11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/178


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku”

COM (2009) 586 finali

2011/C 44/33

Relatur: is-Sinjura DARMANIN

Nhar it-28 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku

COM(2009) 586 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-15 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’141 vot favur, vot wieħed kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku”. Dan huwa pass ’il quddiem importanti ħafna għall-ksib ta' wieħed mill-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fejn id-dividend diġitali ser jagħmel parti integrali mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

1.2   Il-KESE fil-fatt jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tiżgura li l-iskadenza tal-2012 għal-liberalizzazzjoni tal-ispettru tiġi rrispettata mill-Istati Membri. Il-KESE jifhem li xi pajjiżi jista’ jkollhom diffikultajiet u raġunijiet realistiċi li ma jħalluhomx jirrispettaw skadenza bħal din. Madankollu, għandu jkun hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta' konformità u ż-żmien li jkollhom bżonn wara Jannar 2012 biex jikkonformaw mal-iskadenza għandu jkun qasir kemm jista’ jkun.

1.3   Il-KESE jagħraf li d-dividend diġitali, li jirriżulta mir-riżorsa limitata ħafna li hija l-ispettru, jista’, sakemm l-użu tiegħu jiġi definit b’mod adatt u ggarantit, ikollu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti għall-Ewropa. Dawn il-benefiċċji jkomplu jsaħħu s-suq uniku Ewropew u jistgħu jsaħħu wkoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u b’hekk jiżguraw li jinkisbu wħud mill-għanijiet soċjali promossi fi ħdan l-UE.

1.4   Il-KESE jqis li dan il-proġett importanti ħafna għall-Aġenda Diġitali huwa strument b’saħħtu għall-promozzjoni tal-vantaġġi tal-UE. Fi żmien meta x-xettiċiżmu dwar l-UE qed jiżdied, u fejn in-nies ma jifhmux bis-sħiħ il-potenzjal ta' Ewropa magħquda, dan il-proġett jista’ jkun ta' benefiċċju ċar u tanġibbli kemm għall-individwi kif ukoll għall-intrapriżi. Dan il-proġett ser isaħħaħ ukoll il-livell tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-proċess m’għandux iwassal għal spejjeż bla bżonn għall-utent aħħari.

1.5   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi strateġija ta' komunikazzjoni integrata biex tispjega l-motivazzjoni għall-bidla minn analogu għal diġitali u l-benefiċċji tagħha.

2.   Introduzzjoni/Kuntest

2.1   Il-bidla minn televixin terrestri analogu għal wieħed diġitali fl-Ewropa ser tagħti aċċess għal frekwenzi tar-radju importanti ħafna minħabba l-effiċjenza akbar tat-trasmissjoni ta' xandir diġitali. Dan “id-dividend diġitali” għandu potenzjal kbir għall-provvista ta' firxa wiesgħa ta' servizzi.

2.2   Huwa jirrappreżenta opportunità unika għall-Ewropa biex tilħaq id-domanda dejjem tikber għall-ispettru tar-radju, b’mod partikolari għall-provvista ta' broadband bla fili (wireless broadband), u b’hekk tinstab soluzzjoni għall-firda diġitali, u biex jitħeġġeġ it-tħaddin ta' servizzi ġodda. Għalhekk, jista’ jagħti kontribut sinifikanti għall-għanijiet ta' Lisbona marbuta mal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku u jista’ jissodisfa wħud mill-ħtiġijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi importanti taċ-ċittadini Ewropej.

2.3   L-ispettru tad-dividend diġitali għandu jsir disponibbli fl-Ewropa fi żmien relattivament qasir, minħabba li l-Istati Membri għandhom ilestu d-diżattivazzjoni tat-televixin analogu mhux aktar tard mill-2012.

2.4   Il-Kummissjoni għarfet l-importanza tal-infrastruttura tal-broadband b’veloċità għolja għal ħafna mill-iżviluppi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni għal ekonomija diġitali li hija msejsa fuq l-għarfien u li tuża ammont baxx ta' karbonju. Il-Pjan ta' Rilanċ Ekonomiku, approvat mill-Kunsill, diġà stipula mira ta' kopertura ta' broadband ta' 100 % li għandha tinkiseb bejn l-2010 u l-2013.

