3.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 99/167


It-Tlieta 23 ta’ Novembru 2010
Pjan multiannwali għall-istokk tal-Punent ta’ Sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk ***I

P7_TA(2010)0421

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tal-Punent ta’ Sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk (COM(2009)0189 – C7-0010/2009 – 2009/0057(COD))

2012/C 99 E/42

((Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari))

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0189),

wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0010/2009),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta’ Marzu 2010 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0296/2010),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif stabbilita hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tikkonsultah jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta tagħha b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti nazzjonali.


(1)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


It-Tlieta 23 ta’ Novembru 2010
P7_TC1-COD(2009)0057

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fi 23 ta’ Novembru 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tal-Punent ta’ Sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fid-dawl tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni adottat fil-Laqgħa Għolja Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli adottat f'Johannesburg fl-2002, l-Unjoni Ewropea hija impenjata inter alia sabiex iżżomm jew treġġa' lura l-istokkijiet tal-ħut għal livelli li jistgħu jipproduċu l-ogħla rendiment sostenibbli, bl-għan li dawn l-għanijiet jinkisbu b'urġenza għall-istokkijiet eżawriti, u fejn hu possibbli mhux aktar tard mill-2015. Il-Politika Komuni tas-Sajd, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (3), hija mmirata li tiżgura sfruttar tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

(2)

▐ L-informazzjoni bijoloġika dwar ▐ l-istokk tal-Punent mhix biżżejjed għal valutazzjoni sħiħa tal-istokk li tippermetti l-istabbiliment ta’ mira għall-mortalità mis-sajd relatata mal-ogħla rendiment sostenibbli u biex il-qabdiet totali permissibbli jkunu relatati mal-previżjonijiet xjentifiċi tal-qabdiet. Madankollu, l-indiċi tal-abbundanza tal-bajd li ilu jiġi kkalkulat mill-1977 fi stħarriġ internazzjonali triennali jista' jintuża bħala indikatur bijoloġiku għall-iżvilupp tad-daqs tal-istokk.

(3)

Il-parir mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) jindika li regola għall-kontroll tal-ħsad abbażi tax-xejriet fl-abbundanza tal-bajd mill-aħħar tliet stħarriġiet tal-bajd tkun tipprovdi għal ġestjoni sostenibbli tal-istokk.

(4)

Għal għadd ta’ snin mill-2003, il-parir xjentifiku prekawzjonarju indika li l-qabdiet għall-kavalli tal-Punent għandhom ikunu taħt il-150 000 tunnellata fis-sena, abbażi tal-premessa li dan iżomm l-isfruttar għal-livell sostenibbli, saħansitra fin-nuqqas kontinwu ta’ avveniment ta’ reklutaġġ straordinarjament b'saħħtu. Regola għall-kontroll tal-ħsad għandha tkun ibbażata, fuq bażi ugwali, kemm fuq dan il-parir prekawzjonarju kif ukoll fuq TAC li jkompli jiġi aġġustat b'fattur li jirrifletti x-xejriet fil-produzzjoni tal-bajd.

(5)

Ir-regoli għall-kontroll tal-ħsad jeħtieġ li jqisu l-ħut mormi lura, inkluż ħut meħlus, għaliex kull tneħħija mill-istokk hija rilevanti.

(6)

L-istokk huwa primarjament imqassam f'ilmijiet tal-Unjoni u f'ilmijiet Norveġiżi. In-Norveġja għandha interess fl-isfruttar tas-sawrell tal-Punent. L-istokk sa issa mhux soġġett għal ġestjoni konġunta.

(7)

L-istokk tal-Punent huwa ekonomikament l-aktar stokk importanti ta’ sawrell li jgħix fl-ilmijiet tal-Unjoni. Jinqabad minn flotot differenti - industrijali, għall-ipproċessar u l-kummerċ estern, u artiġjanali, biex il-pubbliku ġenerali jingħata ħut frisk ta’ kwalità għolja.

