15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/155


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif dwarhom fl-UE: il-Preparazzjoni tal-Foresti għat-Tibdil fil-Klima”

COM(2010) 66 finali

2011/C 48/27

Relatur: is-Sur KALLIO

Korelatur: is-Sur BURNS

Nhar is-17 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Green Paper dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif dwarhom fl-UE: il-Preparazzjoni tal-Foresti għat-Tibdil fil-Klima

COM(2010) 66 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’121 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinnota li:

l-importanza tal-foresti bħala riżorsa naturali rinnovabbli, provveditur ta’ diversi servizzi ekosistemiċi u prerekwiżit għall-benesseri tal-bniedem, hija mistennija tiżdied fid-deċennji li ġejjin;

it-tibdil fil-klima huwa mistenni wkoll jaffettwa l-funzjonijiet bażiċi tal-ekosistema, u b’hekk is-servizzi ekoloġiċi li jagħtu l-foresti;

it-tibdil fil-klima huwa mistenni jkabbar l-inċertezza u jżid il-frekwenza ta’ diversi fenomeni u riskji ambjentali li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, pereżempju l-insetti li jeqirdu r-raba’, il-mard, in-nuqqas ta’ xita, l-għargħar, il-maltempati u n-nirien fil-foresti;

ir-rwol tal-informazzjoni aġġornata dwar il-foresti f’kuntest ta’ kondizzjonijiet fil-ġestjoni tal-forestrija u tar-riċerka fit-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mal-forestrija qed isir dejjem iktar importanti.

1.2

Il-KESE jisħaq li:

għandu jintuża approċċ bilanċjat meta jiġu indirizzati d-diversi funzjonijiet tal-foresti; ma tistax issir enfasi biss fuq il-protezzjoni tal-foresti;

iż-żamma tal-ekosistema u s-servizzi ekoloġiċi bbażati fuqha u l-garanzija tat-twassil ta’ beni pubbliċi oħra jeħtieġu inċentivi finanzjarji u l-għoti tal-informazzjoni lis-sidien tal-foresta u operaturi oħra, bħall-kuntratturi tal-foresti u l-utenti tal-injam, li fil-prattika huma responsabbli għad-deċiżjonijiet rigward il-foresti;

l-effetti sekondarji u multiplikaturi tat-tibdil fil-klima jistgħu jittaffew jekk ikun hemm prevenzjoni tar-riskji u tħejjija minn qabel għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

il-kooperazzjoni bejn l-istati u l-operaturi hija mod importanti ta’ kif jistgħu jiġu kkontrollati l-fenomeni transkonfinali u kif tista’ tittejjeb il-produzzjoni tal-informazzjoni dwar il-foresti.

1.3

Il-KESE jipproponi li r-rwol kruċjali tal-foresti u s-settur tal-forestrija f’ekonomija ekoloġika konsistenti mal-Istrateġija UE2020 għandu jitqies fid-diversi oqsma ta’ politika tal-UE kif ġej:

il-politiki tal-UE dwar il-forestrija, inklużi l-Istrateġija għall-Foresti u l-Pjan ta’ Azzjoni, għandhom jappoġġjaw il-ġestjoni u l-użu attiv tal-foresti u l-kompetittività tal-użu tal-injam u l-prodotti tal-injam li jkunu sostenibbli u jirrispettaw l-ambjent;

il-koordinazzjoni tal-attivitajiet relatati mal-forestrija ma’ setturi u politiki oħra li jaffettwawhom għandha tiġi indirizzata, fost affarijiet oħra bit-tisħiħ tar-rwol tal-Kumitat Permanenti għall-Forestrija u gruppi u kumitati konsultattivi (1) oħra fil-qasam tal-forestrija fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet relatati mal-forestrija fl-UE;

l-ipprezzar tad-diversi servizzi ekosistemiċi u beni pubbliċi għandhom jiġu kkunsidrati fil-politika rurali tal-UE.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni:

tagħti l-eżempju lill-Istati Membri rigward il-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal-forestrija ma’ setturi, politiki, stati viċini u operaturi oħrajn biex jantiċipaw żviluppi futuri u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet;

tappoġġja l-produzzjoni ta’ informazzjoni objettiva dwar is-settur tal-forestrija, pereżempju fil-qafas tas-Sena Internazzjonali tal-Foresti fl-2011, sabiex tissaħħaħ l-aċċettazzjoni tas-settur tal-forestrija fost is-sidien tal-foresti, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali;

tappoġġja l-ħruġ ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-injam u l-prodotti tal-injam, pereżempju l-vantaġġi klimatiċi tagħhom, sabiex jiġu promossi l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli;

tikkummissjona studju dwar id-diversi operaturi involuti fil-ġbir tal-informazzjoni dwar il-foresti u l-informazzjoni li huma jiġbru;

tiżviluppa sistemi ta’ informazzjoni u ppjanar tal-foresti, kif ukoll prattika tajba bbażata fuq dawn is-sistemi, fi sħubija mal-pjattaforma tat-teknoloġija tas-settur tal-forestrija, iċ-ċentri tar-riċerka, l-organizzazzjonijiet nazzjonali u d-diversi operaturi fis-settur tal-forestrija, sabiex tgħinhom jidentifikaw u jirreaġixxu għal bidliet mhux mistennija, bħad-diżastri;

tipprovdi iktar appoġġ lill-Istati Membri u operaturi oħra fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-forestrija sostenibbli, u fil-produzzjoni tal-informazzjoni neċessarja għal dan u fl-armonizzazzjoni tal-ħruġ tal-informazzjoni.

2.   Sfond u objettiv tal-opinjoni

2.1

L-għan ta’ din il-Green Paper huwa li tħeġġeġ dibattitu pubbliku pan-Ewropew u li twassal għal fehmiet dwar il-futur tal-protezzjoni tal-foresti u l-politika tal-informazzjoni, kif ukoll li tipprovdi elementi għal aġġornament potenzjali tal-Istrateġija tal-UE għall-Forestrija, speċjalment fir-rigward tal-kwistjonijiet klimatiċi. Il-kwistjonijiet li tqajmu fil-Green Paper jagħtu segwitu lill-White Paper preċedenti tal-Kummissjoni L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni  (2).

2.2

Il-Green Paper tispjega s-sitwazzjoni ġenerali u l-importanza tal-foresti tal-UE, filwaqt li tippreżenta l-karatteristiċi u l-funzjonijiet speċifiċi tagħhom u tidentifika l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw. Hija teżamina wkoll it-theddid mit-tibdil fil-klima għall-funzjonament tal-foresti u tiddeskrivi l-istrumenti disponibbli għall-protezzjoni tagħhom u s-sistemi ta’ informazzjoni dwarhom.

2.3

Il-kompetenza fi kwistjonijiet relatati mal-politika tal-foresti tinsab l-ewwel nett f’idejn l-Istati Membri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-kompitu ewlieni tal-UE huwa li tikkontribwixxi valur miżjud għall-proġetti u l-programmi nazzjonali tal-forestrija, billi pereżempju ssaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-Istati Membri dwar l-isfidi futuri u tressaq rakkomandazzjonijiet għal intervenzjoni f’waqtha fil-livell tal-UE.

2.4

Ir-riflessjonijiet f’din l-opinjoni jiffokaw fuq kif it-tibdil fil-klima ser ibiddel il-forestrija u l-protezzjoni tal-foresti fl-Ewropa u kif il-politiki tal-UE għandhom jiġu żviluppati b’tali mod li l-inizjattivi tal-forestrija fl-Istati Membri jiġu appoġġjati aħjar. L-opinjoni teżamina wkoll il-mod kif l-UE tista’ tiffaċilita l-ġestjoni ta’ sfidi futuri u liema informazzjoni ser tinħtieġ. F’dan il-kuntest, l-għan tal-protezzjoni tal-foresti tal-UE għandu jkun li jiżgura li fil-ġejjieni l-foresti jkomplu jaqdu l-funzjonijiet produttivi, soċjoekonomiċi u ambjentali kollha tagħhom.

3.   Iż-żamma, l-ibbilanċjar u t-tisħiħ tad-diversi funzjonijiet tal-forestrija (mistoqsija 1)

3.1

Il-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti jagħrfu l-importanza tal-foresti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (3) u ż-żamma tal-bijodiversità (4). Fil-livell pan-Ewropew, u b’konformità mal-Istrateġija tal-Forestrija tal-UE, l-Istati Membri tal-UE ħadu l-impenn li jieħdu approċċ li jibbilanċja d-diversi funzjonijiet tal-forestrija fuq il-bażi tal-ġestjoni sostenibbli tal-forestrija u l-multifunzjonalità (5). Fil-livell tal-UE, id-diversi funzjonijiet tal-foresti ġew ikkunsidrati fl-Istrateġija tal-UE għall-Forestrija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Foresti, kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar l-industriji relatati mal-foresti (6). Fil-livell nazzjonali u reġjonali, il-funzjonijiet tal-foresti jiġu ġestiti, fost oħrajn, permezz ta’ programmi tal-foresti. B’hekk, il-politika qafas tas-settur tal-forestrija b’mod effettiv tappoġġja ż-żamma, l-ibbilanċjar u t-tisħiħ tad-diversi funzjonijiet tal-foresti. Iżda hemm bżonn li jsiru iktar sforzi biex l-attivitajiet relatati mal-forestrija jiġu kkoordinati ma’ setturi u politiki oħrajn li jaffettwawhom. Pereżempju, il-Kumitat Permanenti tal-Forestrija, gruppi u kumitati konsultattivi oħra għall-kwistjonijiet marbuta mal-foresti (7) u l-Grupp tas-Servizzi Interni għall-Forestrija tal-Kummissjoni għandhom il-potenzjal li jwettqu dan. Għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat Permanenti tal-Forestrija fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-forestrija fl-UE. Anke fil-livell nazzjonali għandu jkun hemm koordinazzjoni iktar effiċjenti bejn is-setturi fil-kwistjonijiet tal-forestrija. L-eżempju li tagħti l-Kummissjoni billi tfittex approċċ transsettorjali li jħares ’il quddiem huwa importanti għall-operaturi nazzjonali.

3.2

L-importanza tal-foresti bħala riżorsa naturali rinnovabbli, provveditur ta’ diversi servizzi ekosistemiċi u prerekwiżit għall-benesseri tal-bniedem hija mistennija tiżdied fid-deċennji li ġejjin. Pereżempju, konsumaturi responsabbli (8) diġà jirrappreżentaw sehem sostanzjali tas-suq f’bosta pajjiżi Ewropej. L-użu diversifikat u sostenibbli tal-foresti u l-prodotti u s-servizzi tal-foresti, u l-ġestjoni meħtieġa biex dan jiġi appoġġjat, joħolqu impjiegi, dħul u prosperità f’diversi livelli f’ħafna żoni. Kemm il-foresti u l-industriji tal-forestrija, kif ukoll il-produzzjoni tal-injam, tal-prodotti tal-foresti minbarra l-injam u t-turiżmu tal-foresti, huma partikolarment importanti għall-komunitajiet lokali. Huwa importanti, b’konformità mal-Istrateġija UE2020, li jiġu ggarantiti kondizzjonijiet ta’ ħidma adegwati għas-sidien tal-foresti, il-kuntratturi u l-industrija tal-ipproċessar tal-injam għax il-kompetizzjoni dejjem qed tiżdied għall-art disponibbli għall-produzzjoni tal-injam u għall-injam li jintuża fil-prodotti proċessati u għall-produzzjoni tal-enerġija. Ir-rwol tal-ħiliet tal-informazzjoni qed isir importanti wkoll. Fl-2011, is-Sena Internazzjonali tal-Foresti, toffri opportunità biex tittejjeb l-aċċettazzjoni tas-settur tal-forestrija fost il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali, u biex jiġu appoġġjati l-iżvilupp u l-produzzjoni sostenibbli, billi jiġu enfasizzati l-vantaġġi tal-injam u l-prodotti tal-injam biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima (pereżempju l-ħżin tal-karbonju, konsum inerenti tal-enerġija baxx, l-effiċjenza termali, eċċ.) meta mqabbla ma’ materjali oħra.

3.3

Il-protezzjoni tal-foresti u l-attivitajiet ta’ konservazzjoni b’dimensjoni ambjentali tradizzjonalment kienu ggarantiti bis-saħħa ta’ objettivi strateġiċi u r-regoli, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet imfassla biex jinkisbu dawn l-għanijiet. Tul dawn l-aħħar snin, ir-responsabbiltà għas-servizzi ekosistemiċi u beni pubbliċi oħra nqalbet dejjem iktar lejn is-sidien tal-foresti u l-kuntratturi. Sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet ambjentali, l-operaturi jeħtieġu għarfien u informazzjoni ġdida dwar id-diversi għażliet ta’ intervenzjoni, bħall-proġetti konġunti biex tittejjeb il-kosteffettività, kif ukoll inċentivi finanzjarji oħrajn. L-isfidi jinkludu l-allokazzjoni ta’ valur ekonomiku lill-protezzjoni tal-bijodiversità u l-baċini tax-xmajjar, l-użu tal-ambjent għal finijiet ta’ divertiment jew il-ħżin tal-karbonju.

3.4

Il-foresti u l-prodotti tal-injam għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fir-regolazzjoni tal-klima. Il-kapaċità tagħhom li jaħżnu l-karbonju hija ta’ importanza partikolari. Il-prodotti tal-injam jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu l-prodotti li jinħarġu minn materjali oħra li huma inqas effettivi biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Pereżempju, il-prodotti tal-injam użati fil-bini, fit-tagħmir ta’ ġewwa u l-għamara jipprovdu ħażna ta’ karbonju (carbon sink) fuq perijodu relattivament twil. Sa ċertu punt, il-bijoenerġija mill-injam tista’ tintuża wkoll biex tissostitwixxi l-enerġija mill-karburanti fossili. Bħala parti mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-miri u l-istrumenti ta’ politika jistgħu jintużaw biex jipprovdu inċentivi għall-użu ta’ materjal li jirrispetta l-ambjent, bħall-injam u l-prodotti tal-injam.

3.5

F’dawn l-aħħar snin, il-ħsara wiesgħa mill-maltemp u n-nirien tal-foresti wasslet ukoll għal iktar diskussjonijiet dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-ekosistema tal-foresta u konsegwentement dwar l-attivitajiet tal-forestrija. L-importanza tal-foresti fir-regolazzjoni lokali u reġjonali tal-klima u l-ħamrija tvarja minn post għal ieħor. Is-sensibilizzazzjoni dwar dan ir-rwol kruċjali żdiedet tul dawn l-aħħar snin, hekk kif żdiedu wkoll il-fehim dwar iċ-ċiklu tal-ilma u l-esperjenza bil-problemi tar-reġjuni niexfa.

4.   L-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti u s-settur tal-forestrija (mistoqsija 2)

4.1

It-tibdil fil-klima huwa mistenni jkabbar l-inċertezza u jżid ir-riskju ta’ diversi impatti ambjentali, pereżempju l-insetti li jeqirdu r-raba’, il-mard, in-nuqqas ta’ xita, l-għargħar, il-maltempati u n-nirien fil-foresti. Sfida oħra tinħoloq mill-globalizzazzjoni u t-trasport relatat tal-prodotti tal-injam u l-materjal għar-riproduzzjoni tal-foresti, li jħaffef, pereżempju t-tifrix tal-insetti ’l barra miż-żona naturali tagħhom. Jekk ir-riskji ambjentali li jaffettwaw lill-foresti u lis-settur tal-forestrija jsiru realtà, ser ikun hemm ħafna konsegwenzi soċjali u ekonomiċi. L-effetti ekonomiċi jistgħu jkunu dovuti għall-bidliet fil-valur tal-assi u fil-kondizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji. L-effetti soċjali jistgħu jkunu diretti, bħat-tibdil fil-kondizzjonijiet tal-għajxien li jinħolqu mill-ħsara lill-foresta, jew indiretti, bħall-effetti sekondarji soċjali mill-bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika tal-operaturi fiż-żona affettwata. Il-ħeffa li biha jinħolqu r-riskji ambjentali ġġib magħha sfidi partikolari, pereżempju fis-swieq u l-loġistika. Hemm bżonn iktar informazzjoni dwar l-effetti potenzjali sabiex titnaqqas l-inċertezza u jiġi ġestit ir-riskju fil-kuntest tat-tibdil fil-klima.

4.2

Minħabba l-abbundanza ta’ riżorsi u l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-foresta huwa possibbli li l-foresti tal-Ewropa jadattaw għal diversi bidliet. Madankollu, jeżistu differenzi reġjonali sostanzjali fl-Ewropa minħabba d-differenzi fl-ambjent naturali u fatturi soċjali. Pereżempju, ir-riskju ta’ nirien fil-foresti fir-reġjuni niexfa tal-Mediterran huwa mistenni jiżdied b’mod konsiderevoli minħabba l-impatt konġunt tat-tibdil fil-klima u l-attività umana. Jekk in-nixfa tiżdied f’inħawi oħra tal-Ewropa, iż-żoni fejn hemm ħafna siġar tal-arżnu jistgħu jbatu. Jekk ix-xitwa ssir iktar sħuna u mingħajr ġlata f’wiċċ l-art, il-loġistika tal-qtugħ tal-injam issir sfida ikbar. Ir-riskju ta’ ħsara fungali u mill-insetti qed jikber ukoll. F’żoni fejn l-isfruttament tal-potenzjal ta’ qtugħ naqas, jista’ jkun hemm ħsara mill-maltemp u konsegwentement mill-insetti. L-implikazzjonijiet ekonomiċi għas-sidien tal-foresti u l-ekonomiji lokali jistgħu jkunu sostanzjali, u d-diversità tal-foresti tista’ tiddeterjora. Ambjent ta’ negozju li jinbidel jista’ jwassal għal bidliet fil-vantaġġ relattiv tar-reġjuni differenti u b’hekk fit-tqassim tax-xogħol bejn ir-reġjuni u fis-soċjetà.

4.3

L-effetti sekondarji dannużi tat-tibdil fil-klima jistgħu jiġu evitati bis-saħħa ta’ pjan ta’ kontinġenza. Il-previżjoni sistematika hija utli kemm biex jiġu evitati effetti mhux mixtieqa kif ukoll biex jiġu antiċipati l-bidliet mhux mistennija u d-diżastri naturali. It-tfassil ta’ miżuri ta’ aġġustament u prevenzjoni ibbażati fuq il-previżjoni fil-livelli differenti qed isir dejjem iktar importanti. Huwa importanti wkoll li l-politiki u l-korpi tal-UE relatati mal-foresti, bħall-pjattaforma tat-teknoloġija tas-settur tal-forestrija, jappoġġjaw b’mod attiv il-ġestjoni u l-użu tal-foresti u jtejbu l-kompetittività u l-użu sostenibbli ta’ materjali “li jirrispettaw il-klima” bħall-injam.

4.4

L-effetti sekondarji u multiplikaturi tat-tibdil fil-klima jistgħu jittaffew bit-tħejjija minn qabel għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, pereżempju billi jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ rispons bħal pjani ta’ ġestjoni tal-kriżi, tagħmir u prattika tajba. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, huwa importanti b’mod partikolari li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-impjiegi.

5.   Strumenti disponibbli għall-protezzjoni tal-foresti (mistoqsija 3)

5.1

Hemm bażi legali soda u varjetà ta’ strumenti għall-protezzjoni tal-foresta, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE. Minbarra l-protezzjoni tas-sit tradizzjonali, qed jintużaw diversi restrizzjonijiet maniġerjali jew rekwiżiti għall-għoti tal-permessi. Il-problema tas-settur tal-forestrija hija li r-regoli u l-istrumenti huma fframmentati, u dan joħloq irduppjar u nuqqas ta’ qbil potenzjali.

5.2

Il-miżuri ta’ protezzjoni bbażati fuq mekkaniżmi volontarji wrew li huma kosteffettivi, speċjalment fil-każ ta’ impriżi żgħar tal-forestrija. Iżda l-implimentazzjoni ta’ dawn l-approċċi tfisser li l-ħiliet u t-tagħrif jiġu ttrasferiti lis-sidien tal-foresti u li l-ispejjeż tal-attività volontarja tal-protezzjoni u t-telf tad-dħul ikollhom jiġu koperti kompletament.

5.3

L-ikbar inċertezza bħalissa hija d-diversità tal-foresti barra miż-żoni protetti, billi m’hemmx biżżejjed tagħrif dwarhom. Barra minn hekk, il-miri għaż-żieda fl-użu tal-bijomassa għall-enerġija rinnovabbli jistgħu jkollhom implikazzjonijiet għall-ġestjoni tal-foresti u t-tnaqqis tal-prezzijiet, u b’hekk għad-diversità wkoll.

6.   Il-ġestjoni u l-użu tal-foresti (mistoqsija 4)

6.1

Is-settur tal-forestrija fl-Ewropa tipikament ikollu perijodu ta’ rotazzjoni twil, b’tali mod li, pereżempju, l-impatt tat-tekniki l-ġodda tal-ġestjoni tal-foresti jsir ċar biss wara għadd ta’ deċennji. Il-kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi b’hekk qed iżidu d-domanda għat-tekniki ġodda tas-silvikultura u tal-ħsad fil-foresti kummerċjali, bħall-kultivazzjoni tal-injam għall-enerġija b’rotazzjoni qasira jew it-tnaqqis tad-densità fil-foresti maturi. Il-kondizzjonijiet ekoloġiċi stess, bħat-tibdil fil-klima jistgħu jsaħħu l-impatt ambjentali tat-tekniki ġodda għall-ġestjoni tal-foresti. L-istat tal-foresti u l-bidliet li qed isirulhom qed jiġu mmonitorjati kontinwament fil-kuntest tal-adattament tal-ġestjoni tal-foresti, sabiex din tittejjeb kemm ikun hemm bżonn biex tindirizza l-objettivi aħjar. Id-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni u l-użu tal-foresta jittieħdu mis-sidien tal-foresta, li għalhekk ikunu jeħtieġu l-informazzjoni dwar l-għażliet maniġerjali disponibbli u l-impatti potenzjali tagħhom. L-ippjanar tal-foresti mis-sidien tagħhom huwa waħda mill-possibbiltajiet biex isir pass ’il quddiem.

6.2

Mod kif jistgħu jiġu appoġġjati l-isforzi għall-preservazzjoni tad-diversità tal-ġabra ġenetika (gene pool) tal-materjal riproduttiv tal-foresta biex jiġi żgurat l-adattament tagħha għat-tibdil fil-klima huwa li s-sistema tal-kriterji u l-indikaturi tiġi adattata għall-forestrija sostenibbli għal dan il-għan.

7.   Kemm hija adegwata l-informazzjoni dwar il-foresti (mistoqsija 5)

7.1

Il-ħruġ ta’ tagħrif dwar il-foresti tal-Ewropa huwa maqsum bejn tliet atturi prinċipali:

il-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha u l-proġetti ffinanzjati minnhom;

il-korpi nazzjonali tar-riċerka u l-istatistika;

il-kumpaniji u l-operaturi fis-settur tal-forestrija.

7.2

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri ġeneralment għandhom il-kompetenza fil-kwistjonijiet li jikkonċernawhom, u r-rwol tal-UE huwa li tipprovdi valur miżjud bis-saħħa tal-azzjoni konġunta. Il-korpi nazzjonali tar-riċerka u l-istatistika bħall-inventorji pubbliċi tal-foresti u l-uffiċċji tal-istatistika jiġġestixxu l-produzzjoni tal-informazzjoni dwar il-foresti meħtieġa għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politika tal-forestrija. L-informazzjoni attwali tal-UE dwar il-foresti tkopri l-kondizzjoni tal-foresti, u f’xi każijiet, il-produzzjoni u l-użu aħħari tal-injam, bħal data dwar prodotti tal-injam. Dawn il-korpi nazzjonali għandhom ukoll responsabbiltajiet relatati mal-istatistika internazzjonali. L-Eurostat huwa nkarigat mill-istatistika tal-UE dwar ir-riżorsi tal-foresti u l-istatistika tal-produzzjoni tal-injam u l-kontribut tal-UE għall-istatistika globali, bħall-kompilazzjoni u l-armonizzazzjoni tad-data nazzjonali (9). Il-Kummissjoni appoġġjat ukoll il-korpi nazzjonali fl-armonizzazzjoni tad-data tagħhom fil-kuntest tal-kumitati internazzjonali (10). Kemm ir-rekwiżiti tal-istatistika armonizzata kif ukoll id-differenzi nazzjonali u reġjonali fil-kontenut tal-informazzjoni bħall-indikaturi tad-diversità għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi standardizzata l-istatistika. Il-Kummissjoni ħolqot sistemi ta’ monitoraġġ għall-fenomeni b’impatt transkonfinali bħas-saħħa tal-foresti (11) u n-nirien fil-foresti (12), kif ukoll sistemi konġunti Ewropej għat-tagħrif u l-komunikazzjoni (13).

7.3

Is-sidien tal-foresti u partijiet oħra interessati fis-settur tal-forestrija ġeneralment jiksbu t-tagħrif dwar l-attivitajiet tagħhom, jew li huma jappoġġjaw, mill-organizzazzjonijiet nazzjonali tar-riċerka u l-istatistika jew mis-settur privat. Is-sidien tal-foresti u operaturi oħra fis-settur tal-forestrija jipproduċu u jaħżnu t-tagħrif fis-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom li jaħdmu f’ħin reali. L-informazzjoni aġġornata dwar il-foresti qed issir dejjem iktar importanti f’kuntest ta’ kondizzjonijiet kummerċjali li qed jinbidlu u aġġustamenti fil-ġestjoni tal-forestrija.

7.4

L-Istati Membri jvarjaw fir-rigward ta’ kemm ikun sħiħ, preċiż u aġġornat it-tagħrif tagħhom dwar il-foresti. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jistgħu joħorġu l-informazzjoni dwar il-volum ta’ siġar ħajjin (standing volume) fil-foresti tagħhom kważi kull sena fil-livell nazzjonali. Xi wħud mill-korpi nazzjonali jistgħu jipprovdu wkoll rapporti annwali dettaljati u affidabbli dwar is-saħħa u l-kondizzjonijiet tal-foresti nazzjonali, il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-bilanċ tal-karbonju, il-funzjonijiet protettivi tal-foresti u s-servizzi u l-vijabbiltà tal-foresti ta’ pajjiżhom (14). F’xi pajjiżi tal-UE, in-nuqqasijiet jippersistu fir-rigward tal-kontenut u l-preċiżjoni u l-aġġornament tal-informazzjoni. Bil-għan li tiġi standardizzata l-istatistika internazzjonali, il-Kummissjoni qed tiffinanzja l-proġetti u n-netwerks ta’ kooperazzjoni għar-riċerka u l-iżvilupp (15). Il-lakuni prinċipali f’termini ta’ protezzjoni tal-foresti u t-tibdil fil-klima huma d-diversità fil-foresti barra miż-żoni protetti, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-bijoenerġija, l-istokkijiet u l-ħażniet (sinks) tal-karbonju, inklużi l-prodotti tal-injam, u s-sejba rapida taż-żoni li tkun saritilhom il-ħsara. L-appoġġ għall-operaturi nazzjonali u l-armonizzazzjoni tiegħu għandhom jissaħħu.

7.5

L-isfida biex tinħareġ informazzjoni armonizzata dwar il-foresti fil-livell tal-UE tinsab fl-għadd kbir ta’ operaturi involuti fil-ġbir tad-data. Għalhekk, huwa importanti li jitwettaq studju komprensiv li jiċċara min qed jiġbor id-data u liema data qed tinġabar.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-Grupp Konsultattitv dwar il-Foresti u s-Sufra, il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Politika Komunitarja dwar l-Industrija tal-Forestrija u l-Industrija relatati mal-Forestrija; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/837/KE tad-9.12.1997 li temenda d-Deċiżjoni 83/247/KEE, ĠU L 346, 17.12.1997, p. 95-96.

(2)  COM(2009) 147 finali.

(3)  Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (UNFCCC).

(4)  Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD).

(5)  Forest Europe, Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa (MCPFE).

(6)  COM(2008) 113 finali.

(7)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(8)  Lifestyles of Health and Sustainability (LOHAS).

(9)  Pereżempju, il-Joint Forest Sector Questionnaire (JFSQ) ta’ kull sena, b’kooperazzjoni mal-FAO, l-ITTO u l-UNECE.

(10)  Pereżempju, COST E43 (Harmonisation of National Forest Inventories in Europe: Techniques for Common Reporting).

(11)  Forest Focus Community Scheme 2003-2006/7.

(12)  European Forest Fire Information System (EFFIS).

(13)  European Forest Data Centre (EFDAC) u European Forest Information and Communication Platform (EFICP)).

(14)  Forest Europe jew il-kontribut reġjonali għall-analiżi tar-riżorsi globali tal-foresti (GFRA).

(15)  FUTMON, proġett kofinanzjat minn LIFE+ għall-Iżvilupp u l-Implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Foresti fil-livell tal-UE; kuntratt qafas tal-JRC għall-Pjattaforma E-Foresta; in-netwerk COST, Improving Data and Information on the Potential Supply of Wood Resources: A European Approach from Multisource National Forest Inventories (USEWOOD).