15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE”

COM(2009) 512 finali

2011/C 48/20

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar it-30 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni iddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE

COM(2009) 512 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’112-il vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-proposta li ssir enfasi fuq it-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (TAE). Jenfasizza wkoll li hemm bżonn riċerka u żvilupp b’saħħithom immirati lejn it-TAE fl-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka biex jiġi stimolat l-iżvilupp u biex tiġi appoġġjata l-applikazzjoni kummerċjali u industrijali ta’ dawn it-teknoloġiji.

1.2   Madankollu, jidher li, fil-forma attwali tagħha, il-proposta hija biss waħda minn ħafna inizjattivi tal-UE li tfasslu biex itejbu l-innovazzjoni u l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp fis-suq intern. L-iskemi preċedenti ma rnexxewx, kif tindika s-sitwazzjoni attwali deskritta fl-analiżi tal-Kummissjoni (punt 3.8 hawn taħt). Qed isir appell għal approċċ ġdid.

1.3   Il-Komunikazzjoni tiddikjara li “[f]ilwaqt li r-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa u l-applikazzjonijiet speċifiċi tagħhom huma primarjament ir-responsabilità tan-negozji, min ifassal il-politika hemm bżonn li joħloq il-kundizzjonijiet qafas u l-istrumenti ta’ appoġġ it-tajbin għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tal-UE għall-iżvilupp tat-TAE.” Din hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri iżda l-KESE jemmen li dan l-approċċ huwa problematiku peress li, kif spjegat fis-sezzjoni 5, l-Istati Membri m’għandhomx biżżejjed kumpaniji ewlenin ta’ teknoloġija avvanzata (high-tech) biex jagħmlu użu adatt mit-TAE.

1.4   Peress li l-firxa ta’ kumpaniji kbar ta’ teknoloġija avvanzata mhijiex kompleta, l-SMEs jiffaċċjaw problemi partikolari fl-UE. Xi SMEs ikunu żgħar fil-bidu u jsiru atturi importanti fix-xena globali. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji ġodda ta’ teknoloġija avvanzata (high-tech start-ups) ikollhom bżonn jistabbilixxu relazzjoni ma’ kumpaniji kbar għat-tkabbir u s-sopravivenza tagħhom. Ħafna SMEs jispiċċaw jinxtraw minn kumpaniji kbar li jużaw dawn l-akkwisti biex isaħħu l-isforzi tagħhom fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp. Minħabba n-nuqqas ta’ kumpaniji Ewropej ta’ teknoloġija avvanzata, kumpaniji Amerikani u Asjatiċi jsiru l-imsieħba u s-sidien ta’ SMEs Ewropej.

1.5   Din il-Komunikazzjoni tassumi b’mod impliċitu li l-interessi tal-UE huma definiti u mifhuma tajjeb mentri fil-fatt mhumiex. Ħafna mill-kumpaniji tat-teknoloġija huma multinazzjonali jew globali. L-uffiċċju prinċipali u l-kwotazzjoni tagħhom fil-Borża jistgħu jkunu kullimkien. L-azzjonisti jkunu istituzzjonijiet globali. Ir-rabtiet fil-katina tal-valur tar-riċerka bażika, l-iżvilupp tal-prodott, il-produzzjoni u l-assemblaġġ jistgħu jkunu stabbiliti f’kontinenti differenti. L-akkwisti jistgħu jsiru kull fejn hija disponibbli t-teknoloġija meħtieġa. L-immarkar u l-bejgħ ikunu globali. Fil-fatt, kull prodott huwa disponibbli kullimkien.

1.6   Fejn qiegħed l-interess Ewropew f’din in-nisġa ta’ interessi? Huwa relatat ma’ kemm l-Istati Membri jirnexxilhom, jew ma jirnexxilhomx jistimolaw l-intrapriża. Jeħtieġ aktar intrapriżi biex jisfruttaw it-TAE. Għandu jitħeġġeġ it-twaqqif ta’ kumpaniji, għandu jiġi appoġġjat it-tkabbir tal-kumpanijiu għandu jinġibed investiment intern. Il-kultura kummerċjali eżistenti fl-Ewropa għandha tiġi sfidata. Mit-Trattat ta’ Ruma u sussegwentement l-Att Uniku Ewropew ’il quddiem, l-UE ma rnexxiliex tlaħħaq mal-bqija tad-dinja hekk kif avvanzat it-teknoloġija. It-TAE x’aktarx huma l-aħħar opportunità biex l-Ewropa tmexxi ’l quddiem il-prodotti u s-servizzi teknoloġikament avvanzati.

1.7   Biex din il-politika tirnexxi, ser jeħtieġ li jitwaqqfu gradwalment operazzjonijiet tal-manufattura fl-Ewropa. Ser ikun hemm bżonn bidla fundamentali. L-idea li l-manifattura tista’ tiġi sottokuntrattata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw m’għadhiex tgħodd. It-tħaddim tal-produzzjoni u t-teknoloġija huma essenzjali għall-innovazzjoni li jirrappreżentaw il-prodotti teknoloġikament avvanzati. Dan is-sors ta’ vantaġġ kompetittiv għandu jinġab lura fl-Ewropa u għandu jiżdied it-twaqqif ta’ kumpaniji ġodda tat-teknoloġija fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-Ewropa għandha bżonn dawn l-impjiegi.

1.8   Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn bilanċ tajjeb bejn ir-riċerka applikata u r-riċerka fil-qasam tal-prinċipji fundamentali tax-xjenza. Ir-riċerka bażika tipprovdi l-bażi għall-innovazzjonijiet u teknoloġiji abilitanti essenzjali ġodda li jkunu sostenibbli u fuq tul ta’ żmien. Bilanċ tajjeb bejn ir-riċerka applikata u r-riċerka bażika hija importanti wkoll biex jinġibdu riċerkaturi ta’ kwalità għolja.

1.9   Huwa diffiċli li tiġi stabbilita strateġija ffokata fuq l-UE f’suq globali. Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni ta’ miżuri ta’ prestazzjoni, ta’ miri jew ta’ dati għall-ksib tal-miri li jistgħu jiġu applikati għar-riżultati ta’ din l-inizjattiva. L-għoti ta’ sura lil dan il-programm għandu jkun l-ewwel kompitu tal-Grupp ta’ Livell Għoli.

1.10   Fir-raba’ sezzzjoni ta’ din l-opinjoni tingħata risposta, punt b’punt, għall-proposti ta’ politika dwar it-TAE. Fil-qosor, il-punti ewlenin huma:

l-indirizzar tal-falliment tas-suq intern li jħeġġeġ l-intrapriża u l-iżvilupp ta’ strateġija industrijali li tindirizza d-defiċit konsiderevoli tal-Ewropa fir-rigward tal-kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata;

il-manifattura tinġieb lura fl-Ewropa u jiżdiedu kumpaniji ġodda fl-Ewropa;

l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kumpaniji għall-finanzjament tat-teknoloġiji innovattivi;

il-ħolqien ta’ inċentivi finanzjarji biex l-UE ssir post vantaġġuż għall-innovazzjoni u l-intrapriżi fil-qasam tat-TAE;

it-tnedija ta’ riforma radikali tal-iskejjel u l-universitajiet biex jipprovdu l-ħiliet meħtieġa;

it-tħeġġiġ ta’ clusters ta’ kumpaniji innovattivi ta’ teknoloġija avvanzata ibbażati fl-universitajiet u fiċ-ċentri ta’ riċerka;

ir-rikonoxximent tal-fatt li d-dinja nbidlet u l-adozzjoni ta’ politiki kummerċjali internazzjonali aggressivi;

l-iżgurar li din l-inizjattiva tkun komprensiva, u tinkludi l-inizjattivi relatati kollha mid-DĠ kollha.

1.11   Il-Kummissjoni għandha raġun tkun imħassba dwar il-fatt li mingħajr informazzjoni tajba, il-pubbliku, li jkollu impressjoni ħażina minħabba informazzjoni qarrieqa, jista’ jopponi mingħajr raġuni l-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi bbażati fuq it-TAE. Il-KESE jappoġġja l-impenn tas-soċjetà ċivili biex ikun jista’ jsir il-progress meħtieġ. Għandha tingħata prijorità għolja biex jinġibed l-interess tal-pubbliku inġenerali u taż-żgħażagħ b’mod partikolari lejn ix-xjenza u t-teknoloġija meraviljużi li aħna mdawrin bihom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, mill-konverġenza straordinarja tat-TMT (1) li jirrappreżentaw il-prodotti tat-tip tal-iPhone sal-katina ta’ bijoloġija, kimika, fiżika, u loġistika li twasslilna l-ikel fuq il-mejda permezz tal-forn microwave. L-Ewropa għandha bżonn aktar xjentisti b’missjoni li jbiddlu d-dinja.

1.12   Fl-istess waqt, il-KESE jinsisti li jiġi adottat approċċ ta’ prekawżjoni fir-rigward tal-iżviluppi tat-TAE bil-għan li, minkejja r-riskju, il-problemi tal-klima, tas-saħħa u dawk soċjali jittaffew u b’hekk l-iżviluppi jsiru sostenibbli. L-iżvilupp u l-iskoperti jiġu ostakolati jekk ma jittieħed l-ebda riskju fir-riċerka, però ladarba l-applikazzjonijiet tat-TAE jkunu qed jiġu prodotti għall-massa, il-KESE jistenna li la l-benesseri tal-pubbliku ġenerali u lanqas is-sostenibbiltà tal-ambejnt ma jiġu pperikolati.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-ewwel sezzjoni tal-Komunikazzjoni tistqarr li, “l-UE għandha bżonn rendiment innovattiv b’saħħtu sabiex tatrezza ruħha bil-mezzi kollha meħtieġa biex tindirizza l-isfidi soċjetali ewlenini li ġejjin”. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jilħqu ftehim dwar l-importanza tal-użu effettiv tat-TAE fl-UE. Dan il-ftehim huwa prerekwiżit biex l-UE tiġi żviluppata fi spazju li jkattar l-innovazzjoni. Huwa meħtieġ ukoll jekk l-Ewropa trid issir attur internazzjonali ewlieni li jsarraf l-impenn tiegħu fi gwadann f’termini ta’ benesseri kemm fis-suq domestiku kif ukoll f’dak barrani.

2.2   Il-Kummissjoni pproponiet li jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli biex jindirizza l-oqsma ta’ azzjoni stabbiliti fis-sezzjoni 4 hawn taħt. Dan issa sar. Il-membri tal-grupp huma esperti industrijali u akkademiċi mill-Istati Membri. Biex jinħolqu sinerġiji, dan il-grupp għandu jikkoopera ma’ gruppi oħra ta’ esperti ta’ livell għoli, gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u korpi oħra tat-teknoloġija.

2.3   Il-grupp għandu:

jivvaluta l-qagħda kompetittiva tat-teknoloġiji rilevanti fl-UE b’enfasi partikolari fuq l-użu industrijali u r-rilevanza tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà;

janalizza bir-reqqa l-kapaċitajiet pubbliċi u privati disponibbli tar-riċerka u l-iżvilupp għat-TAE fl-UE;

jipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta’ politika għal użu industrijali iktar effettiv tat-TAE fl-UE.

Il-KESE jistenna li l-ħidma tal-Grupp tkun ibbażata fuq il-bżonnijiet fil-futur, viżjoni u approċċ komprensiv.

3.   It-teknoloġiji abilitanti essenzjali

3.1   Dawn li ġejjin ġew identifikati bħala t-TAE bl-akbar rilevanza strateġika:

3.2   In-nanoteknoloġija: dan huwa terminu globali li jiġbor fih id-disinn, il-karatterizzazzjoni, il-produzzjoni u l-applikazzjoni ta’ strutturi, tagħmir u sistemi billi jiġu kkontrollati l-forma u d-daqs fuq skala ta’ nanometru.

3.3   Il-mikro u nanoelettroniċi jittrattaw komponenti ta’ semikondutturi u sottosistemi elettroniċi fuq skala żgħira ħafna u l-integrazzjoni tagħhom fi prodotti u sistemi akbar.

3.4   Il-fotonika hija qasam multidixxiplinari li jittratta d-dawl, u jinkludi l-ġenerazzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tiegħu.

3.5   It-teknoloġiji ta’ materjali avvanzati jwasslu għal alternattivi li jqumu anqas flus mill-materjali eżiztenti u għal prodotti u servizzi ġodda b’valur miżjud ogħla. Fl-istess waqt, ser inaqqsu d-dipendenza mir-riżorsi, il-perikli ambjentali u l-iskart.

3.6   Il-bijoteknoloġija industrijali tinkludi l-użu ta’ mikroorganiżmi jew il-komponenti tagħhom, bħal pereżempju l-enzimi, għall-ġenerazzjoni ta’ prodotti, sustanzi u moduli kimiċi ta’ siwi industrijali b’kapaċitajiet li l-proċessi petrokimiċi konvenzjonali ma jistgħux jipprovdu.

3.7   Il-ksib ta’ ftehim Komunitarju dwar l-għażla ta’ Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali huwa l-punt ewlieni tal-Komunikazzjoni. Is-software għal dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet ta’ dawn it-teknoloġiji ser jiddependu mill-għażla tat-teknoloġiji nnifishom. Il-KESE lest li jħalli l-irfinar ta’ din il-lista f’idejn il-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati l-informatika ta’ prestazzjoni għolja u x-xjenza tas-simulazzjoni.

3.8   Skont il-Kummissjoni, l-UE għandha ostakli kbar biex tikseb firxa usa’ tat-TAE. L-UE kienet inqas effettiva mill-Istati Uniti u xi pajjiżi Asjatiċi fil-kummerċjalizzazzjoni u l-esplojtazzjoni tan-nanoteknoloġija, xi aspetti tal-fotonika, il-bijoteknoloġija u s-semikondutturi. Dawn huma kollha oqsma fejn saru sforzi pubbliċi sostanzjali fir-riċerka u l-iżvilupp, madankollu dawn ma jissarrfux biżżejjed f’kisbiet ekonomiċi u soċjetali. Hemm bosta raġunijiet għal dan:

l-UE ma tikkapitalizzax b’mod effettiv ir-riżutati tar-riċerka u l-iżvilupp tagħha stess;

sikwit ikun hemm nuqqas ta’ għarfien u komprensjoni mill-pubbliku fir-rigward tat-TAE;

hemm nuqqas ta’ ħaddiema ta’ ħila mmirati lejn in-natura multidixxiplinari tat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali;

il-livelli tal-finanzjament tal-kapital ta’ riskju u l-investiment privat disponibbli għat-TAE għadhom relattivament baxxi;

il-frammentazzjoni tal-isforzi tal-politika tal-UE spiss tkun ikkawżata minn nuqqas ta’ viżjoni u koordinazzjoni fit-tul;

f’xi pajjiżi terzi, it-TAE jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ mill-istat, li spiss ma jkunx trasparenti u għalhekk jeħtieġ li jiġi mifhum aħjar fl-UE.

4.   Proposti ta’ politika

4.1   Għal użu effettiv tat-TAE jeħtieġ li jiġu indirizzati għaxar oqsma ta’ politika. Fil-punti li ġejjin, it-test fil-korsiv jagħti l-qofol tal-proposta tal-Kummissjoni.

4.2   Enfasi ikbar fuq it-teknoloġiji abilitanti essenzjali:

Għan ewlieni tal-appoġġ pubbliku għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandu jkun li jiġi żgurat li l-fluss tal-innovazzjoni jinżamm, speċjalment f’perijodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u li l-adozzjoni tat-teknoloġija tiġi ffaċilitata.

4.2.1   Il-KESE jappoġġja għalkollox il-proposta li jissaħħu l-programmi li għandhom appoġġ pubbliku biex jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq l-iżvilupp teknoloġiku. It-tnaqqis fil-profitti tal-kumpaniji żgur qed iżomm lura r-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan il-kumpaniji. L-enfasi fuq il-kollaborazzjoni fl-iskemi ta’ finanzjament tal-UE sikwit tirrappreżenta ostaklu li ma jistax jingħeleb għal kumpaniji ġodda żgħar ta’ teknoloġija avvanzata li jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għall-missjoni tagħhom. Il-fondi pubbliċi għandhom ikunu disponibbli mingħajr kundizzjonijiet biex jiġi pprovdut kapital inizjali sakemm l-innovaturi u l-intraprendituri jaħdmu fuq il-prova tal-kunċett.

4.3   Enfasi ikbar fuq it-trasferiment tat-teknoloġija u fuq il-ktajjen tal-provvista madwar l-UE kollha:

Il-proċess tat-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-industrija jeħtieġ li jissaħħaħ (2). Aċċess ikbar tal-SMEs għat-teknolġiji abilitanti avvanzati mmanifatturati fl-Ewropa u l-promozzjoni ta’ clusters u netwerks ta’ innovazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-ħolqien u ż-żamma ta’ innovazzjoni ta’ klassi dinjija.

4.3.1   Din il-politika hija marbuta mar-relazzjoni bejn l-istituti tar-riċerka u l-industrija, b’mod partikolari l-SMEs. Ma tirreferix għall-clusters industrijali bbażati fl-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka. Hemm differenza kbira bejn l-SMEs eżistenti fil-katina tal-provvista tal-industrija li għandhom bżonn tal-aċċess għall-aħħar teknoloġija rilevanti għall-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista u SMEs żgħar ġodda li jiġu stabbiliti biex imexxu ’l quddiem xjenza jew teknoloġija ġdida li tkun ħarġet minn xi istitut xjentifiku, università jew dipartiment tar-riċerka f’kumpanija. Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-proposta ta’ politika kif indikat, jirrakkommanda wkoll sforz aktar determinat għat-titjib tax-xjenza u t-teknoloġija fl-universitajiet u l-appoġġ permezz ta’ kapital ta’ riskju għall-clusters ta’ kapital ta’ riskju relatati mal-università.

4.3.2   Biex din il-politika tirnexxi, ser jeħtieġ li jitwaqqfu operazzjonijiet tal-manufattura fl-Ewropa. Ser ikun hemm bżonn ta’ bidla fundamentali. L-idea li l-manifattura tista’ tiġi sottokuntrattata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw m’għadhiex tgħodd. It-tħaddim tal-produzzjoni u t-teknoloġija huma essenzjali għall-innovazzjoni li jirrappreżentaw il-prodotti teknoloġikament avvanzati. Dan is-sors ta’ vantaġġ kompetittiv għandu jinġab lura fl-Ewropa. Din hija opportunità biex jinħolqu l-impjiegi. Hekk kif jiżdiedu l-kumpaniji ż-żgħir, dawn għandu jkollhom inċentivi biex jimmanifatturaw fl-Ewropa.

4.4   Enfasi ikbar fuq programmazzjoni strateġika konġunta u proġetti ta’ dimostrazzjoni:

Il-Komunità, kif ukoll l-Istati Membri u r-reġjuni, għandhom ifittxu approċċ iktar strateġiku u koordinat biex jiġu evitati dupplikazzjonijiet mhux ekonomiċi u jikkapitalizzaw b’mod iktar effettiv ir-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp relatati mat-TAE.

Il-programmi ta’ innovazzjoni ffinanzjati mill-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi aktar b’saħħithom għal azzjonijiet ta’ kollaborazzjoni fil-programmazzjoni konġunta bejn l-Istati Membri. B’hekk jinkisbu l-benefiċċji tad-daqs u l-ambitu u jiġu ffaċilitati alleanzi strateġiċi bejn kumpaniji Ewropej.

Peress li l-ispejjeż tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni xi kultant ikunu ogħla minn dawk tar-riċerka u l-iżvilupp fi stadju aktar bikri, iktar kollaborazzjoni madwar l-UE b’involviment iktar qawwi mill-industrija u mill-utenti jista’ jippermetti li l-proġetti jitwettqu b’mod effiċjenti u bi prezzijiet aktar raġonevoli.

4.4.1   Din l-enfasi tista’ tipprovdi mezz biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-firxa tal-kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata fl-UE. L-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta’ prodotti u servizzi mmirati lejn is-suq li jissodisfaw il-bżonnijiet reali tas-suq jistgħu jkunu mezz biex il-kumpaniji żgħar ta’ teknoloġija avvanzata jikbru. Il-KESE jemmen li din il-politika tapplika aktar għall-applikazzjonijiet tax-xjenza u t-teknoloġija milli għar-riċerka bażika. Il-KESE jixtieq li jkun hemm konċentrazzjoni tal-fondi tal-UE u tal-Istati Membri għall-ksib tal-potenzjal tas-suq tat-teknoloġiji li ssemmew f’ħafna dokumenti politiċi u dokumenti ta’ viżjoni. Hemm bżonn ta’ sforz miftiehem biex jiġi stimolat it-twaqqif ta’ negozji ġodda u t-tkabbir sussegwenti ta’ intrapriżi bi preżenza u kompetittività globali.

4.4.2   Tista’ tinħoloq sinerġija addizzjonali abbażi tal-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar il-programmazzjoni konġunta fil-kooperazzjoni reġjonali u makroreġjonali. Jista’ jkun hemm inċentivi speċjali speċifikament għall-kooperazzjoni konġunta fi proġetti tat-TAE.

4.5   Politiki dwar l-għajnuna mill-Istat:

Għajnuna mill-istat immirata sew li tindirizza n-nuqqasijiet fis-suq hija strument adatt biex jiżdiedu r-riċerka u l-iżvilupp u biex titrawwem l-innovazzjoni fl-UE. Il-Kummissjoni beħsiebha tirrevedi l-qafas tal-2006 għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni biex tidetterimina jekk huwiex adegwat.

4.5.1   Evidentement, il-kumpaniji stabbiliti tal-UE ma jridux jikkompetu ma’ kumpaniji oħra tal-UE li huma appoġġjati minn għajnuna mill-istat. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, l-ikbar kwistjoni hija l-iskarsezza ta’ kumpaniji Ewropej ta’ teknoloġija avvanzata kif imsemmi fis-sezzjoni 5. Il-KESE jemmen li hemm lok għal intervent pubbliku f’dawn is-setturi sabiex jiġi stimolat il-funzjonament tas-suq.

4.5.2   Ikun xieraq li jiġu żviluppati politiki speċifiċi biex jiġu megħjuna xi stati fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa biex iħaffu l-iżvilupp ta’ infrastruttura teknoloġikament avvanzata u infrastruttura xjentifika universitarja komplementari. Jista’ jkun li l-potenzjal tar-riċerka ma jiġix sfruttat minħabba nuqqas ta’ riżorsi.

4.5.3   Il-Kummissjoni għandha tagħmilha prijorità li tifhem għala hemm nuqqasijiet fil-firxa tal-kumpaniji Ewropej ta’ livell teknoloġiku għoli u tara x’tista’ tagħmel biex dawn jingħelbu. Fir-reġjuni ewlenin kollha tad-dinja, il-kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata jfeġġu minn taħlita ta’ forzi tas-suq u intervent pubbliku. L-Apple, il-Google, il-Microsoft u d-Dell huma prodotti puri tas-suq. Fl-UE, il-preżenza sinifikanti tal-ajruspazju hija frott l-intervent pubbliku (ESA, EADS). Il-forzi tas-suq tal-UE pproduċew in-Nokia iżda kważi l-ebda kumpanija komparabbli ma feġġet fl-istorja tal-UE. Il-grupp ta’ esperti għandu jsib mezz li jippermetti lill-UE tistabbilixxi ruħha mill-ġdid fl-industrija dinjija tal-ICT. Barra minn hekk, jekk l-UE trid tirnexxi fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, għandha tidentifika b’mod ċar il-kumpaniji li jistgħu jiżviluppaw u jużaw karburanti u sorsi ġodda ta’ enerġija. Imbagħad għandha tappoġġjahom biex jikbru.

4.6   L-użu tat-TAE jingħaqad mal-politika tat-tibdil fil-klima:

Jekk it-tisħiħ tat-TAE jingħaqad mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, dan joffri opportunitajiet ekonomiċi u soċjali importanti u jiffaċilita wkoll b’mod konsiderevoli l-finanzjament tas-sehem Ewropew mill-piż li ser jimponu l-ftehimiet internazzjonali

4.6.1   Il-KESE jemmen li għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ karburanti u teknoloġiji alternattivi għat-trasport, l-enerġija, is-sħana u d-dawl. L-aqwa strateġija għat-tibdil fil-klima hija li jiġu żviluppati l-possibbiltajiet fil-qasam tal-enerġija (3).

4.7   Is-swieq ewlenin u l-akkwist pubbliku

L-UE teħtieġ ambjent favorevoli għall-kapitalizzazzjoni effettiva tar-riżultati tar-riċerka fil-prodotti. Għandha bżonn tippromovi d-domanda permezz tal-akkwist pubbliku u skemi bħall-inizjattiva tas-suq ewlieni. L-Istati Membri jistgħu jużaw l-akkwist prekummerċjali u l-akkwist għall-innovazzjonijiet qrib is-suq fuq skala kbira biex jistimulaw swieq teknoloġiċi abilitanti emerġenti.

4.7.1   Il-KESE jappoġġja din il-proposta fit-teorija. Il-KESE jistenna li l-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli jistabbilixxi proġetti prijoritarji biex jiġi żgurat li din il-politika jkollha effett kbir kemm jista’ jkun.

4.8   It-tqabbil internazzjonali ta’ politiki dwar it-teknoloġija avvanzata u l-kooperazzjoni internazzjonali msaħħa:

Il-Kummissjoni ser tagħmel tqabbil internazzjonali ta’ politiki ta’ teknoloġija avvanzata f’pajjiżi ewlenin u emerġenti oħrajn, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Indja, u tesplora l-ambitu għal kooperazzjoni iktar mill-qrib.

4.8.1   Il-KESE jappoġġja programm estensiv ta’ benchmarking internazzjonali biex tiġi pprovduta bażi għall-iżvilupp ta’ politika tat-TEA (4). Il-kooperazzjoni internazzjonali tista’ tkun ta’ valur għall-iżviluppi fuq skala kbira, b’mod partikolari fil-qasam tat-tibdil fil-klima, iżda l-kompetittività għandha tiġi l-ewwel. Il-Kummissjoni għandha tipprova tislet tagħlimiet mill-istrateġiji industrijali li jintużaw bnadi oħra.

4.9   Il-politika kummerċjali:

Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli għat-TAE b’mezzi bilaterali u multilaterali, biex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq internazzjonali, jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet tal-investiment, jitjieb il-ħarsien tal-IPR u jitnaqqas l-użu tas- sussidji u l-ostakli tariffarji u nontariffarji fil-livell globali.

4.9.1   Il-KESE jemmen li l-UE għandha twarrab il-paradigma preċedenti li kienet tagħmel distinzjoni bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw u li wasslet sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi jittolleraw is-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali oħra fil-pajjiżi terzi huma u jwettqu negozjati pluriannwali biex isibu soluzzjoni. F’ħafna teknoloġiji, l-UE waqgħet lura meta mqabbla mal-Asja. Il-KESE jemmen li l-UE issa għandha tkun lesta tikkonfronta s-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali b’sussidji u distorsjonijiet kummerċjali minn tagħha stess. Naturalment, l-UE għandha tkun lesta tiftiehem dwar trattati adatti meta l-partijiet l-oħra jkunu lesti biex jibdew in-negozjati Sadattant, l-UE għandha timplimenta strateġija industrijali biex tibni mill-ġdid il-kumpaniji tagħha u t-tmexxija teknoloġika tagħha.

4.10   Strument ta’ finanzjament mill-BEI u finanzjament ta’ kapital ta’ riskju:

Il-Kummissjoni ser tistimula iktar investiment ta’ teknoloġija avvanzata u ser tħeġġeġ lill-BEI biex jagħti prijorità lill-industrija ta’ teknoloġija avvanzata kemm billi juża l-iskemi eżistenti kif ukoll billi jfassal strumenti ġodda biex jiffaċilita l-investiment, b’kunsiderazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali.

Il-finanzjament ta’ kapital ta’ riskju speċjalizzat fl-istadju bikri tal-investiment għandu jissaħħaħ. Tista’ tiġi żgurata biżżejjed disponibbiltà ta’ kapital ta’ riskju permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati li jaqdu rwol kritiku fil-ħolqien u l-espansjoni ta’ kumpaniji b’riċerka u żvilupp intensivi.

4.10.1   Il-flus huma l-aktar forza vitali tas-suq. Aktar sorsi u l-espansjoni tas-sorsi ta’ żvilupp finanzjarju huma prerekwiżit għall-programm tat-TAE.

4.10.2   Il-KESE jemmen li l-kwistjonijiet tekniċi u burokratiċi relatati mal-mekkaniżmi eżistenti ta’ investiment u ta’ finanzjament tal-UE m’għandhomx jitħallew ibiddlu jew ixekklu l-allokazzjoni tal-fondi meħtieġa għall-iżvilupp tat-TAE.

4.10.3   Huwa faċli ħafna biex jintilfu l-flus fl-investimenti fit-teknoloġiji avvanzati. Il-Kummissjoni għandha ssib mezzi oħra ta’ finanzjament barra l-kapital ta’ riskju u l-kapital bankarju. L-individwi ta’ valur għoli (high net worth individuals) għandu jkollhom kull inċentiv biex jinvestu fil-kumpaniji ġodda ta’ livell teknoloġiku għoli fl-istadji bikrija qabel ma jiġi involut il-kapital ta’ riskju. Ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ livell teknoloġiku għoli għandhom jinħelsu kemm jista’ jkun mit-taxxa. It-taxxa fuq il-profitt kapitali mill-bejgħ ta’ kumpaniji ġodda ta’ teknoloġija avvanzata għandhom jirċievu trattament favorevoli. Jeħtieġ li l-premji tas-suċċessi jikkompensaw għat-telf f’investiment ieħor. L-UE ma tiġbidx l-investituri u l-intraprendituri daqs reġjuni oħra.

4.11   Ħiliet, edukazzjoni għolja u taħriġ

Ix-xjenzi naturali u l-inġinerija jridu jilħqu l-post li jistħoqqilhom fis-sistema edukattiva. Il-perċentwali tal-gradwati f’dan il-qasam għandu jiżdied u jissaħħaħ aktar billi jinġibdu talenti internazzjonali.

4.11.1   L-iskala tal-investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet fl-Asja hija magħrufa sew. L-ammont ta’ PhDs mill-universitajiet Asjatiċi jisboq l-ammont tal-UE. L-aqwa universitajiet tal-UE għandhom kwota kbira ta’ studenti Asjatiċi. Fid-dawl tal-fatt li l-ġid nazzjonali tas-seklu 21 qed jiġi ddeterminat fil-klassijiet tal-iskejjel tad-dinja, il-prestazzjoni ta’ ħafna mill-Istati Membri tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, kemm fl-iskejjel kif ukoll fl-universitajiet, hija ħafna iktar baxxa mill-istandards meħtieġa. Il-provi jinsabu fit-tabelli tal-kisbiet globali tal-iskejjel u l-klassifika tal-universitajiet internazzjonali.

4.11.2   Għandha tingħata prijorità lit-titjib tal-istandard tat-tagħlim fl-iskejjel, b’mod partikolari tal-matematika u x-xjenza, filwaqt li jinħolqu inċentivi għall-istudenti biex jistudjaw il-matematika u x-xjenza kemm fl-iskola kif ukoll fl-università u għal gradwati kkwalifikati biex isiru għalliema. Barra minn hekk, għandu jiġi identifikat grupp elitista ta’ universitajiet fejn l-istandards tat-tagħlim u tar-riċerka jistgħu jkunu kompetittivi fil-livell dinji u għandhom jiġu żviluppati infrastrutturi (ċentri tax-xjenza) relatati mal-universitajiet biex jiġġeneraw SMEs derivati (spin out) u biex jipprovdu l-finanzjament kapitali inizjali.

4.11.3   L-iskala tal-isfida edukattiva f’ħafna Stati Membri tant hi kbira u tant hu ċar li l-politiċi ma rnexxilhomx jindirizzaw il-problema matul is-snin li s-soċjetà ser ikollha bżonn tifrex ir-riżorsi tagħha b’mod aggressiv sakemm jiġu żgurati r-riżultati meħtieġa.

4.11.4   Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet qafas għat-tagħlim, ir-riċerka u l-iżvilupp fl-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka għandhom isiru aktar attraenti. L-UE għandha bżonn tiġbed l-aktar individwi kapaċi minn reġjuni oħra. Bħalissa, il-kundizzjonijiet huma bil-kontra – ħafna mill-aktar individwi kapaċi fl-UE jmorru f’reġjuni oħra għal kundizzjonijiet aħjar (5). Minkejja dan, huwa importanti li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà internazzjonali (6) għax din saret prerekwiżit għal karriera ta’ suċċess.

4.11.5   Bl-istess mod huwa essenzjali li jkun hemm bilanċ tajjeb fil-promozzjoni tar-riċerka applikata u r-riċerka bażika. Ir-riċerka fundamentali tipprovdi l-bażi għall-innovazzjonijiet sostenibbli u fuq tul ta’ żmien, li minnha jiżviluppaw ukoll it-teknoloġiji abilitanti l-ġodda. Dan il-bilanċ huwa wkoll importanti sabiex jinġibdu r-riċerkaturi bi kwalifiki għoljin

5.   Kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata

5.1   Il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar id-defiċit Ewropew fost il-kumpaniji globali ta’ teknoloġija avvanzata. Iż-żewġ tabelli t’hawn taħt tfasslu mil-lista tal-Financial Times tal-2009 tal-ewwel 500 kumpanija globali u reġjonali skont il-valur fis-suq. It-tabelli fihom data dwar is-setturi tal-industrija li huma l-aktar kapaċi jisfruttaw it-TAE.

5.2   L-ewwel tabella hija misluta mil-lista “Global 500”. F’din l-analiżi, m’hemmx settur ta’ teknoloġija avvanzata fejn l-Ewropa tinsab minn ta’ quddiem ħlief fil-qasam tal-kimika.

FT Global 500 – Setturi Teknoloġiċi

Settur

Numru ta’ Kumpaniji

 

 

Globali

Stati Uniti tal-Amerika

Asja

Ewropa

 

Farmaċewtiċi & Bijoteknoloġija

20

10

3

6

Novartis*, Roche*, GSK, Sanofi- Aventis, AstraZeneca, Novo Nordisk

Teknoloġija tal-hardware

21

13

5

2

Nokia, Ericsson

Software u servizzi tal-kompjuters

12

6

5

1

SAP

Vetturi u parts

11

2

6

3

Daimler, VW, BMW

Kimika

13

4

1

5

Bayer, BASF, Air Liquide, Syngenta*, Linde

Tagħmir tal-kura tas-saħħa

12

11

0

1

Fresenius

Tagħmir industrijali ġenerali

13

4

6

2

Siemens, ThyssenKrupp

Inġinerija industrijali

11

3

4

4

ABB*, Volvo, Atlas Copco, Alstom

Ajruspazju u difiża

10

7

0

3

BAE Systems, Rolls Royce, EADS

Tagħmir u servizzi taż-żejt

7

4

0

1

Saipem

Tagħmir tad-divertiment

4

0

3

1

Phillips Electrical

Tagħmir elettroniku u elettriku

6

2

3

1

Schneider Electric

Enerġija alternattiva

1

1

0

0

 

Is-setturi industrijali li huma esklużi minn din l-analiżi huma l-produtturi taż-żejt u tal-gass, il-metalli industrijali u l-minjieri, il-kostruzzjoni u l-materjali, kif ukoll il-produtturi tal-ikel, ix-xorb u t-tabakk.

Is-setturi operattivi li huma esklużi minn din il-lista huma s-setturi tat-telekomunikazzjoni fissa u mobbli, it-trasportazzjoni industrijali, l-elettriku, il-gass, l-ilma u s-servizzi pubbliċi mħallta.

L-Asja hija rrappreżentata b’mod predominanti mill-Ġappun, iżda tinkludi xi kumpaniji mit-Tajwan, il-Korea t’Isfel, Ħong Kong, iċ-Ċina, l-Indja u l-Awstralja.

L-Ewropa tinkludi l-UE u l-EFTA. Il-kumpaniji li huma mmarkati b’asterisk (*) huma Svizzeri.

5.3   It-tieni tabella hija misluta mil-lista tal-ewwel 500 fl-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Ewropa. Tinkludi l-valuri fis-swieq reġjonali f’kull settur. Mit-tlettax-il settur ta’ teknoloġija avvanzata, l-Ewropa qiegħda fuq quddiem fis-setturi tal-kimika, l-inġinerija industrijali u l-enerġija alternattiva, għalkemm dan tal-aħħar għadu fil-bidu tiegħu. L-Ewropa għandha wkoll pożizzjoni rispettabbli fis-settur tal-farmaċewtiċi u tal-bijoteknoloġija. Il-Ġappun qiegħed fuq quddiem fis-setturi tal-vetturi, it-tagħmir eletroniku u elettriku u tad-divertiment. Pajjiżi Asjatiċi oħra wkoll għandhom pożizzjonijiet b’saħħithom f’dawn is-setturi. L-Istati Uniti jiddominaw is-setturi fejn huma mexxejja: is-setturi tal-farmaċewtiċi u l-bijoteknoloġija, it-teknoloġija tal-hardware u tas-software u s-servizzi tal-kompjuters, it-tagħmir u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, it-tagħmir u s-servizzi għall-industrija ġenerali, l-ajruspazju, id-difiża u ż-żejt. Dawn kollha huma setturi importanti għall-isfruttament tat-TAE.

FT Regional 500 – Setturi Teknoloġiċi

Settur

Numru ta’ kumpaniji (#) u l-valur fis-suq ($ biljuni*)

 

Stati Uniti tal-Amerika

Ġappun

Ewropa

 

#

$

#

$

#

$

Farmaċewtiċi u Bijoteknoloġija

21

843

24

147

18

652

Teknoloġija tal-hardware

34

1 049

18

164

8

140

Software u servizzi tal-kompjuters

25

884

12

58

8

98

Vetturi u parts

5

81

37

398

9

186

Kimika

12

182

36

134

18

293

Tagħmir tal-kura tas-saħħa

31

511

4

24

11

94

Tagħmir industrijali ġenerali

9

344

8

38

6

127

Inġinerija industrijali

11

165

36

185

18

210

Ajruspazju u difiża

12

283

7

84

Tagħmir u servizzi taż-żejt

17

271

9

62

Tagħmir tad-divertiment

5

42

14

181

1

31

Tagħmir elettroniku u elettriku

10

124

29

159

6

54

Enerġija alternattiva

1

10

2

16

Biljun* huwa elf miljun. Din it-tabella hija kkompilata mil-lista tal-Financial Times tal-ewwel 500 kumpanija f’kull wieħed mit-tliet reġjuni. Minn reġjun għall-ieħor, it-taħlita u l-bilanċ tas-setturi f’kull reġjun tvarja ħafna iżda l-valur komparattiv fis-suq ta’ kull settur f’kull reġjun huwa kejl utli tal-intensità teknoloġika relattiva.

5.4   Il-konklużjoni li toħroġ minn din l-analiżi hija li l-UE għandha bżonn stateġija industrijali biex tiżgura l-pożizzjoni tagħha fid-dinja tat-TAE fl-2020 u lil hinn.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Telekomunikazzjoni, mezzi tax-xandir u teknoloġija (tal-informazzjoni).

(2)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8.

(3)  Ara l-CESE 766/2010, 27.5.2010.

(4)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13.

(5)  ĠU C 110, 30.4.2004, p. 3.

(6)  ĠU C 224, 30.8.2008.