15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/129


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka”

COM(2010) 187 finali

2011/C 48/22

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar id-29 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka

COM(2010) 187 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114-il vot favur u astensjoni waħda.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-programmi tar-riċerka tal-UE għandhom isiru iktar effiċjenti u attraenti. Għalhekk huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi ssemplifikata.

1.2   Konsegwentement, il-Kumitat jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u japprova l-proposti tagħha b’mod ġenerali.

1.3   Jilqa’ wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar l-istess suġġett.

1.4   Il-varjetà dejjem ikbar tad-diversi programmi u l-istrumenti tagħhom, b’regoli u proċeduri kultant differenti ħafna, saret waħda mill-problemi prinċipali tal-promozzjoni tar-riċerka mill-UE. Dan ħoloq kumplessità kbira li tfixkel lill-applikanti u lill-benefiċjarji u li ser tkompli tikber minħabba r-regoli u r-regolamenti differenti tad-diversi Stati Membri u l-korpi ta’ finanzjament.

1.5   Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li ssir armonizzazzjoni progressiva tar-regoli u l-proċeduri rilevanti, bħala l-ewwel pass għall-promozzjoni tar-riċerka fl-UE fuq perijodu twil, iżda wkoll bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Huwa biss wara dan li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun kompluta.

1.6   Il-finanzjament tar-riċerka fl-UE għandu bżonn bilanċ aħjar bejn il-libertà u l-kontroll. Dan jikkonċerna fuq kollox it-tfassil tar-regoli kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika. Il-Kumitat jirrakkomanda li jittieħed approċċ ibbażat fuq il-fiduċja li jkun fiċ-ċentru tal-finanzjament Ewropew tar-riċerka. B’rabta ma’ dan huwa jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni favur żieda fil-livell ta’ tolleranza fir-rigward tar-riskju ta’ żball tollerabbli (TRE) speċifiku għar-riċerka  (1).

1.7   Bħala passi konkreti addizzjonali l-Kumitat jirrakkomanda, fl-ispirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

rikonoxxenza tal-proċeduri ta’ kontabilità tal-benefiċjarji tal-finanzjamenti, skont il-liġijiet vinkolanti applikabbli f’kull Stat Membru;

applikazzjoni adegwata u effiċjenti tar-regoli fil-prattika;

konsiderazzjoni tal-kontributi globali bħala għażla fakultattiva iżda mhux bħala skuża għal finanzjament iktar baxx; il-kalkolu għandu jsir fuq il-bażi tal-ispejjeż reali;

l-ikbar koerenza u trasparenza possibbli fil-proċeduri;

kontinwità u stabbiltà mill-aqwa tad-dispożizzjonijiet legali u tal-proċeduri;

esperti b’esperjenza, rikonoxxuti internazzjonalment, bħala aġenti tal-koordinazzjoni b’ambitu ta’ azzjoni suffiċjenti fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

strateġija tal-verifika koerenti u definita skont proċeduri ċari;

żvilupp addizzjonali tal-għodod tal-IT;

possibbiltà ta’ rimborż tal-VAT;

semplifikazzjoni speċifika għall-SMEs;

linji gwida affidabbli, ċari u fil-ħin (struzzjonijiet dwar l-użu) għall-programmi u l-istrumenti ta’ finanzjament.

1.8   Fir-rigward tat-tieni proposta tal-Kummissjoni dwar il-konsiderazzjoni ta’ “finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati” bħala metodu ta’ finanzjament alternattiv tal-programm qafas li jmiss, il-Kumitat huwa pjuttost xettiku, sakemm ma jkollux f’idejh spjegazzjoni iktar dettaljata u ċara tal-Kummissjoni li biha jkun jista’ jivvaluta b’mod oġġettiv x’għandu jew x’jista’ jinftiehem b’dawn it-termini fil-livell proċedurali. Madankollu, huwa ċar li l-kompitu u l-għan ewlieni ta’ kull programm ta’ finanzjament tar-riċerka għandu jkun li jinkiseb għarfien importanti u ġdid bl-iktar mod effiċjenti, u billi wieħed jadatta r-regoli u r-regolamenti u l-applikazzjoni tagħhom għal dan il-għan.

1.9   Flimkien mas-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri legali, amministrattivi u finanzjarji, huwa daqstant importanti li jiġu wkoll issemplifikati l-proċeduri ta’ applikazzjoni u valutazzjoni xjentifiċi u tematiċi, sabiex ir-regolazzjoni eċċessiva u l-varjetà ta’ rapporti obbligatorji, proċeduri ta’ applikazzjoni, rappurtar, valutazzjoni u approvazzjoni jitnaqqsu u jiġu armonizzati.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli tissemplifika l-implimentazzjoni tal-programm Ewropew tar-riċerka. Il-Komunikazzjoni tittratta l-ewwel u qabel kollox il-kwistjonijiet finanzjarji.

2.2   Il-possibbiltajiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni għal semplifikazzjoni addizzjonali jistgħu jinqasmu fi tliet partijiet:

—   Parti 1: Semplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-proposti u tal-għotjiet skont ir-regoli eżistenti

—   Parti 2: Adattament tar-regoli skont is-sistema bbażata fuq l-ispejjeż reali

—   Parti 3: Ngħaddu għal finanzjamant ibbażat fuq ir-riżultati minflok dak ibbażat fuq l-ispejjeż

2.3   L-ewwel parti tippreżenta t-titjib prattiku fil-proċessi u l-għodod li l-Kummissjoni diġà bdiet timplimenta.

2.3.1   It-tieni parti tkopri l-bidliet fir-regoli eżistenti li jippermettu aċċettazjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità abitwali (inklużi l-ispejjeż medji tal-persunal), it-tnaqqis fil-varjetà ta’ kundizzjonijiet speċjali, dispożizzjoni għall-maniġers-sidien ta’ SMEs u bidla fil-proċess tal-għażla tal-għotjiet. Il-biċċa l-kbira tal-proposti f’dan il-livell jikkonċernaw il-ħolqien ta’ programmi qafas futuri.

2.3.2   It-tieliet parti tippreżenta l-possibbiltajiet biex titħejja bidla minn finanzjament orjentat ibbażat fuq l-ispejjeż għal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati. B’dan il-mod ir-rappurtar u l-kontroll għandhom jgħaddu mill-qasam finanzjarju għall-qasam xjentifiku u tekniku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Importanza, effikaċja u interess tal-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp huwa wieħed mill-iktar strumenti Komunitarji importanti biex jiġu żgurati u jissaħħu l-kompetittività u l-benessri tal-Ewropa, biex jiġu sodisfatti l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex tinħoloq iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Għalhekk huwa importanti li l-programm qafas għar-riċerka jiġi implimentat bl-iktar mod effiċjenti possibbli. Il-parteċipazzjoni fil-programm qafas għandha tkun attraenti għall-aqwa xjenzjati u istituti kif ukoll għall-industrija u l-SMEs: l-involviment fih għandu jkun interessanti u jiġi kkunsidrat bħala premju. Dan jeħtieġ kundizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji attraenti u effikaċi għall-benefiċjarji.

3.2   Semplifikazzjoni meħtieġa. B’mod ġenerali, hemm bżonn ċar ta’ titjib u semplifikazzjoni konsiderevoli tal-proċeduri u r-regoli. Għalhekk il-Kumitat kemm-il darba sejjaħ għal semplifikazzjoni tal-proċeduri marbutin mal-użu tal-programm qafas tar-riċerka, u nnota bi pjaċir li l-ewwel miżuri diġà ġew implimentati fis-seba’ programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp.

3.3   Konklużjonijiet tal-Kunsill. Konsegwentement, il-Kumitat jilqa’ wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2010 (2). Il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet addizzjonali tal-Kumitat għandhom iservu biex il-punti mqajma f’dan il-Kunsill jiġu approfonditi u appoġġjati.

3.4   Approvazzjoni ġenerali. B’mod ġenerali l-Kumitat jilqa’ u jappoġġja l-inizjattivi u l-ideat tal-Kummissjoni hekk kif ippreżentati fil-Komunikazzjoni tagħha. Ħafna mill-miżuri proposti huma adatti u jistgħu jwasslu għal titjib sinifikanti. Għaldaqstant il-Kumitat jappoġġjahom. Dan jgħodd pereżempju għat-tnaqqis tal-burokrazija marbuta mal-proposti u l-għoti tal-għajnuna finanzjarja fil-qafas tar-regoli eżistenti jew l-aċċettazzjoni iktar wiesgħa tal-proċeduri tal-kontabilità u t-tfassil tar-rapporti tal-benefiċjarji. Madankollu dan mhux ser jippermetti li jiġu skartati għal kollox il-kawżi prinċipali tal-kumplessità attwali; ser jikkontribwixxi biss għal trażżin tal-impatt. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ sforzi fuq perijodu twil, fl-interess tas-suq komuni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, sabiex jitwarrbu l-kawżi ewlenin tal-problema.

3.5   Kawża ewlenija tal-kumplessità attwali. Problema kbira tal-promozzjoni tar-riċerka fl-UE hija d-diversifikazzjoni dejjem tikber tal-programmi u l-istrumenti tal-UE. L-istrumenti u l-programmi ta’ promozzjoni kultant għandhom regoli u proċeduri proprji u differenti ħafna minn xulxin (bħall-JTIs skont l-Artikolu 187, l-inizjattivi skont l-Artikolu 185, EIT, ERA-Nets, PPP, eċċ.). Dan iwassal għal kumplessità dejjem ikbar għall-benefiċjarji li mhux biss ixxekkel l-effiċjenza tar-riżorsi investiti, iżda wkoll il-ġibda tax-xjenzjati lejn il-programm qafas. Min-naħa tiegħu dan jipperikola s-suċċess tal-programm qafas.

3.5.1   Regoli differenti tal-Istati Membri. Din il-kumplessità hija aggravata mid-differenzi, kultant kbar, bejn ir-regoli u r-regolamenti fid-diversi Stati Membri u l-kontributuri nazzjonali, li jaqdu rwol konsiderevoli, ħafna drabi deċiżiv, fil-proġetti ta’ appoġġ. Ta’ min ifakkar, biex il-problema tiġi analizzata fit-totalità tagħha, li kważi l-proġetti kollha appoġġjati mill-Kummissjoni (bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-European Research Council, ERC) jitolbu l-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi u kontributuri minn mill-inqas tliet Stati Membri!

3.6   Armonizzazzjoni tar-regoli. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li l-atturi kollha responsabbli għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka jnaqqsu din id-diversità u l-varjetà ta’ regoli legali, amministrattivi u finanzjarji fil-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp: hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni/standardizzazzjoni u tnaqqis tar-regoli marbutin mal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp. L-istrumenti ta’ finanzjament tajbin tal-programm qafas għandhom jiġu identifikati u żviluppati b’mod adegwat. Għall-miżuri Ewropej kollha ta’ appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp għandu jkun hemm qafas legali uniku.

3.7   Objettiv addizzjonali. It-tieni objettiv għandu jkun l-istandardizzazzjoni tal-istrumenti ta’ appoġġ u l-proċeduri ta’ kalkolu tal-ispejjeż (ara wkoll punt 4.1), mhux biss fi ħdan il-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp stess, iżda wkoll bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. B’hekk uħud mill-fatturi magħrufa li jostakolaw l-iżvilupp tal-mobbiltà transkonfinali bejn ix-xjenzjati jkunu jistgħu jingħelbu. B’mod ġenerali dan ikun pass konsiderevoli biex tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Anke jekk dan l-għan importanti llum għadu jista’ jitqies bħala utopiku, xorta waħda għandna nkomplu nimmiraw lejh, b’paċenzja u determinazzjoni, forsi anke permezz ta’ approċċ gradwali. Għax jekk dan isir, inkunu għamilna l-pass importanti li hemm bżonn biex tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

3.7.1   Pluralità fir-riċerka. Madankollu dan it-tip ta’ standardizzazzjoni m’għandu bl-ebda mod iwassal għal trażżin tal-pluralità tal-metodi, l-approċċi u l-firxa ta’ suġġetti ta’ riċerka (3), li l-Kumitat jikkunsidra bħala vitali. Il-pluralità (fir-riċerka) mhijiex ħalja, iżda hija mezz neċessarju ta’ kif jista’ jittejjeb u jitwettaq il-progress fit-tfittxija għal għarfien ġdid u tekniki ġodda, u hija kundizzjoni sine qua non għall-progress xjentifiku.

3.8   Bilanċ bejn il-libertà u l-kontroll. Fil-prinċipju, jeħtieġ li jkun hemm rabta bbilanċjata bejn il-libertà u l-kontroll. Dan jikkonċerna kemm it-tfassil tar-regoli kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika. Sakemm tintlaħaq is-semplifikazzjoni tar-regoli, jeħtieġ urġentement li l-applikazzjoni tar-regoli tkun iktar flessibbli u prammatika. Fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli, l-iżvilupp tal-proġetti u l-użu effiċjenti tar-riżorsi għandhom jingħataw prijorità fuq il-prevenzjoni tar-riskju li jsir żball. L-istandards espressi b’mod astratt tar-regoli tal-parteċipazzjoni u tal-baġit joħolqu flessibbiltà kbira. Dawn għandhom jiġu użati biex tinkiseb promozzjoni mill-aħjar tar-riċerka u ġestjoni effiċjenti tal-fondi. Il-Kumitat ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu, essenzjalment flessibbiltà ikbar fid-deċiżjonijiet li jistgħu jieħdu l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni u tolleranza ikbar fir-rigward tar-riskju li jsir żball. Il-biża’ li individwi jagħmlu żbalji m’għandhiex twassal għal regolamentazzjoni eċċessiva u ostakoli għal kulħadd. Għandu japplika l-istess prinċipju għall-modus operandi tal-korpi ta’ finanzjament u r-riċerkaturi.

3.9   Approċċ ibbażat fuq il-fiduċja. L-iżbalji fil-kalkolu tal-ispejjeż huma ġeneralment dovuti għall-kumplessità tal-kriterji ta’ finanzjament u m’għandhom l-ebda għan qarrieqi. Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni bejn l-iżbalji u l-frodi. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jadottaw approċċ ibbażat fuq il-fiduċja u jpoġġuh fil-qalba tal-promozzjoni Ewropea tar-riċerka. B’rabta ma’ dan huwa jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni favur żieda fil-livell ta’ tolleranza fir-rigward tat-teħid tar-riskju fil-qasam tar-riċerka (4).

3.10   Uffiċjali kkwalifikati u impenjati. Għall-implimentazzjoni tal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp il-Kummissjoni teħtieġ uffiċjali kkwalifikati b’għarfien xjentifiku espert rikonoxxut mill-komunità xjentifika internazzjonali (5). L-impenn tagħhom għal riżultati mill-aqwa u żvilupp effiċjenti tal-programmi m’għandux ibati żżejjed minħabba l-biża’, totalment iġġustifikata, li jsir żball proċedurali minħabba l-kumplessità tas-sistema, u l-konsegwenzi ta’ dan. Iżda dan ifisser ukoll li wieħed m’għandux jiġi kkunsidrat responsabbli għall-iżbalji li jsiru b’mod eċċessiv. Huwa wkoll minħabba f’hekk li s-semplifikazzjoni, il-flessibbiltà u ċ-ċarezza huma essenzjali.

3.11   It-trasparenza bħala mekkaniżmu ta’ kontroll addizzjonali. Inevitabbilment, il-flessibbiltà ikbar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li qiegħed jirrakkomanda l-Kumitat u li ttejjeb l-effikaċja tal-atturi kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni tinvolvi wkoll potenzjal addizzjonali għal żbalji u trattament preferenzjali. Madankollu billi l-Kumitat dejjem enfasizza li l-apertura u t-trasparenza totali kienu essenzjali fil-qasam tal-appoġġ tar-riċerka, il-komunità tal-utenti infurmati u r-reazzjonijiet tagħha jirrappreżentaw fattur ta’ korrezzjoni addizzjonali kontra l-iżbalji potenzjali.

3.12   L-importanza tal-kontinwità u l-istabbiltà. Il-ġestjoni ta’ sistemi tant kumplessi titlob proċess ta’ tagħlim tqil u l-ksib ta’ rutina; dan jgħodd kemm għall-uffiċjali tal-Kummissjoni kif ukoll għall-benefiċjarji potenzjali, b’mod speċjali għall-SMEs li m’għandhomx ir-riżorsi biex jiftħu dipartiment legali li jieħu ħsieb dawn il-kwistjonijiet. Għalhekk il-kontinwità progressiva tal-proċess mhux biss ittejjeb iċ-ċertezza legali iżda tissemplifika wkoll il-ġestjoni tas-sistema. Għaldaqstant kull tibdil ippjanat, anke jekk iservi biex jissemplifika s-sistema, għandu jiġi vvalutat bi tqabbil mat-telf ta’ kontinwità u stabbiltà: is-semplifikazzjoni mixtieqa għandu jkollha valur miżjud konsiderevoli meta mqabbla mat-telf ta’ kontinwità u stabbiltà.

3.13   Semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u valutazzjoni. Flimkien mas-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri legali, amministrattivi u finanzjarji (punti 3.6 u 3.7), huwa daqstant importanti li jiġu wkoll issemplifikati l-proċeduri xjentifiċi u tematiċi ta’ applikazzjoni, valutazzjoni u monitoraġġ, sabiex ir-regolamentazzjoni eċċessiva u l-pataflun ta’ rekwiżiti Ewropej u nazzjonali għal rappurtar istituzzjonali, proċeduri ta’ applikazzjoni, reviżjonijiet, evalwazjonijiet, arranġamenti għall-awtorizzazzjoni, eċċ. u fejn huwa neċessarju li jitneħħa minnhom dak li m’huwiex meħtieġ. Il-Kumitat jiddispjaċih li dan l-aspett lanqas biss jissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa jerġa’ jirrakkomanda li l-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri u r-rappreżentanti tagħhom, tagħmel li tista’ biex tarmonizza u tiġbor flimkien id-diversi proċeduri ta’ applikazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni fil-livelli istituzzjonali, nazzjonali u Ewropej li ħafna drabi jirkbu fuq xulxin. B’hekk jiġi evitat li r-riċerkaturi kkwalifikati – u b’mod ġenerali l-kapital uman – jintilfu mingħajr raġuni. Filwaqt li sar xi progress f’dan ir-rigward fi ħdan is-seba’ programm qafas, għad fadal ħafna x’jista’ jsir. Is-soluzzjonijiet potenzjali għandhom jiżguraw li l-Istati Membri jkomplu jipparteċipaw kif jixraq fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-għajnuniet fi ħdan il-korpi u l-kumitati.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Proċeduri ta’ ħlas ta’ spejjeż tal-Istati Membri. Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposta tal-Kummissjoni għal “ aċċettazzjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità abitwali ” twassal effettivament għal semplifikazzjoni konsiderevoli. Iżda dan huwa biss minnu jekk l-għan ġenwin – approvat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri – huwa li jkun possibbli li jintużaw għall-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp ukoll l-arranġamenti u l-proċeduri ta’ ħlas stabbiliti taħt ir-regoli nazzjonali dwar il-finanzjament tar-riċerka li huma fis-seħħ f’kull Stat Membru. Il-Kumitat huwa konxju li dan jista’ jwassal għal inugwaljanzi fit-trattament iżda dawn għandhom jiġu ttollerati sabiex titwettaq tassew is-semplifikazzjoni mixtieqa. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda bis-sħiħ li din il-proposta tal-Kummissjoni tiġi applikata, b’mod effiċjenti u mingħajr riżervi, għall-kategoriji kollha tal-ispejjeż, bil-kundizzjonijiet imsemmijin hawn.

4.1.1   Possibbiltà ta’ rimborż tal-VAT. Ċerti proġetti ta’ riċerka jinkludu l-VAT fl-ispejjeż tagħhom. Ir-regoli baġitarji Ewropej jippermettu li f’ċerti ċirkostanzi l-VAT tkun tista’ tiġi sovvenzjonata. Fil-fatt dan ir-regolament diġà qiegħed jiġi applikat fil-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ riċerka Ewropej. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li fil-ġejjieni l-VAT titqies bħala spiża rimborżabbli fil-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp.

4.2   Limitazzjoni tal-varjetà tar-regoli. Hemm bżonn urġenti li l-għadd kbir ta’ regoli dwar id-diversi programmi u strumenti jiġi llimitat (ara punt 3.6). Madankollu m’għandux ikun hemm soluzzjoni waħda għall-benefiċjarji kollha, billi approċċ ta’ dan it-tip ma jkunx ġust għad-diversi parteċipanti tal-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, anke jekk jikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni. Għalhekk għandha tinżamm mill-inqas id-distinzjoni attwali bejn id-diversi organizzazzjonijiet. Għaldaqstant il-Kumitat jirrakkomanda li ma jiġux adottati l-proposti tal-Kummissjoni taħt dan it-titolu għal approċċ finanzjarju uniku għall-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet kollha.

4.3   Awtorizzazzjoni tat-testijiet bi prova. Il-limitazzjoni tan-numru ta’ regoli u r-rekwiżit tal-kontinwità u l-istabbiltà fir-regoli (ara wkoll punt 3.12) m’għandhomx jibblukkaw is-sistema. Strumenti ġodda għandhom jiġu awtorizzati bħala esperiment u ttestjati, qabel ma jiġi deċiż li jkunu soġġetti għar-regoli attwali.

4.4   Definizzjonijiet u linji gwida ċari – struzzjonijiet għall-użu. Fis-sistemi kumplessi huwa kruċjali li jkun hemm definizzjoni ċara u mhux ambigwa tal-kunċetti, ir-regoli, il-proċeduri u l-proċessi sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jaħdmu b’mod effiċjenti. Dan jgħodd ukoll għad-disponibbiltà f’waqtha ta’ linji gwida u “struzzjonijiet” affidabbli min-naħa tal-Kummissjoni. Minn banda, il-linji gwida għandhom joffru ambitu ta’ azzjoni suffiċjenti sabiex il-karatteristiċi differenti tal-benefiċjarji jiġu kkunsidrati b’mod adegwat. Mill-banda l-oħra, il-benefiċjarji għandhom ikunu jistgħu jafdaw fir-rakkomandazzjonijiet li jingħatawlhom. Dan ir-rekwiżit m’huwiex kontradizzjoni tal-flessibbiltà meħtieġa iżda jippermetti pjuttost li din tintuża bis-sħiħ. Iżda l-Kumitat jagħraf li hemm problema partikolari fl-aħħar parti, l-iktar waħda revoluzzjonarja, tal-proposti tal-Kummissjoni (ara punt 4.8 ukoll).

4.5   Strateġija ta’ verifika koerenti. L-istrateġija ta’ verifika futura tal-Kummissjoni hija element importanti tal-proċess ta’ semplifikazzjoni (ara wkoll punti 3.9 u 4.1). Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li l-istrateġija ta’ verifika terġa’ tiġi ddefinita bil-għan li jittejbu kemm l-effikaċja tal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Ikun ukoll xieraq li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu vverifikati l-proċeduri ta’ kontabilità eżistenti tal-Istati Membri, inklużi l-arranġamenti potenzjali għall-ħlas tal-ispejjeż medji tal-persunal.

4.6   Aktar kontributi globali fi ħdan l-approċċ attwali bbażat fuq l-ispejjeż reali. Fi prinċipju l-Kumitat japprova din il-proposta tal-Kummissjoni li tista’ taffettwa diversi tipi ta’ spejjeż. Fiha l-Kummissjoni tara wkoll il-possibbiltà li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-SMEs. Madankollu l-Kumitat japprova din il-proposta bil-kundizzjoni li l-kontribut globali jkopri l-ispejjeż reali u ma jkunx skuża biex jitnaqqas il-finanzjament, iżda jibqa’ għażla fakultattiva.

4.6.1   Spejjeż reali bħala bażi tal-ħlas tal-kontributi globali. Fi prinċipju l-allokazzjoni finanzjarja – jiġifieri l-kontribut globali offrut – għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż reali tal-benefiċjarji. Huwa biss meta l-finanzjament mill-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp jilħaq ċertu somma li jkun interessanti għal ogranizzazzjoni potenzjalment benefiċjarja li tipparteċipa fil-programmi Ewropej tar-riċerka minkejja l-isforzi amministrattivi u oħrajn meħtieġa. U huwa biss f’dan il-punt li l-objettivi f’termini ta’ kompetittività u kapaċità ta’ innovazzjoni jintlaħqu bis-sħiħ.

4.7   Għodod tal-IT sodi għall-ġestjoni tal-proġetti. L-użu ta’ sistemi tal-internet għall-implimentazzjoni globali ta’ proġett, mit-tressiq tal-applikazzjonijiet sa tmiem il-proġett, għandu potenzjal kbir biex inaqqas konsiderevolment ix-xogħol amministrattiv kemm min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll min-naħa tal-applikant. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni f’din direzzjoni. Madankollu l-istrumenti mfassla mill-Kummissjoni għall-użu tal-applikanti għandhom jaħdmu mingħajr xkiel. Anke jekk is-softwer ġdid żviluppat għas-seba’ programm qafas jiffaċilita l-ħidma tal-Kummissjoni, m’għandux jikkomplika l-proċedura għall-applikant. Softwer mhux effiċjenti (pereżempju n-NEF) u strutturi ta’ dokumenti inkompatibbli (pereżempju bejn stadju tal-proġett u ieħor) joħolqu xogħol amministrattiv addizzjonali u żejjed għall-applikanti kollha. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan il-punt jiġi kkunsidrat fl-istadji u l-livelli kollha tal-proġett u li fil-ġejjieni jiġu investiti iktar riżorsi fl-iżvilupp addizzjonali tal-għodod tal-IT.

4.8   Ngħaddu għal finanzjamant ibbażat fuq ir-riżultati minflok dak ibbażat fuq l-ispejjeż. Il-Kummissjoni tipproponi li fit-tmien programm qafas li ġej, tiġi kkunsidrata, bħala semplifikazzjoni ġdida u kunċett ta’ finanzjament alternattiv, it-tranżizzjoni minn finanzjament ibbażat fuq l-ispejjeż għal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati. Billi l-ewwel objettiv ta’ kull finanzjament tar-riċerka għandu jkun li jinkisbu għarfien u esperjenzi ġodda u li jintgħażel l-aqwa mod għal dan, din il-proposta tidher ferm attraenti mal-ewwel daqqa t’għajn. Għax ovvjament ir-regoli u l-applikazzjoni tagħhom għandhom jissodisfaw lil dan il-għan u jkunu soġġetti għalih.

4.8.1   Xettiċiżmu inizjali. Ftehim minn qabel dwar ir-riżultati konkreti ta’ proġett ta’ riċerka jidher problematiku: jagħti l-impressjoni ta’ riċerka mwettqa b’kuntratt. Dan mhux biss iqajjem problemi legali fir-rigward tal-akkwist pubbliku u tat-taxxi, iżda wkoll kwistjonijiet fir-rigward tal-mod kif inhi kkunsidrata r-riċerka. X’inhu r-riżultat tar-riċerka bażika? Din hija r-raġuni għalfejn il-Kumitat ser jibqa’ xettiku fir-rigward ta’ din il-proposta, sakemm ikun jista’, permezz ta’ spjegazzjoni dettaljata u ċara tal-Kummissjoni, jivvaluta b’mod oġġettiv x’jista’ jinftiehem konkretament b’riċerka bbażata fuq ir-riżultati u liema strumenti ser jintużaw għall-applikazzjoni tagħha. Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni stess tħeġġeġ dan ix-xettiċiżmu bl-attitudni ambigwa tagħha: Approċċi bbażati fuq ir-riżultati jesiġu definizzjoni attenta tal-output/riżultat fil-livell ta’ kull proġett individwali u analiżi bir-reqqa sabiex jiġu ffissati somom ta’ flus f’daqqa… Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li jkun hemm dibattitu dettaljat u maħsub sewwa bejn il-parteċipanti potenzjali kollha, li jwassal għal Komunikazzjoni addizzjonali ċara dwar il-finanzjament tar-riċerka bbażata fuq ir-riżultati, qabel ma jittieħdu passi konkreti oħra dwar dan.

4.8.2   Studju ta’ fattibbiltà u definizzjonijiet. Għar-raġunijiet ippreżentati hawn fuq, il-Kumitat jilqa’ studju ta’ fattibbiltà (ara wkoll punt 4.3) dwar ir-riċerka bbażata fuq ir-riżultati, sabiex l-opportunitajiet, ir-riskji, il-problemi u l-potenzjal ta’ semplifikazzjoni possibbli jkunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod oġġettiv. Minflok finanzjament tar-riċerka bbażata fuq ir-riżultati forsi jkun preferibbli li jintużaw termini bħal “finanzjament ta’ proġetti bbażati fuq ir-riċerka” (6) (TRANS E science-based funding) jew “finanzjament tar-riċerka bbażata fuq il-programmi”.

4.8.3   Konsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tal-SMEs. L-allokazzjoni ta’ għajnuniet ibbażata fuq ir-riżultati inċerti tal-proġetti li għad iridu jinksibu tista’ tkun partikolarment problematika għall-SMEs. Jekk l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-Kummissjoni tkun imxekkla minn nuqqas ta’ sigurtà sustanzjali, jista’, pereżempju, ikun diffiċli li jinkisbu l-fondi addizzjonali meħtieġa.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara wkoll COM(2010) 261 finali.

(2)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28 ta’ Mejju 2010 - Konklużjonijiet tal-Kunsill għal programmi ssemplifikati u iktar effiċjenti għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea 10268/10.

(3)  ĠU C 44, 16.02.2008, p. 16 u punti 1.10 u 3.14.1.

(4)  Ara wkoll COM(2010) 261, finali.

(5)  Il-Kumitat jirreferi għall-opinjoni ĠU C 44, 16.02.2008, p. 1, li fil-punt 1.12 tagħha huwa jirrakkomanda “li l-korpi ta’ finanzjament, b’mod speċjali l-Kummissjoni, jinvolvu l-istaff li taw xhieda tal-kompetenza xjentifika tagħhom, li huma familjarji mal-karatteristiċi partikulari u l-”komunità“ ta’ dan il-qasam xjentifiku - u jaġġornaw l-għarfien tagħhom fit-tul (u b’hekk ir-rotazzjoni tax-xogħol fuq bażi regolari issir kontraproduttiva ).”

(6)  Proposta tal-grupp ta’ ħidma informali “Implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Qafas” taħt il-presidenza tas-Sur Herbert Reul (MPE).