(8)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri kif stabbiliti f'dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ kontroll flimkien ma dawk misjuba fir-Regolament tal-Kunstill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd  (4), kif ukoll ma’ dawk ipprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1542/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar il-proċeduri ta’ ħatt l-art u użin ta’ aringi, kavalli u sawrell (5). Dawn il-miżuri b'mod partikolari għandhom ipattu għal nuqqasijiet fir-rappurtar marbuta maż-żoni u mal-ispeċijiet.

(9)

Huwa xieraq li tiġi żgurata l-evalwazzjoni perjodika tal-pjan u, fejn evalwazzjoni bħal din turi li r-regoli għall-kontroll tal-ħsad ma jkunux għadhom jiżguraw l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tal-istokkijiet, għandu jiġi żgurat l-adattament tal-pjan.

(10)

Għall-iskopijiet tal-punti (i) u (iv) tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (6) il-pjan għandu jkun pjan ta’ rkupru skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 meta d-daqs tal-istokk riproduttiv ikun stmat li huwa inqas minn 130 % tad-daqs tiegħu fl-1982, meta kien iġġenera reklutaġġ straordinarjament kbir, u għandu jkun pjan ta’ ġestjoni fil-każijiet l-oħra kollha. Stokk riproduttiv ta’ 130 % meta mqabbel mad-daqs fl-1982 jindika l-livell prekawzjonarju tal-bijomassa.

(11)

L-istabbiliment u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd ▐ fil-Politika Komuni tas-Sajd u għandhom impatt dirett fuq is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-flotot tas-sajd tal-Istati Membri, u għalhekk jeħtieġ, b'mod partikolari, li jitqies il-bejgħ ta’ ħut frisk għall-konsum mill-bniedem mill-flotot ta’ max-xtajta fuq skala żgħira marbuta direttament ma’ żoni ta’ sajd max-xtajta li huma dipendenti ħafna fuq l-industrija tas-sajd .

(12)

Ir-referenzi u l-parametri bijoloġiċi li jagħmlu parti mir-regola tal-qbid għandhom isegwu l-pariri xjentifiċi l-aktar riċenti. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward ta’ modifiki ta’ ċerti referenzi u parametri bijoloġiċi inkorporati fir-regola tal-qbid kif stabbilit fl-Anness, sabiex wieħed ikun jista' jirreaġixxi malajr għal bidliet fil-pariri xjentifiċi li jirriżultaw minn għarfien jew metodi mtejba. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell tal-esperti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan fit-tul għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk tal-Punent tas-sawrell (minn issa 'l quddiem 'il-pjan').

Artikolu 2

Ambitu

Il-pjan għandu japplika għall-istokk ta’ sawrell li jgħix fl-ilmijiet tal-UE u dawk internazzjonali tad-Diviżjonijiet tal-ICES IIa, IVa, Vb, VIa, VIb, VIIa, b, c, e, f, g, h, j, k, VIIIa, b, c, d u e.

Fir-rigward tal-flotta ta’ max-xtajta, l-organizzazzjoni taż-żoni ta’ ġestjoni li toħroġ minn dan il-pjan għandha tiġi implimentata b'attenzjoni xierqa għad-drittijiet storiċi ta’ dak il-qasam ta’ flotot.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ICES” tfisser il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar, u “Diviżjoni tal-ICES” hija reġjun statistiku tas-sajd, kif definit minn dik l-organizzazzjoni;

(b)

“sawrell tal-Punent” tfisser sawrell tal-istokk imsemmi fl-Artikolu 2;

(c)

“qabdiet totali permissibbli” (TAC) tfisser il-kwantità ta’ sawrell tal-Punent li tista' tinqabad u tinħatt l-art kull sena;

(d)

“tneħħija totali” tfisser il-kwantità ta’ sawrell tal-Punent imneħħija mill-baħar, li tinkorpora t-TAC applikabbli u estimu tal-ħut mormi kif ikkalkulat għas-sena rilevanti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(e)

“indiċi tal-istħarriġ dwar il-bajd” tfisser l-għadd stmat ta’ bajd tas-sawrell li jirriżulta mill-istħarriġ triennali internazzjonali dwar il-bajd għall-kavalli u s-sawrell fl-Atlantiku, diviż b'1015;

(f)

“ħut meħlus” tfisser ħut maqbud u sussegwentement meħlus fil-baħar mingħajr ma jkun ittella' abbord.

KAPITOLU II

GĦAN GĦALL-ĠESTJONI FIT-TUL

Artikolu 4

Għan tal-pjan

L-għan tal-pjan huwa li l-bijomassa tas-sawrell tal-Punent tinżamm f'livell li jiżgura l-isfruttar sostenibbli tiegħu u sabiex jiġi pprovdut l-ogħla rendiment sostenibbli. Għal dan l-għan, ir-regola għall-kontroll tal-ħsad għandha tkun ibbażata, fuq bażi ugwali, kemm fuq dan il-parir prekawzjonarju mogħti għall-kundizzjonijiet medji tar-reklutaġġ kif ukoll fuq il-livelli tal-qabdiet totali permissibbli reċenti, aġġustati b'fattur li jirrifletti x-xejriet reċenti fl-abbundanza tal-istokk kif imkejjel permezz tal-produzzjoni tal-bajd.

KAPITOLU III

REGOLI DWAR IL-ĦSAD

Artikolu 5

Proċedura għall-iffissar tat-TAC

1.   Sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 4, kull sena l-Kunsill, li jaġixxi skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 43(3) TFUE U wara konsultazzjoni mal-STECF, għandu jiddeċiedi dwar it-TAC għas-sawrell tal-Punent għas-sena ta’ wara.

2.     Id-distribuzzjoni taż-żoni tat-TACs għas-sawrell tal-Punent kif definit f'dan ir-Regolament għandha tqis l-ispeċifiċità u l-finijiet tal-flotot involuti, industrijali jew artiġjanali – għall-ipproċessar u għall-kummerċ estern u għall-forniment ta’ ħut frisk ta’ kwalità għolja lill-pubbliku ġenerali.

3.   It-TACs għandhom jiġu stabbiliti skont dan il-Kapitolu.

Artikolu 6

Kalkolu tat-TAC

1.   It-TAC għandu jiġi kkalkulat billi titnaqqas mit-tneħħija totali kkalkulata skont l-Artikoli 7 u 8, kwantità ta’ ħut ekwivalenti għall-ħut mormi, inkluż ħut meħlus, li seħħet is-sena ta’ qabel is-sena li fih tkun saret l-aħħar valutazzjoni xjentifika, kif stmata mill-STECF.

2.   Meta l-STECF ma jkunx kapaċi jistma l-livell ta’ rimi, inkluż ħut meħlus għas-sena ta’ qabel is-sena li fih tkun saret l-aħħar valutazzjoni xjentifika, it-tnaqqis għandu jkun daqs il-medja tal-ammont relattiv ta’ ħut mormi, li jinkludi ħut meħlus, stmat xjentifikament bħala okkorrenza matul l-aħħar 15-il sena ▐.

3.   Meta t-TAC jiġi kkalkulat abbażi tat-tneħħija totali kkalkulata proviżorjament skont l-Artikolu 7(3), għandu jiġi adattat matul is-sena tal-applikazzjoni tiegħu għall-kalkolu finali tat-tneħħija.