2.5   Ser jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni. L-iktar oppotunitajiet ovvji għall-innovazzjoni huma fix-xandir, minħabba li d-dividend diġitali joffri ammonti kbar ta' spettru għax-xandara biex jiżviluppaw is-servizzi tagħhom. Ser ikun hemm ukoll bosta opportunitajiet f’setturi orjentati lejn is-servizzi, li jipprovdu benefiċċji soċjali sinifikanti bħalma huma l-kura tas-saħħa, it-tagħlim permezz tal-internet, il-gvern elettroniku u l-aċċessibbiltà għall-internet, u f’żoni fejn l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju jistgħu jgawdu minn aċċess aħjar għall-ekonomija.

3.   Benefiċċji ekonomiċi u soċjali tad-dividend diġitali

3.1   L-impatt ekonomiku potenzjali ser jiddependi mil-livell reali tad-domanda futura attwali għal servizzi ġodda, li diffiċli tiġi kkwantifikata f’dan l-istadju. Minkejja dan, studju reċenti tal-Kummissjoni jistma li l-koordinazzjoni tal-UE fir-rigward tal-ispettru tad-dividend diġitali kollu kemm hu, jekk tinkiseb qabel l-2015, tista’ twassal għal benefiċċju potenzjali ta' bejn EUR 20 u 50 biljun (fuq perijodu ta' 15-il sena) meta mqabbel ma' xenarju fejn il-pajjiżi tal-UE jaħdmu b’mod individwali. Din l-istima tqis il-possibbiltà li jkun hemm applikazzjonijiet ġodda, bħax-xandir terrestri avvanzat u l-broadband bla fili.

3.2   Il-kundizzjonijiet armonizzati fi ħdan l-UE ser ikunu ta' benefiċċju għall-industrija tat-teknoloġija peress li l-biċċa l-kbira tat-tagħmir li jintuża ser jiġi standardizzat u armonizzat. Barra minn hekk, il-potenzjal għall-innovazzjoni fi ħdan is-settur ser jiżdied b’mod konsiderevoli u ser ikun aktar immirat. Dan huwa partikolarment vantaġġuż għall-industrija, l-aktar għal dawk l-atturi li qegħdin jinvestu b’mod sostanzjali fl-innovazzjoni.

3.3   L-impatt soċjali ewlieni tal-liberalizzazzjoni tal-ispettru huwa li kulħadd ikollu aċċess usa’ għall-broadband. Anke llum il-ġurnata, iż-żoni rurali xi kultant ma jkollhomx aċċess adatt għall-internet. Permezz tad-dividend diġitali, l-internet jista’ jkun aċċessibbli għal kulħadd u s-servizzi tal-internet mifruxa aktar, biex b’hekk is-suq intern ikompli jissaħħaħ. Peress li l-broadband ser ikun disponibbli wkoll fil-biċċa l-kbira taż-żoni rurali, il-KESE huwa tal-fehma li l-intrapriżi jkollhom opportunità akbar li ma jesiġux li jkunu f’żoni urbani; dan iwassal għad-delokalizzazzjoni ta' industrija li sal-lum il-ġurnata tinsab f’żoni urbani għal raġunijiet ta' komunikazzjoni u loġistika. Din id-delokalizzazzjoni tista’ twassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda f’żoni rurali u jkollha effett fuq l-ambjent (peress li l-popolazzjoni eċċessiva fiż-żoni urbani ma twassalx għal prattiki sostenibbli). Iżda, il-Kumitat itenni l-pożizzjoni li ħa f’għadd ta' opinjonijiet dwar il-ħtieġa ta' servizz tal-broadband universali għaċ-ċittadini kollha, b’miżuri ta' aċċessibbiltà b’mod li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess bla xkiel.

3.4   L-għażla tal-konsumatur ser titjieb, peress li ser ikun hemm għażla akbar ta' stazzjonijiet televiżivi u servizzi tal-aqwa kwalità, u fl-istess waqt ser jintuża anqas spettru. Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-kontenut televiżiv jintwera permezz ta' multimedja mobbli tagħti dimensjoni ġdida lill-aċċessibbiltà televiżiva. Barra minn hekk, id-dividend diġitali ser itejjeb b’mod konsiderevoli l-kwalità tal-ħajja tal-utenti. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jibqgħu jiġu protetti b’mod adegwat matul il-perijodu tad-Diżattivazzjoni tat-Televixin Analogu – Analogue Switch-Off (ASO) u jiżguraw li l-konsumatur ma jkollux iħallas spejjeż bla bżonn.

3.5   Barra minn hekk, wieħed mill-benefiċċji oħra tad-dividend diġitali huwa li juri l-potenzjal u l-vantaġġi ta' Unjoni unika li l-pajjiżi tagħha għandhom l-istess standards. Fi żmien meta x-xettiċiżmu dwar l-UE qed jiżdied, id-dividend diġitali huwa benefiċċju tanġibbli ieħor li minnu tgawdi l-UE kollha.

4.   Konsiderazzjonijiet neċessarji

4.1   Id-diżattivazzjoni tat-televixin analogu u l-attivazzjoni sussegwenti tat-televixin diġitali, bla dubju, ser iwasslu għal użu aħjar tal-ispettru. Fil-fatt, permezz tat-televixin diġitali kull stazzjon tal-frekwenza tar-radju (b’banda ta' 8 MHz) jista’ jxandar medja ta' ħames jew sitt programmi televiżivi. Dan ifisser li wara t-transizzjoni kompleta għat-televixin diġitali, l-ispettru li jintuża għall-finijiet ta' xandir televiżiv għandu jonqos għal wieħed minn ħamsa jew wieħed minn sitta tal-ispettru li kien meħtieġ qabel. Fil-pajjiżi fejn ġew introdotti n-Netwerks ta' Frekwenza Unika (Single Frequency Networks – SFN), it-tnaqqis tal-ispettru jista’ jilħaq saħansitra fattur tan-numru għaxra wara tnedija bl-aħjar mod tad-diversi netwerks televiżivi.

4.2   Bla dubju, l-ispettru lliberat huwa riżorsa prezzjuża, speċjalment f’pajjiżi fejn it-televixin bil-kejbil bilkemm żviluppa u għaldaqstant l-ispettru tal-frekwenza tar-radju huwa tabilħaqq riżorsa limitata. Dan l-ispettru ġdid disponibbli jista’ jintuża bl-aħjar mod għas-servizzi broadband bla fili li huma partikolarment utli għaż-żoni rurali fejn, bla ebda dubju, in-nuqqas ta' servizzi ta' internet b’veloċità għolja jwassal għal inerzja ekonomika u esklużjoni soċjali. Fil-fehma tal-Kumitat, dawn is-servizzi ser iservu biex isaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ta' dawn iż-żoni.

4.3   Jista’ jagħti l-każ li r-raġuni għall-bidla mit-televixin analogu għal dak diġitali ma ġietx spjegata b’mod ċar fil-passat. Il-pubbliku jista’ jaħseb li din il-bidla qed issir purament għall-qligħ kummerċjali tal-operaturi tat-televixin peress li jista’ jkun hemm spiża involuta fit-tibdil tat-tagħmir fid-djar. Għaldaqstant, huwa kruċjali li titfassal u tiġi implimentata strateġija ta' komunikazzjoni ġenwina sabiex tiġi spjegata r-raġuni reali għal din il-bidla.

4.4   Huwa kruċjali li l-Istati Membri kollha jkollhom banda komuni biex ikun hemm servizz universali fl-UE kollha u liċ-ċittadini Ewropej kollha. L-aħjar għażla hija l-banda 800 MHz (800 MHz band) li tinsab fis-sottobanda UHF 790-862 MHz.

4.5   Il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) hija responsabbli għat-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-armonizzazzjoni tal-banda 800 MHz, b’kooperazzjoni mill-qrib mad-diversi Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali li jafu sew il-kwistjonijiet attwali fir-rigward tal-ispettru f’pajjiżhom.

4.6   Sabiex il-banda 800 MHz tinfetaħ għall-komunikazzjoni broadband bla fili jeħtieġ li l-Istati Membri jikkompletaw il-proċedura ASO sa data partikolari. Jidher li l-iskadenza attwali, sal-1 ta' Jannar 2012, mhux ser tiġi rispettata mill-Istati Membri kollha; iżda, hemm bżonn li dawk li ma jikkompletawx il-proċedura jagħmlu dan fi żmien qasir fis-sena 2012.

