17.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 51/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: Naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima”

COM(2010) 86 finali

2011/C 51/14

Relatur: is-Sur BUFFETAUT

Nhar id-9 ta' Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: Naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima

COM(2010) 86 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Awwissu 2010.

Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’118 vot favur, 7 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Għall-bidu, il-Qbil ta' Kopenħagen qajjem diżappunt kbir għaliex ma ntlaħaqx ftehim ġenerali dwar il-miri u l-miżuri għall-ġlieda kontra t-tisħin globali. Meta t-test ta' dan il-ftehim jiġi kkunsidrat aktar mill-qrib, jista’ jitqies li fih xi passi ’l quddiem, mhux biss fir-rigward tal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura ma taqbiżx iż-2 °C meta mqabbla mal-era preindustrijali, iżda wkoll għax permezz tiegħu nkiseb progress kemm fir-rigward tal-kwistjonijiet tat-trasferimenti tat-teknoloġija u tal-finanzjament tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fir-rigward tal-ftehimiet aktar speċifiċi dwar l-użu tal-art u l-foresterija. Il-konklużjonijiet tiegħu issa jridu jkomplu jiġu żviluppati fin-negozjati li jmiss f’Cancun u l-Afrika t’Isfel.

1.2

Madankollu, huwa diffiċli li wieħed iqis li dan kien suċċess għad-diplomazija tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din għandha tistħarreġ dwar id-direzzjoni ġdida tal-istrateġija diplomatika tagħha. It-twaqqif ta' servizz diplomatiku ġdid, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, jista’ jbiddel id-data politika interna tal-Kummissjoni. Ikun xi jkun il-każ, l-impenn unilaterali li sal-2020 l-emissjonijiet tagħna jitnaqqsu b’20 %, jekk mhux bi 30 %, ma kisibx l-effett mixtieq u ma rnexxilux iwassal għal ftehim vinkolanti. Fil-fatt, għandna msieħba estremament prammatiċi li m’għandhomx fiduċja f’dak kollu li jidher bħala dikjarazzjonijiet tal-prinċipju u li eventwalment iġib miegħu regolamenti u ristrezzjonijiet, avolja l-objettiv tal-prinċipju li ż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 2 °C ġie aċċettat.

1.3

L-Unjoni Ewropea ma kellhiex suċċess u influwenza kbar fin-negozjati ta' Kopenħagen, kemm għaliex l-ambizzjonijiet kienu kbar wisq biex ħafna pajjiżi jilħquhom f’dan l-istadju, kif ukoll minħabba x-xettiċiżmu fost pajjiżi oħra dwar kemm jistgħu jinkisbu l-miri Ewropej. L-UE issa għandha tikkonċentra fuq il-modi konkreti kif tista’ tilħaq l-objettivi tat-tnaqqis tal-karbonju li stabbilixxiet hija stess u fl-istess ħin (u bħala parti mill-proċess) terġa’ tqajjem l-ekonomija fuq saqajha. Is-suċċess f’din l-isfida doppja jżid il-kredibbiltà tagħha u tinfluwenza n-negozjati internazzjonali.

Waqt li tibqa’ leali għad-deċiżjonijiet li ħadet, b’mod partikolari fil-pakkett tal-enerġija u l-klima, l-Unjoni Ewropea għandha:

b’konformità mal-proposta tal-Ministri tal-Ambjent tal-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit, timpenja ruħha li tissikka l-miri tagħha tas-CO2 għall-2020 biex tilħaq tnaqqis ta’30 % sa dik id-data minflok l-20 % tal-impenn attwali, jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jippermettu dan mingħajr ma jkun hemm telf fil-kompetittività u sakemm dan ikun marbut mal-miżuri u l-investiment meħtieġa biex jintlaħaq. Il-fatt li, minħabba l-kriżi ekonomika, l-emissjonijiet fl-UE naqsu drastikament mhux raġuni biżżejjed biex ikun hemm mira ogħla ta' tnaqqis, peress li l-emissjonijiet jistgħu jerġgħu jiżdiedu hekk kif tirkupra l-ekonomija;

għalissa tibqa’ leali lejn l-objettiv ta' tnaqqis tal-emissjonijiet b’20 %, iżda għandha timxi pass ’il quddiem u eventwalment tersaq lejn objettiv tat-tnaqqis ta' 30 %, jekk dan ikun ekonomikament u soċjalment vijabbli;

timmobilizza u tikkoordina l-kapaċitajiet ta' riċerka Komunitarji u nazzjonali fit-teknoloġiji ġodda b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju u fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-għan huwa li tinkiseb allokazzjoni aħjar tar-riżorsi sabiex tkun aktar effiċjenti, biex turi li wara d-dikjarazzjonijiet politiċi u l-leġislazzjoni, ir-riżorsi neċessarji għall-azzjoni konkreta fil-fatt qegħdin jiġu mmobilizzati. Huwa wkoll importanti ħafna li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn ir-riċerka u l-atturi ekonomiċi bħall-industrija u l-agrikoltura sabiex it-teknoloġiji promettenti jkunu jistgħu jinġiebu malajr fis-suq;

tikkomunika b’mod aktar modest sabiex l-imsieħba tagħna ma jingħatawx l-impressjoni li rridu nimponulhom mudell Ewropew meqjus eżemplari;

waqt li nistennew ftehim globali, jeħtieġ ukoll li tikkonċentra l-isforzi diplomatiċi tagħha fuq ftehimiet aktar settorjali, bħall-ġestjoni tal-artijiet u l-foresti, it-trasferimenti tat-teknoloġija (mingħajr ma jiġu ssagrifikati l-vantaġġi komparattivi f’dan il-qasam), is-sistema ta' monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impenji, l-għajnuna finanzjarja u l-mod kif din tiġi allokata. Il-konferenza internazzjonali dwar il-klima u l-foresti li saret f’Oslo f’Mejju li għadda hija eżempju tajjeb ta' inizjattiva li rnexxiet;

tiżviluppa diplomazija attiva, bl-appoġġ tal-Istati Membri vis-à-vis l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja u l-grupp BASIC, peress li l-ebda ftehim dinji mhu possibbli mingħajr l-Istati Uniti u l-pajjiżi l-kbar l-oħra; tkun element mexxej fin-negozjati bilaterali jew multilaterali, f’forums oħra apparti n-Nazzjonijiet Uniti, sabiex tipprepara ftehim mondjali. Dan kollu għandu jsir f’kuntest ta' trasparenza sabiex ċerti Stati Membri, li possibbilment jibżgħu minn soluzzjonijiet standardizzati li jiġu imposti fuqhom, ma jinkwetawx;

fir-rigward tal-investimenti kbar li kemm iċ-Ċina, l-Istati Uniti kif ukoll il-Korea t’Isfel għamlu fil-qasam tal-ekonomija ekoloġika, hemm bżonn ta' politika Ewropea ambizzjuża kemm-il darba rridu nkunu l-muturi tal-ekonomija tal-futur u nirrifjutaw li nitilfu l-vantaġġi kompetittivi tagħna u nsiru niddependu mill-privattivi, min-know-how u mit-teknoloġiji tal-oħrajn. L-objettivi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet jistgħu jkunu strument utli iżda waħedhom mhumiex biżżejjed biex tinkiseb il-qabża teknoloġika meħtieġa għat-tnedija ta' żvilupp tassew sostenibbli.

1.4

Sabiex tappoġġja l-isforzi diplomatiċi tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha timmobilizza wkoll is-soċjetà ċivili organizzata sabiex iċ-ċittadini jsiru konxji tal-bżonn li s-soċjetà tagħna timxi lejn inqas ħela ta' riżorsi naturali, aktar użu tar-riżorsi sostenibbli u attitudni personali aktar ċivika.

2.   Daħla

2.1

Il-konklużjoni tas-Summit ta' Kopenħagen qajmet firxa wiesgħa ta' reazzjonijiet radikalment differenti.

2.2

Għal uħud mill-Istati u parteċipanti fid-dibattitu, il-Qbil ta' Kopenħagen huwa l-ewwel pass ta' inkoraġġiment, peress li ġie approvat minn bosta Stati, fosthom iċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti, u li dawn approvaw l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura ma taqbiżx iż-2 °C meta mqabbla mal-era preindustrijali. Madankollu, xi wħud iqisu li dan il-Qbil huwa diżappuntanti ħafna billi ma fihx ftehim dettaljat dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħaq dan l-objettiv, jew dwar kif għandhom jinqasmu r-responsabbiltajiet bejn il-pajjiżi differenti.

2.3

Il-livell ta' ambizzjoni u impenn nazzjonali riflessi fil-Qbil kien diżappuntanti wkoll, u dan jidher mill-fatt li l-miri volontarji nazzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta' serra li tressqu bħala risposta għall-Qbil mhumiex biżżejjed biex iż-żieda fit-temperatura ma taqbiżx iż-2 °C u huma inqas minn dak li l-UE u Stati oħra kienu qed jittamaw li jintlaħaq ftehim dwaru.

2.4

Jidher ċar li l-konferenza kienet daqqa ta' ħarta kbira fil-livell diplomatiku għall-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari għall-Kummissjoni. B’mod partikolari, it-tħabbira ta' impenn unilaterali ta' tnaqqis ta' 20 %, jew saħansitra ta' 30 %, tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħna sal-2020 ma kisbitx l-effikaċja diplomatika mistennija li tinkoraġġixxi lil pajjiżi żviluppati oħra biex jagħmlu impenji simili, u jagħmlu aktar impenji speċifiċi mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, għandna bżonn neżaminaw għaliex l-istrateġija diplomatika tal-Unjoni Ewropea falliet u kif tista’ terġa’ tiġi orjentata biex taħdem aħjar.

3.   Approċċ aktar prammatiku u modest

3.1

Anke jekk ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina huma kkumplikati, jidher li l-Qbil ta' Kopenħagen fil-verità huwa mera tal-ftehim konkluż bejn l-Istati Uniti u l-Istati tal-grupp BASIC (il-Brażil, l-Afrika t’Isfel, l-Indja u ċ-Ċina).

3.2

Minn dan, wieħed jista’ jislet għadd ta' konklużjonijiet differenti:

ħafna pajjiżi emerġenti kif ukoll l-Istati Uniti u xi pajjiżi żviluppati oħra aktar ser ikomplu jagħtu prijorità li jżommu (jew jerġgħu jqajmu) it-tkabbir ekonomiku tagħhom f’perijodu qasir ta' żmien milli li jiġġieldu kontra t-tisħin globali (għalkemm il-fatt li wieħed jaħrab mill-problema tat-tisħin jista’ joħloq aktar ħsara lill-ekonomiji kollha f’perijodu mejdu ta' żmien jekk l-emissjonijiet ta' gass b’effett ta' serra ma jonqsux). Dan il-grupp ta' pajjiżi jista’ jkompli jkun il-vuċi dominanti fid-definizzjoni tal-limiti tal-ambizzjoni fil-ftit snin li ġejjin, sakemm ma jkunx hemm għadd ta' avvenimenti ġodda relatati mal-klima, evidenza xjentifika aktar b’saħħitha, jew pressjonijiet akbar fuq ir-riżorsi limitati tal-karburanti fossili li jġagħluhom jaħsbu b’mod aktar fundamentali. L-UE ser ikollha tadatta l-istrateġija tagħha għal dan il-bilanċ globali ġdid tal-forzi;

l-approċċ Amerikan huwa aktar ibbażat fuq il-fiduċja fil-progress tax-xjenzi u tat-teknoloġiji u huwa aktar prammatiku milli regolatorju. Jidher ċar li fil-ftit snin li ġejjin l-Istati Unit (u ċ-Ċina) ser jiffokaw l-isforzi prinċipali tagħhom fuq il-ħolqien tal-aqwa industriji dinjija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju tal-futur. L-Ewropa għandha tiżgura li għall-inqas tagħmel sforz determinat daqs tagħhom biex tittrasforma l-ekonomija tagħha f’waħda b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew emerġenti qed jibżgħu wkoll li l-ħerqa tal-pajjiżi żviluppati hija mod mistur kif iliġġmu jew inaqqsu r-ritmu tal-iżvilupp tagħhom, aktar u aktar li l-pajjiżi żviluppati għadhom lura milli jiksbu l-objettivi mħabbra tagħhom.

Jekk l-Unjoni Ewropea, li riedet tkun eżemplari f’dan ir-rigward, ma tantx donnu rnexxielha tikkonvinċi lill-bqija tad-dinja dwar l-approċċ tagħha, dan huwa aktarx għaliex strieħet wisq fuq il-kalkoli astratti tal-miri tat-tnaqqis meħtieġa minn kulħadd u fuq l-iskema tagħha għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet li għadha mhix perfetta, u għadha m’għamlitx biżżejjed mil-lat prattiku biex turi l-fattibbiltà ta' dawn il-miri billi tinvesti b’mod suffiċjenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji trasformattivi li huma kapaċi jġibu magħhom ekonomija ġdida b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija għaliha stess u għal oħrajn. Wieħed jittama li l-Istrateġija 2020 tkun strument utli f’dan ir-rigward. Għandna nkunu nistgħu nuru li bidla rapida lejn ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fl-Ewropa hija suċċess prattiku li tagħtina vantaġġ kompetittiv dejjem akbar, sakemm l-oħrajn ma jagħmlux bħalna. Dan jispira u jinfluwenza ħafna aktar lid-dinja mill-kliem ta' qtigħ il-qalb dwar il-miri eżiġenti li apparentament huma impossibbli, il-piżijiet involuti biex jintlaħqu u l-importanza morali li jinqasam il-piż.

3.3

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li ma norbtux it-tamiet kollha tagħna fil-livell internazzjonali mal-fatt li jintlaħaq ftehim finali fuq il-punti kollha qabel tmiem l-2011. Ikun aħjar li ma jkollniex ftehim finali milli jkollna wieħed b’miri mhux adegwati li jinkoraġġixxi l-kompjaċenza fil-konfront tat-theddida dejjem akbar tal-klima. Ikun aħjar li dawn il-miri mhux adegwati jiġu ppreżentati bħala miżura temporanja jew interim li hija aħjar mix-xejn, sakemm aktar tard jintlaħaq ftehim aktar adegwat b’miri aktar stretti, meta xi pajjiżi u gruppi prinċipali jkunu għamlu aktar progress lejn l-ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u jkunu kapaċi jikkommettu ruħhom b’mod aktar kunfidenti għal miri aktar ambizzjużi u adegwati u jimbuttaw lill-oħrajn biex jagħmlu bħalhom.

3.4

Sadanittant, il-possibbiltà li jkun għad m’hemmx ftehim ġenerali m’għandhiex iżżomm lill-komunità internazzjonali milli timxi pass pass ’il quddiem fit-triq tan-negozjati konkreti u tippromovi ftehimiet settorjali dwar il-foresti, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-trasferimenti tat-teknoloġiji, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew il-kooperazzjoni fis-settur tal-vetturi elettriċi, pereżempju. Il-Ftehim ta' Oslo ta' Mejju li għadda dwar il-foresti tropikali b’segwitu għal konferenza internazzjonali dwar il-klima u l-foresti huwa eżempju tajjeb ta' inizjattiva li rnexxiet. Dan irriżulta fi sħubija li tgħaqqad flimkien disa’ pajjiżi donaturi li huma n-Norveġja, l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit, id-Danimarka, il-Ġappun, l-Awstralja flimkien mal-Unjoni Ewropea u madwar erbgħin pajjiż bil-foresti. Din is-sħubija l-ġdida għandha l-għan li timplimenta b’mod immedjat mekkaniżmu finanzjarju bil-għan li jgħin lill-pajjiżi jikkonservaw il-foresti tagħhom. Ġew approvati rabtiet ta' 4 biljun dollaru għall-perijodu 2010-2012. B’hekk, il-mekkaniżmu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti (REDD) irċieva impetu ġdid, billi ngħata valur akbar lill-foresti.

3.5

Fil-qosor dan l-approċċ jista’ jissejjaħ wieħed ta' “anqas kliem u aktar fatti” u jista’ jiġi deskritt bħala attitudni aktar modesta, mhux fl-objettivi iżda fil-mod kif dawn jiġu ppreżentati.

3.6

Il-Qbil ta' Kopenħagen għandu jiġi implimentat tali kwali u jittieħed bħala punt tat-tluq sabiex tinħoloq dinamika ġenerali mingħajr l-ostaklu ta' pożizzjonijiet ideoloġiċi. Bil-kontra, għandna nipproponu proġetti konkreti u niġbru madwarna gruppi ta' pajjiżi lesti jinvestu fi proġett jew ieħor, u b’hekk inkunu nistgħu nippruvaw nevitaw li l-Ftehim ta' Kjoto jinbidel f’xi mit sagru, għalkemm irridu nkunu sensittivi għax-xewqa ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw li jinżammu l-elementi prinċipali tal-approċċ ta' Kjoto.

3.7

Kwistjoni kruċjali oħra, apparti dik tal-pajjiżi emerġenti, hija dik tal-pajjiżi foqra. Ma nistgħux inħalluhom jemmnu li l-iskop tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huwa li dawn il-pajjiżi jibqgħu fi stat ta' dipendenza. Il-punti tal-pjan “ġustizzja/klima” għandhom jinżammu sabiex juru l-impenn u r-rieda tajba tal-pajjiżi għonja.

3.8

F’dan ir-rigward, il-ftehim finanzjarju ta' Kopenħagen għandu jiġi rrispettat b’allokazzjoni ta' fondi ġodda. Il-kontribuzzjoni tal-UE hija stabbilita għal EUR 2,4 biljun fis-sena għall-perijodu 2010-2012. Għalhekk, jeħtieġ li dan il-finanzjament jiġi implimentat mill-aktar fis. F’dak li jirrigwarda l-Istati Uniti, jidher ċar li dawn mhumiex ser jonoraw l-impenji finanzjarji tagħhom jekk iċ-Ċina u l-Indja ma jiċċaqalqux, b’mod partikolari rigward is-sistema ta' kejl, kontroll u verifika.

4.   Biex inkunu nafu x’għandna nagħmlu, irridu nkunu nafu l-punt tat-tluq. Mela liema hija n-natura reali tal-Qbil ta' Kopenħagen, lil hinn mill-pożizzjonijiet ideoloġiċi jew politiċi?

4.1

Matul dawn l-aħħar 20 sena, id-diskussjonijiet internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima kienu bbażati fuq il-ħidma xjentifika tal-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) li laqqa’ xjentisti prinċipali mill-oqsma rilevanti kollha u mill-partijiet kollha tad-dinja biex janalizzaw u jivvalutaw l-evidenza relatata mat-tibdil fil-klima kkważat mill-bniedem u l-impatti tiegħu. Il-valutazzjonijiet suċċessivi mill-IPCC matul is-snin urew livell dejjem jogħla ta' kunfidenza u kunsens xjentifiku dwar ir-realtà ta' tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem u l-konsegwenzi tiegħu.

4.2

Sfortunatament kien hemm xi nuqqasijiet proċedurali f’xi wħud mill-aktar ħidmiet reċenti tal-IPCC, li ntużaw mill-mezzi tax-xandir u mix-xettiċi professjonali biex jippruvaw jitfgħu dubju fuq l-evidenza u l-bżonn ta' azzjoni bikrija kontra t-tibdil fil-klima matul is-Summit ta' Kopenħagen. Jidher ċar li l-IPCC jeħtieġ itejjeb il-proċeduri tiegħu sabiex jassigura li l-ħidma tiegħu hija totalment trasparenti u li l-evidenza u l-konklużjonijiet kollha jiġu riveduti fil-fond mill-pari kif irrakkomandat mir-rapport imħejji mill-Kunsill Interakkademiku.

4.3

L-ebda waħda mill-analiżi tal-IPCC ma sfidat il-konklużjonijiet fundamentali, u minkejja l-iżbalji proċedurali tiegħu, il-kunsens xjentifiku internazzjonali dwar ir-realtà tat-tibdil fil-klima u l-kawżi tiegħu jidher li qiegħed dejjem jikber. Il-gvernijiet minn madwar id-dinja kollha jinsabu konvinti minn dan il-każ bażiku u impenjaw ruħhom, bil-Qbil ta' Kopenħagen, li jżommu ż-żieda medja tat-temperatura globali ghal inqas minn 2 °C. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dik il-konklużjoni u l-espressjoni tar-rieda politika.

4.4

Il-Qbil ta' Kopenħagen jistabbilixxi wkoll qafas sabiex jiġu rreġistrati l-impenji nazzjonali favur it-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta' serra u l-pjani maħsuba sabiex jintlaħqu dawn l-impenji. Wara Kopenħagen, ħafna pajjiżi ressqu d-dettalji tal-pjani u l-impenji attwali tagħhom. Dan huwa utli bħala sinjal li qed tittieħed jew qed tiġi proposta azzjoni f’ħafna nħawi tad-dinja. Iżda l-impenji li saru s’issa ma jwasslux sabiex id-dinja żżomm iż-żieda fit-temperatura taħt iż-2 °C. Anke fl-aħjar każ, l-impenji attwali tal-pajjiżi żviluppati jistgħu jġibu magħhom biss tnaqqis ta' 18 % sal-2020, u dan lanqas biss jilħaq il-limitu baxx tal-istima tal-IPCC, li tgħid li sa dan iż-żmien jeħtieġ tnaqqis ta' bejn 25 u 40 %. Fil-fehma tal-KESE, l-UE għalhekk għandha tidħol għan-negozjati internazzjonali fuq il-bażi li l-impenji nazzjonali attwali jistgħu jitqiesu biss bħala punt tat-tluq u għandha tagħmel ħilitha biex tiċċara u ssaħħaħ l-impenji kull fejn ikun possibbli.

4.5

Il-proċess tan-NU hekk kif tħaddem s’issa qiegħed fil-periklu li jdur fix-xejn. Aktarx li entitajiet oħra jew sistemi oħra ta' negozjar multilaterali jistgħu jkunu importanti għall-bidu, bħall-G20, il-ftehimiet multilaterali, eċċ., li ser ikunu jistgħu jagħtu spinta ġdida lin-negozjati tan-NU billi jipproponu sisien aktar sodi u realistiċi għan-negozjati. Dawn bl-ebda mod m’għandhom jieħdu post in-NU iżda għandhom jintużaw għat-tħejjija tal-ftehimiet fil-qafas tan-NU. Jeħtieġ li jintlaħqu ftehimiet konkreti li jiġu riflessi fil-fatti u fil-politiki, anke jekk dawn il-ftehimiet ma jkoprux għajr aspett wieħed tal-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima jew mal-innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija nadifa jew b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea jista’ jkollha rwol ewlieni x’taqdi billi tiżgura t-trasparenza tan-negozjati u tiżviluppa diplomazija attiva vis-à-vis l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi ż-żgħar.

4.6

F’dan ir-rigward, hemm bżonn li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni konkreta tal-impenji li ħadu l-Istati fil-qafas tal-Qafas ta' Kopenħagen kif ukoll tal-pjan Ċiniż ta' ħames snin u ta' kull leġislazzjoni eventwali Amerikana.

4.7

Dan għandu jwassal lill-Unjoni Ewropea biex teżamina mill-ġdid l-attitudni tagħha, speċjalment fejn tagħti l-impressjoni li trid timponi ftehim vinkolanti li jixbah lil dak li imponiet fuqha nnifisha. Barra minn hekk, wieħed jista’ jieqaf jaħseb dwar in-natura ta' tali ftehim. Meta wieħed jgħid ftehim vinkolanti, ikun qed jimplika l-possibbiltà li tintuża l-forza tal-liġi biex tali ftehim jiġi rrispettat, filwaqt li huwa ċar li m’għandniex il-mezzi neċessarji u li l-imsieħba tagħna ma jriduhx. Aktarx li jkun ħafna aktar adatt li wieħed jitkellem dwar ftehim li jinkludi obbligi preċiżi u kontrollabbli.

4.8

Huwa ċar li għadd ta' pajjiżi kbar għadhom mhumiex lesti jaċċettaw ftehim vinkolanti dwar objettivi ġenerali. F’approċċ ta' “pass pass”, li wieħed jitkellem dwar obbligi preċiżi u kontrollabbli aktarx ikun aktar aċċettabbli għal dawn il-pajjiżi.

4.9

Wisq probabbli ser ikun hemm bżonn ta' ftehimiet aktar konkreti u tekniċi għal kull settur individwali, kif ukoll ftehimiet ta' kooperazzjoni xjentifika u ta' riċerka u naturalment ftehimiet dwar it-trasferimenti tat-teknoloġija u tal-għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, bir-rispett tas-sovranità tagħhom iżda wkoll bil-garanzija li jsir użu tajjeb mill-fondi u l-għajnuniet mogħtija.

5.   F’dan il-kuntest, kif tista’ titħejja bl-aktar mod effikaċi l-konferenza ta' Cancun?

5.1

Qabel kollox, l-Ewropa trid tqiegħed l-affarijiet tagħha f’posthom u turi kif tista’ ssarraf transizzjoni aktar mgħaġġla lejn soċjetà sostenibbli b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju f’suċċess ekonomiku. Bħalissa hemm il-periklu li qed tonqos l-attività fil-programmi li jespandu l-enerġija rinnovabbli u jippromovu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha u li l-industriji innovattivi ġodda tagħna f’dawn is-setturi jitilfu posthom kontra l-kompetizzjoni barranija li qed tiġi inkoraġġuta ħafna fiċ-Ċina, il-Korea ta' Isfel u pajjiżi oħra. L-Ewropa għandha bżonn miżuri aktar b’saħħithom biex jistimolaw l-industriji ewlenin tagħna b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u jġibu l-investiment li jeħtieġu biex jibqgħu f’pożizzjoni kompetittiva fid-dinja. Dan is-settur għandu jingħata appoġġ partikolari fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-programmi ta' rkupru nazzjonali.

5.2

Il-Kummissarju għat-Tibdil fil-Klima u l-Ministri tal-Ambjent tal-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit irrakkomandaw li l-UE għandha tieħu impenn unilaterali li tissikka l-miri tagħha tas-CO2 għall-2020 biex tilħaq tnaqqis ta' 30 % sa dik id-data minflok l-20 % tal-impenn attwali, l-aktar biex toħloq rieda u impenn politiċi biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa u jsir l-investiment neċessarju fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Fil-fehma tal-KESE, il-fatt li, minħabba l-kriżi ekonomika, l-emissjonijiet fl-UE naqsu drastikament mhux raġuni biżżejjed biex ikun hemm mira ogħla ta' tnaqqis, peress li l-emissjonijiet jistgħu jerġgħu jiżdiedu hekk kif tirkupra l-ekonomija. Madankollu, il-KESE jappoġġja t-tnaqqis ta' 30 % jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jippermettu dan mingħajr ma jkun hemm telf fil-kompetittività u sakemm dan ikun marbut mal-miżuri u l-investiment meħtieġa biex jintlaħaq. Fuq kollox l-UE trid issir kredibbli. Il-miri għat-tnaqqis tas-CO2 jridu jkunu kemm ambizzjużi kif ukoll segwiti bil-fatti.

5.3

Fil-livell internazzjonali, jidher li huwa importanti li ssir ħidma prepratorja intensiva fi ħdan entitajiet bħall-G20, li l-membri tagħha huma responsabbli għal 90 % tal-emissjonijiet, sabiex isibu s-sisien għal ftehim minn qabel. Imbagħad, il-kisbiet diplomatiċi għandhom jintużaw fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan l-approċċ għandu jkun trasparenti u għandu jinvolvi kemm jista’ jkun lill-pajjiżi l-anqas żviluppati.

5.4

Imbagħad, jeħtieġ li fil-qafas tan-NU jintlaħaq proċess ta' negozjar anqas kumpless. Bħalma nafu, in-negozjati ta' Kopenħagen kienu kumplessi ħafna u seħħew f’sitt sessjonijiet, li spiss saru b’mod parallel.

5.5

Huwa ta' ħtieġa assoluta li tintuża arkitettura ta' negozjar issemplifikata filwaqt li, jekk ikun hemm bżonn, tiġi abbandunata r-referenza għall-Protokoll ta' Kjoto li, fuq kollox, ikopri biss 30 % tal-emissjonijiet. Naturalment, dan għandu jiġi ppreżentat u spjegat b’mod diplomatiku u mingħajr ma tingħata l-impressjoni li l-pajjiżi ewlenin li huma responsabbli għall-emissjonijiet qed jipprovaw jeħilsu minn kull obbligu u fl-istess ħin jimponu l-obbligi fuq l-oħrajn.

5.6

Jeħtieġ li ssir enfasi fuq xi elementi ewlenin: il-limitazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet b’objettivi ċari, l-għajnuniet xjentifiċi, tekniċi u finanzjarji lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, il-monitoraġġ tal-ftehimiet konklużi fil-passat, u l-kwistjoni partikolari tal-foresti, u dan kollu għandu jsir mingħajr ma d-diskussjoni tingħalaq f’sistemi legali kumplessi li jafu jimbuttaw lil xi wħud u jwasslu sabiex in-negozjati jfallu.

5.7

Il-KESE jaqbel ukoll mal-objettivi speċifiċi ta' negozjar imsemmija fil-punti 3.2 u 3.3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: il-bini ta' qafas tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet u tal-prestazzjoni b’saħħtu u trasparenti, il-mobilizzar tal-finanzjament li jibda malajr għall-ġejjieni qarib, is-sigurtà tal-finanzjament fit-tul għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-twessigħ u t-tisħiħ tas-suq internazzjonali tal-karbonju u r-riforma tal-mekkaniżmu tas-CDM li bħalissa ma jilħaqx il-miri tiegħu b’mod sodisfaċenti.

5.8

Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni dwar il-politika internazzjonali dwar il-klima tinkludi proposti aktar rilevanti u realistiċi. Il-Kummissjoni tagħmel tajjeb tinsisti fuq il-bżonn li jiġi implimentat il-Qbil ta' Kopenħagen. Hija tenfasizza d-direzzjoni “sostenibbli” tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tiddefinixxi t-tkabbir sostenibbli bħala prijorità li tinsab fil-qalba tal-viżjoni għal Ewropa li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, li toħloq impjiegi ekoloġiċi ġodda u li tagħti spinta soda ’l quddiem lill-effiċjenza u s-sigurtà fil-qasam tal-enerġija.

5.9

Tenfasizza wkoll l-importanza li jsir progress dwar id-definizzjoni tas-sistema ta' monitoraġġ, kontroll u verifika, iżda nafu li dan il-punt sab diffikultajiet kbar matul in-negozjati, speċjalment maċ-Ċina. Għalhekk, jeħtieġ li jinstab qafas ċar li ma jidħolx f’kunflitt mas-sentiment ta' indipendenza u ta' dinjità nazzjonali. L-Unjoni Ewropea tista’ taqdi rwol billi tipproponi metodi għall-implimentazzjoni ta' strumenti ta' kejl u ta' kontroll lill-pajjiżi terzi interessati.

5.10

Id-dispożizzjonijiet finanzjarji immedjati stipulati fil-Qbil ta' Kopenħagen għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis. Dan ikun l-aħjar mod biex il-pajjiżi żviluppati jagħtu xhieda tal-bonafidi tagħhom vis-à-vis l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi skont il-ħtieġa jibbażaw fuq inizjattivi li diġà jeżistu.

5.11

Fir-rigward tal-finanzjamenti fuq perijodu twil, il-Kummissjoni tqis li tista’ timmobilizza diversi tipi ta' riżorsi:

dawk iġġenerati mis-suq internazzjonali tal-karbonju; s’issa dan is-suq kien pjuttost sors ta' diżappunt, minn naħa għax mhuwiex wieħed dinji u min-naħa l-oħra għax huwa suq artifiċjali, peress li s-CO2 m’għandu l-ebda valur reali, u għax jista’ jiddeġenera f’suq spekulattiv tad-“drittijiet għat-tniġġis”;

il-kontribuzzjonijiet tas-setturi tat-trasport marittimu u l-avjazzjoni;

il-fondi pubbliċi; iżda kulħadd jaf f’liema stat jinsabu l-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri.

F’dan il-kuntest u minkejja d-diffikultajiet, li nżommu u nirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħna huwa garanzija tal-fiduċja vis-à-vis l-pajjiżi terzi u b’mod speċjali l-pajjiżi foqra. Imbagħad tibqa’ l-problema iebsa ħafna tal-mod kif jiġu allokati dawn il-fondi, il-valutazzjoni tar-rilevanza ta' dawn il-proġetti u li dawn jitlestew b’suċċess.

5.12

Għandu jsir sforz ikbar ukoll fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, u fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, imqar minħabba t-tnaqqis fir-riżorsi fossili likwidi jew tal-gass (żejt u gass). L-għan huwa li r-riżorsi jiġu allokati aħjar sabiex ikun hemm aktar effiċjenza b’tali mod li jintwera li wara d-dikjarazzjonijiet politiċi u l-leġislazzjoni, ir-riżorsi neċessarji għall-azzjoni konkreta fil-fatt qegħdin jiġu mmobilizzati. Huwa inkwetanti ħafna li proġetti futuri li huma tant essenzjali bħall-Galileo jew l-ITER qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' problemi endemiċi ta' fondi.

5.13

Sabiex tappoġġja l-isforzi diplomatiċi tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha timmobilizza wkoll is-soċjetà ċivili organizzata sabiex iċ-ċittadini jsiru konxji tal-bżonn li s-soċjetà tagħna għandha timxi lejn inqas ħela ta' riżorsi naturali, aktar użu tar-riżorsi sostenibbli u attitudni personali aktar ċivika.

Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON