|
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/37 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Strateġija Ewropea dwar vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti”
COM(2010) 186 finali
2011/C 51/08
Relatur Ġenerali: is-Sur MORGAN
Nhar it-28 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Strateġija Ewropea dwar vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti
COM(2010) 186 finali.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċidiet li tivvota dwar din l-opinjoni waqt is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, u ħatret lis-Sur MORGAN bħala relatur ġenerali skont l-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’183 vot favur, u 14-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE dwar vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti. Din se tindirizza t-tħassib tal-KESE dwar it-tnaqqis tal-idrokarburi, l-emissjonijiet tal-karbonju u t-tniġġis atmosferiku. Huwa essenzjali li l-istrateġija tkun olistika. Xejn mhu mirbuħ jekk it-tniġġis u l-emissjonijiet jiġu sempliċement trasferiti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-produzzjoni tal-vetturi, jew jekk l-istrateġiji bijoloġiċi jwasslu għal danni bijoloġiċi bħad-deforestazzjoni. Il-konformità tal-UE mal-miri ta’ Kyoto ġiet kompromessa mit-trasport bit-triq; din l-istrateġija ilha mistennija.
1.2 Fl-għoxrin sena li ġejjin il-vetturi mħaddma minn magni ta’ kombustjoni interna (ICVs) ser ikunu għadhom l-aktar mod ta’ transport importanti, u għalhekk il-KESE jistenna li l-istrateġija tkun ta’ inċentiv għal teknoloġija rivoluzzjonarja għall-ICVs, kif ukoll għall-forom aktar innovattivi ta’ propulsjoni. Għadu kmieni wisq biex jittieħdu deċiżjonijiet definittivi dwar it-teknoloġija. F’dan l-istadju rridu nħallu l-iżvilupp iseħħ.
1.3 L-istrateġija għandha żżid il-kompetittività globali tal-industrija tal-karozzi tal-UE. Ir-regolamenti għandhom jiżguraw li l-vetturi jsiru progressivament nodfa u effiċjenti, iżda l-kompetittività tal-ġejjieni ser tiddependi wkoll minn innovazzjoni radikali tal-ICV fil-karozzi, karozzi tal-linja u HGVs (vetturi ta’ merkanzija tqila), flimkien mal-iżvilupp tal-vettura elettrika.
1.4 L-iżvilupp tal-vettura elettrika ilu jeżisti bħala ambizzjoni għal aktar minn mitt sena, iżda kwistjonijiet varji, b’mod speċjali t-tul tal-ħajja tal-batterija, wasslu biex il-vettura elettrika ma tkunx alternattiva vijabbli għall-ICVs. Il-kwistjoni ambjentali biddlet ir-regoli bażiċi. Iktar ma jkunu qed jiġu użati vetturi elettriċi, iktar se tkun tajba l-prestazzjoni ambjentali kemm tal-fabbrikanti kif ukoll tal-utenti. Fl-istess ħin, ICVs żgħar jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konġestjoni urbana.
1.5 F’Lulju l-KESE approva opinjoni tas-Sur Osborn – CESE 429/2010 fin – “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi”. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dik l-opinjoni ġew adegwatament indirizzati mill-Istrateġija.
1.6 Din hija strateġija tal-UE, iżda s-suċċess tagħha jiddependi mill-politiki tal-gvernijiet nazzjonali u lokali tal-Istati Membri, mill-kapaċità industrijali tagħhom u mill-affluwenza u l-attitudnijiet tal-konsumaturi tagħhom. Huwa inevitabbli li l-implimentazzjoni ser tipproċedi b’rati differenti ta’ veloċità, peress li l-Istati Membri jinsabu f’punti ta’ tluq differenti. Huwa essenzjali li l-aktar bliet u stati avvanzati jkunu kapaċi jilqgħu l-isfida tal-Istati Uniti u l-Asja.
1.7 Is-soċjetà Ewropea għandha tkun involuta fix-xogħlijiet biex l-istrateġija taħdem. Id-Direttiva 2009/33/KE tinvolvi lis-settur pubbliku, filwaqt li l-Kumpaniji fis-settur privat huma involuti permezz tar-rapporti ambjentali tagħhom. Individwi li jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri, kemm għal karozzi personali u kemm għal karozzi tal-kumpanija, għandhom jirċievu taħlita ta’ inċentivi u diżinċentivi finanzjarji sabiex dawn jiġu attratti lejn vetturi b’enerġija nadifa u effiċjenti.
