15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/138


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI”

COM(2010) 94 finali – 2010/0064 (COD)

2011/C 48/24

Relatur: is-Sinjura SHARMA

Nhar id-22 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI

COM(2010) 94 finali – 2010/0064 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’110 voti favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkundanna bis-sħiħ kull abbuż sesswali u sfruttament tat-tfal u jfaħħar lill-Kummissjoni talli qed issaħħaħ l-impenn tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal permezz tal-introduzzjoni ta’ Direttiva ġdida u iktar oġġettiva li tieħu post id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI. Il-gravità tar-reati, il-livell ta’ ħsara u l-livell ta’ riskju u vulnerabbiltà tat-tfal madwar id-dinja m’għandhom qatt jiġu sottovalutati. Il-ħarsien tat-tfal fil-livelli kollha għandu jkun prijorità u l-vittmi u t-trasgressuri għandhom jingħataw l-għajnuna kollha sabiex ikunu jistgħu jirkupraw, bil-għan li tiġi promossa protezzjoni soċjali futura.

1.2

Il-KESE jerġa’ jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, u lill-Unjoni Ewropea taħt it-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona, sabiex jiffirmaw u jirratifikaw b’mod urġenti l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tal-Minorenni u l-Pornografija tat-Tfal sabiex l-UE tirrevedi b’mod effettiv il-mod kif tindirizza l-Ewropej li jabbużaw it-tfal (1). Fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali, l-Unjoni Ewropea jista’ jkollha l-influwenza li tipperswadi pajjiżi Ewropej oħra (pereżempju r-Russja u l-Bosnja-Ħerzegovina) sabiex jiffirmaw il-Konvenzjoni. L-inkorporazzjoni ta’ dispożizzjonijiet mill-Konvenzjoni fil-liġi tal-UE ser tkun iktar effettiva biex tiffaċilita l-adozzjoni iktar rapida ta’ miżuri nazzjonali, meta mqabbla ma’ proċeduri nazzjonali ta’ ratifika, u ser tiżgura monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni.

1.3

Huwa importanti li jkun hemm qafas legali għall-prosekuzzjoni u l-għoti tas-sentenzi lil dawk li jkunu wettqu abbuż jew sfruttament sesswali. Madanakollu, jeħtieġ li l-prevenzjoni tkun tal-akbar importanza madwar l-Ewropa kollha u meqjusa flimkien mal-leġislazzjoni. Dan il-punt huwa enfasizzat bħala wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva, iżda mhuwiex indirizzat biżżejjed. Il-KESE jista’ joħroġ opinjoni dwar ir-reviżjoni tal-azzjonijiet ta’ prevenzjoni, li tenfasizza l-istudji ta’ każijiet tal-aqwa prattika li saru mis-soċjetà ċivili u l-gvernijiet fil-livell globali fil-qasam tal-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki biex jiġu indirizzati dawn ir-reati, permezz ta’ mekkaniżmi leġislattivi u mhux leġislattivi għall-iżvilupp ta’ għodod metodoloġiċi u ta’ taħriġ. Dan jista’ jinkludi kooperazzjoni ikbar mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-NGOs sabiex jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-livelli lokali.

1.5

Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament), li lkoll jinsabu f’pożizzjoni privileġġjata u ta’ poter, sabiex b’mod konġunt ipoġġu pressjoni fuq pajjiżi terzi, b’mod partikolari fl-aktar partijiet żviluppati tad-dinja (pereżempju l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstralja u r-Russja) sabiex jitolbu t-tneħħija tas-siti li jinkludu materjal relatat mal-abbuż sesswali tat-tfal. L-UE trid tkun iktar b’saħħitha hi u titlob azzjoni responsabbli mill-ICANN (2).

1.6

Il-KESE jixtieq li l-ewwel u qabel kollox jitneħħew is-siti li jinkludu materjal relatat mal-abbuż sesswali tat-tfal jew, meta ma jkunx possibbli li jitneħħew, jiġu bblukkati. F’dan il-kuntest, il-KESE jista’ jfassal opinjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili, dwar l-implikazzjonijiet kemm tat-tneħħija kif ukoll tal-imbblukkar.

1.7

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-opportunità li tirrappreżenta din id-Direttiva ġdida biex iniedu dibattitu dwar it-twaqqif ta’ età minima ta’ kunsens sesswali madwar l-Ewropa. Fil-kuntest ta’ mobbiltà, immigrazzjoni u valuri soċjali li qed jinbidlu madwar l-Ewropa, għandhom isiru dibattiti u konsultazzjonijiet dwar l-impatt li għandhom it-“tradizzjonijiet” f’dan ir-rigward.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tipprovdi definizzjonijiet ċari ta’ ċertu terminoloġija li tista’ toħloq ambigwitajiet fit-traspożizzjoniji fil-leġislazzjoni nazzjonali.

1.9

Il-KESE jitlob li d-Direttiva tipprovdi “limiti ta’ żmien” uniformi għall-Istati Membri kollha. Fejn ikun meħtieġ, il-KESE jisħaq li l-“istatut tal-limitazzjonijiet” għandu jibda meta l-vittma tilħaq l-età ta’ 18-il sena.

1.10

Bosta NGOs u esperti li jaħdmu fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal appoġġjaw il-ħidma tal-KESE, u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar id-Direttiva l-ġdida huma disponibbli mis-siti tagħhom (3). Il-KESE jirrikonoxxi l-ħidma rimarkabbli tal-NGOs kollha li jaħdmu madwar id-dinja biex jipproteġu lit-tfal u jfaħħar lill-istituzzjonijiet Ewropej, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti talli jipprovdu mekkaniżmi legali fil-qasam tal-protezzjoni kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal.