4.7   Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja kritika tagħhom, bosta operaturi tat-televixin, li bħalissa huma mġiegħla jattivaw trasmettituri tat-televixin diġitali fl-Istati Membri li qed jimplimentaw l-ASO, ma jistgħux jixtru tagħmir li għandu prestazzjoni tajba (li tipikament jiġi manifatturat fl-UE). F’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, ikollhom jixtru tagħmir tax-xandir li jkun irħas iżda bi prestazzjoni aktar baxxa u li jkun anqas affidabbli, li tipikament jiġi manifatturat fil-Lvant imbiegħed. Konsegwentement, dan it-tagħmir jista’ ma jkunx għadu jintuża wara sentejn jew tliet snin biss u għaldaqstant ix-xandara jkollhom, għal darb’oħra, jixtru tagħmir tax-xandir ġdid (bit-tama li jkun aktar affidabbli u jkollu prestazzjoni ogħla).

4.8   Fix-xenarju ekonomiku attwali, l-operaturi tat-televixin, b’mod partikolari l-operaturi ż-żgħar, jistgħu jkunu qed isibuha diffiċli jiffinanzjaw it-tibdil tat-tagħmir li titlob il-bidla mit-televixin analogu għal dak diġitali. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jitwaqqfu ċerti strutturi ta' prefinanzjament biex jgħinu lill-SMEs jadattaw ruħhom għat-teknoloġiji l-ġodda. Din l-għajnuna mhux neċessarjament tingħata f’forma ta' konċessjonijiet; tista’ tkun marbuta mad-disponibbiltà tal-fondi qabel l-investiment li mbagħad jingħata lura wara ċertu perijodu raġonevoli, bħalma jiġri fis-self. Barra minn hekk, l-SMEs għandhom jiġu megħjuna f’dan il-qasam permezz ta' skemi ta' garanzija.

4.9   Ir-riżultat globali jista’ jkun kwalità baxxa ta' servizz tat-televixin għall-utenti finali u telf ekonomiku għax-xandara li, minħabba diffikultajiet finanzjarji temporanji, ikollhom jinvestu darbtejn. Skadenza itwal għall-proċess ASO jew għajnuna finanzjarja għax-xandara jevitaw dawn il-problemi u jippermettu implimentazzjoni armonizzata tan-netwerk fl-Istati Membri kollha.

4.10   L-Istati Membri ser jitħeġġu jilliberaw is-sottobanda 790-862 MHz għad-dividend diġitali, iżda mhux ser ikunu obbligati li jagħmlu dan. Jekk is-sitwazzjoni tal-ispettru ta' pajjiż partikolari tkun tali li s-servizzi tax-xandir tat-televixin ma jkunux jistgħu jiddaħħlu fil-bqija tal-ispettru UHF, il-pajjiż ikkonċernat jitħalla jżomm is-servizzi tax-xandir tat-televixin fil-banda 800 MHz. Bħala soluzzjoni ta' kompromess, il-pajjiżi jistgħu jagħżlu wkoll li joperaw simultanjament servizzi ta' xandir tat-televixin u ta' broadband bla fili.

4.11   Peress li, wisq probabbli, l-Istati Membri kollha ser jużaw il-banda 800 MHz għas-servizzi tal-broadband bla fili fuq perijodu twil ta' żmien, huwa essenzjali li jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi adegwati bil-għan li jiġu evitati “effetti konfinali” dannużi li ċertament jagħmlu ħsara lis-servizzi tal-broadband bla fili minħabba l-livelli aktar baxxi ta' potenza (lower power levels) użata għan-netwerks ċellulari bla fili.

4.12   Tqum l-istess problema meta jkunu involuti l-pajjiżi mhux imsieħba fl-UE li jinsabu mal-fruntieri tal-UE. F’dawn il-pajjiżi, is-servizzi tax-xandir b’potenza għolja fil-banda 800 MHz wisq probabbli ser jikkaġunaw interferenza fir-rigward tas-servizzi tal-broadband bla fili adottati mill-pajjiżi ġirien tal-UE. Meta titfaċċa problema ta' interferenza ma' pajjiż ġar li mhuwiex imsieħeb fl-UE, l-unika soluzzjoni hija li jiġi nnegozjat ftehim ma' dak il-pajjiż dwar l-allokazzjoni tal-frekwenza tat-trasmettituri televiżivi tagħhom li jinsabu fil-fruntiera mal-UE, għalkemm din tista’ tkun kwistjoni xejn faċli.

4.13   L-aħjar objettiv possibbli għall-Istati Membri tal-UE li jadottaw il-banda 800 MHz għall-finijiet tad-dividend diġitali huwa li jistabbilixxu bilanċ adatt bejn il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali ġġenerati mill-użu tal-ispettru li jagħmlu l-operaturi fil-qasam tat-telekomunikazzjoni (li ser igawdu mill-medda ta' frekwenza ġdida li tkun disponibbli) u l-operaturi fil-qasam tax-xandir (li ser igawdu minn użu aħjar tal-medda ta' frekwenza disponibbli u minn servizzi oħra li jipprovdu valur mizjud għoli, pereżempju l-applikazzjonijiet interattivi, fosthom is-servizzi elettroniċi fl-oqsma tas-saħħa u t-tagħlim, il-gvern elettroniku u l-aċċessibbiltà elettronika).

4.14   L-Istati Membri għandhom iħabirku biex jimplimentaw is-servizzi pubbliċi permezz tan-netwerk televiżiv diġitali u fl-istess ħin jagħmluha possibbli li jkun hemm aċċess faċli għas-servizzi permezz tas-servizzi l-ġodda tal-broadband mobbli, li nħalqu bis-saħħa tal-frekwenzi tad-dividend diġitali. Jekk jagħmlu dan, il-politiki tagħhom joperaw b’mod newtrali, u b’hekk jiġu ggarantiti l-interessi ekonomiċi tal-operaturi kemm fil-qasam tat-telekomunikazzjoni kif ukoll f’dak tax-xandir.

4.15   Aspett interessanti ħafna tal-implimentazzjoni tad-dividend diġitali ġdid huwa l-fatt li s-servizzi televiżivi ser ikunu dejjem iżjed disponibbli permezz ta' ġenerazzjonijiet ġodda tan-netwerks tat-telefonija mobbli (3G u ’l fuq). Dan ifisser li, f’ċerti modi, l-operaturi fil-qasam tat-telefonija mobbli jkunu jistgħu joffru l-istess servizzi bħal dawk li jiġu pprovduti mis-servizzi tax-xandir televiżiv tradizzjonali, u dan jagħti lok għal xenarju kompetittiv ġdid.

Ikun tajjeb, però, li tiġi evitata l-implimentazzjoni ta' netwerks ibridi li huma mmaniġġati simultanjament mill-operaturi fil-qasam tax-xandir u dawk fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. B’hekk, iż-żewġ intrapriżi jkunu jistgħu jibqgħu kompletament indipendenti u jiġu evitati mudelli ta' negozju li ma jkunux adatti għall-ħtiġijiet tal-konsumatur.

4.16   L-applikazzjonijiet interattivi li jistgħu jiġu pprovduti mix-xandara tat-televixin fi ħdan il-programmi diġitali ġodda li joffru jistgħu jiġu żviluppati fuq il-bażi ta' kwalunkwe standard għas-servizzi televiżivi interattivi. Madankollu, ikun aħjar li jintużaw teknoloġiji bħall-istandard MHP (Multimedia Home Platform), standard miftuħ tas-sistema tal-middleware li nħolqot permezz tal-proġett DVB għat-televixin diġitali interattiv, peress li hija teknoloġija Ewropea li hija wkoll kompletament miftuħa. Għalhekk, hija teknoloġija li ma teħtieġ l-ebda royalty u toffri benefiċċji ekonomiċi lill-operaturi u, fuq kollox, lill-utenti finali. Jeżistu teknoloġiji oħra, iżda jkun aħjar li jingħażel standard miftuħ, ikun liema jkun, bil-għan li l-utent finali jkollu aċċess għal din it-teknoloġija ġdida.

4.17   L-aktar mod effiċjenti għall-ksib tal-ASO fl-UE huwa permezz ta' kooperazzjoni kkoordinata bejn l-Istati Membri bil-għan li jsir skambju kontinwu ta' esperjenza, b’mod partikolari fil-qasam tal-ippjanar tan-netwerk televiżiv diġitali u f’dak tal-aktar livell għoli possibbli tal-effiċjenza tal-ispettru (spectrum efficiency). Fil-fehma tagħna, ix-xandara pubbliċi nazzjonali għandhom jaqdu rwol fundamentali f’dan l-iskambju fi ħdan l-UE. Fil-fatt, l-“istatus pubbliku” tagħhom jimplika li għandhom jipprovdu servizz pubbliku. Għalhekk, l-operaturi televiżivi nazzjonali fil-qasam tax-xandir pubbliku għandhom ikunu disponibbli biex jipprovdu servizzi ta' konsulenza lill-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi oħra, kemm dawk imsieħba fl-UE kif ukoll dawk li mhumiex. Wieħed mill-benefiċċji tipiċi ta' dan l-approċċ huwa taħriġ rapidu u effettiv għall-operaturi televiżivi fl-Istati Membri ġodda, li normalment ikunu għadhom fi stadju bikri tal-iżvilupp tan-netwerks tat-televixin diġitali tagħhom.

4.18   Wieħed mill-elementi li għandu jiġi kkunsidrat fil-proċess tal-ftuħ tal-banda 800 MHz għas-servizzi l-ġodda tal-broadband bla fili huwa li x-xandara tat-televixin li attwalment qed jittrasmettu permezz tal-banda VHF jista’ jkollhom ibiddlu għall-banda UHF (id-data għad trid tiġi deċiża) f’każ li l-kanali tal-VHF korrispondenti jintużaw mid-Digital Audio Broadcasting (DAB – sistema ta' trasmissjoni radjofonika diġitali). Fiha nnifisha, it-transizzjoni lejn ir-radju diġitali mhux ser tikkontribwixxi għad-dividend diġitali għax għad mhux ċar jekk it-trasmissjoni tradizzjonali permezz ta' sinjal analogu radjofoniku hux ser tiġi diżattivata. Barra minn hekk, anke jekk tiġi diżattivata, il-porzjon tal-banda li jiġi lliberat għall-użu huwa żgħir wisq biex ikun ta' kontribut sinifikanti għad-dividend diġitali. Madankollu, is-servizzi l-ġodda tad-DAB ċertament ser jużaw l-istess banda VHF li qed jużaw bħalissa l-operaturi tat-televixin, u għalhekk din il-kwistjoni ser tikkontribwixxi iżjed għall-kompressjoni tal-ispettru fil-kanali 21-60 tal-banda UHF.

4.19   Ta’ min jinnota wkoll li, fil-proċess tal-ftuħ tal-banda 800 MHz għas-servizzi l-ġodda, ix-xandara tat-televixin li attwalment qed jużaw il-kanali 61-60 (fil-banda 800 MHz) ser ikollhom jużaw kanal ieħor fil-banda UHF, filwaqt li x-xandara li bħalissa qed jużaw il-kanali 21-60 mhu ser ikunu obbligati jbiddlu xejn. Dan huwa żvantaġġ ċar għax-xandara li qed jużaw il-banda 800 MHz u ser jeħtiġilhom jinvestu ħin u flus. Fl-istess ħin, ser jiġġiegħlu jiddiżattivaw it-trasmettituri tagħhom matul it-tibdil tal-kanali, u għalhekk ser ikollhom l-iżvantaġġ ukoll li, għal ċertu ammont ta' żmien, jitilfu r-reklamar ta' waqt ix-xandir. Għalhekk, għal dawn ix-xandara żvantaġġjati, il-prinċipju bażiku tal-ekwità jitlob li tiġi pprovduta għajnuna finanzjarja, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-istat.

4.20   Sabiex jinkiseb l-aktar livell għoli possibbli fl-effiċjenza tal-ispettru, huwa rakkomandat bil-qawwi li t-teknoloġiji l-ġodda adottati (bħall-enkowdjar tal-MPEG-4 u d-DVB-T2) jagħmluha possibbli li jaħżnu [jew jittrasmettu] aktar programmi televiżivi f’banda inqas wiesgħa. Fl-istess ħin, l-adozzjoni ta' dawn it-teknoloġiji ġodda m’għandux ikollha impatt qawwi fuq l-ispejjeż tal-utenti finali, inkella l-aċċessibbiltà universali tas-servizzi l-ġodda tintlaqat ħażin ħafna.

4.21   Teknoloġija oħra utli b’mod li r-riżorsi (skarsi) tal-ispettru jintużaw bl-aħjar mod possibbli hija l-implimentazzjoni tan-Netwerks ta' Frekwenza Unika. Permezz ta' din it-teknoloġija, jista’ jiġi implimentat netwerk reġjonali permezz ta' frekwenza unika, filwaqt li għan-netwerks tradizzjonali bi frekwenzi multipli, hemm bżonn mill-inqas tlieta jew erba’ frekwenzi għal netwerks televiżivi ta' daqs medju. Sabiex tintuża frekwenza unika, it-trasmettituri kollha tan-netwerk iridu jkunu sinkronizzati permezz ta' referenza komuni tal-ħin. L-uniku metodu li qed jintuża bħalissa huwa s-sistema tal-GPS (Global Positioning System), li hija applikazzjoni militari mmaniġġata kompletament mill-Istati Uniti. Dan ifisser li n-netwerks televiżivi diġitali tal-SFN huma 100 % dipendenti minn din is-sistema, li tista’ titbiddel jew tiġi diżattivata fi kwalunkwe ħin mill-awtoritajiet Amerikani, u dan joħloq problema kbira għal dawn l-operaturi televiżivi.

4.22   Madankollu, il-GPS mhuwiex l-unika sistema li tippermetti s-sinkronizzazzjoni tan-netwerks. Hemm sistemi alternattivi oħra li jistgħu jkunu sors ta' sinkronizzazzjoni komuni. L-UE tista’ timpenja ruħha biex tlesti malajr kemm jista’ jkun il-proġett GALILEO, li jista’ jkun l-alternattiva Ewropea għall-GPS u li għandu jippermetti l-indipendenza sħiħa tal-Istati Membri tal-UE mis-sistema militari tal-Istati Uniti.

4.23   Waħda mis-sistemi proposti b’mod li jsir l-aħjar użu mill-banda tad-dividend diġitali hija li jintuża tagħmir tal-broadband bla fili intelliġenti li jkun kapaċi jfittex awtomatikament għall-bandi liberi tal-frekwenza tar-radju (anke bejn is-servizzi tax-xandir televiżiv attwali) u biex il-bandi disponibbli jintużaw b’mod dinamiku permezz ta' osservazzjoni kontinwa tal-frekwenza matul l-operazzjoni normali tagħhom. Dawn is-sistemi (magħrufa bħala “radju konoxxittiv” [cognitive radio]) żgur huma s-soluzzjoni teknika perfetta biex isir l-aħjar użu possibbli mid-dividend diġitali, iżda l-periklu huwa li l-ispejjeż finali għall-utent jiżdiedu tant li ma jkunx possibbli li jkun hemm aċċessibbiltà universali għad-dividend diġitali.

4.24   Sabiex il-banda 800 MHz tkun tista’ tinfetaħ kompletament għas-servizzi l-ġodda tal-broadband bla fili, is-sistemi kollha tat-trasmissjoni b’potenza baxxa użati fl-avvenimenti sportivi jew dawk tad-divertiment (is-sistemi tal-“mikrofoni bla fili”) għandhom jitmexxew lejn frekwenzi ’l barra minn din il-banda bil-għan li ma jkunx hemm interferenza li tagħmel ħsara lis-servizzi l-ġodda tad-dividend diġitali. Tipikament, dawn is-sistemi għandhom użu sekondarju fi spettru li ma jkunx qed jintuża u li jkun fadal bejn żewġ żoni attivi ta' kopertura għax-xandir. Xi wħud minn dawn is-sistemi huma għal użu professjonali (eż. dawk li jintużaw fil-Logħob Olimpiku jew matul kunċerti tal-mużika uffiċjali) u jużaw porzjonijiet tal-ispettru UHF li jkollu liċenzja regolari. Bosta sistemi oħra joperaw taħt awtorizzazzjoni globali li ma teħtiġx liċenzji individwali. Għalhekk, għandha tiġi ppjanata bir-reqqa regolazzjoni ta' dawn is-servizzi li tkun kkoordinata fil-livell tal-UE bil-għan li jiġi evitat li l-banda tad-dividend diġitali ma tiddgħajjifx permezz ta' interferenzi residwi fl-ispettru anke wara li tkun irnexxiet id-diżattivazzjoni tat-televixin analogu.

4.25   Sitwazzjoni delikata oħra li għandha tiġi indirizzata hija l-preżenza tas-servizzi militari tal-UHF f’ċerti Stati Membri u/jew f’ċerti pajjiżi ġirien li mhumiex imsieħba fl-UE. Dawn is-servizzi ser ikunu sors ieħor ta' interferenza għas-servizzi l-ġodda tal-komunikazzjoni tad-dividend diġitali. Għandhom isiru negozjati għaqlija mal-awtoritajiet militari tal-pajjiżi kkonċernati bil-għan li dawn is-servizzi eżistenti jiġu ttrasferiti lejn porzjonijiet differenti tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju.

Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI