11.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 122/1 |
POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 4/2010 FL-EWWEL QARI
bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004
Adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Marzu 2010
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2010/C 122 E/01
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Azzjoni mill-Unjoni fil-qasam tat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ għandha timmira, fost affarijiet oħra, li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-passiġġieri, li tkun komparabbli ma' modi oħra ta' trasport, kull fejn jivvjaġġaw. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur inġenerali. |
(2) |
Peress li l-passiġġier bix-xarabank jew bil-kowċ huwa l-aktar parti dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, il-passiġġieri kollha għandhom jingħataw livell minimu ta' protezzjoni. |
(3) |
Il-miżuri tal-Unjoni biex jittejbu d-drittijiet tal-passiġġieri fis-settur tat-trasport tax-xarabank u l-kowċ għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' dan is-settur, li jikkonsisti l-aktar f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. |
(4) |
B'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi ta' servizzi regolari speċjali u operazzjonijiet tat-trasport għal kont proprju, dawn it-tipi ta' trasport għandhom jitħallew barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Servizzi regolari speċjali għandhom jinkludu servizzi rriżervati għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasport ta' ħaddiema bejn id-dar u x-xogħol, it-trasport lejn u minn istituzzjoni edukattiva għat-tfal tal-iskola u l-istudenti |
(5) |
B'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari, l-Istati Membri għandhom jingħataw id-dritt li jeżentaw dawn it-tipi ta' trasport mill-applikazzjoni ta' parti sinifikanti ta' dan ir-Regolament. Sabiex jiġu identifikati s-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni kriterji bħad-distanza, il-frekwenza tas-servizzi, in-numru ta' waqfiet skedati, it-tip ta' xarabank jew kowċ użati, l-iskemi ta' biljetti, il-varjazzjonijiet fin-numri ta' passiġġieri bejn servizzi f'perjodi ta' traffiku intens u perijodi ta' traffiku mhux intens, il-kodiċi tax-xarabank u l-iskedi. |
(6) |
Il-passiġġieri u, bħala minimu, il-persuni li fil-konfront tagħhom il-passiġġier kellu jew kien ikollu dmir legali li jieħu ħsiebhom għandhom igawdu minn protezzjoni legali fil-każ ta' aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, b'kunsiderazzjoni għad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (3). |
(7) |
Fl-għażla tal-liġi nazzjonali applikabbli għal kumpens għall-mewt jew korriment fuq il-persuna kif ukoll għal telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, għandhom jitqiesu r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (4) u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (5). |
(8) |
Il-passiġġieri għandhom, minbarra l-kumpens skont il-liġi nazzjonali applikabbli fil-każ ta' mewt jew korriment fuq il-persuna jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, għandu jkollhom id-dritt għall-assistenza fir-rigward tal-bżonnijiet prattiċi immedjati tagħhom wara xi aċċident. Tali assistenza tista' tinkludi l-ewwel għajnuna, akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ u trasport. |
(9) |
Is-servizzi bix-xarabank u bil-kowċ għall-passiġġieri għandhom ikunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini inġenerali. Konsegwentement, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk minħabba diżabbiltà, età jew inkella minħabba xi fattur ieħor, għandu jkollhom opportunitajiet għall-użu ta' servizzi ta' xarabank u kowċ komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra. Il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini l-oħra kollha f'dak li huwa moviment ħieles, libertà tal-għażla u nondiskriminazzjoni. |
(10) |
Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà u sabiex il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għal ivvjaġġar bix-xarabank u bil-kowċ komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra, għandhom jiġu stabbiliti regoli għal nondiskriminazzjoni u assistenza waqt il-vjaġġ tagħhom. Dawk il-persuni għandhom għalhekk jiġu aċċettati għat-trasport u mhux imċaħħda mit-trasport minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħhom, ħlief għal raġunijiet li huma ġġustifikati minħabba s-sigurtà jew id-disinn tal-vetturi jew l-infrastruttura. Fil-qafas tal-leġislazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tal-ħaddiema, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom igawdu d-dritt għall-assistenza fit-terminals u fuq il-vetturi. Fl-interess tal-inklużjoni soċjali, il-persuni kkonċernati għandhom jirċievu l-assistenza mingħajr ħlas. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet għall-aċċess, preferibbilment bl-użu tas-sistema tal-Istandardizzazzjoni Ewropea. |
(11) |
Meta jiddeċiedu dwar id-disinn ta' terminals ġodda, u bħala parti minn rinnovazzjoni kbira tal-post, il-korpi għall-ġestjoni tat-terminals għandhom, fejn possibbli, iqisu l-bżonnijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Fi kwalunkwe każ, il-korpi għall-ġestjoni tat-terminals għandhom jistabbilixxu postijiet fejn persuni bħal dawn jistgħu jinnotifikaw il-wasla tagħhom u l-bżonn ta' assistenza. |
(12) |
Sabiex iwieġbu għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, il-persunal għandu jkun imħarreġ b'mod adegwat. Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-għarfien reċiproku tal-kwalifiki nazzjonali tax-xufiera, jista' jiġi pprovdut taħriġ ta' sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà bħala parti mill-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku kif imsemmi fid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta' prodotti jew passiġġieri (6). Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-introduzzjoni tar-rekwiżit ta' taħriġ u l-limiti ta' żmien imniżżla f'dik id-Direttiva, għandha titħalla l-possibbiltà ta' eżenzjoni matul perijodu ta' żmien limitat. |
(13) |
Fejn possibbli, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu kkonsultati jew involuti fl-organizzazzjoni tat-taħriġ relatat mad-diżabbiltà. |
(14) |
Id-drittijiet tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ għandhom jinkludu li huma jirċievu informazzjoni rigward is-servizz qabel u matul il-vjaġġ. L-informazzjoni essenzjali kollha pprovduta lill-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ għandha tkun ipprovduta wkoll f'formati alternattivi aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa. |
(15) |
Dan ir-Regolament m'għandux jillimita d-drittijiet tat-trasportaturi milli jfittxu kumpens mingħand kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skont il-liġi nazzjonali applikabbli. |
(16) |
L-inkonvenjenza esperjenzata mill-passiġġieri minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil tal-vjaġġ tagħhom għandhom jitnaqqsu. Għal dan il-għan, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals għandhom jirċievu attenzjoni adegwata u għandhom jiġu informati b'mod adegwat. Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu wkoll jikkanċellaw il-vjaġġ tagħhom u jiġu rimborżati l-prezz tal-biljetti tagħhom jew ikomplu l-vjaġġ tagħhom jew jingħataw rotta oħra taħt kundizzjonijiet sodisfaċenti. |
(17) |
Permezz tal-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom, it-trasportaturi għandhom jikkooperaw biex jadottaw arranġamenti fuq livell nazzjonali jew Ewropew bl-involviment tal-partijiet interessati, l-assoċjazzjonijiet professjonali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, il-passiġġieri u l-persuni b'diżabbiltà, bil-għan li jtejbu l-attenzjoni mogħtija lill-passiġġieri, speċjalment fil-każ ta' kanċellazzjoni u dewmien fit-tul. |
(18) |
Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (7). Dan ir-Regolament m'għandux japplika f'każijiet li tour kollox kompriż jiġi kkanċellat għal raġunijiet oħra għajr meta s-servizz tat-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ jiġi ikkanċellat. |
(19) |
Il-passiġġieri għandhom jiġu informati għal kollox bid-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, sabiex huma jkunu jistgħu jeżerċitaw effettivament dawn id-drittijiet. |
(20) |
Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta' proċeduri xierqa għall-ilmenti implimentati mit-trasportaturi jew, skont il-każ, billi l-ilmenti jiġu ppreżentati lill-korp jew lill-korpi magħżulin għal dak il-għan mill-Istat Membru rilevanti. |
(21) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament u jaħtru korp jew korpi kompetenti biex iwettqu l-kompiti ta' superviżjoni u ta' infurzar. Dan ma jaffettwax id-drittijiet tal-passiġġieri biex ifittxu rimedju legali mill-qrati skont il-liġi nazzjonali. |
(22) |
B'kunsiderazzjoni għall-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri għall-preżentazzjonui tal-ilmenti, ilment dwar l-assistenza għandu preferibbilment jiġi indirizzat lill-korp jew korpi magħżulin għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fl-Istat Membru fejn jinsab il-post tal-imbark jew tal-iżbark. |
(23) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pieni applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawn il-pieni jiġu applikati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
(24) |
Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri biex ikun żgurat livell ekwivalenti ta' protezzjoni u ta' assistenza lill-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fl-Istati Membri kollha, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba fl-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
(25) |
Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (8). |
(26) |
L-infurzar ta' dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (9). Dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ. |
(27) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li titqies ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (10) u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (11), |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fir-rigward ta' dan li ġej:
(a) |
nondiskriminazzjoni bejn il-passiġġieri fir-rigward tal-kondizzjonijiet tat-trasport offruti mit-trasportaturi; |
(b) |
id-drittijiet tal-passiġġieri f'każ ta' aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ u li jirriżultaw f'mewt jew f'korriment fuq il-persuna jew it-telf ta' jew ħsara lill-bagalji; |
(c) |
nondiskriminazzjoni u assistenza obbligatorja għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa; |
(d) |
id-drittijiet tal-passiġġieri f'każijiet ta' kanċellazzjoni jew dewmien; |
(e) |
l-informazzjoni minima li għandha tingħata lill-passiġġieri; |
(f) |
it-trattament ta' ilmenti; |
(g) |
ir-regoli ġenerali dwar l-infurzar. |
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi regolari:
(a) |
meta l-post tal-imbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta' Stat Membru; jew |
(b) |
meta l-post tal-imbark tal-passiġġier jinsab barra t-territorju ta' Stat Membru u l-post tal-iżbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta' Stat Membru. |
2. Barra minn hekk, ħlief għall-Kapitolu III sa VI, dan ir-Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi okkażjonali meta l-post inizjali tal-imbark jew il-post finali tal-iżbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta' Stat Membru.
3. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għas-servizzi regolari speċjali u l-operazzjonijiet ta' trasport għal kont proprju.
4. Bl-eċċezzjoni għall-Artikoli 4(2), 9 u 10(1), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw is-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari, inklużi s-servizzi transkonfinali ta' dik ix-xorta, mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
5. Bl-eċċezzjoni għall-Artikoli 4(2), 9 u 10(1), l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja, jeżentawservizzi domestiċi regolari mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Eżenzjonijiet bħal dawn jistgħu jingħataw għal perijodu ta' mhux aktar minn ħames snin, li jista' jiġġedded darbtejn.
6. Għal perijodu massimu ta' ħames snin, l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja, jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament servizzi regolari partikolari peress li parti sinifikanti mis-servizzi regolari, inkluża mill-anqas waqfa skedata waħda, tkun operata barra mill-Unjoni. Eżenzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġġeddu.
7. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar eżenzjonijiet ta' tipi differenti ta' servizzi mogħtija skont il-paragrafi 4, 5 u 6. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li mhix konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Sa … (12), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafi 4, 5 u 6.
8. Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jinftiehem bħala li jikkostitwixxi rekwiżit tekniku li jimponi obbligi fuq it-trasportaturi jew il-korpi ta' ġestjoni tat-terminals biex jimmodifikaw jew jissostitwixxu x-xarabankijiet jew il-kowċijiet jew l-infrastruttura jew it-tagħmir fil-postijiet ta' waqfien u t-terminals.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“servizzi regolari” tfisser servizzi li jipprovdu għat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank jew bil-kowċ f'intervalli speċifikati f'rotot speċifikati, u fejn il-passiġġieri jitilgħu u jinżlu f'postijiet ta' waqfien determinati minn qabel; |
(b) |
“servizzi regolari speċjali” tfisser servizzi regolari, organizzati minn min ikun, li jipprovdu għat-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ ta' kategoriji speċifikati ta' passiġġieri bl-esklużjoni ta' passiġġieri oħra; |
(c) |
“operazzjonijiet tat-trasport għal kont proprju” tfisser operazzjonijiet imwettqa bix-xarabank jew bil-kowċ għal għanijiet mhux kummerċjali u mingħajr profitt minn persuna fiżika jew ġuridika, fejn:
|
(d) |
“servizzi okkażjonali” tfisser servizzi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' servizzi regolari u li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija t-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ ta' gruppi ta' passiġġieri kkostitwiti fuq l-inizjattiva tal-konsumatur jew tat-trasportatur innifsu; |
(e) |
“kuntratt ta' trasport” tfisser kuntratt ta' ġarr bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta' servizz wieħed jew aktar regolari jew okkażjonali; |
(f) |
“biljett” tfisser dokument validu jew evidenza oħra ta' kuntratt ta' trasport; |
(g) |
“trasportatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra operatur turistiku jew bejjiegħ tal-biljetti, li toffri trasport permezz ta' servizzi regolari jew okkażjonali lill-pubbliku ġenerali; |
(h) |
“trasportatur li jwettaq il-ġarr” tfisser persuna fiżika jew ġuridika oħra minbarra t-trasportatur, li fil-fatt twettaq il-ġarr kollu jew parti minnu; |
(i) |
“bejjiegħ tal-biljetti” tfisser kwalunkwe intermedjarju li jikkonkludi kuntratti ta' trasport f'isem trasportatur; |
(j) |
“aġent tal-ivvjaġġar” tfisser kwalunkwe intermedjarju li jaġixxi f'isem passiġġier għall-konklużjoni ta' kuntratti ta' trasport; |
(k) |
“operatur turistiku” tfisser organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut, minbarra t-trasportatur, fis-sens tal-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 90/314/KEE; |
(l) |
“persuna b'diżabbiltà” jew “persuna b'mobbiltà mnaqqsa” tfisser kull persuna li l-mobbiltà tagħha meta tuża t-trasport hija mnaqqsa b'riżultat ta' xi diżabbiltà fiżika (sensorja jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew indeboliment intellettwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta' diżabbiltà, jew b'riżultat tal-età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni xierqa u adattament tas-servizzi magħmulin disponibbli għall-passiġġieri kollha għall-bżonnijiet partikolari tagħha; |
(m) |
“kondizzjonijiet tal-aċċess” tfisser standards, linji gwida u informazzjoni rilevanti dwar l-aċċessibbiltà tax-xarabankijiet u/jew tat-terminals magħżulin, inklużi l-faċilitajiet tagħhom għall-persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa; |
(n) |
“riservazzjoni” tfisser ibbukkjar ta' post fuq xarabank jew kowċ għal servizz regolari f'ħin tat-tluq speċifiku; |
(o) |
“terminal” tfisser terminal mgħammar bil-persunal fejn skont ir-rotta speċifikata jkun skedat li jieqaf servizz regolari biex il-passiġġieri jitilgħu jew jinżlu, u li jkollu faċilitajiet bħal bank għaċ-check-in, sala għall-istennija jew uffiċċju tal-biljetti; |
(p) |
“post ta' waqfien” tfisser kwalunkwe post minbarra terminal fejn skont ir-rotta speċifikata, jkun skedat li jieqaf servizz regolari biex il-passiġġieri jitilgħu jew jinżlu; |
(q) |
“korp għall-maniġġar ta' terminal” tfisser entità organizzattiva fi Stat Membru responsabbli għall-maniġġar ta' terminal magħżul; |
(r) |
“kanċellazzjoni” tfisser in-nuqqas ta' operazzjoni ta' servizz regolari li kien skedat minn qabel; |
(s) |
“dewmien” tfisser differenza bejn il-ħin meta s-servizz regolari kien skedat li jitlaq skont l-iskeda ppubblikata u l-ħin tat-tluq tabilħaqq tiegħu. |
Artikolu 4
Biljetti u kondizzjonijiet kuntrattwali nondiskriminatorji
1. It-trasportaturi għandhom jagħtu biljett lill-passiġġier, sakemm ma jkunux dokumenti oħra li jagħtu d-dritt għat-trasport. Biljett jista' jinħareġ f'format elettroniku.
2. Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati mit-trasportaturi għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post ta' fejn ikunu stabbiliti t-trasportaturi, jew il-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.
Artikolu 5
Partijiet oħra li jwettqu l-ġarr
1. Jekk it-twettiq tal-obbligi skont dan ir-Regolament ikun ġie fdat lil trasportatur li jwettaq il-ġarr, bejjiegħ tal-biljetti jew kwalunkwe persuna oħra, it-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal, li fada tali obbligi, għandu minkejja dan ikun responsabbli għall-atti u l-ommissjonijiet ta' dik il-parti li twettaq il-ġarr.
2. Barra minn hekk, il-parti li tkun ġiet fdata bit-twettiq ta' obbligu mit-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligu fdat.
Artikolu 6
Esklużjoni tar-rinunzja
1. L-obbligi lejn il-passiġġieri skont dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu limitati jew rinunzjati, b'mod partikolari b'deroga jew klawsola restrittiva fil-kuntratt tat-trasport.
2. It-trasportaturi jistgħu joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.
KAPITOLU II
KUMPENS U ASSISTENZA F'KAŻ TA' AĊĊIDENTI
Artikolu 7
Mewt jew korriment fuq il-persuna ta' passiġġieri u telf ta' jew ħsara lill-bagalji
1. Il-passiġġieri għandhom, skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ikunu intitolati għal kumpens f'każ ta' mewt jew korriment fuq il-persuna kif ukoll telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ. F'każ ta' mewt ta' passiġġier, dan id-dritt għandu bħala minimu japplika għall-persuni li l-passiġġier kellu, jew seta' jkollu, dover legali li jmantni.
2. L-ammont ta' kumpens għandu jiġi kkalkolat skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Kull limitu massimu previst mil-liġi nazzjonali għall-kumpens għall-mewt u l-korriment fuq il-persuna jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji m'għandux, f'kull okkażjoni distinta, ikun inqas minn:
(a) |
EUR 220 000 għal kull passiġġier; |
(b) |
fir-rigward ta' servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari jew okkażjonali EUR 500 kull bagalja u fir-rigward tas-servizzi l-oħra kollha regolari jew okkażjonali EUR 1 200 kull bagalja. F'każ ta' ħsara għas-siġġijiet tar-roti, apparat għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor ta' assistenza l-ammont ta' kumpens għandu dejjem ikun daqs l-ispiża biex jinbidel jew jissewwa t-tagħmir mitluf jew li tkun saritlu ħsara. |
Artikolu 8
Bżonnijiet prattiċi immedjati tal-passiġġieri
F'każ ta' aċċident li jirriżulta mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, it-trasportatur għandu jipprovdi assistenza raġonevoli fir-rigward tal-bżonnijiet prattiċi immedjati tal-passiġġieri wara l-aċċident. Kwalunkwe assistenza m'għandhiex tikkostitwixxi rikonoxximent ta' responsabbiltà.
KAPITOLU III
DRITTIJIET TAL-PERSUNI B'DIŻABBILTÀ U TAL-PERSUNI B'MOBBILTÀ MNAQQSA
Artikolu 9
Dritt għat-trasport
1. It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi m'għandhomx jirrifjutaw li jaċċettaw post ibbukkjat minn, li joħorġu jew jipprovdu xort'oħra biljett lil jew li jtellgħu abbord persuni minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa.
2. Positijiet ibbukkjati u biljetti għandhom jiġu offruti lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda.
Artikolu 10
Eċċezzjonijiet u kondizzjonijiet speċjali
1. Minkejja l-Artikolu 9(1), it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw post ibbukkjat minn, li joħorġu jew jipprovdu xort'oħra biljett lil jew li jtellgħu abbord persuna, minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa:
(a) |
sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-sigurtà applikabbli stabbiliti mil-liġi internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali, jew sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti; |
(b) |
fejn id-disinn tal-vettura jew l-infrastruttura, inklużi l-postijiet ta' waqfien u t-terminals, jagħmluha fiżikament impossibbli biex isir it-tlugħ abbord, l-inżul jew il-ġarr tal-persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa b'mod sikur u mil-lat operattiv vijabbli. |
2. F'każ ta' rifjut ta' aċċettazzjoni ta' riservazzjoni jew li jinħareġ jew jiġi pprovdut b'mod ieħor biljett minħabba r-raġunijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jinformaw lill-persuna kkonċernata rigward servizz alternattiv aċċettabbli operat mit-trasportatur.
3. Jekk persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa, li jkollha post ibbukkjat jew għandha biljett u li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(1)(a), tiġi xorta waħda mċaħħda l-permess li tittella' abbord minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħha, dik il-persuna u kwalunkwe persuna li takkumpanjaha skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi offruta l-għażla bejn:
(a) |
id-dritt għal rimborż, u fejn rilevanti, servizz ta' ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel post tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità; u |
(b) |
ħlief fejn mhux fattibbli, il-kontinwazzjoni tal-vjaġġ jew il-bdil tar-rotta permezz ta' servizzi ta' trasport alternattiv raġonevoli lejn il-post tad-destinazzjoni stabbilit fil-kuntratt ta' trasport. |
Id-dritt għar-rimborż tal-flus mħallsa għall-biljett m'għandux ikun affettwat min-nuqqas ta' notifika skont l-Artikolu 14(1)(a).
4. Taħt l-istess kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1(a), trasportatur, aġent tal-ivvjaġġar jew operatur turistiku jista' jeħtieġ li persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tkun kapaċi tipprovdi l-assistenza meħtieġa mill-persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa, jekk dan ikun strettament meħtieġ. Tali persuna li tkun qed takkumpanja għandha tiġi ttrasportata mingħajr ħlas u, meta vijabbli, tpoġġi maġenb il-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa.
5. Meta trasportaturi, aġenti tal-ivvjaġġar jew operaturi turistiċi jirrikorru għall-paragrafu 1, huma għandhom jinformaw immedjatament lill-persuna b'diżabbiltà jew lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa bir-raġunijiet għal dan, u, fuq talba, javżaw bil-miktub lill-persuna inkwistjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta ssir it-talba.
Artikolu 11
Aċċessibbiltà u informazzjoni
1. F'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fejn meħtieġ permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, jistabbilixxu, jew ikollhom fis-seħħ, kondizzjonijiet ta' aċċess nondiskriminatorji għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa.
2. Il-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-trasportaturi u mill-korpi għall-maniġġar tat-terminals fiżikament jew fuq l-Internet bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha.
3. L-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu disponibbli l-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fil-paragrafu 1 li japplikaw għal traġitti inklużi fi vjaġġi kollox kompriż, f'vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż li huma jorganizzaw, ibigħu jew joffru għall-bejgħ.
4. L-informazzjoni dwar kondizzjonijiet ta' aċċess imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tingħata fiżikament meta tintalab mill-passiġġier.
5. It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ġenerali kollha rilevanti dwar il-vjaġġ u l-kondizzjonijiet tal-ġarr tkun disponibbli u aċċessibbli f'formati adatti u aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inkluż, fejn applikabbli ibbukkjar u informazzjoni online. L-informazzjoni għandha tingħata fiżikament meta tintalab mill-passiġġier.
Artikolu 12
Għażla tat-terminals
L-Istati Membri għandhom jagħżlu t-terminals tax-xarabankijiet u l-kowċijiet fejn għandha tiġi pprovduta l-assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli fuq l-Internet lista tat-terminals magħżula tax-xarabankijiet u tal-kowċijiet.
Artikolu 13
Dritt għal assistenza f'terminals magħżula u abbord xarabankijiet u kowċijiet
1. Bla ħsara għall-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fl-Artikolu 11(1), it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, f'terminals magħżula mill-Istati Membri, jipprovdu assistenza mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif speċifikat fil-parti (a) tal-Anness I.
2. Bla ħsara għall-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fl-Artikolu 11(1), it-trasportaturi għandhom, abbord xarabankijiet u kowċijiet, jipprovdu assistenza mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif speċifikat fil-parti (b) tal-Anness I.
Artikolu 14
Kondizzjonijiet li taħthom tiġi pprovduta assistenza
1. It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom jikkooperaw biex jagħtu assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa bil-kondizzjoni li:
(a) |
il-bżonn tal-persuna għal assistenza bħal dik jiġi notifikat lit-trasportaturi, lill-korpi għall-maniġġar tat-terminals, lill-aġenti tal-ivvjaġġar jew lill-operaturi turistiċi mill-inqas jumejn tax-xogħol qabel ma tkun meħtieġa l-assistenza; u |
(b) |
il-persuni kkonċernati jippreżentaw ruħhom fil-post magħżul:
|
2. Barra mill-paragrafu 1, persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jinnotifikaw lit-trasportatur, lill-aġent tal-ivvjaġġar jew lill-operatur turistiku meta jsir l-ibbukkjar jew ix-xiri minn qabel tal-biljett bil-bżonnijiet speċifiċi tagħhom tal-postijiet fejn joqogħdu bilqiegħda, kemm-il darba l-ħtieġa tkun magħrufa dak iż-żmien.
3. It-trasportaturi, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw id-dħul ta' notifiki dwar il-bżonn ta' assistenza li jsiru minn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Dan l-obbligu għandu japplika fit-terminals magħżula u fil-postijiet kollha tal-bejgħ tagħhom inkluż il-bejgħ bit-telefon u permezz tal-Internet.
4. Jekk ma ssir l-ebda notifika skont il-paragrafi 1(a) u 2, it-trasportaturi, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu kull sforz raġonevoli biex jiżguraw li l-assistenza tkun ipprovduta b'mod li l-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun tista' titla' abbord is-servizz tat-tluq, tibdel għas-servizz korrispondenti jew tinżel mis-servizz tal-wasla li għalih hi tkun xtrat biljett.
5. Il-korp għall-maniġġar tat-terminals għandu jagħżel post fit-terminal jew barra t-terminal fejn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa jistgħu jħabbru l-wasla tagħhom u jitolbu assistenza. Dan il-post għandu jkun immarkat b'mod ċar b'tabella u għandu joffri, f'formati aċċessibbli, informazzjoni bażika dwar it-terminal u l-assistenza pprovduta.
Artikolu 15
Trasmissjoni ta' informazzjoni lil parti terza
Jekk l-aġenti tal-ivvjaġġar jew l-operaturi turistiċi jirċievu notifika msemmija fl-Artikolu 14(1)(a), huma għandhom, fil-ħin normali tagħhom tal-uffiċċju, jibagħtu l-informazzjoni lit-trasportatur jew lill-korp għall-maniġġar tat-terminal fl-aqsar żmien possibbli.
Artikolu 16
Taħriġ
1. It-trasportaturi u, fejn xieraq, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' taħriġ relatati mad-diżabbiltà, inklużi struzzjonijiet, u jiżguraw li:
(a) |
il-persunal tagħhom, ħlief ix-xufiera, inklużi dawk impjegati minn kwalunkwe parti oħra li twettaq il-ġarr, li jipprovdi assistenza diretta lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkunu mħarrġa jew jingħataw struzzjonijiet kif deskritt fl-Anness II, il-parti a) u b); u |
(b) |
il-persunal tagħhom, inklużi x-xufiera, li jittrattaw direttament mal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa jew ma' kwistjonijiet relatati mal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa, ikunu mħarrġa jew jingħataw struzzjonijiet kif deskritt fl-Anness II, il-parti a). |
2. Stat Membru jista' għal perijodu massimu ta' sentejn minn … (13) jagħti eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-paragrafu (1)(b) fir-rigward tat-taħriġ tax-xufiera.
Artikolu 17
Kumpens rigward siġġijiet tar-roti u apparat ieħor għall-mobbiltà
1. It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom ikunu responsabbli meta jkunu kkawżaw it-telf ta' jew ħsara fis-siġġijiet tar-roti, apparat għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor ta' assistenza, li jirriżulta mill-għoti ta' assistenza. It-trasportatur jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal responsabbli għat-telf jew għall-ħsara għandhom jagħtu l-kumpens għal dak it-telf jew ħsara.
2. Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun daqs l-ispiża ta' tibdil jew tiswija tal-apparat jew tat-tagħmir mitluf jew li tkun saritlu ħsara.
3. Fejn meħtieġ għandu jsir kull sforz biex ikun ipprovdut malajr apparat jew tagħmir ta' sostituzzjoni temporanji. Is-siġġijiet tar-roti, appart ta' mobbiltà u tagħmir ieħor ta' assistenza għandu jkollhom, fejn possibbli, karatteristiċi tekniċi u funzjonali simili għal dawk li jkunu ntilfu jew li tkun saritilhom ħsara.
Artikolu 18
Eżenzjonijiet
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw is-servizzi domestiċi regolari mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Kapitolu, jew xi wħud minnhom, bil-kondizzjoni li huma jkunu jistgħu jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa taħt ir-regoli nazzjonali tagħhom tkun mill-inqas l-istess bħal dawk taħt dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li mhix konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Sa … (14), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafu 1.
KAPITOLU IV
DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI F'KAŻ TA' KANĊELLAZZJONI JEW DEWMIEN
Artikolu 19
Kontinwazzjoni, bdil tar-rotta u rimborż
1. Fejn trasportatur raġonevolment jipprevedi li servizz regolari ser jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal għal aktar minn 120 minuta, il-passiġġier għandu immedjatament jiġi offrut l-għażla bejn:
(a) |
kontinwazzjoni jew bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, taħt kondizzjonijiet komparabbli, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità; |
(b) |
rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta' ritorn bix-xarabank jew bil-kowċ mingħajr ħlas lejn l-ewwel post tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità. |
2. Meta servizz regolari jiġi kkanċellat jew jittardja fit-tluq minn post ta' waqfien għal aktar minn 120 minuta, il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt għal tali kontinwazzjoni jew bdil tar-rotta jew rimborż tal-prezz tal-biljett mit-trasportatur.
3. Il-ħlas tar-rimborż previst fil-paragrafi 1(b) u 2 għandu jsir fi żmien 14-il jum minn meta tkun saret l-offerta jew tkun ġiet irċevuta t-talba. Il-ħlas għandu jkopri l-ispiża sħiħa tal-biljett bil-prezz li bih ikun inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier. Fil-każ ta' pass tal-ivjaġġar jew biljett staġunali il-ħlas għandu jkun daqs il-parti proporzjonali tiegħu tal-ispiża sħiħa tal-pass jew biljett. Ir-rimborż għandu jitħallas fi flus, sakemm il-passiġġier ma jaċċettax forma oħra ta' rimborż.
Artikolu 20
Informazzjoni
1. F'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq ta' servizzi regolari, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals għandhom jiġu informati mit-trasportatur jew, fejn meħtieġ, mill-korp għall-maniġġar tat-terminals, bis-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat, u bil-ħin tat-tluq stmat hekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli.
2. Jekk il-passiġġieri jitilfu, skont l-iskeda, servizz li jkun jgħaqqad ma' servizz ieħor, minħabba kanċellazzjoni jew dewmien, it-trasportatur jew, fejn xieraq, il-korp għall-maniġġar tat-terminal, għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jinforma lill-passiġġieri kkonċernati dwar konnessjonijiet alternattivi.
3. It-trasportatur jew, fejn meħtieġ, il-korp għall-maniġġar tat-terminal, għandu jiżgura li persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 1 u 2 f'formati aċċessibbli.
Artikolu 21
Assistenza f'każ ta' tluq kanċellat jew ittardjat
Għal vjaġġ ta' tul skedat ta' aktar minn tliet siegħat, it-trasportatur, f'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq minn terminal għal aktar minn sagħtejn, għandu joffri lill-passiġġier mingħajr ħlas:
(a) |
ikliet ħfief, ikliet jew xorb b'mod raġonevoli skont it-tul tal-ħin ta' stennija jew dewmien, bil-kondizzjoni li dawn ikunu disponibbli fuq ix-xarabank jew fit-terminal, jew jistgħu jkunu fornuti b'mod raġonevoli; |
(b) |
assistenza biex tinstab kamra f'lukanda jew akkomodazzjoni oħra kif ukoll assistenza biex jiġi rranġat trasport bejn it-terminal u l-post tal-akkomodazzjoni f'każijiet fejn ikun meħtieġ soġġorn ta' lejl wieħed jew aktar. |
Fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, it-trasportatur għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u tal-persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.
Artikolu 22
Talbiet ulterjuri
Xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jipprekludi lill-passiġġieri milli jfittxu għal danni, skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati nazzjonali, fir-rigward ta' telf li jirriżulta minn kanċellazzjoni jew dewmien ta' servizzi regolari.
KAPITOLU V
REGOLI ĠENERALI DWAR INFORMAZZJONI U ILMENTI
Artikolu 23
Dritt għal informazzjoni dwar l-ivjaġġar
It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom, jipprovdu lill-passiġġieri informazzjoni adegwata matul il-vjaġġ kollu tagħhom. Fejn dan ikun vijabbli, din l-informazzjoni għandha tingħata f'formati aċċessibbli jekk tintalab.
Artikolu 24
Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri
1. It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza, jiżguraw li l-passiġġieri tingħatalhom informazzjoni xierqa u li tinftiehem fir-rigward tad-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament l-aktar tard mat-tluq. L-informazzjoni għandha tingħata fit-terminals u fejn applikabbli, fuq l-Internet. Fuq talba ta' persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa l-informazzjoni għandha tingħata f'format aċċessibbli. Din l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji ta' kuntatt tal-korp jew korpi għall-infurzar magħżulin mill-Istat Membru skont l-Artikolu 27(1).
2. Sabiex ikunu konformi mar-rekwiżit ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals jistgħu jużaw sommarju tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament imħejji mill-Kummissjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u magħmul disponibbli għalihom.
Artikolu 25
Ilmenti
It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu jew jiddisponu minn mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4, 8 u 9 sa 24.
Artikolu 26
Preżentazzjoni tal-ilmenti
Jekk passiġġier kopert minn dan ir-Regolament ikun irid iressaq ilment lit-trasportatur fir-rigward tal-Artikoli 4, 8 u 9 sa 24, huwa għandu jagħmel dan fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun twettaq is-servizz regolari jew meta servizz regolari kellu jitwettaq. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur għandu jinnotifika lill-passiġġier li l-ilment tiegħu ġie sostanzjat, miċħud jew għadu qed jiġi kkunsidrat. Iż-żmien li jittieħed biex tingħata t-tweġiba finali m'għandux ikun itwal minn tliet xhur minn meta jkun ġie rċevut l-ilment.
KAPITOLU VI
INFURZAR U KORPI NAZZJONALI TAL-INFURZAR
Artikolu 27
Korpi nazzjonali tal-infurzar
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi ġodda jew eżistenti responsabbli għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fir-rigward tas-servizzi regolari minn postijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu u servizzi regolari minn pajjiż terz lejn dawk il-postijiet. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.
Kull korp għandu, fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijet dwar finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, ikun indipendenti mit-trasportaturi, mill-operaturi turistiċi u mill-korpi għall-maniġġar tat-terminals.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-korp jew il-korpi magħżulin skont dan l-Artikolu.
3. Kwalunkwe passiġġier jista' jressaq ilment, skont il-liġi nazzjonali, lill-korp xieraq magħżul skont il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp xieraq ieħor magħżul minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament.
Stat Membru jista' jiddeċiedi:
(a) |
li l-passiġġier bħala l-ewwel pass għandu jippreżenta ilment fir-rigward tal-Artikoli 4, 8 u 9 sa 24 lit-trasportatur; u/jew |
(b) |
li l-korp nazzjonali ta' infurzar jew kwalunkwe korp xieraq ieħor magħżul mill-Istat Membru għandu jaġixxi bħala korp tal-appell għall-ilmenti li ma jiġux riżolti taħt l-Artikolu 26. |
Artikolu 28
Rapport dwar l-infurzar
Sa l-1 ta' Ġunju … (15) u kull sentejn wara dik id-data, il-korpi tal-infurzar magħżulin skont l-Artikolu 27(1) għandhom jippubblikaw rapport dwar l-attività tagħhom fis-sentejn kalendarji preċedenti, li jkun fih, b'mod partikolari, deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħudin sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament u statistika dwar l-ilmenti u s-sanzjonijiet li jkunu ġew applikati.
Artikolu 29
Kooperazzjoni bejn korpi tal-infurzar
Il-korpi nazzjonali tal-infurzar kif imsemmijin fl-Artikolu 27(1) għandhom, fejn xieraq, jiskambjaw l-informazzjoni dwar ħidmiethom u l-prinċipji u l-prassi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f'dan il-kompitu.
Artikolu 30
Pieni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u miżuri sa … (16) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 31
Rapport
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa … (17), dwar l-operat u l-effetti ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposti leġislattivi li jimplimentaw f'aktar dettall id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jew li jemendawh.
Artikolu 32
Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004
Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 għandu jiżdied il-punt li ġej:
“18. |
Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ (18). |
Artikolu 33
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika minn … (19).
Artikolu 34
Pubblikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi, …
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
…
Għall-Kunsill
Il-President
…
(1) Opinjoni tas-16 ta' Lulju 2009 (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 99).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2010 u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.
(4) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.
(6) ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4.
(7) ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.
(8) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(9) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
(10) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(11) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(12) Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(13) Jekk jogħġbok daħħal id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(14) Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(15) Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(16) Jekk jogħġbok daħħal id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(17) Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(18) ĠU …”
(19) Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
ANNESS I
Assistenza pprovduta lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa
(a) Assistenza f'terminals magħżulin
L-assistenza u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex:
— |
jikkomunikaw il-wasla tagħhom fit-terminal kif ukoll it-talba tagħhom għal assistenza f'postijiet magħżula; |
— |
jiċċaqilqu mill-post magħżul sal-bank taċ-check-in, il-kamra għall-istennija u ż-żona għall-imbark. |
— |
jitilgħu abbord il-vettura, permezz ta' liftijiet, siġġijiet tar-roti jew assistenza oħra meħtieġa, skont il-każ, |
— |
jgħabbu l-bagalji tagħhom; |
— |
jieħdu lura l-bagalji tagħhom; |
— |
jinżlu mill-vettura; |
— |
ikollhom magħhom kelb tal-għajnuna rikonoxxut abbord ix-xarabank jew il-kowċ; |
— |
jipproċedu għall-post bilqiegħda; |
(b) Assistenza abbord
L-assistenza u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex:
— |
tingħatalhom l-informazzjoni essenzjali dwar vjaġġ f'formati aċċessibbli kemm-il darba ssir talba mill-passiġġier; |
— |
jitilgħu/jinżlu waqt pawżi fi vjaġġ, jekk ikun hemm persunal ieħor minbarra x-xufier abbord. |
ANNESS II
Taħriġ li għandu x'jaqsam mad-diżabbiltà
(a) Taħriġ dwar sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà
It-taħriġ tal-persunal li jittratta direttament mal-pubbliku li jivvjaġġa jinkludi:
— |
sensibilizzazzjoni għal u risponsi adatti għal passiġġieri b'diżabbiltajiet fiżiċi, sensorji (smigħ u viżiv), moħbija jew ta' tagħlim, inkluż dwar kif wieħed jiddistingwi bejn l-abbiltajiet differenti ta' persuni li l-mobbiltà, l-orjentazzjoni jew il-komunikazzjoni tagħhom tista' tkun imnaqqsa; |
— |
xkiel iffaċċjat minn persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inkluż xkiel ta' attitudni, ambjentali/fiżiku u organizzattiv; |
— |
klieb tal-għajnuna rikonoxxuti, inklużi r-rwol u l-bżonnijiet ta' kelb tal-għajnuna; |
— |
kif wieħed jittratta avvenimenti mhux mistennija; |
— |
ħiliet interpersonali u metodi tal-komunikazzjoni ma' persuni torox u ma' persuni neqsin mis-smigħ, ma' persuni neqsin mid-dawl, ma' persuni b'diffikultajiet fit-taħdit u ma' nies b'diżabbiltà ta' tagħlim; |
— |
kif tittratta siġġijiet tar-roti u għajnuniet oħra għall-mobbiltà bil-galbu sabiex tiġi evitata l-ħsara (jekk ikun hemm, għall-persunal kollu li hu responsabbli għall-maniġġar tal-bagalji). |
(b) Taħriġ għal assistenza fil-każ ta' diżabbiltà
It-taħriġ lill-persunal li jassisti direttament lil persuni b'diżabbiltà jew lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa jinkludi:
— |
kif tgħin lil min juża siġġu tar-roti jpoġġi u jqum mis-siġġu tar-roti; |
— |
ħiliet biex tingħata assistenza lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa li jkunu qed jivvjaġġaw b'kelb tal-għajnuna rikonoxxut, inklużi r-rwol u l-bżonnijiet ta' dawk il-klieb; |
— |
teknika għall-akkompanjament ta' passiġġieri neqsin mid-dawl u għall-immaniġġar u l-ġarr ta' klieb tal-għajnuna rikonoxxuti; |
— |
għarfien tat-tipi ta' apparat li jista' jassisti lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa u għarfien ta' kif għandu jkun immaniġġat apparat bħal dan; |
— |
l-użu ta' tagħmir ta' assistenza għat-tlugħ u għall-inżul użat u l-għarfien ta' proċeduri xierqa għal assistenza waqt it-tlugħ u l-inżul li jissalvagwardjaw is-sigurtà u d-dinjità tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa; |
— |
għarfien tal-ħtieġa għal assistenza affidabbli u professjonali. Barra minn hekk, għarfien tal-potenzjal ta' ċerti passiġġieri b'diżabbiltà li jesperjenzaw sensazzjonijiet ta' vulnerabbiltà waqt l-ivvjaġġar minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-assistenza pprovduta. |
— |
għarfien tal-ewwel għajnuna. |
DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL
I. INTRODUZZJONI
Fl-4 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni ppreżentata proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (1).
Fit-23 ta' April 2009, il-Parlament Ewropew ivvota l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari (2).
Fis-17 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-abbozz ta' Regolament. Wara reviżjoni legali/lingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fi […], f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill ħa kont tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jagħtix opinjoni.
II. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI FL-EWWEL QARI
(1) Ġenerali
Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ tifforma parti mill-objettiv ġenerali tal-UE li tiżgura t-trattament ugwali tal-passiġġieri, irrispettivament mill-mezz ta' trasport li jkunu għażlu li jivvjaġġaw bih. Leġislazzjoni ta' natura simili diġà ġiet adottata għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru (3) jew bil-ferrovija (4). Huwa fih dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà fil-każ ta' mewt jew korriment tal-passiġġieri u telf jew ħsara lill-bagalji tagħhom, soluzzjonijiet awtomatiċi meta l-ivvjaġġar jiġi interrott, it-trattament ta' ilmenti u mezzi ta’ rikors, informazzjoni għall-passiġġieri u inizjattivi oħrajn. Barra minn hekk, huwa jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni u l-assistenza għall-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa (PRMs).
Minkejja li l-Kunsill qabel mal-Kummissjoni dwar l-objettiv tal-proposta, l-approċċ tal-Kunsill involva adattamenti maġġuri tal-proposta oriġinali. Għadd ta' dispożizzjonijiet proposti ma kinux aċċettabbli minħabba li kienu jimponu piżijiet amministrattivi kbar wisq li jirriżultaw fi spejjeż għat-trasportaturi u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, mingħajr tkattir ta' valur miżjud għall-passiġġieri li jegħleb dawn l-inkonvenjenzi. Oħrajn ġew abbozzati mill-ġdid b'kont meħud tal-leġislazzjonijiet differenti fl-Istati Membri, sabiex jiġi evitat konflitt bejn dan l-abbozz ta' proposta ta' Regolament u leġislazzjoni nazzjonali u Ewropea eżistenti. Finalment, dispożizzjonijiet oħrajn ġew abbozzati mill-ġdid bil-ħsieb li jissimplifikaw u jiċċaraw ir-Regolament.
Bħala riżultat ta' dan l-approċċ, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari timmodifika, sa ċertu punt, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni billi tabbozzaha mill-ġdid u tħassar diversi dispożizzjonijiet tat-test. Dan jimplika li l-emendi kollha introdotti fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari relatati ma' dawn id-dispożizzjonijiet imħassra ma ġewx aċċettati mill-Kunsill.
Il-Kunsill jimmira lejn soluzzjoni bilanċjata li tieħu kont tad-drittijiet tal-passiġġieri kif ukoll tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tal-operaturi tal-industrija tax-xarabank u l-kowċ, li tikkonsisti prinċipalment minn impriżi żgħar u ta' daqs medju, u għalhekk integra l-emenda 3 tal-PE fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.
(2) Kwistjonijiet ta' politika ewlenin
(i) Kamp ta' applikazzjoni
Fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, ir-Regolament kellu japplika b'mod ġenerali għall-ġarr ta’ passiġġieri minn intrapriżi tax-xarabank u/jew kowċ permezz ta’ servizzi regolari. L-Istati Membri setgħu biss jeżentaw it-trasport urban, suburban u reġjonali kopert minn kuntratti ta’ servizz pubbliku, jekk dawn il-kuntratti żguraw livell komparabbli ta’ drittijiet tal-passiġġieri għal dak meħtieġ fir-Regolament. Barra minn dan, il-Parlament Ewropew introduċa emenda waħda li tippermetti lill-Istati Membri biex jeskludu, taħt il-kondizzjoni msemmija hawn fuq mill-kamp ta' applikazzjoni, it-trasport urban u suburban iżda mhux it-trasport reġjonali.
Il-Kunsill ma setax jaċċetta l-kamp ta' applikazzjoni kif propost mill-Kummissjoni, lanqas l-emendi tal-PE relatati miegħu (l-emendi 1, 2 u 81), għaliex huwa kkunsidra li t-trasport urban, suburban u reġjonali jaqgħu fil-qafas tas-sussidjarjetà.
L-inklużjoni tat-trasport reġjonali fil-kamp ta' applikazzjoni, kif propost mill-Parlament Ewropew, tista' toħloq problemi kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-industrija. Normalment, f'żoni urbani kbar, il-kumpanniji joperaw netwerk tat-trasport sħiħ inklużi s-servizzi tax-xarabank, servizzi ta' taħt l-art, ferroviji tal-passiġġieri u servizzi tat-tram. Spiss, dawn is-servizzi kollha huma ta' karattru urban, suburban u reġjonali. Ir-restrizzjoni tal-eżenzjoni għas-servizzi urbani u suburbani biss tfisser li partijiet minn dawn in-netwerks ikunu soġġetti għal regoli li huma mfassla għal distanzi twal. Il-kumpanniji li joperaw dawn in-netwerks imbagħad ikollhom, fl-istess netwerk, jittrattaw sistemi diversi ta' kumpens, li wħud minnhom mhumiex verament adatti għal dan it-tip ta' trasport. Hija tħawwad ukoll lill-passiġġieri li jivvjaġġaw f'dawn in-netwerks għaliex huma jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikunu jafu liema regoli huma effettivament applikabbli.
Barra minn hekk, peress li hemm possibbiltà għal eżenzjoni tas-servizzi ferrovjarji reġjonali fir-regolament eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport ferrovjarju, in-nuqqas ta' dispożizzjoni korrispondenti fir-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank jista' jxekkel il-kompetizzjoni bejn iż-żewġ setturi. U s-servizzi tax-xarabank u dawk ferrovjarji spiss iservu ta' alternattiva għal xulxin.
Għalhekk, il-Kunsill ma setax jaċċetta l-emendi tal-PE relatati mal-kamp ta' applikazzjoni. Għalhekk il-Kunsill jipproponi li l-abbozz ta' Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li qed jivvjaġġaw b'servizzi regolari nazzjonali u internazzjonali, iżda bil-possibbiltà fil-livell nazzjonali li jiġu eżentati s-servizzi regolari urbani, suburbani u reġjonali. Barra minn hekk, il-Kunsill jintroduċi dispożizzjoni li tiżgura li ċerti drittijiet minimi huma applikati għas-servizzi kollha bix-xarabank u bil-kowċ mingħajr eċċezzjoni (jiġifieri kondizzjonijiet kuntrattwali u tariffi li ma jkunux diskriminatorji u d-dritt ta' trasport għall-persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif ukoll derogi relatati).
L-Istati Membri huma awtorizzati li jagħtu eżenzjoni għal perijodu massimu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darbtejn, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għal servizzi regolari domestiċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjoni għal perijodu massimu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded, għal servizzi regolari partikolari li parti sinifikanti minnhom, inkluża tal-anqas waqfa waħda skedata, tiġi operata barra l-Unjoni.
Barra minn hekk, b'rabta mal-kamp ta' applikazzjoni, dispożizzjoni speċifika tistabbilixxi li l-Istati Membri li jistgħu jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa skont ir-regoli nazzjonali tagħhom tkun mill-inqas l-istess bħal dawk taħt dan ir-Regolament, jistgħu jippreservaw kompletament ir-regoli nazzjonali tagħhom.
(ii) Bidliet fl-infrastruttura
Fir-rigward tal-infrastruttura, il-Kunsill huwa lest li jħeġġeġ u jappoġġa kwalunkwe inizjattiva fir-rigward ta' tagħmir u infrastruttura ġodda, li għandhom jiġu akkwistati jew mibnija b'kont meħud tal-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà u PRMs, kif inhu ddikjarat b'mod ċar fi premessa. Madankollu, dan ir-Regolament huwa stabbilit fil-qafas tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u għalhekk ma jistax jinkludi obbligi dwar rekwiżiti tekniċi għat-trasportaturi biex jimmodifikaw jew jissostitwixxu l-vetturi jew l-infrastruttura u t-tagħmir fit-terminals. Għalhekk, l-emendi tal-PE fir-rigward tal-infrastruttura ma setgħux jiġu aċċettati (emendi 6-10).