2.   Sfond u għanijiet tad-Direttiva l-ġdida

2.1

L-UE tirrikonoxxi d-drittijiet tat-tfal fl-Artikolu 3 (tat-TUE) tat-Trattat ta’ Lisbona u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, speċjalment fl-Artikolu 24 u fil-bażi legali ta’ din il-Karta li tistipula obbligu pożittiv ta’ azzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni neċessarja tat-tfal. Hija tirrikjedi li f’kull azzjoni relatata mat-tfal , l-ewwel kunsiderazzjoni għandha tkun fl-aħjar interess tat-tfal, b’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Dan ġie rifless f’politika mmirata dwar il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal, inkluża l-Istrateġija taż-Żgħażagħ tal-UE fil-politiki interni u esterni tal-UE.

2.2

Id-Direttiva l-ġdida, b’konformità mal-proposti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-ħarsien tal-vittmi u l-programm “Internet Iktar Sikur”(“Safer Internet”), tagħti spinta lil regoli iktar sostantivi ta’ proċedura u tal-liġi kriminali fl-Istati Membri fir-rigward tal-ħarsien tat-tfal. B’hekk, l-effettività tal-miżuri ta’ prevenzjoni madwar l-UE ser tissaħħaħ u ser jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn dawk li jwettqu r-reati jagħżlu li jwettqu r-reati tagħhom fi Stati Membri b’regoli inqas stretti. Permezz ta’ definizzjonijiet komuni, jistgħu jiġu promossi l-iskambju ta’ data komuni li hija utli, tittejjeb il-kompatibbiltà tad-data u l-kooperazzjoni internazzjonali ssir iktar faċli.

2.3

Id-Direttiva l-ġdida ser tkopri:

reati kriminali ġodda fil-qasam tal-IT inkluż ir-reat il-ġdid ta’ “tħejjija” (grooming);

assistenza fl-investigazzjoni tar-reati u fit-tressiq tal-akkużi;

prosekuzzjoni tar-reati li jitwettqu barra, kemm minn ċittadini kif ukoll minn residenti abitwali tal-UE, li jiffaċċjaw il-prosekuzzjoni anke jekk ir-reati tagħhom isiru barra mill-UE;

dispożizzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni tal-vittmi sabiex jiġi żgurat li l-vittmi jkollhom aċċess faċli għal rimedji legali u ma jbatux b’riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedimenti kriminali;

prevenzjoni ta’ reati permezz ta’ azzjonijiet li jikkonċentraw fuq trasgressuri li jkunu diġà wettqu xi reat sabiex jiġi evitat it-twettiq tar-reat mill-ġdid, u jirrestrinġu l-aċċess għall-pedopornografija fuq l-internet.

3.   Kummenti speċifiċi dwar il-memorandum ta’ spjegazzjoni

3.1

Fid-dawl tal-fatt li “L-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-ewwel kunsiderazzjoni meta jkunu qed jitwettqu kwalunkwe miżuri biex jikkumbattu dawn ir-reati skont il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal”, il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, filwaqt li tiġi aġġornata, estiża u msaħħa l-leġislazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jeskludu l-ħtieġa tal-kriminalità doppja sabiex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni ekstraterritorjali tar-reati. L-Istati Membri għandu jkollhom l-awtorità li jħarrku kull forma ta’ abbuż sesswali kontra t-tfal.

3.2

Il-leġislazzjoni eżistenti u ġdida għandha tiġi infurzata aħjar u tirrikjedi l-monitoraġġ tal-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Europol u l-aġenziji tal-infurzar, sabiex jiġi żgurat li l-ħarsien tat-tfal ikun prijorità. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji komuni u kriterji li jiddeterminaw il-gravità tar-reat tal-abbuż u l-isfruttament sesswali. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li titwaqqaf pjattaforma għall-iskambju ta’ prattiki tajba, kemm leġislattivi kif ukoll mhux leġislattivi, u li jiġu żviluppati strumenti metodoloġiċi u taħriġ biex jiġu indirizzati dawn ir-reati. Dan jista’ jinkludi kooperazzjoni ikbar mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-NGOs sabiex jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-livelli lokali.

3.3

Il-monitoraġġ ta’ każijiet bi profil għoli, b’mod partikolari dawk b’implikazzjonijiet allegatament politiċi, reliġjużi jew li jinvolvu bosta każijiet, għandu jsir permezz ta’ investigazzjonijiet trasparenti fil-livell tal-UE, sabiex dawn il-każijiet ma jerġgħux iseħħu (4).

3.4

Sabiex jiżdiedu l-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-vittmi, id-Direttiva għandha tkun ukoll koerenti ma’ politiki oħra tal-UE, inklużi s-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, il-familja, l-impjieg u l-aġenda diġitali. Gruppi ta’ tfal li huma partikolarment vulnerabbli u li jinsabu f’riskju kbir jinkludu: l-immigranti, dawk li qed ifittxu l-asil, il-minorenni li mhumiex akkumpanjati, dawk li huma soċjalment żvantaġġati, dawk li huma esklużi jew għandhom xi diżabilità, dawk taħt kura ta’ sostituzzjoni (substitute care) jew dawk li jgħixu f’familja bi storja ta’ vjolenza u abbuż.

3.5

L-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi mill-Istati Uniti u mill-Ewropa turi rabta qawwija bejn il-fatt li wieħed iniżżel mill-internet materjal tal-abbuż sesswali li jinvolvi tfal li għadhom ma bdewx jitkellmu u l-abbuż tat-tfal li jsir lil hinn mill-internet. Jekk is-sentenzi li jingħataw it-trasgressuri jiġu bbażati biss fuq il-kuntatt li jkollhom mat-tfal, x’aktarx li aktar tfal ser jispiċċaw fir-riskju ta’ abbuż gravi (b’mod partikolari t-tfal żgħar).

3.6

92 % tal-kontenut fl-internet li jinvolvi abbuż sesswali tat-tfal huwa maħżun f’servers fl-Amerika ta’ Fuq, l-Ewropa u r-Russja (5). Il-KESE jħoss li l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament jinsabu f’pożizzjoni privileġġjata u qawwija biex ipoġġu pressjoni fuq pajjiżi barra mill-UE, b’mod partikolari fl-aktar partijiet żviluppati tad-dinja, sabiex jitolbu t-tneħħija tas-siti li jinkludu materjal relatat mal-abbuż tat-tfal.

3.7

Hemm bżonn li jiġu promossi aktar “kultura tas-sigurtà ċibernetika” u l-Aġenda Diġitali Ewropea (6) fost iċ-ċittadini. Biż-żieda fl-iskambju peer-to-peer ta’ stampi tal-abbuż tat-tfal (7) u “fit-tħejjija” (grooming) fis-siti ta’ netwerking soċjali, jeħtieġ li tittieħed azzjoni minnufih sabiex it-trasgressuri – kemm dawk li jaraw is-siti jew l-istampi inkwistjoni kif ukoll il-provvedituri tas-servizz li jospitaw dawn is-siti – jiġu identifikati u jittieħdu passi legali kontrihom, jiġu segwiti u jitwaqqfu l-flussi tat-transazzjonijiet finanzjarji li jsiru għall-aċċess ta’ stampi tal-abbuż tat-tfal. It-teknoloġija li permezz tagħha jistgħu jiġu identifikati l-komponenti kollha tal-katina tal-abbuż teżisti u l-UE għandha tkun aktar b’saħħitha hija u titlob għal azzjoni responsabbli mingħand l-ICANN (8).

3.8

Huwa ċar li d-Direttiva hija bbażata fuq “l-aħjar interessi tat-tfal” u “l-protezzjoni tat-tfal”. Madanakollu, b’mod ġenerali, id-Direttiva ma tinkludix dettalji dwar il-miżuri preventivi li għandhom jiġu implimentati. Jeħtieġ li l-prevenzjoni tkun mifruxa fl-Ewropa kollha u tkun meqjusa flimkien mal-leġislazzjoni. Il-Kummissjoni ftit għandha kompetenza fil-prevenzjoni, madanakollu fid-Direttiva hija għandha tippromovi u toħloq mekkaniżmi li jippermettu l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni fi bnadi oħra.

3.9

Fil-kuntest tal-prevenzjoni, jista’ jintalab aktar finanzjament biex jiġu estiżi l-programmi tal-Kummissjoni (pereżempju DAPHNE u l-Programm Qafas) u biex jiġu żviluppati programmi ġodda li għandhom jitwasslu mill-imsieħba tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jemmen li l-fatt li l-pubbliku jiġi edukat dwar l-eżistenza ta’ liġijiet speċifiċi li jikkastigaw imġiba speċifika ta’ ħsara għat-tfal jista’ jkun mekkaniżmu effettiv ta’ prevenzjoni.

3.10

L-intervent huwa kruċjali għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u għandu jintuża flimkien ma’ sanzjonijiet legali. Għaldaqstant, il-KESE jissuġġerrixxi li l-parti taħt “Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta” li tgħid li l-“għanijiet speċifiċi għandhom ikunu li ssir prosekuzzjoni effettiva ta’ dan ir-reat; li jkunu protetti d-drittijiet tal-vittmi; u l-prevenzjoni tal-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal” għandha tiġi emendata kif ġej “inkluż permezz ta’ identifikazzjoni rapida tat-tfal vittmi mill-persunal imħarreġ kif suppost u l-provvediment ta’ interventi li jiffokaw fuq it-tfal għall-vittma u għat-trasgressur”.

3.11

Jeħtieġ li titqies l-identifikazzjoni ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni u prosekuzzjoni fir-rigward tal-abbuż fi ħdan netwerks peer-to-peer u l-kummerċ tal-istampi. Biż-żieda fl-iskambju ta’ fajls, u ż-żieda “fit-tħejjija” fis-siti ta’ netwerking soċjali, jeħtieġ li tittieħed azzjoni minnufih sabiex it-trasgressuri – kemm dawk li jużaw is-siti inkwistjoni kif ukoll il-provvedituri tas-servizzi li jospitaw dawn is-siti – jiġu identifikati u sabiex jittieħdu passi legali kontrihom.

3.12

Il-proposta (Ir-raġunijiet u l-għanijiet) tenfasizza li “minoranza sinifikanti ta’ tfal fl-Ewropa jistgħu jkunu mmolestati sesswalment matul it-tfulija tagħhom”. Il-periklu għat-tfal lil hinn mill-Ewropa jeħtieġ li jitqies ukoll: it-tfal jibqgħu tfal irrispettivament minn fejn ikunu fid-dinja u jeħtieġu l-ħarsien mit-trasgressuri sesswali Ewropej li jkunu qed jivvjaġġaw u li jabbużaw minn ċittadini Ewropej oħra jew minn tfal li ma jkunux Ewropej.

3.13

It-terminu “pedopornografija” (titolu, definizzjoni u fit-test kollu) għandu jiġi sostitwit mit-terminu “stampi jew materjal relatati mal-abbuż sesswali tat-tfal”. Il-pornografija hija assoċjata mal-erotika.

3.14

It-turiżmu”: id-Direttiva (premessa 9) tuża t-terminu “turiżmu sesswali”. It-terminu użat mill-esperti u l-NGOs fil-qasam huwa “trasgressuri sesswali li jkunu qed jivvjaġġaw” (travelling sex offenders) (9). Hekk kif saħaq il-KESE fl-opinjoni preċedenti tiegħu “Il-Protezzjoni tat-tfal minn persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali” (10), “it-turiżmu” huwa assoċjat mal-vaganzi u mad-divertiment.

3.15

Tradizzjonijiet” (premessa 7): “Din id-Direttiva ma tirregolax il-politiki tal-Istati Membri rigward attivitajiet sesswali konsenswali (…) fil-kors tal-iżvilupp uman, filwaqt li jittieħed kont tat-tradizzjonijiet kulturali u legali differenti.” Il-KESE jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-mobbiltà, l-immigrazzjoni u l-valuri soċjali li qed jinbidlu fl-Ewropa kollha, għandhom isiru dibattiti u konsultazzjonijiet dwar l-impatt li għandhom it-“tradizzjonijiet” f’dan ir-rigward. Il-konsultazzjoni u l-implikazzjonijiet legali għandhom ikopru wkoll il-prattiki kulturali, pereżempju l-mutilazzjoni ġenitali femminili li tista’ tiġi kkunsidrata bħala abbuż sesswali tat-tfal.

3.16

Pubblikament aċċessibbli” (premessa 13): “Il-pedopornografija, (…) hija tip ta’ kontenut speċifiku li ma jistax jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta’ opinjoni. Biex tiġi kkumbattuta, huwa meħtieġ li tonqos iċ-ċirkolazzjoni ta’ materjal ta’ abbuż mit-tfal (sic.) billi jsir aktar diffiċli li trasgressuri jtellgħu tali kontenut fuq l-Internet.”Id-Direttiva għandha taħdem għall-prevenzjoni tal-materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal f’ kull forma u f’kull mezz ta’ komunikazzjoni  (11) . It-terminu “viżwali” ma jkoprix il-materjal kollu disponibbli u d-Direttiva għandha tkopri wkoll materjal mhux viżwali tal-abbuż sesswali tat-tfal. Barra minn hekk, id-Direttiva għandha tqis ukoll il-kunċett ta’ “libertà artistika” kif ukoll l-“espressjoni ta’ opinjoni”, biex tiżgura li l-ebda waħda ma tiġi interpretata ħażin fil-kuntest tal-materjal tal-abbuż tat-tfal. Għaldaqstant, it-test tal-Artikolu 2(b) li jinkludi d-definizzjoni tal-“pedopornografija” għandu jiġi emendat kif ġej fl-inċiżi li ġejjin (i): “kwalunkwe materjal li juri tfal (…)”, (ii): “kwalunkwe preżentazzjoni tal-organi sesswali (…)” u (iii): “kwalunkwe materjal li juri persuni li jidhru li huma tfal (…)”.

3.17

Bil-għan li jitħeġġu “dawk li jipprovdu s-Servizz tal-Internet (Internet Service Providers) biex fuq bażi volontarja jiżviluppaw kodiċi ta’ kondotta u linji gwida biex jiġi mblukkat l-aċċess għal tali paġni tal-Internet” (premessa 13), il-KESE jenfasizza li għandha tingħata prijorità lit-tneħħija ta’ dan il-kontenut mis-sors u meta dan ma jkunx possibbli (barra l-UE) jiġi bblukkat l-aċċess għal dawk is-siti. Fi ħdan l-UE dan għandu jsir ħtieġa legali jekk l-industrija, il-provvedituri tas-servizzi tal-internet, l-atturi ekonomiċi u finanzjarji bħall-kumpaniji tal-karti ta’ kreditu huma serji fl-impenn tagħhom rigward il-ġlieda kontra dan l-abbuż.

4.   Dettalji speċifiċi dwar l-Artikoli tad-Direttiva

4.1

L-Artikolu 1: is-suġġett għandu jinkludi “sanzjonijiet fil-qasam ta l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, kif ukoll tal-preżentazzjoni ta’ materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal”.

4.2

L-Artikolu 2(b)(iv): “immaġini realistiċi ta’ tfal li qed jieħdu sehem” għandu jinkludi “jew ippreżentati li qed jieħdu sehem”.

4.3

L-Artikolu 2(b): il-kelma “prinċipalment” għandha titħassar għalkollox għax tneħħi l-attenzjoni minn fuq “għal raġunijiet sesswali”.

4.4

L-Artikolu 2(e): ħassar l-eċċezzjonijiet “Stati jew korpi pubbliċi oħra fl-eżerċizzju ta’ awtorità Statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi”. Fil-każ ta’ persuna ġuridika, m’għandux ikun hemm impunità fejn jidħol abbuż sesswali tat-tfal.