Artikolu 7

Kalkolu tat-tneħħija totali għal sena wara l-istħarriġ dwar il-bajd

1.   Meta t-TAC għandu jiġi stabbilit għal sena li ssegwi sena li fih l-istħarriġ dwar il-bajd ikun seħħ, it-tneħħija totali għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-elementi li ġejjin:

(a)

fattur kostanti ugwali għal 1,07, li jirrifletti żieda finali tat-tneħħija totali kif simulat f'mudelli matematiċi sottostanti, li jimmira li jżid ir-rendiment annwali mingħajr ma jikkomprometti l-għan li r-riskju għat-tnaqqis fid-daqs tal-istokk jinżamm f'livell baxx ħafna;

(b)

it-TAC stabbilit għas-sena li fiha jkun sar l-istħarriġ dwar il-bajd, minn issa 'l quddiem “TAC ta’ referenza”;

(c)

fattur ta’ differenzjazzjoni stabbilit skont l-Anness, li jirrifletti x-xejriet fl-abbundanza tal-istokk abbażi tal-indiċijiet tal-istħarriġ dwar il-bajd;

(d)

ammont minimu ta’ tneħħija totali, inklużi l-estimi tar-rimi lura, ta’ bejn 70 000 u 80 000 tunnellata. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi l-ammont minimu ta’ tneħħija totali meta jistabbilixxi t-TAC skont dan il-Kapitolu.

2.   It-tneħħija totali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata skont il-formula li ġejja:

1,07 * ( l-ammont minimu ta’ tneħħija totali + (TAC ta’ referenza* fattur ta’ differenzjazzjoni) / 2)

3.   Meta jkun disponibbli biss kalkolu provviżorju tal-aħħar indiċi tal-istħarriġ dwar il-bajd, it-tneħħija totali għandha tiġi kkalkulata skont il-paragrafi 1 u 2 abbażi tal-indiċi provviżorju u adattati matul is-sena tal-applikazzjoni tat-TAC rilevanti għar-riżultat aħħari tal-istħarriġ dwar il-bajd.

Artikolu 8

Kalkolu tat-tneħħija totali għas-snin sussegwenti

1.   Meta t-TAC għandu jiġi stabbilit għal sena li ma ssegwix sena li fih l-istħarriġ dwar il-bajd ikun seħħ, it-tneħħija totali għandha tkun ugwali għat-tneħħija totali kkalkulata għas-sena ta’ qabel.

2.   Madankollu, jekk ikunu skadew aktar minn tliet snin mill-aħħar stħarriġ dwar il-bajd, ikkalkulati mis-sena li fih għandu jiġi stabbilit it-TAC, it-tneħħija totali għandha titnaqqas bi 15 %, sakemm l-STECF ikun tal-parir li tnaqqis bħal dan ma jkunx xieraq, f'liema każ it-tneħħija totali għandha tkun ugwali għal dik ta’ qabel jew ikkalkulata bi tnaqqis aktar baxx, abbażi tal-parir tal-STECF.

Artikolu 9

Regola tranżizzjonali għall-istabbiliment tat-TAC

1.   Meta l-ewwel TAC li jkun se jiġi stabbilit skont l-Artikoli 6 u 7 jirrigwarda sena li ma ssegwix sena li fih ikun sar stħarriġ dwar il-bajd, it-TAC għandu jiġi kkalkulat skont dawk l-Artikoli daqslikieku l-aħħar stħarriġ dwar il-bajd ikun seħħ fis-sena ta’ qabel.

Artikolu 10

Adattament ta’ miżuri

Fil-każ li l-STECF jagħti parir, minħabba għarfien aħjar dwar l-istokkijiet jew metodu ta’ valutazzjoni mtejjeb tal-istokkijiet, li l-fattur ta’ differenzjazzjoni jew l-inklinazzjoni li jirriflettu l-abbundanza tal-bajd kif stipulat fl-Anness għandhom ikunu stabbiliti jew ikkalkulati b'mod differenti, il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 11 u skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 13, modifiki fl-Anness sabiex dawk il-parametri jiġu adattati għall-pariri xjentifiċi ġodda.

