|
27.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 232/49 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE”
(2010/C 232/09)
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) biex titnieda Komunikazzjoni dwar “Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE” (Komunikazzjoni dwar il-KET (Key enabling technologies));
2. jinnota li dawn it-teknoloġiji għandhom il-potenzjal li jsiru assi ta’ valur għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet, u jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib ta’ prodotti u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi;
3. jilqa’ referenzi u rapporti addizzjonali bħall-Komunikazzjoni dwar “Nanoxjenzi u Nanoteknoloġiji: Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa 2005–2009” (Ir-Rapport “Nano”), għall-appoġġ li toffri għall-iżvilupp futur ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali (KET); jinnota li l-Komunikazzjoni dwar il-KET tirrikonoxxi li n-nanoteknoloġiji huma waħda minn ħames teknoloġiji abilitanti essenzjali ta’ rilevanza strateġika;
4. jinnota r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (LRA) fil-promozzjoni ta’ djalogu informat mal-pubbliku ġenerali, u fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib pubbliku li jikkonċernaw mill-qrib liċ-ċittadini;
5. jappoġġja l-enfasi iktar qawwija proposta fil-Komunikazzjoni dwar il-KET fuq proġetti strateġiċi konġunti ta’ programmar u ta’ dimostrazzjoni, kif ukoll it-tentattivi biex jinsab approċċ iktar strateġiku u kkoordinat, mhux biss mill-UE u l-Istati Membri iżda wkoll mir-reġjuni;
6. jilqa’ r-referenza fil-Komunikazzjoni dwar il-KET għall-promozzjoni ta’ clusters u netwerks reġjonali tal-innovazzjoni, bħala punt essenzjali għall-ħolqien u ż-żamma ta’ livell ta’ innovazzjoni mill-aqwa u li sservi biex l-għarfien ikun ankrat b’mod sod f’reġjun speċifiku;
7. jirrikonoxxi l-importanza tal-KET għall-kompetittività internazzjonali u l-iżvilup sostenibbli; jenfasizza li l-iskambju ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u reġjuni oħrajn Ewropej għandu jiġi intensifikat u; jenfasizza l-importanza li jinkisbu l-benefiċċji tal-aħjar prattiki minn madwar id-dinja;
8. itenni l-importanza ta’ sinerġiji bejn il-FP, il-Fondi Stutturali u l-politiki nazzjonali b’rabta mal-objettivi usa’ tal-UE fir-rigward tal-kompetittività u l-koeżjoni;
9. jirrikonoxxi l-importanza tar-reviżjoni tal-qafas għall-Għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-innovazzjoni u jitlob lill-Kummissjoni żżommu infurmat dwar kull żvilupp rilevanti;
10. jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli li jkollu r-responsabbiltà li jiżviluppa strateġija komuni fit-tul għall-KET, u jitlob lill-Kummissjoni żżommu infurmat sa minn stadju bikri dwar kif jiżviluppa dan il-grupp, inklużi l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tiegħu;
11. jappoġġja l-ħtieġa msemmija fir-Rapport “Nano” li jiġu integrati aspetti tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-ambjent fl-iżvilupp tan-nanoteknoloġija, u li jiġi stabbilit djalogu effettiv mal-partijiet interessati kollha;
12. jirrikonoxxi l-importanza li jiġu riveduti bir-reqqa r-regolamenti Ewropej fis-seħħ bħalissa, kif ġie mitlub mill-Parlament Ewropew, u li dawn jiġu sinkronizzati ma’ regolamenti u standards reġjonali, peress li d-diversità eċċessiva fir-regolamenti tista’ tagħmel ħsara lill-kompetittività internazzjonali ta’ reġjuni u Stati Membri Ewropej;
13. huwa tal-fehma li l-azzjonijiet proposti, bit-tqegħid tal-kliem attwali bħala Komunikazzjoni dwar il-KET, ma jqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-konformità tagħhom mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;
L-impatt tal-KET fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni
14. jenfasizza l-importanza tal-KET fis-sostenn ta’ applikazzjonijiet prattiċi, ir-rwol potenzjali tagħhom fil-pjan Ewropew ġdid għall-innovazzjoni, u l-possibilitajiet tagħhom biex isaħħu l-kwalità tal-ħajja u l-kompetittività fir-reġjuni Ewropej;
15. jirrikonoxxi li barra mill-bżonn li tingħata attenzjoni kontinwa lill-kompetittività ta’ setturi partikulari, huwa importanti wkoll li ninnotaw li l-prosperità futura tal-Ewropa se tiddependi dejjem iktar minn attivitajiet intersettorjali (1);
16. jinnota li l-promozzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet ta’ għarfien speċifiku f’bosta katini tal-innovazzjoni tista’ twassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fil-livelli kollha u għarfien sigur għar-reġjuni (1);
17. isejjaħ biex issir reviżjoni tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u biex dan jiġi adattat iktar għall-ħtiġijiet tal-SMEs, sabiex tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti konġunti Ewropej u jiġu pprovduti b’iktar potenzjal għall-iżvilupp ta’ KET fil-livell reġjonali;
18. jagħraf li l-Ewropa diġà hija inqas attraenti fejn jidħlu investimenti industrijali f’dan il-qasam;
L-aspetti soċjali tal-KET
19. jirrikonoxxi l-importanza, imsemmija fil-Komunikazzjoni dwar il-KET, ta’ għarfien u fehim pubbliku tal-KET, u ta’ strateġija proattiva li tgħaqqad flimkien il-partijiet interessati, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-pubbliku u sabiex jiġu kkomunikati b’mod miftuħ il-benefiċċji u r-riskji ta’ teknoloġiji ġodda;
20. ifakkar mill-ġdid il-ħtieġa li jinftiehmu u jiġu kkomunikati b’mod tajjeb il-benefiċċji u r-riskji ta’ teknoloġiji ġodda kif espressi mill-KtR f’opinjonijiet preċedenti (2) u jekk hemm bżonn, jitwettqu studji sabiex nifhmu aħjar ir-riskji possibbli marbutin mal-benefiċċji mistennija;
21. jilqa’, f’dan ir-rigward, rwol iktar b’saħħtu għall-Grupp Ewropew dwar l-Etika f’dibattitu informat dwar l-opportunitajiet u r-riskji tal-bijo u n-nanoteknoloġiji;
22. jappoġġja l-importanza li ngħatat lill-indirizzar tal-aspettattivi u t-tħassib tas-soċjetà, kif imsemmi fir-Rapport “Nano” u d-dokumenti mehmużin miegħu;
23. jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bjen l-UE u l-livelli nazzjonali u reġjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet etiċi u soċjoekonomiċi;
24. jaħseb li l-UE għandha twaqqaf Task Force Ewropew għall-Innovazzjoni Soċjali, li ma jkunx separat mill-politika industrijali tal-UE, u jkun fil-qalba ta’ din il-politika (1);
25. jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu deċiżjonijiet koordinati u konġunti flimkien mar-reġjuni dwar il-politika tal-innovazzjoni, u dwar il-metodi u l-istrumenti użati biex tiġi promossa din il-politika, sabiex ir-riżultati miksuba jissodisfaw il-ħtieġa attwali fil-livell lokali u reġjonali (3);
26. jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana li tħeġġeġ, kemm fil-politika tal-kummerċ kif ukoll fil-ftehimiet bilaterali, li jitwaqqfu l-prattiċi mhux leġittimi tas-sussidju fil-pajjiżi terzi u b’hekk titwaqqaf ukoll il-kompetizzjoni għas-sussidji. Sakemm il-pajjiżi terzi mhumiex preparati biex dan jagħmluh, l-UE u l-Istati Membri għandhom jiddefendu l-interessi teknoloġiċi u ekonomiċi tagħhom permezz ta’ miżuri effettivi sabiex iżommu t-teknoloġiji prinċipali u magħhom l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa;
L-infrastruttura u l-koeżjoni
27. jitlob li jkun hemm iktar enfasi fuq it-tqajjim ta’ kuxjenza fil-livell reġjonali u lokali u fuq it-tħeġġiġ tal-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, bħala elementi neċessarji għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-KET;
28. jirrimarka li l-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej fil-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu fil-punent tal-Ewropa, u li f’dan ir-rigward għandha tiġi promossa distribuzzjoni ġeografika iktar xierqa;
29. jirrikonoxxi l-bżonn li jiġi żviluppat qafas fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li infrastrutturi tar-riċerka jaħdmu b’mod iktar effettiv u li jitneħħew l-ostakoli għar-riċerka internazzjonali;
30. iħeġġeġ li r-Raggruppamenti Ewropej għall-Koeżjoni Territorjali (REKT) jitqiesu speċifikament bħala strument legali alternattiv għall-ħolqien ta’ infrastrutturi tar-riċerka b’dimensjoni Ewropea;
31. jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ programmi konġunti tar-riċerka: l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi ewlenin fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni; ħafna drabi jiġġestjonaw istituzzjonijiet ta’ riċerka u jappoġġjaw ambjenti innovattivi;
32. jipproponi li jiżdiedu l-inċentivi fi ħdan il-Fondi Strutturali li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi rati divrenzjati ta’ għotjiet li jiffavorixxu investimenti fi proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni;
33. jinkoraġġixxi lill-bliet u r-reġjuni biex jappoġġjaw it-trasferimenti tal-għarfien u l-innovazzjoni mill-bażi xjentifika għall-industrija, itejbu l-provvista ta’ kapital riskjuż, anke għall-kooperazzjoni transkonfinali u jappoġġjaw dawk li japplikaw invenzjonijiet teknoloġiċi għal privattivi u l-użu ta’ privattivi;
34. jenfasizza r-rwol speċjali tal-politika tal-koeżjoni fl-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ innovazzjoni fir-reġjuni;
35. jinnota li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista’ jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta’ ħiliet u għall-modernizzazzjoni ta’ strutturi u sistemi edukattivi, billi jiffinanzja inkubaturi tan-negozju u parks tax-xjenza, u b’hekk jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-SMEs u l-universitajiet;
It-titjib tal-parteċipazzjoni tal-SMEs fi sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat
36. itenni li l-politika industrijali Ewropea għandha tagħti attenzjoni iktar espliċita lill-interazzjoni bejn l-intrapriżi l-kbar u ta’ daqs medju jew żgħar, u b’mod speċjali bejn l-SMEs u ċ-ċentri ta’ riċerka (1); jenfasizza l-importanza kruċjali ta’ forza ta’ xogħol ikkwalifikata għal din l-interazzjoni u biex l-industrija jkollha l-għeruq fil-livell reġjonali;
37. ifakkar fir-rwol essenzjali ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur privat, b’enfasi partikulari fuq il-parteċipazzjoni ta’ universitajiet, kulleġġi u korpi tar-riċerka (4); jinnota l-importanza li l-kurrikuli universitarji jintrabtu mat-teknoloġiji li huma rilevanti għall-forza tax-xogħol ta’ reġjun, sabiex l-għarfien u l-kompetittività jinżammu f’dak ir-reġjun;
38. iħeġġeġ li jkun hemm bidla sinifikanti, meta r-reġjuni jużaw il-Fondi Strutturali, lejn stimolu tad-domanda għar-riċerka u l-innovazzjoni b’mod partikulari, u li titrawwem innovazzjoni miftuħa li titmexxa mill-utenti stess bħala potenzjal reġjonali (5);
Żviluppi f’setturi speċifiċi
39. jirrikonoxxi li diġà bdew iseħħu, f’għadd ta’ setturi, innovazzjonijiet spettakolari intermittenti fi prodotti u fir-reklamar, bħal pereżempju s-setturi tal-ikel u tal-farmaċewtiċi (ix-xjenzi tal-ħajja), it-teknoloġija bijomedika, sistemi awtomotivi u tat-teknoloġija għolja (1);
40. jinnota li l-bijoteknoloġija toffri alternattivi futuri promettenti għall-industrija tal-kimika, barra mill-mod kif tista’ tiġi applikata fis-setturi tas-saħħa, tal-ikel u tal-għalf (2);
41. jitlob li l-koeżistenza ta’ prattiki agrikoli differenti tiġi żviluppata, mhux biss fl-interess ta’ prattika tajba fil-qasam tal-agrikoltura, iżda wkoll tat-tolleranza u l-fiduċja bejn il-bdiewa ġirien fl-iskambju tal-informazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni (2);
42. jilqa’ l-attivitajiet tal-Kummissjoni mmirati biex jiżguraw użu sigur u effettiv tal-bijoteknoloġija moderna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-trawwim tal-kapaċità ta’ dawn l-Istati biex jevalwaw u jiġġestjonaw ir-riskju, sabiex jiġu appoġġjati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi ta’ dawn il-pajjiżi (2);
43. jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati metodoloġiji ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà adatti għan-nanoteknoloġiji, u li jitwaqqaf qafas ta’ politika u regolatorju adatt qabel ma jkun hemm iktar penetrazzoni tas-suq;
44. jenfasizza l-bżonn li tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ evalwazzjoni iktar soda tas-sostenibbiltà tat-teknoloġiji, b’enfasi partikulari fuq l-iżvilupp bikri, jiġifieri ħafna qabel ma jintlaħaq stadju qrib it-tqegħid fis-suq; jinnota li eventwalment dan jista’ jwassal għall-elaborazzjoni ta’ oqfsa ta’ metodoloġija indipendenti għall-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, u għal studji dwar l-impatt soċjali;
45. isejjaħ għal rwol iktar b’saħħtu għat-taqsimiet kollha tal-Kummissjoni, b’ħarsa lejn il-ġejjieni, b’mod partikulari fil-qasam tat-teknoloġija, sabiex il-problemi l-ġodda jkunu jistgħu jiġu identifikati kemm jista’ jkun kmieni. Ir-rilevanza, il-koerenza u l-effettività tal-leġislazzjoni u l-politiki kif ukoll l-implimentazzjoni u l-effetti soċjali u ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu eżaminati (2).
Brussell, 14 ta’ April 2010.
L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) CdR 39/2006 fin.
(2) CdR 174/2007 fin.
(3) CdR 283/2008 fin.
(4) CdR 83/2007 fin.
(5) CdR 263/2007 fin.