(iii) Kumpens u assistenza fil-każ ta' aċċidenti
Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-intrapriżi tax-xarabank u/jew kowċ għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom. Il-passiġġieri jibbenefikaw minn regoli armonizzati dwar ir-responsabbiltà tal-intrapriżi tax-xarabank u/jew kowċ. Għal kwalunkwe dannu li ma jaqbiżx l-ammont ta’ EUR 220 000, intrapriża tax-xarabank u/jew kowċ għandu jkollha responsabbiltà stretta, jiġifieri m’għandhiex ikollha l-possibbiltà teskludi r-responsabbiltà tagħha billi tagħti prova li l-aċċident ma kienx ikkawżat ħtija tagħha. Għad-danni ta' aktra minn EUR 220 000 ir-responsabbiltà tkun ibbażata fuq il-ħtija, iżda mhux limitata. Il-passiġġieri li jsofru aċċident jkunu intitolati għal pagamenti bil-quddiem sabiex ikunu indirizzati diffikultajiet ekonomiċi li huma jew il-familji tagħhom jistgħu jiffaċċjaw bħala konsegwenza ta’ mewt jew korriment.
Madankollu, is-sistemi eżistenti ta' responsabbiltà fis-seħħ fl-Istati Membri huma differenti ħafna fir-rigward tal-bażi għar-responsabbiltà (ir-responsabbiltà stretta mingħajr limitu, ir-responsabbiltà stretta b'eżenjonijiet ta' forza maġġuri u r-responsabbiltà bbażata fuq ħtija) u ma jistgħux jiġu rikonċiljati. Barra minn hekk, il-leġislazzjoni fl-Istati Membri differenti hija parzjalment mibnija fuq id-Direttiva 2009/103/KE, relatata mal-assigurazzjoni kontra r-reponsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu li ssir assigurazzjoni kontra tali responsabbiltà (“Id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur”) u parzjalment fuq il-leġislazzjoni nazzjonali. Dawn it-testi diġà qed jirregolaw ir-responsabbiltà għall-passiġġieri tax-xarabank u hu essenzjali li jiġu evitati l-konflitti bejn it-test preżenti u “id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur” imsemmija hawn fuq.
Għalhekk il-Kunsill adotta approċċ li jibni fuq is-sistema eżistenti, waqt li fl-istess ħin jiżdiedu xi elementi bażiċi ta' armonizzazzjoni. Hu propost limitu minimu għal kull passiġġier u kull bagalja: 220 000 EUR għal kull passiġġier f'każ ta' mewt jew feriment personali. F'każ ta' telf ta' jew dannu għal bagalji, 500 EUR fir-rigward tas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali u 1 200 EUR fir-rigward ta' servizz regolari oħra. Dan jallinja l-kumpens għall-bagalji mad-dispożizzjonijiet korrispondenti fir-“Regolament ferrovjarju”, waqt li fl-istess ħin jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tat-trasport urban, suburban u reġjonali. Fir-rigward tas-, tagħmir ta' mobbiltà jew tagħmir ta' assistenza ieħor, it-test tal-Kunsill jipprevedilhom li jieħdu kumpens sħiħ, minflok li jiġu ttrattati bħala bagalji normali, anki meta d-danni jkunu kkawżati waqt l-għoti ta' assistenza (skont l-ispirtu tal-emenda 46 tal-PE).
Barra minn hekk, it-test ġie adattat biex jipprevedi assistenza għal passiġġieri fir-rigward tal-ħtiġijiet prattiċi immedjati tagħhom wara aċċident. Tali dispożizzjoni ma tinsabx fid-“Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur” u tirrappreżenta benefiċċju reali għall-passiġġier tax-xarabank, filwaqt li l-piż amministrattiv għall-kumpanniji tax-xarabank u/jew kowċ ma jiżdiedx b'mod sinifikanti.
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kunsill ma setax jaċċetta l-approċċ propost tal-Kummissjoni u lanqas l-emendi tal-PE relatati mar-responsabbiltà (emendi 18-24).
(iv) Drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa (PRM)
Il-Kunsill jappoġġa bil-qalb kollha l-objettiv tal-Kummissjoni li jiġi żgurat li persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għat-trasport bix-xarabank u l-kowċ. Għalhekk, il-Kunsill isegwi mill-qrib il-proposta tal-Kummissjoni, għalkemm jimmodifika xi dispożizzjonijiet sabiex jagħmilhom fattibbli u jintroduċi ċerti simplifikazzjonijiet u kjarifiki. Fir-rigward ta' dan il-Kapitolu, il-Kunsill integra diversi emendi tal-PE fit-test tiegħu, jew kompletament, jew parzjalment jew fl-ispirtu.
Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għad-dritt tat-trasport, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li persuna b'diżabbiltà setgħet tiġi mċaħħda trasport b'relazzjoni għar-rekwiżiti ta' sikurezza jew tad-daqs tal-vettura. Il-Kunsill ippreveda xi titjib, b'referenza għad-“disinn” tal-vettura minflok id-“daqs”, biex b'hekk jintegra l-emendi tal-PE 26 u 27 fis-sustanza jew fl-ispirtu. Barra minn hekk, il-Kunsill aċċetta wkoll l-emenda 73 fir-rigward tal-għażla li għandha tiġi offruta lil persuna b'diżabbiltà jew PRM meta tiġi mċaħħda l-imbark.
Skont il-proposta inizjali, it-trasportatur jista' jesiġi li persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tkun kapaċi tipprovdilha l-assistenza. Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, jekk it-trasportatur jagħmel tali talba fir-rigward tas-servizz tal-passiġġieri, il-persuna li takkumpanja għandha tinġarr mingħajr ħlas u, meta fattibbli, titpoġġa ħdejn il-persuna b'diżabbiltà jew il-PRM. Din id-dispożizzjoni tintegra, fis-sustanza, l-emenda 29 tal-PE.
It-test tal-Kunsill fl-ewwel qari jipprevedi kondizzjonijiet ta' aċċess mhux diskriminatorju kif ukoll li jsiru pubblikament disponibbli f'format adatt għall-persuni b'diżabbiltà u l-PRMs, biex b'hekk aċċetta, parzjalment jew kompletament, l-emendi 31 u 32 tal-PE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli fuq l-internet lista ta' terminals tax-xarabank u tal-kowċ magħżula mill-Istati Membri fejn tingħata assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u lill-PRM, kif deskritt fl-emenda 36 tal-PE.
Fir-rigward tal-assistenza lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, tali assistenza ser tiġi pprovduta bil-kondizzjoni li l-persuna kkonċernata tinnotifika lit-trasportatur jew l-operatur tat-terminal mhux anqas minn jumejn tax-xogħol bil-quddiem (il-Kummissjoni pproponiet 48 siegħa) u tkun preżenti f'punt magħżul tal-anqas 60 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat. Għalhekk il-Kunsill ma setax jaċċetta l-emenda 39 li tipproponi perijodu aqsar ta' 24 siegħa. Barra minn hekk, jekk il-persuna jkollha bżonnijiet speċifiċi ta' post fejn tpoġġi bilqiegħda, il-passiġġier għandu jinnotifika lit-trasportatur b'tali ħtiġijiet fil-mument tar-riżervazzjoni, jekk ikun jaf bil-ħtieġa dak il-ħin. Dan ir-rekwiżit addizzjonali, introdott mill-Kunsill, ser jippermetti li t-trasportatur jissodisfa dawk il-ħtiġijiet speċifiċi u jagħti l-aħjar servizz possibbli lill-persuna kkonċernata.
Fir-rigward tal-assistenza abbord, il-Kunsill illimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni. It-test tal-Kunsill jistabbilixxi li l-informazzjoni għandha tingħata f'format aċċessibbli kif ukoll assistenza għat-tlugħ u nżul waqt pawżiet fil-vjaġġ, iżda dan tal-aħħar isir biss jekk ikun hemm persunal ieħor minbarra x-xufier abbord. Dan jieħu kont tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-vetturi huma operati mix-xufier waħdu u għalhekk l-għoti ta' assistenza waqt il-vjaġġ ser ikollu impatt fuq il-ħin tas-sewqan, u għalhekk fuq ir-rekwiżiti ta' sikurezza.
L-għajnuna lill-persuni b'diżabbiltà u lill-PRMs għandha tinghata b'xejn f'terminals, li jkun fihom persunal, magħżula mill-Istati Membri u l-persunal li jagħti assistenza diretta lil dawn il-persuni għandu jkun irċieva taħriġ adegwat li jippermettilu li jassisti lil dawn il-persuni. Il-persunal, inkluż ix-xufiera, li jittrattaw direttament mal-pubbliku li jivjaġġa, għandu jirċievi taħriġ dwar sensibilizzazjoni għad-diżabbiltà.
(v) Drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien
Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tipprevedi obbligi tal-intrapriżi tax-xarabank u/jew kowċ fil-każ ta’ vjaġġi interrotti, minħabba kanċellazzjoni ta’ servizz jew dewmien. L-impriżi għandhom iħallsu kumpens li jammonta għal 100 % tal-prezz tal-biljett, jekk naqsu li jipprovdu servizzi alternattivi jew l-informazzjoni meħtieġa.
Filwaqt li l-Kunsill jappoġġa kompletament il-prinċipju li t-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal għandhom jieħdu ħsieb il-passiġġieri tagħhom, huwa mmodifika l-proposta tal-Kummissjoni, b'kont meħud tal-istruttura speċifika tal-industrija tax-xarabank u tal-kowċ. Ġie maqbul li jkun hemm trattament differenti fir-rigward ta' passiġġieri li jitilqu minn terminal u passiġġieri li jitilqu minn waqfiet tax-xarabank, minħabba li mhu la possibbli u lanqas raġonevoli li jingħata, pereżempju, l-istess livell ta' informazzjoni dwar dewmien f'waqfa tax-xarabank meta mqabbel ma' terminal bil-persunal.
Fil-każ ta' dewmien ta' aktar minn sagħtejn jew kanċellazzjoni tal-vjaġġ, il-passiġġier jista' jagħżel li jkompli l-vjaġġ billi juża l-istess forma ta' trasport, jew li jitlob trasferiment jew għar-rimborż tal-biljett tiegħu/tagħha (imġallas fi żmien 14-il ġurnata wara l-każ u, jekk meħtieġ, vjaġġ lura b'xejn). Fil-każ ta' dewmien ta' aktar minn sagħtejn għal vjaġġi li jdumu aktar minn tliet siegħat, għall-passiġġieri li jitilqu minn terminal, it-trasportatur ser ikollu l-obbligu li jagħti lill-passiġġieri ikla jew ikel u xorb ħafif, fl-ispirtu tal-emenda 53 tal-PE, iżda mhux ser ikollu l-obbligu li jipprovdi akkomodazzjoni, għalkemm it-trasportatur ikollu jassisti biex tinsab l-akkomodazzjoni. Madankollu, il-passiġġieri bix-xarabank jew il-kowċ mhumiex ser jibbenefikaw minn indennitajiet addizzjonali (imħallsa barra mill-prezz tal-biljett) bħalma hu l-każ ta' passiġġieri marittimi jew bil-ferrovija. Għaldaqstant, l-emendi tal-PE relatati mal-kumpens u l-akkomodazzjoni ma nżammewx (emendi 49, 50, 51, 52, 54 u 55).
Il-Parlament Ewropew introduċa xi emendi fir-rigward tal-kumpens u l-assistenza fil-każ ta' dewmien fil-wasla u eżenzjonijiet relatati fil-każ ta' “” (emendi 56 u 57), biex b'hekk jeħles lit-trasportatur milli jinżamm responsabbli għad-dannu jekk ikun ikkawżat minn ċirkostanzi mhux konnessi mat-tħaddim tas-servizzi tagħhom u li ma setgħux jipprevedu. Il-Kunsill ma aċċettax tali emendi billi t-test tiegħu ma jipprevedi l-ebda dispożizzjoni dwar kumpens fil-każ ta' dewmien fil-wasla.
Tali kumpens ikun responsabbiltà addizzjonali għall-impriżi tax-xarabank u l-kowċ u joħloq piż eċċessiv; barra minn hekk, ix-xufiera jkunu qed jitqiegħdu taħt pressjoni biex jirrispettaw l-iskeda tal-ħinijiet, u b'hekk tkun qed titpoġġa f'riskju s-sikurezza fit-triq.
L-emenda 58 li tikkonċerna l-informazzjoni f'formati aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa ġiet aċċettata mill-Kunsill.
(vi) Regoli ġenerali dwar informazzjoni, trattar ta' lmenti u korpi nazzjonali tal-infurzar
Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, it-trasportaturi u l-korpi ta' ġestjoni tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom, jipprovdu lill-passiġġieri b'informazzjoni adegwata matul il-vjaġġ kollu tagħhom, f'format aċċessibbli meta dan ikun fattibbli. Barra minn hekk, huma għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom b'mod adatt u li jinftiehem, fl-ispirtu tal-emenda 62 tal-PE.
Fir-rigward tal-ilmenti, il-proposta tal-Kummissjoni kien fiha regoli dwar kif it-trasportaturi għandhom jittrattaw l-ilmenti, b'mod partikolari l-konsegwenzi legali kbar meta ma tingħatax risposta għall-ilmenti.
Il-Kunsill, għalkemm jaqbel fil-prinċipju mal-proposta tal-Kummissjoni, jintroduċi aktar flessibbiltà fis-sistema sabiex jevita konsegwenzi mhux previsti għas-sistemi legali jew l-istrutturi amministrattivi tal-Istati Membri. F'dan il-kuntest u sabiex tiġi evitata burokrazija addizzjonali, il-Kunsill ma aċċettax l-emenda 64 tal-PE li introduċiet obbligu għall-impriżi tax-xarabank u/jew tal-kowċ biex joħorġu annwalment rapport dettaljat dwar l-ilmenti riċevuti.
Barra minn hekk, il-Parlament ippropona li l-korpi tal-infurzar nazzjonali għandhom ikunu indipendenti (l-emenda 65). Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tispeċifika b'mod aktar ċar li dawn il-korpi għandhom ikunu indipendenti mit-trasportaturi, l-operaturi turistiċi u l-operaturi tat-terminals.
(vii) Data tal-applikazzjoni tar-Regolament
Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li r-Regolament ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u ser japplika b’effett sena wara dik id-data.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li r-Regolament ser japplika sentejn wara l-pubblikazzjoni tiegħu, u b'hekk taċċetta fis-sustanza l-emenda 69 tal-PE.
(3) Emendi oħrajn adottati mill-Parlament Ewropew
Emendi oħrajn li mhumiex inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jikkonċernaw:
— |
bidliet għad-definizzjoni ta' “kuntratt tat-trasport” (l-emenda 13) u “bejjiegħ tal-biljetti” (l-emenda 14), “aġent tal-ivvjaġġar” (l-emenda 15), “kanċellazzjoni” (l-emenda 16), |
— |
id-definizzjoni proposta ta' “formati aċċessibbli” (l-emenda 17), |
— |
referenza għal “persuni li mhumiex kapaċi jivvjaġġaw mingħajr assistenza minħabba l-età kbira jew żgħira tagħhom” (emenda 34), |
— |
l-assistenza adattata għall-ħtiġijiet individwali ta' persuni b’diżabilità jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa (l-emenda 35), |
— |
il-ħtieġa tal-iżgurar li l-passiġġier jirċievi konferma tan-notifika tal-ħtiġijiet għall-assistenza tiegħu jew tagħha (l-emenda 40), |
— |
kwalunkwe kumpens mogħti skont dan ir-Regolament, li jista' jitnaqqas minn kwalunkwe kumpens addizzjonali mogħti (l-emenda 59), |
— |
il-penali applikabbli għall-ksur tar-Regolament, li jistgħu jinkludu ordni għall-ħlas tal-kumpens (l-emenda 68), |
— |
l-emendi 70, 71 u 72 li jikkonċernaw l-Annessi għar-Regolament. |
III. KONKLUŻJONI
Fl-istabbiliment tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, il-Kunsill ħa kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Fir-rigward tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill josserva li numru konsiderevoli ta' emendi ġew diġà inklużi - fl-ispirtu, parzjalment jew kompletament - fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.
(1) Dok. 16933/08.
(2) A6-0209/2009.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1, u r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, ĠU L 204, 26.7.2006, p.1.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.