Artikolu 11

Eżerċitar tad-delega

1.     Is-setgħa biex tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tliet snin mid- … (7). Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar is-setgħa delegata sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ tliet snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ tul identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex skont l-Artikolu 12.

2.     Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.     Is-setgħa biex tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 12 u 13.

Artikolu 12

Revoka tad-delega

1.     Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10 tista' tiġi revokata f'kull żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.     L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex jiġi deċiż għandhiex tiġi revokata d-delega tas-setgħa għandha tagħmel ħilitha biex tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni f'perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel ma tittieħed id-deċiżjoni aħħarija, filwaqt li tindika s-setgħa ddelegata li tista' tkun suġġetta għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.     Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tapplika minnufih jew f'data aktar 'il quddiem speċifikata minnha. M'għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.     Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' joġġezzjona għal att delegat fi żmien perjodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn.

2.     Jekk, meta jintemm il-perjodu msemmi fil-Paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fih.

L-att delegat jista' jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jista' jidħol fis-seħħ qabel ma jintemm dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

3.     Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għall-att delegat, dan m'għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.

KAPITOLU IV

MONITORAĠĠ U SORVELJANZA

Artikolu 14

Awtorizzazzjoni għas-sajd

1.   Sabiex ikunu jistgħu jistadu għas-sawrell tal-Punent, il-bastimenti awtorizzazzjoni għas-sajd maħruġa skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   Għandu jkun ipprojbit li kwalunkwe bastiment tas-sajd li ma jkollux awtorizzazzjoni għas-sajd, li jistad għal xi kwantità ta’ sawrell jew li jżommha abbord filwaqt li l-bastiment ikun qiegħed fuq vjaġġ tas-sajd li kien jinkludi l-preżenza ta’ dak il-bastiment fid-Diviżjonijiet tal-ICES imsemmija fl-Artikolu 2.

3.     B'deroga mill-paragrafu 2, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd li ma jkollux awtorizzazzjoni għas-sajd jista' jżomm sawrell abbord u jidħol fiż-żona msemmija fl-Artikolu 2, kemm-il darba t-tagħmir ikun marbut u merfugħ skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.     Minbarra r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, qabel ma jidħol fiż-żona msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, il-kaptan tal-bastiment li ma jkollux awtorizazzjoni għas-sajd għandu jirreġistra fil-ġurnal, id-data u l-ħin meta spiċċat l-aħħar operazzjoni ta’ sajd, filwaqt li jispeċifika l-port li biħsiebu jħott fih. Meta l-bastiment ikun suġġett għar-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, it-tagħrif għandu jiġi trażmess skont dak l-Artikolu. Il-kwantitajiet ta’ sawrell abbord il-bastiment li ma jkunux irreġistrati fil-ġurnal għandhom jitqiesu li nqabdu fiż-żona.

5.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm lista ta’ bastimenti li jkollhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li tkun tista' tinkiseb mis-sit elettroniku uffiċjali tiegħu mill-Kummissjoni u minn Stati Membri oħra. L-Istat Membru għandu jinkorpora dik il-lista fil-parti sikura tas-sit web uffiċjali stabbilit skont l-Artikolu 114 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

6.     Bla ħsara għall-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad- 29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, (8), il-Paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għal bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li biħsiebhom jistadu għas-sawrell tal-Punent fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Artikolu 15

Kontroverifiki

1.    Meta titwettaq il-validazzjoni tad-data dwar is-sawrell tal-Punent skont l-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandha tiġi enfasizzata b'mod partikolari l-possibbiltà li speċijiet pelaġiċi żgħar, li mhumiex sawrell, jiġu rrappurtati bħala sawrell, u viċi versa.

2.   ▐ Għandha wkoll issir enfażi partikolari fuq il-koerenza tad-dejta dwar iż-żoni fir-rigward tal-attivitajiet osservati f'żoni fejn jiltaqgħu l-konfini tal-istokkijiet tas-sawrell, jiġifieri d-Diviżjonijiet tal-ICES VIIIc u IXa, IVa u IVb, VIIe u VIId.

