1.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/22


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali”

(2010/C 267/06)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Sfond

1.   jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea bil-Green Paper tagħha dwar “L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali”;

2.   jinsab kuntent bil-fatt li l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-partijiet interessati kollha fil-Green Paper “L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali” sabiex jesprimu l-fehma tagħhom dwar din it-tema;

3.   ifakkar fir-rwol prinċipali tal-Kumitat tar-Reġjuni, li bħala rappreżentant tal-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-aħħar opinjoni tiegħu ressaq għażliet u alternattivi għall-promozzjoni tat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, għat-tisħiħ tat-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni u sabiex jeħfief il-piż amministrattiv fil-livell lokali u reġjonali;

4.   huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni Ewropea li r-reġistri kummerċjali (1) jaqdu rwol importanti. Dawn jirreġistraw, jeżaminaw u jaħżnu informazzjoni dwar il-kumpaniji, fost affarijiet oħra dwar il-forma legali, is-sede, il-kapital u r-rappreżentanti legali tal-kumpanija u joffru aċċess lill-pubbliku għal din l-informazzjoni;

5.   jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li d-Direttiva dwar il-mergers transkonfinali (2) kif ukoll l-Istatuti ta’ Kumpanija Ewropea (SE) (3) u għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (4) jitolbu kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġistri tal-kumpaniji;

6.   huwa tal-fehma li minkejja li l-istandards minimi tas-servizz prinċipali huma regolati mil-leġislazzjoni Ewropea, is-servizzi li joffri r-reġistru kummerċjali jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Fl-istess waqt, il-kumpaniji qed joperaw iktar fuq livell transkonfali u għalhekk għandhom l-opportunità li jiġu rreġistrati fi Stat Membru filwaqt li joperaw parzjalment jew kompletament fi Stat Membru ieħor. Dan wassal għal domanda ikbar għal aċċess transkonfinali u pubbliku għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji;

7.   jenfasizza l-fatt li l-informazzjoni dwar kumpanija hija disponibbli fil-pajjiż fejn tkun irreġistrata u l-aċċess għal din l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor ħafna drabi jkun diffiċli minħabba ostakli tekniċi, legali, lingwistiċi u oħrajn;

8.   huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni volontarja li teżisti bħalissa bejn ir-reġistri kummerċjali mhix biżżejjed u għalhekk hemm bżonn li tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva iktar minn qabel bejn dawn ir-reġistri. B’mod partikolari huwa importanti li fil-qafas ta’ din il-kooperazzjoni għal aċċesss transkonfinali għall-informazzjoni maħżuna fir-reġistri kummerċjali jiġu żgurati t-trasparenza, iċ-ċertezza legali u l-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni;

9.   jenfasizza li l-kriżi finanzjarja attwali reġgħet enfasizzat l-importanza ta’ swieq finanzjarji trasparenti. Flimkien mal-miżuri finalizzati għar-rilanċ tas-settur finanzjarju, aċċess imtejjeb għal informazzjoni aġġornata, uffiċjali u affidabbli dwar il-kumpaniji jista’ jitqies bħala mezz kif tista’ terġa’ tintrebaħ il-fiduċja fis-swieq Ewropej;

Kummenti prinċipali

10.   jagħraf l-importanza kbira tar-reġistri kummerċjali sabiex jiżguraw it-tħaddim effiċjenti tas-suq intern billi jipprovdu informazzjoni affidabbli u aġġornata għal finijiet kummerċjali jew sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja għall-partijiet ikkonċernati kollha fl-Istati Membri kollha;

11.   jagħraf li żieda fil-mobbiltà tal-kumpaniji hija importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku u għalhekk jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ sistema kompletament integrata li tipprovdi aċċess indaqs għall-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha;

12.   jinnota li l-aċċess għall-informazzjoni dwar fużjonijiet transkonfinali, trasferimenti tas-sede jew il-ftuħ ta’ fergħat fi Stati Membri oħra hija bżonn ta’ kuljum sabiex is-suq intern ikun jista’ jaħdem mingħajr problemi;

13.   japprezza l-isforzi tal-membri tal-iskema volontarja sabiex joħolqu pjattaforma effiċjenti ta’ skambju. Madanakollu, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi qafas legali għall-kooperazzjoni Ewropea bejn ir-reġistri kummerċjali sabiex jieħu post is-sistema volontarja attwali b’reġistru kompletament integrat u bbażat fuq l-ICT;

14.   ifakkar fir-rwol importanti li jaqdu l-SMEs fl-ekonomija Ewropea u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw l-Istatut ta’ Kumpanija Privata Ewropea (SPE) li, flimkien ma’ sistema effiċjenti li tgħaqqad ir-reġistri kummerċjali, jista’ jiffaċilita l-espansjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fis-suq uniku;

15.   jappella għall-implimentazzjoni ta’ reġistru kummerċjali diġitali Ewropew b’interkonnessjoni bbażata fuq soluzzjonijiet ambizzjużi bbażati fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni;

16.   jappella għar-reviżjoni tad-Direttivi relatati dwar il-Kumpaniji sabiex id-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu aġġornati għall-mezzi teknoloġiċi disponibbli bħalissa, b’mod partikolari l-użu tas-sistemi tal-IT;

17.   jaqbel mal-Kummissjoni li fi kwalunkwe każ ikun utli għall-finijiet tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali li jintuża x-xogħol li diġà sar b’rabta mar-Reġistru Ewropew tan-Negozju (EBR) u l-proġett BRITE. Fir-rigward tal-parti li tikkonċerna l-mod kif tiġi regolata l-kooperazzjoni proċedurali bejn ir-reġistri kummerċjali tan-netwerk (fużjonijiet, trasferimenti tas-sede, il-ftuħ ta’ fergħat) il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li jkun aktar faċli li s-sistema tiġi bbażata fuq il-proġett attwali BRITE;

Proposti

18.   ifakkar li tul l-aħħar għaxar snin il-każistika, bis-saħħa tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (b’mod partikolari l-każijiet C-212/97 (Centros), C-208/00 (Überseering) u C-167/01 (Inspire Art)) il-kumpaniji setgħu joperaw fuq livell transkonfinali u jmexxu s-sede tagħhom;

19.   jenfasizza li madanakollu, mil-lat prattiku, f’ħafna każijiet huwa impossibbli li dan id-dritt jiġi eżerċitat, hekk kif turi l-introduzzjoni tal-Green Paper. Ir-raġuni għal dan, iktar milli n-nuqqas ta’ interkonnessjoni bejn ir-reġistri kummerċjali, hija l-fatt li d-dispożizzjonijiet interni fir-rigward tal-liġi tal-kumpaniji u tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri ma jippromovux it-trasferiment tas-sede tal-kumpanija barra mill-pajjiż u lanqas ma jiffaċilitaw attivitajiet transkonfinali u li l-leġislazzjoni Ewropea ma tirrikjedix tali dispożizzzjonijiet b’mod speċifiku;

20.   huwa tal-fehma li l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali ma ssolvix din il-problema. Sabiex tissolva l-problema jridu jinħolqu dispożizzjonijiet sostanzjali proċedurali dwar it-trasferiment tas-sede, li permezz tagħhom tista’ tiġi rregolata l-interazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali;

21.   jemmen li wieħed mill-ikbar ostakli li jimpedixxi kompetizzjoni reali bejn l-Istati Membri u r-reġjuni huwa l-fatt li li t-trasferiment tas-sede ta’ kumpanija fi Stat Membru ieħor tal-UE huwa kważi impossibbli. Ir-riżultat tal-kompetizzjoni jkun li l-intraprendituri jinġibdu lejn l-aktar kuntest favorevoli iżda attwalment it-trasferiment ta’ sede huwa kkumplikat ħafna;

22.   jagħraf li l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali ser tgħin lill-kumpaniji jiksbu informazzjoni dwar l-imsieħba tagħhom fil-qafas tal-attività tagħhom u dan huwa fatt pożittiv. Sistema ta’ reġistri kummerċjali interkonnessi ser toħloq għalhekk bażi ta’ data komuni fejn l-informazzjoni li tiddaħħal tkun standardizzata u li permezz tagħha jista’ jintlaħaq dan l-għan jekk il-preċiżjoni tal-informazzjoni tar-reġistru tkun tista’ tiġi ggarantita. Barra minn hekk għandu jsir sforz sabiex il-kontenut tar-reġistru jiġi standardizzat;

23.   huwa tal-fehma li l-ftehim ta’ tmexxija li tipproponi l-Green Paper mhuwiex strument adegwat għan-netwerking. Jekk minn kull reġistru nazzjonali tkun disponibbli data f’forma standardizzata, is-sistema futura għandha tiġi rregolata pereżempju permezz ta’ reviżjoni tal-liġi tal-kumpaniji fil-qafas tad-Direttiva dwar il-Pubbliċità jew b’mod ieħor;

24.   iżid li l-għan għandu jkun li kemm l-informazzjoni transkonfinali, li tkun aċċessibbli permezz tas-sistema li ser tinħoloq, kif ukoll l-informazzjoni mir-reġistri kummerċjali nazzjonali tkun disponibbli onlajn u b’xejn għal kulħadd. Id-dħul li jagħmel l-Istat mill-ġbir tal-informazzjoni diġà jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż relatati u l-amministrazzjonijiet pubbliċi m’għandhomx ifittxu li jagħmlu profitt mill-aċċess għal data pubblika. Inkella id-direttiva futura toħloq kompetizzjoni bejn il-kumpaniji eżistenti li jagħtu servizzi ta’ konsulenza;

25.   huwa tal-fehma li jkun utli li tiġi inkorporata data mid-Direttiva dwar it-Trasparenza man-netwerk tar-reġistri kummerċjali. F’dan ir-rigward għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tinħoloq regolamentazzjoni fil-forma ta’ direttiva jew regolament;

26.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali fir-realtà mhuwiex ostaklu sinifikanti għal transazzjonijiet transkonfinali bejn il-kumpaniji. Soluzzjonijiet elettroniċi intelliġenti (bħal pereżempju dawk li jintużaw bejn l-Estonja, il-Portugall u l-Finlandja) diġà jippermettu livell għoli ta’ kooperazzjoni għax joffru aċċess elettroniku għar-reġistri kummerċjali barranin mingħajr ma wieħed ikollu jivvjaġġa;

27.   jenfasizza li l-ostakli li qed jinqalgħu ġejjin iktar min-nuqqas ta’ sistema ta’ identifikazzjoni Ewropea (bħal karta tal-identità elettronika Ewropea) li tippermetti l-użu legali ta’ firma diġitali u li din tkun rikonoxxuta. Fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali dan huwa wieħed mill-iktar fatturi importanti li għandu jiġi indirizzat kemm jista’ jkun malajr;

28.   fl-aħħar nett jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inizjattivi kollha għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u regolamentazzjoni aħjar.

Brussell, 9 ta’ Ġunju 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  It-terminu “reġistri kummerċjali”, użat fil-Green Paper, ikopri r-reġistri kollha ċentrali, kummerċjali u dwar il-kumpaniji fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (68/151/KEE).

(2)  Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1).

(3)  Regolament (KE) Nr. 2157/2001 tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2003/1435 tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).