4.5

L-Artikoli 3(3) u 8 dwar “attivitajiet sesswali konsenswali”: fir-rigward tas-sentenza “Il-parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ tfal li ma laħqux l-età legali tal-kunsens taħt il-liġi nazzjonali”, għandu jiġi nnotat li d-definizzjoni tal-UNCRC u dik Ewropea ta’ “tfal” hija “persuni taħt l-eta ta’ 18-il sena” u li għalhekk din it-terminoloġija hija kontradittorja. Din hija indirizzata parzjalment f’Artikolu 8 (“Attivitajiet sesswali konsenswali bejn il-pari”). Barra minn hekk, l-Artikoli 3, 4, 5 u 8 ma jirregolawx is-sess konsenswali bejn it-tfal li għandhom l-età tal-kunsens sesswali u dawk li huma ikbar. Il-KESE jemmen li dan ser jitlob aktar diskussjoni u kjarifika. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-opportunità li tirrappreżenta din id-Direttiva ġdida biex jistabbilixxu età minima ta’ kunsens sesswali madwar l-Ewropa. Hemm bżonn ukoll li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ “persuni li huma qrib fl-età”.

L-Artikolu 3(4)(i): fid-dawl tan-numru ta’ każijiet li jseħħu fil-familja, “il-familja” għandha tiġi klassifikata bħala pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja. Dan ikun konformi mal-Artikolu 5 tal-UNCRC. Barra minn hekk il-kelma “rikonoxxuta” għandha titħassar b’referenza għal “pożizzjoni ta’ fiduċja, awtorità jew influwenza fuq it-tfal”: dan huwa sors ta’ tħassib kbir fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri fl-Ewropa b’rabta maċ-ċrieki ta’ pedofelija anki fil-familji, il-knisja u istituzzjonijiet edukattivi u residenzjali. Huwa essenzjali li l-ebda persuna f’awtorità, politika jew reliġjuża, ma jkollha immunità mill-prosekuzzjoni, mit-tpoġġija ta’ mistoqsijiet jew aċċess għal fajls.

4.6

L-Artikolu 3(5): ir-reati li huma kkunsidrati bħala abbuż sesswali għandhom jinkludu wkoll “l-esibizzjoniżmu” fil-lista ta’ prattiki wara li l-Kummissjoni tagħti definizzjoni aċċettabbli ta’ “esibizzjoniżmu” (12).

4.7

L-Artikoli 4(2), (3), (4) u (5) jkopru “wirjiet pornografiċi” u jikkonċernaw l-involviment dirett ta’ tfal reali. Jista’ jkun hemm konfużjoni mal-Artikolu 5 li jkopri “reati li jikkoncernaw il-pedopornografija”. Ta’ min iżid nota ta’ spjega biex tiġi evitata din il-konfużjoni.

4.8

L-Artikoli 4-8: id-Direttiva għandha tipprovdi definizzjoni ċara tal-kliem “konxju” u “intenzjonali”.

4.9

L-Artikolu 4(1): il-kelma “intenzjonali” għandha titħassar peress li din tista’ twassal biex it-trasgressuri jiddikjaraw li ma kinux jafu l-età tal-vittma biex jevitaw il-prosekuzzjoni (13).

4.10

L-Artikolu 4(8): “Parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali (…) ” għandu jinkludi “jew il-ftehim dwar il-parteċipazzjoni” u għandu jipprovdi għall-possibbiltà ta’ prosekuzzjoni, “irrispettivament jekk ikunx twettaq l-att sesswali jew le”.

4.11

L-Artikolu 6 (“Is-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali”) għandu jiġi estiż biex jirrikonoxxi forom differenti ta’ tħejjija, inkluża t-tħejjija minn adulti li għandhom rwol li jipproteġu lit-tfal, u tħejjija lil hinn mill-Internet (offline).

4.12

L-Artikoli 7 u 9: b’konformità mal-bqija tad-Direttiva, dawn l-artikoli għandhom jiddefinixxu perijodu ta’ għoti ta’ sentenza jew ta’ kastig li għandu jkun marbut mar-reat.

4.13

L-Artikolu 7(3)(b): għadd ta’ trasgressuri li jivvjaġġaw iwettqu r-reati tagħhom skont is-sitwazzjoni u jieħdu kull opportunità li tippreżenta ruħha biex jabbużaw sesswalment. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li “l-organizzazzjoni ta’ arranġamenti għall-ivvjaġġar u/jew arranġamenti oħra bil-għan li jitwettaq kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7” għandha tiġi kkastigata.

4.14

L-Artikolu 8: il-frażi “sakemm dawn l-atti ma jinvolvux abbuż” għandha tiġi sostitwita kif ġej: “sakemm dawn l-atti ma jkunux imġiegħla”.

4.15

L-Artikolu 9 (“Ċirkostanzi aggravanti”) jista’ jinkludi wkoll “(i) ir-reat ikun involva vjolenza jew theddid serju jew ikkawża jew x’aktarx ikkawża ħsara gravi lit-tfal”.

4.16

Fid-dawl tal-ħsara li dawn ir-reati jikkawżaw lit-tfal vittmi, anke ladarba jkunu adulti, il-KESE jissuġġerixxi li dawn ir-reati ma jkunux soġġetti għal statut ta’ limitazzjonijiet jew li ma jiġux preskritti għal perijodu minimu ta’ żmien.

4.17

L-Artikolu 10 u l-Artikolu 12 ma jqisux it-trasgressuri li jiddeċiedu li jirrilokaw u lanqas ma jipprojbixxuhom milli jivjaġġaw. F’opinjoni preċedenti (14), il-KESE ħadem mal-ECPAT (15) u rrakkomanda:

verifikar u projbizzjonijiet;

ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali;

ftehimiet dwar id-deportazzjoni ta’ trasgressuri ħatja;

l-użu u l-effikaċja tal-Ordnijiet tal-Ivvjaġġar għall-Esteru (FTO).

4.18

L-Artikolu 11 (“Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi”): il-persuni ġuridiċi għandhom jitqiesu responsabbli jekk ikunu ppermettew l-imġiba tat-trasgressur, irrispettivament minn jekk jibbenefikawx minn din l-imġiba jew le. Għalhekk għandha titħassar il-frażi “għall-benefiċċju tagħhom” (minn kwalunkwe persuna).

4.19

L-Artikolu 12(b) (“Sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi”) għandu jiġi modifikat mhux biss biex iżomm lit-trasgressur milli jipparteċipa f’attivitajiet kummerċjali iżda biex jipprojbixxih ukoll milli jipparteċipa f’“kull attività” li tinvolvi kuntatt mat-tfal.

4.20

L-Artikolu 13 (“Non-prosekuzzjoni”) għandu “jiżgura” u mhux biss “jipprovd[i] għall-possibbiltà” li ma jkunx hemm prosekuzzjoni jew l-impożizzjoni ta’ pieni fuq tfal vittmi għall-involviment tagħhom f’attivitajiet illegali bħala konsegwenza diretta talli kienu suġġetti għal dawk ir-reati.

4.21

L-Artikolu 14 jikkonċerna “l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni”. Għandha tiġi introdotta dispożizzjoni adegwata għall-aċċess għall-fondi għat-taħriġ u għall-għoti ta’ pariri u r-riċerka fil-qasam tat-teknoloġiji ġodda u emerġenti sabiex l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni jkunu prattiċi u effettivi. Il-proċess ta’ investigazzjoni għandu jkun kompletament trasparenti. Dan l-artikolu għandu jipprovdi għal ċerti tipi ta’ reati li m’għandhomx statut ta’ limitazzjonijiet.

4.22

L-Artikolu 14(2): fir-rigward tal-frażi “għal żmien biżżejjed”, l-Istati Membri għandhom ikunu flessibbli huma u japplikaw l-istatut ta’ limitazzjonijiet biex ikunu jistgħu jqisu l-gravità tal-impatt fuq il-ħajja, is-saħħa u/jew il-benesseri tal-vittma.

4.23

Il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva tispeċifika li l-istatuti tal-limitazzzjonijiet li jeżistu taħt il-liġi nazzjonali jibdew meta l-vittma tkun saret maġġorenni. Jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni taħdem biex tippromovi l-armonizzazzjoni tal-istatuti tal-limitazzjonijiet nazzjonali biex tiġi evitata konfużjoni meta l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jwettqu investigazzjonijiet transkonfinali.

4.24

Fl-Artikolu 14(3), “(…) għodod effettivi (…) jkunu disponibbli (…)”, huwa essenzjali li jiġi żgurat li, flimkien ma’ dawn l-għodod, ikun hemm persunal imħarreġ bis-sħiħ biex juża din l-għodda.

4.25

L-Artikolu 15 jippromovi r-rappurtar iżda ma jidentifikax dettalji speċifiċi dwar il-mekkaniżmi u l-fondi sabiex jiġi appoġġjat intervent rapidu minn professjonisti li jaħdmu mat-tfal. Fid-dawl tal-fatt li xi reati sesswali kontra t-tfal ma jiġux rappurtati, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ rappurtar effettivi u aċċessibbli fl-Istati Membri kollha.

4.26

Bil-għan li jitħeġġeġ rappurtar f’waqtu ta’ individwi suspettati jew ta’ reati attwali ta’ abbuż u ta’ sfruttament sesswali huwa importanti li jiġi żgurat li l-professjonisti, li jirrappurtaw bi skop tajjeb, jiġu protetti minn revendikazzjonijiet bil-liġi kriminali u ċivili, minn ilmenti kontrihom li jitressqu quddiem kumitati etiċi jew prosekuzzjoni talli jkunu kisru r-regoli ta’ kunfidenzjalità.

4.27

L-Arikolu 16(1)(d) (“Ġurisdizzjoni u koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni”) ma jkopri l-ebda aspett relatat mal-estradizzjoni tal-individwi suspettati. Dan huwa kopert fl-Artikolu 5 tal-Protokoll Fakultattiv tal-UNCRC u għandu jiġi kkunsidrat fid-Direttiva tal-Kummissjoni. Fl-istess punt, il-frażi “(…) persuna legali stabbilita fit-territorju (…)” għandha tiġi estiża kif ġej “(…) stabbilita fit-territorju jew topera minn territorju (…)”.

4.28

L-Artikolu 16(2): fis-sentenza “(…) l-ġurisdizzjoni tiegħu tinkludi sitwazzjonijiet (…) taħt l-Artikoli 3 u 7 (…)”, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu inklużi l-Artikoli 3, 4, 5, 6 u 7.

4.29

L-Artikolu 16(3): jekk l-Istati Membri ser jieħdu azzjoni serja favur il-ħarsien globali tat-tfal, ma jistax ikun hemm eċċezzjonijiet. Għalhekk għandha titħassar d-deroga “Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax jew li japplika biss f’ċirkostranżi speċifiċi (…) safejn ir-reat jitwettaq barra mit-territorju tiegħu”.

4.30

L-Artikolu 17(1): fir-rigward tas-sentenza “għandu jkollhom assistenza (…)”, il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru għandu jiżgura li tfal vittmi ta’ reati taħt l-Artikoli 3 sa 7 jingħataw għajnuna adegwata u speċjalizzata, inkluż akkomodazzjoni f’post sikur, għajnuna medika u psikoloġika u edukazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn professjonisti mħarrġa u jirrispettaw l-identità/oriġini kulturali, is-sess u l-età tat-tfal (16). Miżuri bħal dawn ser inaqqsu l-vulnerabbiltà u għaldaqstant isaħħu l-prevenzjoni.

4.31

L-Artikolu 19 dwar “investigazzjonijiet kriminali” huwa kopert fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Fakultattiv tal-UNCRC, li għandu jiġi kkunsidrat mid-Direttiva tal-Kummissjoni.

4.32

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li ssir referenza għal-linji gwida tar-Riżoluzzjoni 2005/20 tal-ECOSOC tan-NU dwar miżuri għall-protezzjoni tat-tfal vittmi u xhieda ta’ reati (17).

4.33

Ħafna tfal li ġew abbużati mill-ġenituri tagħhom li bigħuhom, mit-traffikanti jew minn adulti involuti fil-prostituzzjoni tilfu kull fiduċja fl-adulti, u dan ifisser li trid tiġi stabbilita bażi ta’ fiduċja bejn l-adulti u t-tfal qabel ma tibda l-investigazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw it-tfal vittmi u jerġgħu jibnu l-ħajja tat-tfal, pereżempju permezz ta’ akkomodazzjoni, kura, protezzjoni u servizzi psikoloġiċi speċjalizzati, u għandhom jgħinu biex jinfurzaw il-liġijiet biex jittieħdu passi legali kontra reati bħal dawn.

4.34

L-Artikolu 19(e): wara l-frażi “l-għadd ta’ intervisti ikun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-għan ta’ proċedimenti kriminali”, għandha tiżdied il-frażi “jew biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-benesseri tat-tfal”.

4.35

L-Artikolu 21(“L-imblukkar ta’ siti elettroniċi”) għandu jiġi abbozzat mill-ġdid (18). Għandha tingħata prijorità lit-tneħħija tas-siti aktar milli jiġu bblukkati. L-imblukkar għandha tkun miżura sekondarja fejn it-tneħħija ma tistax issir. L-imblukkar, flimkien mat-tneħħija, jista’ jservi ta’ tattika fuq perijodu qasir li xxekkel l-aċċess u tħares lill-utenti innoċenti minn espożizzjoni għal kontenut tal-abbuż sesswali tat-tfal (19). Dan l-artikolu għandu jitlob lill-Istati Membri sabiex jaġixxu immedjatament biex jagħlqu s-sit.

4.36

Fejn it-tneħħija ma tkunx possibbli immedjatament, l-isforzi għandhom ikunu mmirati lejn l-investigazzjoni tal-movimenti u l-attivitajiet tas-siti elettroniċi assoċjati mad-distribuzzjoni tal-kontenut tal-abbuż tat-tfal sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tingħata lill-korpi awtorizzati u lill-aġenziji internazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġi bil-għan li dan il-kontenut jitneħħa aktar tard mill-internet u li d-distributuri jiġu investigati. Il-KESE jirrakkomanda:

sforz internazzjonali min-naħa tar-reġistri tal-ismijiet tad-dominji u l-awtoritajiet rilevanti sabiex id-dominji assoċjati mal-abbuż sesswali tat-tfal jitneħħew mir-reġistri;

sforzi ikbar sabiex tiġi investigata l-attività tal-iskambju tal-fajls, inklużi dawk skambjati “peer-to-peer”.

4.37

L-Artikolu 21(2): għandhom isiru sforzi wkoll biex jiġi żgurat jew jiġi ordnat li l-istituzzjonijiet finanzjarji jieħdu azzjoni biex jinvestigaw u jwaqqfu l-fluss tat-transazzjonijiet finanzjarji li jsiru permezz tas-servizzi tagħhom u li jiffaċilitaw l-aċċess għal materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal.

5.   Elementi addizzjonali li għandhom jiġu kkunsidrati u jiddaħlu fid-Direttiva

5.1

Id-Direttiva ma tirreferix għall-protezzjoni tad-data: il-protezzjoni tat-tfal għandha tingħata preċedenza fuq il-protezzjoni tad-data u l-libertà tal-kelma f’ċerti ċirkostanzi definiti tajjeb, hekk kif tipprevedi l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

5.2

Jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni Ewropea jkun hemm aktar kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u li jiġu adottati sistemi nazzjonali u internazzjonali ta’ ġestjoni tat-trasgressuri u “Sistema ta’ Notifika għal Tfal Nieqsa”.

5.3

Il-każijiet ta’ abbuż tat-tfal fejn it-trasgressuri jkunu tfal mhumiex ikkunsidrati. Dan għandu jiġi kkunsidrat taħt każijiet speċjali u kopert taħt l-Artikolu 9. S’issa huwa kopert biss minn kumment qasir dwar il-programmi ta’ intervent fl-Artikolu 20 (20).

5.4

Filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-provvediment tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanzja u l-appoġġ psikoloġiku meħtieġa għal dawk li jaħdmu biex jipproteġu lill-vittmi, bil-għan li jiġi evitat id-deterjorament mentali. Mill-perspettiva tal-persunal, dan għandu jkun rekwiżit obbligatorju u mhux għażla volontarja.

5.5

Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni talli għarfet il-bżonn ikbar ta’ “skambju ta’ informazzjoni u esperjenza fil-prosekuzzjoni, il-protezzjoni jew il-prevenzjoni, iż-żjieda fl-għarfien, kooperazzjoni mas-settur privat u l-inkoraġġiment tal-awtoregolazzjoni”. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġi kkunsidrat il-post tax-xogħol. B’hekk, min iħaddem u l-impjegati jkunu konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tar-rappurtar ta’ attivitajiet illegali li jistgħu joħorġu fid-dieher l-ewwel fil-post tax-xogħol jew mill-klijenti/provvedituri (21).

5.6

Il-KESE jinnota li l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida mhux ser tinvolvi spejjeż addizzjonali. Madanakollu hemm bżonn ta’ iktar riżorsi għall-investigazzjoni, il-pubbliċità, it-taħriġ, l-għoti ta’ pariri u s-servizzi ta’ appoġġ legali sabiex l-abbuż jinqered fl-iqsar żmien possibbli.

5.7

Fl-aħħar nett, il-KESE jippromovi t-twaqqif ta’ korp internazzjonali tal-infurzar tal-liġi maħsub biex jinvestiga l-abbuż sesswali tat-tfal madwar id-dinja, jidentifika u jieħu passi legali kontra d-distributuri tal-kontenut u jeħles it-tfal mit-tbatija. Hemm numru ta’ tattiki (22) li huma kapaċi jimminimizzaw id-disponibbiltà tal-kontenut u li, jekk jiġu adottati fuq skala globali, jistgħu jiżguraw li r-rispons internazzjonali lejn dawn ir-reati jkun iktar effettiv, mgħaġġel u dissważiv.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara r-referenza fl-opinjoni tal-KESE ĠU C 317, 23.12.2009, p.43. “Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali”, 25.10.07, http://conventions.coe.int/Treaty/EN/treaties/Html/201.htm (mhux disponibbli bil-Malti). Dawn l-Istati Membri għadhom ma ffirmawx din il-Konvenzjoni: ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja u Malta

(http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/ChercheSig.asp?NT=201&CM=&DF=&CL=ENG) (mhux disponibbli bil-Malti).

“Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tal-Minorenni u l-Pornografija tat-Tfal”. Adozzjoni: Mejju 2000. Dħul fis-seħħ: Jannar 2002.

http://www2.ohchr.org/english/law/crc-sale.htm (mhux disponibbli bil-Malti). Dawn l-Istati Membri għadhom ma rratifikawx dan il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal: r-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Lussemburgu u Malta (http://treaties.un.org/Pages/ViewDetails.aspx?src=TREATY&mtdsg_no=IV-11-c&chapter=4&lang=en) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers).

(3)  IWF (www.iwf.org.uk), ECPAT International (http://www.ecpat.com), Save the Children (www.savethechildren.org), Missing Children Europe (www.missingchildreneurope.eu), Amnesty International (www.amnesty.org).

(4)  Għadd ta’ każijiet ta’ abbuż irrappurtati dan l-aħħar, uħud skoperti minħabba l-intervent tal-Istat, jagħtu xhieda ta’ abbuż sistematiku u fuq skala wiesgħa fl-istituzzjonijiet reliġjużi, ċrieki ta’ pedofili u skejjel/orfanatrofji li ħafna minnhom nżammu moħbija għal snin sħaħ sabiex titħares ir-reputazzjoni jew l-immaġni tal-individwi u tal-istituzzjonijiet.

(5)  http://www.iwf.org.uk/documents/20100511_iwf_2009_annual_and_charity_report.pdf.

(6)  http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm.

(7)  Il-proġett ISIS stabbilixxa li eluf ta’ fajls bi stampi ta’ abbuż sesswali tat-tfal jiġu skambjati kull minuta f’dawn in-netwerks “peer-to-peer”. “Supporting Law Enforcement in Digital Communities through Natural Language Analysis”, International Workshop on Computational Forensics, Springer Lecture Notes in Computer Science 5158, (2008) pp. 122-134.

(8)  Il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers).

(9)  CEOP.

(10)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(11)  ĠU C 224, 30.8.2008, p.61.

(12)  Din il-kwistjoni ġiet enfasizzata reċentement f’każ fil-Portugall.

(13)  L-ECPAT jirrakkomanda dispożizzjoni speċifika li ddawwar il-piż tal-prova tal-età tal-persuna fil-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal fuq dawk l-individwi li jipproduċu, iqassmu u/jew jkollhom fil-pussess tagħhom dan il-materjal. Dan il-pass diġà ġie implimentat fil-Pajjiżi l-Baxxi.

(14)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(15)  ECPAT – Inwaqqfu l-Prostituzzjoni tal-Minorenni, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u t-Traffikar tat-Tfal għal Għanijiet Sesswali – għandha status konsultattiv speċjali mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC).

(16)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Rio de Janeiro u s-Sejħa għal Azzjoni għall-Prevenzjoni u t-Tmiem tal-Isfruttament tat-Tfal u l-Adoloxxenti.

(17)  Ara: http://www.un.org/docs/ecosoc/documents/2005/resolutions/Resolution%202005-20.pdf.

(18)  Ara Appendiċi 1: International Watch Foundation report on blocking and removal.

(19)  http://www.iwf.org.uk/public/page.148.htm.

(20)  Huwa stmat li madwar terz tat-trasgressuri sesswali tat-tfal huma taħt l-età ta’ 18-il sena (May-Chahal u Herzog, 2003).

(21)  Il-KESE ppropona proġett Ewropew “L-Ewropa Kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal - GĦID LE!” Ara l-opinjoni kwotata fin-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(22)  Ara r-rapport tal-Internet Watch Foundation.