1.8 Peress li ħafna mit-trasport użat mill-istituzzjonijiet tal-UE huwa għal vjaġġi qosra fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu, il-KESE jemmen li hemm opportunità għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżviluppaw pjan tat-trasport eżemplari li jkun nadif u effiċjenti.
1.9 Il-KESE jenfasizza l-livell tal-investiment meħtieġ fin-netwerks ta’ distribuzzjoni u faċilitajiet fiżiċi tal-ġejjieni sabiex jissostitwixxi triljuni ta’ dollari li ġew investiti fl-ekonomija tal-idrokarburi.
1.10 Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin meħudin mit-taqsima 5 hawn isfel:
|
1.10.1 |
L-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-ICV u r-riċerka u l-iżvilupp għal vetturi żgħar innovattivi u sistemi ta’ produzzjoni rivoluzzjonarji u għandhom ineħħu l-ostakli għad-dħul fis-suq. |
|
1.10.2 |
Miri simili għal dawk li hemm fis-seħħ għal fabbrikanti tal-karozzi għandhom japplikaw ukoll għal vetturi ta’ strapazz. |
|
1.10.3 |
Għandhom jiġu appoġġjati b’mod konsistenti l-programmi għal HGVs u karozzi tal-linja b’enerġija nadifa u effiċjenti sakemm il-vetturi jkunu kompetittivi fis-suq globali. |
|
1.10.4 |
Peress li l-bijokarburanti huma mistennija li jissodisfaw 7 % tal-ħtiġijiet tal-karburant tal-UE sal-2020, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma din il-mira jew timmodifika l-politika tagħha. |
|
1.10.5 |
L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-fabbrikanti u lill-utenti potenzjali biex jinnovaw b’karburanti alternattivi f’forma ta’ gass. |
|
1.10.6 |
L-Istati Membri għandhom jagħtu inċentiv għal adozzjoni bikrija tal-EVs sabiex id-distribuzzjoni tal-EVs fl-UE ma tibqax lura wara reġjuni oħra. |
|
1.10.7 |
Fabbrikanti kbar tal-karozzi għandhom jitħeġġu jibdew u jiżviluppaw il-produzzjoni tal-batterija fl-Ewropa. |
|
1.10.8 |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-korpi dwar l-istandards jieħdu azzjoni malajr fir-rigward tal-EV. |
|
1.10.9 |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex ikunu żgurati provvisti futuri ta’ elementi terrestri rari u skarsi u metalli nobbli. |
|
1.10.10 |
L-istrateġija fuq medda twila ta’ żmien għall FCVs (Fuel Cell Vehicles) li jaħdmu bl-idroġenu għandha tinkludi għażliet oħra fil-każ li l-FCVs ma jirriżultawx vijabbli. |
|
1.10.11 |
L-awtoritajiet pubbliċi, l-impriżi tas-servizz pubbliku u kumpaniji pubbliċi u privati kbar għandhom joperaw skont linji gwida u miri għall-konsum u l-emissjonijiet tal-karburant. |
|
1.10.12 |
Għandha tiġi stabbilita gwida għall-kriterji varji li għandhom jintużaw għall-akkwist skont id-Direttiva 2009/33/KE. |
|
1.10.13 |
Ir-rappurtaġġ tal-kumpaniji pubbliċi u privati dwar l-użu tal-idrokarburi għandu jiġi mmodifikat sabiex jidentifika l-kontenut tat-trasport. |
|
1.10.14 |
Il-pjan ta’ azzjoni globali ma jinkludix komponent li jirrigwarda d-WTO. |
|
1.10.15 |
Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili b’impenn lejn kwistjonijiet ambjentali għandhom ikunu inklużi fil-grupp ta’ livell għoli ġdid CARS21. |
|
1.10.16 |
Hekk kif l-UE tirfina l-approċċ tagħha għall-istrateġija industrijali, l-industrija tal-karozzi għandha tkun wieħed mill-ewwel setturi indirizzati. Jeħtieġ li l-UE tistabbilixxi struttura b’saħħitha ta’ governanza b’missjoni urġenti biex tingħata spinta ’l quddiem lill-bidliet regolatorji u l-miżuri ta’ inċentiv u biex jiġu mobilizzati l-investiment meħtieġ u l-ħolqien tas-suq. |
|
1.10.17 |
L-UE ma tistax tibqa’ lura. Il-Kummissarji involuti jridu jaġixxu flimkien filwaqt li l-pajjiżi, il-kumpaniji u l-faċilitajiet tar-riċerka bir-riżorsi meħtieġa jridu jieħdu azzjoni b’mod urġenti. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa sejħa għall-azzjoni. |
2. Introduzzjoni
2.1 L-istrateġija tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi qafas ta’ politika adegwat u newtrali mil-lat tat-teknoloġija. Fuq medda qasira ta’ żmien din hija msejsa fuq żewġ binarji, u tinvolvi kemm il-magni ta’ kombustjoni interna (ICVs) kif ukoll vetturi tal-elettriku tal-batterija (EVs).
2.2 L-istrateġija tal-ICV hija fiha nnifisha wkoll imsejsa fuq żewġ binarji. Din teħtieġ aktar titjib tal-magni konvenzjonali bil-petrol u d-diesel, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ karburanti alternattivi li jinkludu kemm il-bijokarburanti likwidi kif ukoll karburanti f’forma ta’ gass. Il-karburanti f’forma ta’ gass jeħtieġu ICVs modifikati, b’sistema apposta ta’ ħażna tal-karburant fuq il-vettura u netwerk adegwat ta’ riforniment; il-bijokarburanti ma jeħtiġux dan.
2.3 L-istrateġija tal-EV tinkludi vetturi tal-elettriku tal-batterija (EV) bħalma hija n-Nissan Leaf, vetturi ibridi tal-elettriku (HEV), bħalma hi t-Toyota Prius, u vetturi ibridi ta’ pplaggjar (PHEV) bħalma hi x-Chevrolet Volt. L-HEV mhijiex vettura tal-elettriku veru u proprja għaliex din ma tistax tiġi mqabbda ma’ sors tal-elettriku.
2.4 Jekk ir-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġija tal-idroġenu fl-aħħar mill-aħħar tkun ta’ suċċes, il-vettura tal-elettriku finali ser titħaddem minn ċelluli tal-idroġenu – il-FCV (Fuel Cell Vehicle).
3. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-vetturi ekoloġiċi tal-Kummissjoni (Il-Pjan ta’ Azzjoni)
3.1 Il-qafas regolatorju
|
— |
Approvazzjoni skont it-tip għall-vetturi b’żewġ roti u bi tlieta u għall-kwadriċikli. |
|
— |
L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi sal-2011. |
|
— |
Il-kummerċjalizzazzjoni tal-“bonus ekoloġiku” tal-vetturi. |
|
— |
Regolazzjoni tal-konsum tal-karburant ta’ sistemi mobbli ta’ arja kondizzjonata. |
|
— |
Miżuri addizzjonali fuq emissjonijiet tas-CO2 u t-tniġġis. |
|
— |
Reviżjoni taċ-ċiklu tat-test sabiex jitkejlu l-emissjonijiet. |
|
— |
Inventarju tal-miżuri li joffru benefiċċji ambjentali. |
|
— |
Direttiva emendata dwar l-emissjonijiet tal-ħoss. |
|
— |
Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti. |
|
— |
Strateġija għal vetturi ta’ strapazz b’enerġija nadifa u effiċjenti. |
3.2 Ir-riċerka u l-innovazzjoni
|
— |
Titjib tal-magni konvenzjonali, lokomottivi tal-elettriku, teknoloġiji tal-batteriji u teknoloġiji tal-idroġenu. |
|
— |
Regoli semplifikati għal għotjiet għar-riċerka. |
|
— |
Strateġija ta’ riċerka fit-tul. |
|
— |
Appoġġ mill-BEI. |
3.3 Id-dħul fis-suq
|
— |
Linji gwida dwar inċentivi finanzjarji. |
|
— |
Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija. |
|
— |
Gwida lill-Istati Membri dwar it-tassazzjoni fuq il-vetturi. |
|
— |
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti. |
|
— |
Riċerka dwar dak li l-konsumatur jistenna u kif jiddeċiedi meta jixtri. |
|
— |
Direttiva emendata dwar it-tikkettar tal-karozzi. |
|
— |
Proġett ta’ wiri tal-elettromobilità. |
3.4 Kwistjonijiet globali
|
— |
Kooperazzjoni internazzjonali, b’mod speċjali l-istandardizzazzjoni. |
|
— |
Regolamentazzjoni armonizzata tal-UNECE. |
|
— |
Inizjattiva dwar il-materja prima fir-rigward ta’ elementi terrestri rari u metalli nobbli. |
