropew għall-ġestjoni tad-drittijiet elettroniċi, bil-ħolqien ta' qafas legali li jiffaċilita u jiddissemina xogħlijiet kulturali fl-Ewropa;

jindika li, meta tinbena l-infrastruttura tal-internet u jiġu żviluppati s-servizzi li toffri, jkun essenzjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta' sigurtà jintlaħqu f'kull livell bħala garanzija tal-livelli ottimali ta' privatezza u ħarsien tad-data personali. Hawnhekk hija importanti l-prevenzjoni ta' kull rintraċċar mhux awtorizzat ta' informazzjoni personali u tal-profili.

Relatur

:

Markku Markkula (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Espoo

Dokument ta' referenza

:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Diġitali għall-Ewropa

COM(2010)245 finali

I.   DAĦLA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' b'sodisfazzjon l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-għan ġenerali tal-Aġenda Diġitali huwa li jitqassmu benefiċċji sostenibbli ekonomiċi u soċjali minn suq diġitali uniku bbażat fuq internet u applikazzjonijiet interoperabbli veloċi u veloċi ħafna. L-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali tiddependi mill-livell ġust ta' ambizzjoni u impenn, li ser jagħti l-qawwa lill-Ewropa li tibni mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq l-għarfien, ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u rata għolja ta' impjiegi;

2.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fost ir-riċevituri ewlenin tar-rakkomandazzjonijiet tal-aġenda u jistgħu jkunu forza mexxejja ewlenija għall-implimentazzjoni tagħha. Il-prijoritajiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa fil-livell lokali u reġjonali huma prerekwiżiti għall-kwalità tal-ħajja u l-attività soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, u ser jistimulaw servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u personalizzati kif ukoll in-negozji lokali;

3.

jenfasizza li fost il-parteċipanti tas-settur pubbliku, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar viċin tan-nies komuni u huma responsabbli għall-aktar servizzi importanti li jolqtu l-benesseri taċ-ċittadini. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ħtieġa urġenti li jużaw il-potenzjal teknoloġiku ġdid, b'mod speċjali minħabba l-kriżi ekonomika u l-bidliet fl-istruttura demografika u l-ħtiġijiet tan-nies. Flimkien, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-attivitajiet ta' negozju assoċjati u t-tielet settur jista' jkollhom l-aħjar opportunitajiet biex jisfruttaw l-innovazzjoni. Hija ta' importanza kritika l-effettività li biha l-għarfien prodott mill-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka huwa applikat fil-livell lokali u reġjonali;

4.

ifakkar li l-KtR minn dejjem talab li jkun hemm investiment fir-riċerka fl-ICT sabiex jiġu żgurati t-tkabbir u t-trawwim ta' negozji ġodda, filwaqt li jemmen li permezz tal-użu tal-ICT biss jista' jkun hemm iktar innovazzjoni biex din tindirizza sfidi soċjoekonomiċi ewlenin madwar l-Ewropa;

5.

jagħraf li s-servizzi elettroniċi tal-gvern s'issa kienu jikkonsistu wisq fit-trasferiment tal-burokrazija bil-karti għal dik elettronika. L-UE u l-Istati Membri għandhom ikunu minn ta' quddiem biex jagħtu spinta lill-isforzi fil-livell Ewropew u nazzjonali b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tinkiseb bidla akbar fil-proċeduri u l-istrutturi tal-gvern, bl-użu tal-ICT biex jitjiebu s-sens, il-kwalità u l-produttività tal-ħidma u l-effiċjenza tal-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li titnaqqas il-burokrazija għall-pubbliku ġenerali u n-negozju;

6.

huwa tal-fehma li l-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni, kif inhuma, ma jidhrux li qed iqajmu xi kwistjoni dwar il-konformità tagħhom mal-prinċipji tas-sussidjarjetà jew tal-proporzjonalità. Madankollu jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu involuti sistematikament waqt it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-miżuri mfasslin biex tidħol fis-seħħ l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (b'mod partikolari fir-rigward tal-oqsma ta' azzjoni li ġejjin: l-interoperabbiltà u standards, l-aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet, it-titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali, u l-benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE, pereżempju b'rabta mas-servizzi tal-Gvern-e, it-tibdil fil-klima u s-sistemi tat-trasport intelliġent).

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

L-applikazzjoni effettiva hija obbligatorja

7.

jilqa' l-għan tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa sabiex din tagħmel l-Ewropa ċentru ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fil-livell globali;

8.

ifakkar il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (Laqgħa tal-Kunsill għat-Trasport, it-Telekomunikazzjonijiet u l-Enerġija fil-31 ta' Mejju 2010) (1), li fost affarijiet oħra jgħidu li:

l-Ewropa għandha tinkoraġġixxi l-ekonomija diġitali biex tuża' l-kapaċità ta' faċilitazzjoni u dik transettorjali tagħha biex iżżid il-produttività u l-kompetittività ta' setturi oħra u tieħu vantaġġ mill-ICT biex tiffaċċja l-isfidi globali aħjar, bħat-trasformazzjoni għal ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u b'użu effiċjenti tar-riżorsi u l-ħolqien ta' aktar impjiegi ta' kwalità aħjar,

l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa taqdi rwol ewlieni fl-“Istrateġija Ewropa 2020” u għandha tkun konsistenti mal-komponenti l-oħra ta' din l-istrateġija u mal-inizjattivi l-oħra ewlenin fil-futur, fosthom “Unjoni ta' Innovazzjoni” u “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”,

il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa trid tissaħħaħ f'dan is-settur importanti permezz tal-isforzi ta' tisħiħ tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni dwar l-ICT u tat-triangolu tal-għarfien,

il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna jfittxu l-mezzi biex itejbu l-koordinament orizzontali bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali biex titjieb l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa;

9.

ifakkar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ġdida li tiddikjara: “L-Ewropa tista' biss taħsad il-benefiċċji ta' din ir-rivoluzzjoni diġitali jekk kull ċittadin tal-UE jiġi mobilizzat u jingħata s-setgħa li jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà diġitali l-ġdida, u jekk il-persuna titqiegħed fil-qofol tal-azzjoni ta' politika” u “filwaqt li din ir-rivoluzzjoni diġitali ma tistax tibqa” titqies bħala evoluzzjoni mill-passat industrijali iżda bħala proċess ta' trasformazzjoni radikali'; (2)

10.

jagħraf li s-soċjetà tal-informazzjoni kienet aċċelleratur kbir tal-progress ekonomiku u soċjali. It-transizzjoni meħtieġa minn soċjetà tal-informazzjoni għal soċjeta tal-għarfien ekoloġiku tista' titqies ukoll bħala bidla fil-mudell. L-importanza tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tista' tiġi spjegata mill-fatt li l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din l-inizjattiva hija prerekwiżit għas-suċċess tal-inizjattivi l-oħra ewlenin tal-Istrateġija UE 2020;

11.

jirrikonoxxi li l-kwalità tas-soċjetà hija ddeterminata ħafna mill-kapaċità tagħha li tiġġenera tagħlim ġenwin u ħidma flimkien, u li tipproduċi għarfien ġdid b'viżjoni. Minħabba f'hekk, is-soċjetà tagħna timponi rekwiżiti kompletament ġodda fuq il-metodi tax-xogħol, il-kulturi tax-xogħol, il-validità tal-informazzjoni, il-litteriżmu fix-xandir, eċċ.;

12.

jinnota li d-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni biddlu l-proċessi tan-negozju rapidament. Studji tal-OECD juru li l-ICT għandha impatt mifrux sew fuq ir-rendiment ekonomiku u s-suċċess tal-kumpaniji individwali, b'mod partikolari meta din tkun ikkombinata mal-investiment fil-ħiliet, il-bidla organizzattiva, l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' negozju ġdid; (3)

13.

jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ma tistax tiġi sseparata mill-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja u mill-kapital uman u mill-miżuri meħtieġa biex dawn jiġu promossi. Is-soluzzjoni għas-suċċess hija marbuta ma' kemm il-komunitajiet tax-xogħol tal-UE u l-pubbliku ġenerali, jiġifieri l-inidividwi u l-komunitajiet differenti, jistgħu jitħeġġu li jieħdu sehem attiv fil-ħolqien ta' Ewropa sostanzjalment aktar innovattiva u produttiva, u ma' kemm dan isir b'mod tajjeb u jkun mifrux sew mal-UE. Biex ikollha suċċess komplet, l-attivitajiet innovattivi fil-livell lokali, l-intraprenditorija, il-kumpaniji li jfittxu tkabbir u b'mod partikolari l-inizjattivi innovattivi ta' sħubija pubbliċi, tan-negozju u tat-tielet settur jeħtieġu impenn politiku qawwi fil-livelli kollha (UE, Stati Membri, awtoritajiet lokali u reġjonali);

14.

jenfasizza li l-kapaċitajiet biex l-iħaffu l-pass tal-proċessi ta' innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida huma fatturi kritiċi għas-suċċess f' soċjetajiet magħqudin f' netwerks Dan jeħtieġ aktar benchmarking u kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-bliet sabiex dawn jiffaċċjaw l-isfidi b' soluzzjonijiet innovattivi u japplikaw l-aħjar prattiki għaċ-ċirkostanzi u kulturi lokali;

15.

jenfasizza li approċċ apert, il-kunċett tal-użu mill-ġdid kif ukoll in-newtralità teknoloġika għandhom ikunu l-prinċipji gwida waqt l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi;

L-aħjar użu tal-potenzjal tal-Ewropa

16.

jenfasizza li l-potenzjal sħiħ Ewropew fl-iżvilupp ta' servizzi tal-ICT fis-settur privat u dak pubbliku għandu jkun sfruttat b'mod sħiħ, u għaldaqstant l-ICT għandha tintuża bħala mezz sabiex jitjiebu s-servizzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'oqsma bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, ż-żamma tal-ordni, s-sigurtà u s-servizzi soċjali. Is-sħubijiet pubbliċi-privati appoġġjati mill-UE li jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs li jiżviluppaw l-ICT fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-ICT jistgħu jservu ta' pilastri sabiex fuqhom jinbnew kompetenzi u għarfien lokali mal-UE kollha; (4)

17.

ifakkar li s-Suq Diġitali Uniku jipprovdi numru kbir ta' opportunitajiet għaċ-ċittadini kollha, mhux biss bħala xerrejja iżda wkoll bħala intraprendituri u professjonijiet tal-għarfien oħra fi ħdan industriji kreattivi u negozji oħra;

18.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa teħtieġ bidla prinċipali fil-mentalità madwar l-Ewropa kollha: rieda b'saħħitha li naħdmu b'mod orizzontali u multidixxiplinari, biex jingħelbu l-konfini tradizzjonali, jitkissru s-silos u jkun hemm bidla fl-approċċ lejn il-kollaborazzjoni. L-effett mixtieq ma jistax jinkiseb permezz ta' proġetti ta' żvilupp konvenzjonali. Proġetti pijunieristiċi kbar li jużaw l-aqwa esperti Ewropej bil-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha ikkonċernati joffru mezz biex tintlaħaq il-bidla meħtieġa. Trid tingħata attenzjoni speċjali lid-disseminazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-proġetti fil-livell lokali;

19.

jenfasizza l-fatt li l-Ewropa teħtieġ aktar riċerka u innovazzojni li hija ffukata fuq il-bżonnijiet ta' utenti reali. Laboratorji ħajjin bħala pjattaforma għall-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-industrija huwa kunċett li jolqot l-Ewropa kollha u li jeħtieġ li jiġi żviluppat aktar bis-sehem tal-utenti aħħarin. Proċessi tas-servizzi li jaħdmu tajjeb jippermettu lill-utenti jkollhom parti attiva fir-riċerka u l-innovazzjoni u jħeġġu t-tagħlim kontinwu mill-partijiet interessati kollha. Dan jista' jkollu impatt qawwi pożittiv fit-tiġdid tal-proċessi tas-servizzi fil-livell lokali u t-tkabbir tal-kooperazzjoni reġjonali. L-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għandha tinkludi inċentivi mmirati li jimmotivaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-universitajiet jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw il-kunċetti ta' laboratorji ħajjin meħtieġa;

20.

jisħaq li aċċess għal broadband ta' kwalità għolja bi prezz raġonevoli jista' jżid il-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini u tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, waqt li jkun iktar faċli għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju biex joffru l-prodotti tagħhom għall-bejgħ. Reġjuni u komunitajiet remoti, b'mod speċjali dawk ultraperiferiċi, huma mistennija jibbenefikaw b'mod konsiderevoli minn aċċess usa' u iktar veloċi għas-servizzi tal-broadband; (5)

21.

jappella lill-bliet u lir-reġjuni li jaħdmu flimkien biex joħolqu l-massa kritika meħtieġa għal soluzzjonijiet ġodda innovattivi. L-UE u l-Istati Membri għandhom joħolqu kondizzjonijiet favorevoli għal tipi ġodda ta' akkwist pubbliku prekummerċjali, biex tiżdied il-kapaċità tas-settur pubbliku għal innovazzjonijiet gradwali u anke radikali. L-effiċjenza enerġetika u t-traffiku intelliġenti huma eżempji ta' oqsma fejn hemm bżonn ta' żviluppi radikali ġodda biex jgħinu l-applikazzjonijiet lokali;

22.

jindika li l-ġestjoni tal-ambjent mibni u tal-ippjanar urban huma setturi li għandhom impatt qawwi fuq l-ekonomija lokali kif ukoll fuq il-kwalità tal-ambjent tal-ħajja. Żviluppi ġodda fil-ġestjoni tal-informazzjoni jista' jkollhom rwol kruċjali fil-ksib tal-objettiv tat-twaqqif ta' reġim ġdid u ambizzjuż tal-klima. L-immudellar tal-informazzjoni dwar il-bini (Building Information Modelling – BIM) qed jintuża attivament fil-ġestjoni tal-faċilitajiet sabiex jipprovdi rappreżentazzjoni diġitali tal-karatteristiċi fiżiċi u funzjonali ta' faċilità. Il-kunċetti tal-immudellar tal-informazzjoni dwar il-bini għandhom jiġu estiżi għall-ippjanar reġjonali u urban. Dan jista' jservi bħala riżors ta' għarfien komuni għal żona, li jifforma bażi affidabbli għall-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, l-iżvilupp tal-proċess tan-negozju mmexxi mill-utent u t-teħid ta' deċiżjonijiet li joħloq valur;

Suq diġitali uniku ħaj

23.

jenfasizza li s-Suq Diġitali Uniku huwa pedament essenzjali tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li jippermetti li jinħoloq suq pan-Ewropew ta' suċċess, ħaj u li qed jikber għall-ħolqien u d-distribuzzjoni ta' kontenut diġitali legali u servizzi elettroniċi, kif ukoll biex il-konsumaturi jingħataw aċċess faċli, sigur u flessibbli għall-kontenut diġitali u s-swieq tas-servizzi;

24.

jindika li l-ftuħ tal-aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku jibbenefika lis-soċjetà kollha. L-iżvilupp ta' prattiki ġodda bl-użu ta' data aperta kollegata (linked open data) huwa pass lejn proċessi ta' servizzi ffukati fuq l-utent. Benefiċċji oħra jistgħu jkunu servizzi innovattivi, mudelli ġodda ta' negozju u effiċjenza msaħħa fis-settur pubbliku u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku;

25.

jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu ta' Europeana, librerija, mużew u arkivji elettroniċi tal-Ewropa, bil-għan li l-wirt kulturali u xjentifiku Ewropew isir aċċessibbli għal kulħadd fuq l-internet (6). L-aċċessibbiltà għall-wirt kulturali Ewropew hija strument ewlieni fil-promozzjoni tal-komprensjoni tad-diversità kulturali, it-tisħiħ u l-għaqda tan-nies f'Ewropa multilingwi u multikulturali, u żżid il-potenzjal ekonomiku f'oqsma bħat-turiżmu u t-tagħlim;

26.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' standards komuni Ewropej għall-messaġġi elettroniċi fil-kummerċ-e, speċjalment il-fatturar, huwa wieħed mill-akbar ostakoli tekniċi kbar għall-ħolqien ta' suq diġitali uniku li jaħdem;

27.

jappoġġja l-proposta li d-Direttiva dwar il-Firem-e tiġi riveduta bil-ħsieb li tipprovdi qafas legali għall-għarfien transkonfinali u interoperabbiltà ta' sistemi sikuri tal-Awtentikazzjoni-e;

28.

jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tissemplifika ċ-ċertifikazzjoni, il-ġestjoni u l-liċenzjar transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur bit-tisħiħ tal-governanza, it-trasparenza u l-liċenzjar pan-Ewropew għall-ġestjoni tad-drittijiet elettroniċi, bil-ħolqien ta' qafas legali li jiffaċilita u jiddissemina xogħlijiet kulturali fl-Ewropa;

29.

jisħaq fuq il-ħtieġa ta' bilanċ bejn id-drittijiet tal-utenti u dawk tas-sidien tal-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI). Miżuri ta' ħarsien tad-drittijiet intellettwali tal-awtur m'għandhomx ifixklu d-drittijiet tal-utenti milli jużaw il-kontenut diġitali kif jistgħu b'kontenut f'format analogu. Lanqas m'għandhom id-drittijiet għall-aċċess taċ-ċittadini għall-kontenut elettroniku jew li jesprimu lilhom infushom jiġi limitat mill-filtri tal-kontenut jew in-negazzjoni tal-aċċess għan-netwerk fl-interess tal-ħarsien tad-drittijiet intellettwali tal-awtur;

Interoperabbiltà u standards

30.

jilqa' l-proposta għal riforma tar-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-istandards tal-ICT fl-Ewropa biex ikun possibbli l-użu ta' ċerti fora tal-ICT u ta' standards tal-konsorzji u jittama' li l-Kummissjoni tagħti definizzjoni ta' ħidma lil dawn l-istandards, kemm jekk jissejħu standards aperti jew jekk jissejħu speċifikazzjonijiet aperti;

31.

jaqbel li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-impenji dwar l-interoperabbiltà u l-istandards stabbiliti mid-Dikjarazzjonijiet Ministerjali Malmö u Granada, speċjalment rigward l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħin;

32.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu inklużi u jipparteċipaw b'mod attiv f'kooperazzjoni wiesgħa sabiex itejbu l-interoperabilità tal-amministrazzjoni pubblika u l-effettività tas-servizzi pubbliċi (7);

Il-fiduċja u s-sigurtà

33.

jenfasizza li l-pjattaformi parteċipattivi l-ġodda u s-servizzi interattivi ta' kokreazzjoni (Web 2.0 u aktar avvanzati), fejn l-utenti saru atturi attivi, produtturi jew “produmaturi” joffru opportunità mingħajr preċedent biex il-kreattività taċ-ċittadini Ewropej tingħata żvog. Huwa essenzjali li jinħoloq ambjent u kultura ta' ftuħ u fiduċja li jrawmu dawn l-iżviluppi;

34.

jindika li, meta tinbena l-infrastruttura tal-internet u jiġu żviluppati s-servizzi li toffri, jkun essenzjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta' sigurtà jintlaħqu f'kull livell bħala garanzija tal-livelli ottimali ta' privatezza u ħarsien tad-data personali. Hawnhekk hija importanti l-prevenzjoni ta' kull rintraċċar mhux awtorizzat ta' informazzjoni personali u tal-profili (8);

35.

isejjaħ għal taħriġ estensiv dwar il-kwistjonijiet relatati mal-fiduċja u s-sigurtà għall-impjegati kollha, l-aktar immirat għat-tekniċi speċjalizzati (pereżempju netwerks, sistemi, sigurtà, privatezza eċċ.), impjegati li jaħdmu direttament mal-proċeduri tas-sigurtà li jinvolvu metodoloġiji differenti, kif ukoll impjegati li huma involuti b'mod ġenerali jew indirettament fl-innovazzjoni u l-ixprunar tal-modernizazzjoni (pereżempju t-tagħlim tal-kompetenzi diġitali lill-konsumaturi) ta' kwistjonijiet relatati mal-fiduċja u s-sigurtà;

36.

jenfasizza bil-qawwa r-responsabbiltà ta' dawk li jipproduċu l-kontenut u l-fatt li l-ġlieda kontra l-kontenut illegali u ta' ħsara għandha sseħħ mingħajr ma jiġu imposti restrizzjonijiet fuq il-fluss ħieles tal-informazzjoni (filtraġġ tal-kontenut, li jintuża minn diversi Stati Membri, li jwaqqaf ukoll kontenut li m'għandux iwaqqaf, u li tipikament m'għandux proċess ta' trasparenza u ta' rendikont). Hemm bżonn li jinstabu l-mezzi biex jitħarsu b'mod partikolari l-utenti vulnerabbli. Bl-istess mod, irid jinstab mezz kif il-kontenut ta' ħsara jiġi monitorjat u jitneħħa mill-internet mis-sors;

Aċċess għall-internet veloċi u veloċi ħafna

37.

jiġbed l-attenzjoni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol prinċipali x'jaqdu biex jikkontribwixxu ħalli jiġi assigurat aċċess ugwali u bi prezz aċċessibbli għall-broadband f'oqsma, pereżempju, fejn is-suq ma jkunx biżżejjed, li jmexxu proġetti piloti bil-għan li titnaqqas il-firda fl-aċċessibilità elettronika, u li jiżviluppaw approċċi ġodda lejn servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq in-nies; (9)

38.

jipproponi li l-fondi u miżuri oħra ta' appoġġ għandhom jiffavorixxu l-implimentazzjoni ta' netwerks tal-broadband b'aċċess apert li huwa bbażat fuq struttura ta' netwerk bi strati orizzontali (horizontally layered network architecture) u mudell ta' negozju li jissepara l-aċċess fiżiku għan-netwerk mill-forniment tas-servizz. In-netwerk tal-fibra ottika attwali għandhom ikunu miftuħin għall-kompetizzjoni;

39.

ifakkar li infrastruttura effettiva tas-soċjetà tal-informazzjoni trid tiġi ggarantita lill-membri kollha tal-popolazzjoni irrispettivament minn fejn jgħixu. Il-konnessjonijiet tal-komunikazzjoni veloċi u operattivament affidabbli, flimkien ma' servizzi bla fil u mobbli effiċjenti, għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-kompetittività reġjonali, l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza bejn in-nies;

40.

jisħaq fuq l-importanza tal-garanzija tad-disponibbiltà tal-ispettru għas-servizzi tar-radju għall-broadband bla fili f'żoni remoti u b'popolazzjoni baxxa u jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tikkoordina l-kondizzjonijiet tekniċi u regolatorji li japplikaw għall-użu tal-ispettru u l-armonizzazzjoni tal-faxxi biex jinħolqu ekonomiji tal-iskala fis-swieq tat-tagħmir u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw l-istess tagħmir u l-istess servizzi madwar l-UE;

Titjib fil-litteriżmu diġitali, il-ħiliet u l-inklużjoni

41.

jagħraf it-trasformazzjoni kontinwa tas-sistema edukattiva, fejn hemm bżonn ta' bidliet, xi wħud fosthom anke radikali. L-edukazzjoni m'għadhiex trid toffri ammont kbir ta' informazzjoni. Għall-kuntrarju, l-essenza tal-edukazzjoni hija li wieħed jitgħallem kif jitgħallem, jiġifieri li tgħin lin-nies itejbu il-ħila tagħhom li jitgħallmu, biex b'hekk ikunu jistgħu jiksbu u jipproċessaw l-informazzjoni huma stess. Hawnhekk, il-litteriżmu diġitali għandu importanza kbira;

42.

jenfasizza li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hu li jiġu promossi l-aċċessibbiltà u l-utilità tas-Servizzi-e u tal-informazzjoni pubblika. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa għandha tkun xprun għall-integrazzjoni sħiħa tal-ICT fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-litteriżmu, il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali jirrikjedu attivitajiet speċifiċi u ambjenti ta' tagħlim effettivi għal kulħadd;

43.

jemmen li l-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' skambju ta' ħiliet elettroniċi fl-Ewropa għandu l-potenzjal li jimpenja u jerġa' jagħti ħiliet lil gruppi ta' udjenza addizzjonali li, f'xi każijiet, ma tantx jiġu indirizzati mill-offerti ta' tagħlim ta' ħiliet elettroniċi kummerċjali jew akkademiċi. Possibbiltajiet bis-saħħa tal-ICT għal arranġamenti ta' xogħol flessibbli u xogħol mill-bogħod joffru potenzjal kbir għal mezzi ġodda ta' impjiegi fost dawn il-gruppi ta' ċittadini. Dawn l-inizjattivi ser jeħtieġu sħubijiet pubbliċi-privati, b'mod partikolari peress li s-servizzi kummerċjali u l-faċilitajiet ta' tagħlim jeħtieġu adattament speċifiku għall-ħtiġijiet ta' gruppi individwali;

44.

jenfasizza l-ħtieġa ta' pijunieri reġjonali u lokali Ewropej biex tiġi ffaċċjata l-isfida tat-tixjiħ demografiku bl-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet sistemiċi ġodda megħjuna mill-ICT u jappella għal kunċetti innovattivi megħjuna mill-ICT sabiex l-Ewropa tkun tista' tassumi rwol ta' tmexxija fit-tixjiħ attiv f'dinja diġitalizzata;

45.

jisħaq li l-libreriji jipprovdu mezz utli u effettiv għall-offerta ta' servizzi tal-informazzjoni komprensivi għall-pubbliku ġenerali irrispettivament mill-livell soċjali. L-aħjar prattika Ewropea tidher fejn il-libreriji żviluppaw bħala ċentri ta' servizzi kulturali u tal-informazzjoni diġitali u jinsabu f'postijiet minn fejn in-nies jgħaddu regolarment, eż. iċ-ċentri kummerċjali. Minħabba f'hekk, il-kontenut tas-servizzi l-ġodda u tax-xandir diġitali ġdid m'għandux jitħejja biss fuq il-bażi tal-kriterji ekonomiċi iżda għandu jiġu żviluppat skont il-ħtiġijiet soċjali u kulturali;

46.

jenfasizza li implimentazzjoni effettiva trid tqis il-fatt li s-setturi tal-kultura u tal-kreattività jipprovdu kontenut lit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom. L-Aġenda Diġitali għandha rwol importanti biex jintlaħaq il-potenzjal li hemm f'dawn is-setturi u biex jitwaqqaf suq uniku u sikur tal-kontenut u s-servizzi elettroniċi ta' natura kulturali u kreattiva. Biex il-patrimonju kulturali Ewropew jintuża aħjar, huwa meħtieġ li d-diġitalizzazzjoni tiegħu tiġi appoġġjata b'mod attiv.

Benefiċċji għas-soċjetà tal-UE bis-saħħa tal-ICT

47.

jirrakkomanda li tingħata prijorità għolja lill-iżvilupp ta' kunċetti u metodi assistiti mill-ICT u li r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp jiġu disseminati u implimentati b'rabta mal-proċessi fil-ħajja reali. Eżempju tajjeb ta' dan it-tip ta' attività huwa l-Programm tal-Kompetittività u tal-Innovazzjoni, li huwa pjattaforma eċċellenti għall-promozzjoni tal-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet futuri tal-internet. Il-Programm tal-Kompetittività u tal-Innovazzjoni għandu jittejjeb billi jingħata iktar finanzjament sostanzjali għad-disseminazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżultati ta' proġetti li rnexxew fil-livell lokali u reġjonali;

48.

jemmen li huwa importanti li jintużaw il-metodi tat-teknoloġija diġitali bħala mezz biex jippromovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Pereżempju, għandhom jinħolqu diskussjonijiet diġitali u ambjenti tax-xogħol fil-livell lokali u reġjonali fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' servizzi ta' kuljum viċin tagħhom;

49.

jenfasizza l-fatt li l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa għandha potenzjal enormi bħala inċentiv għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet biex jirriformaw il-proċess tagħhom tas-servizzi u tal-produzzjoni f'qafas ta' kooperazzjoni Ewropea. Reġjuni u muniċipalitajiet minn madwar l-Ewropa għandhom jirrevedu l-istrutturi tagħhom stess, kif ukoll il-metodi u l-proċessi ta' xogħol, fuq il-bażi ta' benchmarking u kooperazzjoni ma' xulxin, kif ukoll ma' universitajiet u n-negozji. Il-kooperazzjoni u l-iffinanzjar fil-livell tal-UE għandu jippermetti wkoll teħid ta' riskju aktar kuraġġuż. L-UE għandha tadotta prattika ġdida fejn l-investiment ikun gwidat mill-idea li ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali huma pijunieri, riċerkaturi attivi, u entitajiet li jesperimentaw u jieħdu d-deċiżjonijiet, jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda għall-futur u għall-benefiċċju ta' kulħadd;

50.

jenfasizza bil-qawwa l-importanza li l-proċessi tas-servizzi jingħataw ħajja ġdida kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat għall-benefiċċju tal-proċessi ta' inġinerija mill-ġdid bis-saħħa tal-ICT. It-tħaffif tal-fatturar elettroniku u l-identifikazzjoni elettronika jeħtieġu pijunieri, kooperazzjoni u standardizzazzjoni;

Riċerka u Innovazzjoni

51.

jenfasizza l-importanza tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, u jagħraf li l-prijoritajiet tematiċi tiegħu – is-soċjetà futura tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli – huma ta' importanza kbira għall-Istrateġija UE 2020. L-Istitut jista' jkollu impatt prattiku fil-livell lokali u reġjonali bl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' kunċetti u prattiki ġodda għall-innovazzjoni reġjonali u lokali. Dan jeħtieġ li xi awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu lesti jinvestu suffiċjentament fl-iżvilupp tar-reġjuni tagħhom biex isiru laboratorju għall-attività tal-Istitut u laboratorju ħaj tal-attivitajiet li fihom gruppi differenti ta' ċittadini u komunitajiet jagħtu kontribut attiv li jiffoka fuq l-utent;

52.

jindika li anki l-istituzzjonijiet iż-żgħar fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jipproduċu għarfien ta' interess dinji f'xi oqsma ristretti speċjalizzati, l-aktar meta huma jipparteċipaw f'netwerks globali u jikkollaboraw ma' negozji bbażati fuq l-għarfien (10);

53.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tkompli tiżviluppa l-kunċetti tat-Trijangolu tal-Għarfien u tal-Laboratorji Ħajjin, li jżidu s-sinerġiji bejn attivitajiet differenti, għandhom relevanza kbira għall-isfidi reali tal-ħajja u għas-soluzzjoni tal-problemi li fihom id-dimensjoni reġjonali hija parti naturali;

54.

jikkonferma r-rieda tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jieħdu sehem dejjem aktar attiv fil-promozzjoni tal-applikazzjonijeit tax-xjenza, it-teknoloġija u l-politika tal-innovazzjoni, basta jiġi adottat approċċ mifrux mal-programmi u l-proġetti kollha tal-UE, fejn kriterju u aspett ewlieni tal-għoti ta' fondi huwa t-tfassil tal-aqwa għarfien globali eżistenti fil-qasam tal-proġett u l-użu effettiv tagħhom;

55.

jissuġġerixxi li l-lezzjonijiet għall-innovazzjoni mill-iżviluppi tal-avangwardja tal-universitajiet u l-industrija għandhom jiġu applikati b'mod effettiv sabiex tissaħħaħ il-bażi wiesgħa meħtieġa ta' kompetenza tal-professjonisti tal-għarfien madwar l-Ewropa kollha;

Aspetti internazzjonali tal-Aġenda Diġitali

56.

jaqbel mal-ħtieġa li tiġi promossa l-internazzjonalizzazzjoni tal-governanza bl-internet u l-kooperazzjoni globali biex tinżamm l-istabbiltà tal-internet, fuq il-bażi tal-mudell b'diversi partijiet interessati u jaqbel mal-Kummissjoni fl-appoġġ tagħha għall-kontinwazzjoni tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet lil hinn mill-2010;

Implimentazzjoni u governanza

57.

jemmen li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u bis-saħħa tar-rabtiet stretti mal-aħħar żviluppi u l-prattiki tajbin fid-diġitalizzazzjoni madwar l-Ewropa, għandu jingħata rwol proattiv, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, fiċ-Ċiklu Ewropew tal-Governanza tal-Aġenda Diġitali (bħal pereżempju fi gruppi ta' esperti u waqt l-Assemblea Diġitali annwali). L-atturi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom għandhom jingħataw rwol b'saħħtu u prominenti;

58.

jinnota li l-Aġenda Diġitali hija kruċjali wkoll għas-suċċess ta' inizjattivi importanti oħra. Għal din ir-raġuni, għandha tiżdied sostanzjalment il-kooperazzjoni li hemm bejn id-DĠs u l-programmi differenti u l-iffinanzjar għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għandu jiġi allokat, b'mod partikolari, permezz ta' programmi eżistenti;

Brussell, 6 ta' Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (laqgħa tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjonijiet u Enerġija, 31.5.2010) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/trans/114710.pdf

(2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5.5.2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa: 2015.eu

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2010-0133&language=EN&ring=A7-2010-0066

(3)  OECD, The Economic Impact of ICT - Measurement, Evidence and Implications (OECD, L-Impatt Ekonomiku tal-ICT – Kejl, Evidenza u Implikazzjonijiet)

(4)  CdR 156/2009 fin

(5)  CdR 252/2005 fin

(6)  COM(2009) 440 finali

(7)  CdR 10/2009 fin

(8)  CdR 247/2009 fin

(9)  CdR 5/2008 fin

(10)  CdR 247/2009 fin