KAPITOLU V

AZZJONI TA' SEGWITU

Artikolu 16

Evalwazzjoni tal-pjan

Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta’ pariri mill-STEFC u wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali rilevanti, tevalwa l-impatt tal-pjan fuq l-istokk tas-sawrell tal-Punent u fuq is-sajd li jisfrutta dak l-istokk, mhux aktar tard mis-sitt sena tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u wara f'kull sitt sena suċċessiva tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tipproponi miżuri rilevanti biex temenda l-pjan.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Assistenza permezz tal-Fond Ewropew tas-Sajd

1.   Għal dawk is-snin li fihom l-istokk riproduttiv jiġi stmat xjentifikament li jkun laħaq għall-inqas 130 % tad-daqs li kellu fl-1982, il-pjan għandu jitqies bħala pjan ta’ ġestjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet ta-Artikolu 21(a)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

2.   Għal dawk is-snin li fihom l-istokk riproduttiv jiġi stmat xjentifikament li huwa iżgħar minn 130 % tad-daqs li kellu fl-1982, il-pjan għandu jitqies bħala pjan ta’ rkupru skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet ta-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 14 għandu japplika mid-data ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 68.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2010.

(3)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(4)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 337, 21.12.2007, p. 56.

(6)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

(7)   Data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(8)   ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33 .

It-Tlieta 23 ta’ Novembru 2010
ANNESS

Kalkolu tal-fattur ta’ differenzjazzjoni kif jissemma fl-Artikolu 7(1)(c)

1.

Il-fattur ta’ differenzjazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(1)(c) għandu jiġi stabbilit kif ġej, abbażi tal-inklinazzjoni kkalkulata skont il-punt 2 ta’ dan l-Anness:

(a)

Jekk l-inklinazzjoni tal-indiċijiet tal-aħħar tliet stħarriġiet dwar il-bajd tkun ta’ – 1,5 jew inqas, il-fattur ta’ differenzjazzjoni jkun ta’ 0,

(b)

Jekk l-inklinazzjoni tal-indiċijiet tal-aħħar tliet stħarriġiet dwar il-bajd tkun akbar minn – 1,5 u iżgħar minn 0, il-fattur ta’ differenzjazzjoni huwa ugwali għal 1 – (– 2/3 * l-inklinazzjoni),

(c)

Jekk l-inklinazzjoni tal-indiċijiet tal-aħħar tliet stħarriġiet dwar il-bajd tkun ta’ 0 jew akbar, u mhux akbar minn 0,5 il-fattur ta’ differenzjazzjoni jkun ta’ 1 + (0,8 * l-inklinazzjoni),

(d)

Jekk l-inklinazzjoni tal-indiċijiet tal-aħħar tliet stħarriġiet dwar il-bajd akbar minn 0,5, il-fattur ta’ differenzjazzjoni jkun ta’ 1,4.

2.

L-inklinazzjoni tal-indiċijiet tal-aħħar tliet stħarriġiet dwar il-bajd għandha tiġi kkalkulata skont il-formula li ġejja:

(indiċi 3 tal-istħarriġ dwar il-bajd – indiċi 1 tal-istħarriġ dwar il-bajd) / (3 - 1),

fejn l-indiċijiet tal-aħħar tliet stħarriġiet dwar il-bajd jitqiegħdu f'ringiela biex jimmarkaw il-punt 1, il-punt 2 u l-punt 3 fuq l-assi x ta’ koordinat, biex b'hekk l-indiċi 3 tal-istħarriġ dwar il-bajd ikun l-aħħar indiċi tal-istħarriġ dwar il-bajd, u l-indiċi 1 tal-istħarriġ dwar il-bajd ikun l-indiċi stmat sitt snin qabel.