3.5 L-impjieg
|
— |
Il-Kunsill Ewropew għall-Ħiliet Settorjali. |
|
— |
Il-Fond Soċjali Ewropew. |
3.6 Ir-reviżjoni intermedjarja tal-leġislazzjoni dwar l-emissjonijiet
|
— |
L-istandards tal-emissjonijiet għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri fil-prospettiva tal-2020 u l-2030. |
|
— |
It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi kummerċjali żgħar fil-prospettiva tal-2013 u l-2020. |
4. L-azzjonijiet speċifiċi għall-vetturi tal-elettriku
4.1 Is-sigurtà
|
— |
Rekwiżiti tas-sigurtà elettrika. |
|
— |
Rekwiżiti tas-sigurtà f’każ ta’ kolliżjoni. |
4.2 L-istandardizzazzjoni ta’ interface ta’ ċċarġjar
|
— |
L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istandard. |
|
— |
Interazzjoni mal-iżvilupp tal-istandards globali. |
4.3 L-Infrastruttura
|
— |
Infrastruttura ta’ riforniment. |
|
— |
Investiment fl-infrastruttura u s-servizzi. |
4.4 Ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku
|
— |
L-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja. |
|
— |
Sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju. |
|
— |
Il-ġestjoni tat-togħbija. |
4.5 Batteriji
|
— |
Vetturi fi tmiem ħajjithom/riċiklar ta’ batteriji. |
|
— |
Riċerka dwar il-batteriji. |
|
— |
It-trasport tal-batteriji. |
4.6 Governanza
|
— |
Tnedija mill-ġdid tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 sabiex jindirizza l-ostakli għad-dħul fis-suq tat-teknoloġiji alternattivi. |
|
— |
Il-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima (ECCP) – għandha tiġi implimentata strateġija dwar it-tnaqqis tas-CO2. |
|
— |
White Paper dwar il-politika Ewropea tat-trasport. |
|
— |
Is-Suq Intern – tiġi evitata l-frammentazzjoni u tiġi żgurata l-massa kritika. |
5. Il-Fehma tal-KESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni
5.1 It-titjib tal-ICVs konvenzjonali
5.1.1 Il-KESE jappoġġja t-titjib tal-ICVs u, b’mod partikolari, il-miżuri relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 u t-tniġġis, ir-reviżjoni taċ-ċiklu tat-test sabiex jitkejlu l-emissjonijiet, it-titjib fir-riċerka u l-iżvilupp tal-magni konvenzjonali, l-inklużjoni ta’ vannijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti u r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-leġislazzjoni dwar l-emissjonijiet.
5.1.2 Materjali avvanzati joffru ambitu ta’ applikazzjoni wiesa’ għall-innovazzjoni fit-tfassil u l-produzzjoni ta’ karozzi żgħar. Issa qed jemerġu proċessi ġodda ta’ produzzjoni rivoluzzjonarji bbażati fuq l-użu ta’ dawn il-materjali. Fl-industrija tal-karozzi qed tiġi stimulata formazzjoni ġdida tal-kumpaniji. Dan qed joffri sfida lill-atturi stabbiliti. Innovazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu sostnuti minn appoġġ ta’ riċerka u żvilupp u parteċipanti ġodda għandhom jiġu assistiti mill-applikazzjoni rigoruża tal-liġi tal-kompetizzjoni għall-industrija tal-karozzi.
5.1.3 Il-KESE huwa sodisfatt li l-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka fuq il-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ta’ strapazz. Kwalunkwe pjan għandu jindirizza din il-parti tas-suq, ibda mill-karozzi tal-linja, vetturi ta’ merkanzija tqila u vetturi bi skop speċjali bħalma huma dawk għall-ġbir tal-iskart. Miri simili għal dawk li hemm fis-seħħ għal fabbrikanti tal-karozzi għandhom japplikaw ukoll għal vetturi ta’ strapazz u, bħal fil-każ tal-karozzi, dawn għandhom jiġu estiżi għall-utenti.
5.1.4 B’ammont daqshekk kbir ta’ fabbrikanti ta’ vetturi ta’ strapazz fl-Ewropa, hemm skop għal kooperazzjoni kostruttiva bejn l-utenti u l-produtturi biex jiġu żviluppati vetturi ġodda u innovattivi. Diġà hemm eżempji fl-Asja, l-Amerka u l-Ewropa ta’ proġetti pijunieri bħalma huma karozzi tal-linja b’emissjoni baxxa ta’ karbonju (LCEB) li jużaw 30 % inqas karburant u jipproduċu 35 % inqas CO2. Vetturi ibridi idrawliċi (HHVs), li s-sors tal-enerġija tagħhom ġej mill-ibbrejkjar, jistgħu jkunu 30 % aktar effiċjenti u jaħdmu tajjeb ħafna f’applikazzjonijiet “stop-start” bħall-ġbir tal-iskart. Hemm ħafna proġetti elettriċi ibridi. Għadd ta’ Stati Membri qed jużaw kapital tal-bidu sabiex jappoġġjaw dan it-tip ta’ innovazzjoni, ħafna drabi sussidjat minn vetturi sperimentali. Programmi ta’ dan it-tip għandhom ikunu appoġġjati konsistentement sakemm vetturi kompetittivi jibdew jiġu prodotti u sakemm jibdew jintalbu ordnijiet ta’ esportazzjonijiet ta’ vetturi prodotti fl-Ewropa.
5.2 Karburanti alternattivi ICV
5.2.1 Ġie rrappurtat li l-programm tal-bijofjuwils tal-Kummissjoni huwa konfuż. Il-qagħda preżenti ġiet karatterizzata bħala gwerra fejn l-esperti tal-agrikoltura tal-Kummissjoni Ewropea tqiegħdu kontra l-esperti tagħha dwar il-klima, u l-lobbies Ewropej tas-setturi tal-karozzi u l-bidja kontra l-ambjentalisti. Id-dibattitu jinvolvi l-kunċett relattivament ġdid ta’ “bdil indirett fl-użu tal-art”. Dan jiffoka fuq l-impatti potenzjali fuq l-ambjent globali li jistgħu jiġu kkawżati mill-bdil fl-użu tal-art meħtieġ biex jiġu pprovduti l-uċuħ tar-raba’ biex jiġu ssodisfati l-miri tal-bijokarburanti tal-UE. Peress li l-bijokarburanti huma mistennija li jissodisfaw 7 % tal-ħtiġijiet tal-fjuwil tal-UE sal-2020, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma jew timmodifika l-politika tagħha. Il-politika tista’ tkun vijabbli bis-sħiħ biss meta t-teknoloġija fl-aħħar tipproduċi t-tieni ġenerazzjoni ta’ bijokarburanti.
5.2.2 Il-Komunikazzjoni tenfasizza r-restrizzjonijiet li japplikaw għall-karburanti alternattivi f’forma ta’ gass bħalma huma l-LPG, is-CNG u l-Bijogass. Il-magni tal-vetturi u t-tankijiet tal-fjuwil iridu jiġu mmodifikati u jinħtieġu faċilitajiet ta’ riforniment aċċessibbli. Madankollu, dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati meta flotot ta’ vetturi joperaw fil-viċinanza ta’ depot. Xi kumpaniji privati u bosta awtoritajiet pubbliċi u impriżi ta’ servizz pubbliċi jistgħu jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet. L-Istati Membri, apparti jirrikjedu lill-awtoritajiet u l-kumpaniji pubbliċi biex jintroduċu programmi ta’ vetturi b’enerġija nadifa u effiċjenti, għandhom iħeġġu lill-fabbrikanti u lill-utenti potenzjali biex jinnovaw dan il-qasam sabiex jilħqu l-miri tagħhom.
5.3 EV, HEV, PHEV
5.3.1 L-opinjoni tas-Sur Osborn kienet viżjonarja. Din iddefinixxiet il-prekondizzjonijet għal bidla sostanzjali minn ICVs għal EVs fis-suq għall-karozzi privati. Ir-realtà hi li din il-bidla mhux se sseħħ f’qasir żmien, u għalhekk jeħtieġ li l-kampanja favur karozzi ekoloġiċi jkollha bażi aktar wiesgħa.
5.3.2 Kif urew Bain & Company, l-EVs huma l-iPhones tal-industrija tal-karozzi. Qabel ma ġie vvintat l-iPhone, l-utenti tal-mowbajl kienu jinkwetaw dwar il-ħajja tal-batterija. Peress li l-applikazzjonijiet tal-iPhone huma rivoluzzjonarji, l-utenti aċċettaw li l-mowbajls tagħhom iridu jiġu ċċarġjati kuljum. L-esperjenza tal-EV tant hija differenti milli meta ssuq ICV li dawk li adottaw EV minn kmieni mhumiex mistennija jinkwetaw dwar l-awtonomija limitata tal-EVs u l-PHEVs li deħlin fis-suq fl-2011 u l-2012.
5.3.3 Utenti bikrija ser jixtru EVs bħala t-tieni karozza. Dawn ser jintużaw bħala trasport bit-triq lejn ix-xogħol u lura, biex jitħallew ipparkjati fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, u għall-mobilità fil-viċinat. Il-batterija għandha sservi għal ġurnata sewqan. Il-batterija EV tista’ tiġi ċċarġjata matul il-lejl mill-provvista domestika tal-elettriku fil-garaxx tas-sid.
5.3.4 Jekk il-batterija tista’ tiġi ċċarġjata fil-post tax-xogħol dan jestendi kemm isservi l-batterija f’ġurnata. Ma tinħtieġ l-ebda infrastruttura kumplessa għall-iċċarġjar. Lanqas hemm bżonn ta’ standardizzazzjoni internazzjonali bil-limitazzjonijiet preżenti ta’ kemm isservi l-batterija. Il-piż fuq in-netwerks tal-elettriku għandu jiġi minimizzat permezz ta’ ċarġjar matul il-lejl li jagħmel użu minn elettriku li kieku ma kienx se jintuża matul il-lejl.
5.3.5 Bosta Stati Membri, inklużi r-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja, ser joffru inċentivi ġenerużi lix-xerrejja ta’ karozzi elettriċi. Għalkemm l-EVs, anki wara s-sussidju, ser iqumu aktar mill-ICVs, l-attrazzjoni tat-teknoloġija u l-impenn min-naħa tas-sid li jibdel l-istil ta’ ħajja tiegħu għandhom ikunu biżżejjed biex ikun garantit l-assorbiment tal-volumi inizjali tal-produzzjoni. Il-proprjetarju ser igawdi wkoll minn vantaġġi oħra, bħalma huma l-ipparkjar b’xejn, eżenzjoni mit-taxxa ta’ konġestjoni u inċentivi oħra offruti mill-ambjent urban.
5.3.6 Filwaqt li l-KESE japprova l-proposta biex l-Istati Membri jiġu pprovduti linji gwida għall-inċentivi finanzjarji, huwa jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu inċentiv lill-adozzjoni bikrija sabiex id-distribuzzjoni tal-EVs fl-UE ma tibqax lura wara reġjuni oħra fejn hemm disponibbli wkoll inċentivi simili.
5.3.7 L-iktar komponent importanti f’termini ta’ nefqa ta’ karozza EV huwa l-batterija. Għal min juża l-karozza, il-kwistjonijiet ewlenin huma d-daqs, il-piż, il-kapaċità, is-sigurtà, l-effiċjenza, it-tul tal-ħajja u li wieħed ikun jista’ jiddependi fuqhom.
5.3.8 Il-problema strateġika għall-UE hi li din m’għandha l-ebda fabbrikant kbir ta’ batteriji, għalkemm il-kumpanija Nissan qed tippjana impjanti fir-Renju Unit u l-Portugall. It-teknoloġija tal-batteriji ser issir estremament sofistikata u l-importanza tagħha ser tiżdied peress li ser tkun il-fattur ewlieni li jaffettwa l-prestazzjoni u l-kompetittività tal-vettura. L-Ewropa għandha tkun rappreżentata f’din l-industrija. Il-KESE jirrakkomanda li l-fabbrikanti kbar tal-karozzi jaħdmu flimkien sabiex jibdew u javvanzaw il-produzzjoni tal-batteriji fl-Ewropa. Il-Grupp CARS 21 il-ġdid għandu jikkunsidra dan.
5.3.9 Hemm bosta aspetti tan-negozju tal-batteriji li jeħtieġ li jiġu indirizzati: il-garanziji, is-sostituzzjoni, l-iskambju u l-kiri kif ukoll il-proċeduri ta’ tmiem il-ħajja, x’jista’ jiġi salvat minnhom wara li jispiċċaw, ir-rimi tal-iskart, u l-użu mill-ġdid. Jeħtieġ li l-kumpaniji tal-UE jkunu f’dan in-negozju.
5.3.10 Fuq medda twila ta’ żmien, is-sewwieqa tal-EV ser ikunu jeħtieġu aċċess għan-netwerks ta’ ċċarġjar. L-iskemi fuq firxa ta’ belt sħiħa li qed jibdew pereżempju f’Londra u Pariġi, u l-iskemi fuq firxa ta’ pajjiż sħiħ li qed jiġu żviluppati fid-Danimarka u l-Iżrael għandhom jipprovdu għarfien prezzjuż lill-pjani spjegati fil-punti 4.2 u 4.3 hawn fuq. Minħabba l-impenn taċ-Ċina biex tippromovi l-użu ta’ vetturi elettriċi f’ħamest ibliet, huwa assolutament indispensabbli li l-UE tieħu azzjoni immedjata, b’mod speċjali fir-rigward tal-istandards.
5.3.11 Il-kwistjoni tal-provvista tal-materja prima hija msemmija fil-Pjan ta’ Azzjoni. Il-Ġappun u l-Korea t’Isfel qed jinnegozjaw konċessjonijiet u intrapriżi bi sħab fl-Amerka t’Isfel. Il-Korea t’Isfel għandha investiment ta’ $12 biljun marbut mal-għajnuna fil-Bolivja. M’hemm l-ebda evidenza li l-UE qed tagħmel l-istess. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu mal-kumpaniji tal-minjieri fl-UE sabiex jiżguraw provvisti futuri.
5.4 FCV
5.4.1 L-UE qed tiffinanzja riċerka fl-ekonomija futura tal-idroġenu u l-iżvilupp tal-FCVs. F’opinjonijiet preċedenti l-KESE kien approva l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-idroġenu. Madankollu, skont xi osservaturi, il-kunċett tal-ekonomija tal-idroġenu mhux ser jaħdem. Dawn jindikaw li mhemmx sors prattiku ta’ idroġenu, mhemmx mod tajjeb kif jinħażen l-idroġenu, u mhemmx mod tajjeb kif jitqassam l-idroġenu. Bosta mill-problemi bl-idroġenu ġejjin mill-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tiegħu. Huwa possibbli li t-teknoloġija ma tistax issolvi dawn il-problemi. B’hekk l-istrateġija tal-UE għandha tinkludi għażliet oħra fil-każ li fuq medda twila ta’ żmien l-FCVs jirriżultaw li mhumiex vijabbli. Għadu kmieni wisq biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar it-teknoloġija. F’dan l-istadju rridu nħallu l-iżvilupp iseħħ.
5.5 Is-Settur pubbliku, is-settur privat u l-impenn individwali
5.5.1 Il-fabbrikanti tal-karozzi għandhom miri tal-ekonomija u l-emissjonijiet tal-karburant li japplikaw b’mod ġenerali għall-firxa tal-vetturi li jipproduċu. Il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet pubbliċi, l-impriżi tas-servizz pubbliku u kumpaniji privati kbar għandhom joperaw ukoll skont linji gwida u miri għall-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet. Dan huwa mod kif jingħata inċentiv għall-użu ta’ karburanti alternattivi f’forma ta’ gass , iżda l-opportunità hija ħafna ikbar minn hekk.
5.5.2 Il-KESE japprezza li d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi tat-triq ta’ enerġija nadifa u effiċjenti ser tidħol fis-seħħ lejn l-aħħar tal-2010. Madankollu, il-KESE kien japprezza kieku ġiet stabbilita gwida għall-kriterji varji biex jiġu użati għall-akkwist, kif ukoll proċess li bih dawn il-kriterji jsiru aktar impenjattivi maż-żmien. Dawn il-kriterji għandhom jiġu inkorporati kemm jista’ jkun malajr, u l-KESE jixtieq jarahom fis-seħħ qabel ma sseħħ ir-reviżjoni ppjanata għal sentejn oħra.
5.5.3 Fuq l-eżempju tas-settur pubbliku, il-KESE jixtieq ukoll li r-rappurtaġġ tal-kumpaniji dwar l-użu tal-idrokarburi u l-emissjonijiet tas-CO2 jiġi mmodifikat biex jidentifika l-kontenut tat-trasport sabiex ikun jista’ jitkejjel it-titjib progressiv.
5.6 Kompetittività internazzjonali
5.6.1 Il-qagħda internazzjonali hija diffiċli. L-Amerka, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel kollha għandhom intenzjoni governattiva waħdanija li tiġi sfruttata l-opportunità tat-trasport nadif u effiċjenti. L-UE għandha 27 gvern differenti, kull wieħed għandu kapaċitajiet industrijali u finanzjarji differenti ħafna u livelli differenti ħafna ta’ affluwenza fis-soċjetajiet tagħhom. Peress li t-trasport ekoloġiku huwa radikalment differenti minn dak li kien hemm qabel, dan il-fatt ixejjen il-vantaġġ industrijali u jippermetti li ċ-Ċina tgħaddi lill-Ġappun, b’mod speċjali minħabba li l-industrija taċ-Ċina hija mħarsa minn tariffi ta’ importazzjoni. L-UE ma tistax tibqa’ lura. Il-Kummissarji involuti jridu jieħdu azzjoni flimkien filwaqt li l-pajjiżi, il-kumpaniji u l-faċilitajiet tar-riċerka bir-riżorsi meħtieġa jridu jieħdu azzjoni b’mod urġenti. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa sejħa għall-azzjoni.
5.6.2 Il-paragrafu 3.4, Kwistjonijiet globali, huwa ta’ importanza vitali, iżda ma jinkludix komponent li jirrigwarda d-WTO. F’dawn iċ-ċirkostanzi rivoluzzjonarji ġodda , in-negozju tal-UE jeħtieġ aċċess għas-suq mingħajr ostakli protezzjonistiċi.
5.7 Governanza
5.7.1 Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi mill-ġdid il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21. Ir-rapport imħejji mill-Grupp oriġinali ġie approvat mill-industrija tal-karozzi iżda kien ġie kkritikat mill-gruppi ambjentali li ħassew li dan ma rnexxilux jippreżenta strateġija dwar enerġija nadifa u effiċjenti għal karozzi ġodda. Fil-Grupp ta’ Livell Għoli l-ġdid, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili b’impenn lejn kwistjonijiet ambjentali għandhom jiġu introdotti bħala kontrapiż għall-interessi tal-industrija.
5.7.2 Iċ-Ċina, il-Korea u l-Istati Uniti mixjin ’il quddiem bl-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-investiment f’dan il-qasam. L-Ewropa qiegħda fil-periklu li taqa’ lura, u li ssir vittma tal-konservatiżmu u l-atteġġament ta’ timidezza - li ma jħalluhiex tqis fit-tul - fost l-atturi industrijali stabbiliti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ viżjoni politika u tmexxija min-naħa tal-Gvern. Jekk l-industrija Ewropea trid tevita dan id-destin, jeħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi struttura ta’ governanza b’saħħitha li tintegra mexxejja progressivi tan-negozju, tal-politika u tas-soċjetà ċivili li għandhom objettiv u missjoni urġenti li jmexxu ’l quddiem il-bidliet regolatorji meħtieġa u l-miżuri ta’ inċentiv u li jimmobilizzaw l-investiment u l-ħolqien tas-suq li tant huma meħtieġa.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON