|
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/23 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-klawżola soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020” (Opinjoni esploratorja)
2011/C 44/04
Relatur ġenerali: is-Sur OLSSON
F’ittra tat-28 ta' April 2010, skont l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sinjura Laurette Onkelinx, il-Viċi Prim Ministru Belġjana u Ministru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex, f’isem il-Presidenza Belġjana futura, ifassal opinjoni esploratorja dwar
Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-klawżola soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020.
Fil-25 ta' Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (laqgħa tal-15 ta' Lulju) li jaħtar lis-Sur Jan Olsson bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’61 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Presidenza Belġjana li tagħmel użu mill-klawżola soċjali orizzontali u minn Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) imsaħħaħ, peress li din tenfasizza l-fatt li l-koeżjoni soċjali trid iżomm il-pass mal-koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika, sabiex jinkisbu l-miri kollha li jinsabu fl-Istrateġija Ewropa 2020. |
|
1.2 |
Huwa essenzjali li jkun hemm parteċipazzjoni vera mis-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji u l-livelli kollha sabiex jiġi assigurat l-użu effettiv tal-klawżola orizzontali u l-MMK. Il-KESE jipproponi li kull sena l-Kummissjoni tħejji “rapport ta' governanza” dwar din il-parteċipazzjoni. Il-KESE jista’ jgħin f’dan ir-rigward u jissuġġerixxi wkoll li l-proġetti piloti għall-parteċipazzjoni jiġu ffinanzjati mill-programm PROGRESS. Barra minn hekk, il-Kumitat jipproponi Kodiċi ta' prattika tajba għall-governanza parteċipattiva tal-MMK. |
|
1.3 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' proċess ta' koordinazzjoni li jinkorpora l-interazzjoni bejn il-miri u l-politiki kollha. Din għandha tkun il-linja gwida bażi għall-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali u l-MMK. Il-Kummissjoni għandha tmexxi l-koordinazzjoni, assistita mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u l-Kumitat għall-Impjieg. Iż-żewġ kumitati għandhom ikunu miftuħin għal rappreżentanti minn partijiet interessati esterni. |
|
1.4 |
L-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali trid tkun effiċjenti. Il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali għandhom ikopru l-għaxar linji gwida integrati kollha għall-politiki ekonomiċi u dik tal-impjieg, jiġu ppubblikati u jiddaħħlu fil-proċess tal-MMK. L-enfasi għandha tkun fuq l-effetti tal-impjiegi, in-numru ta' persuni li jgħixu fil-faqar u r-riskji soċjali. |
|
1.5 |
Il-KESE jappoġġja MMK imsaħħaħ, sabiex l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali ma jitwarrbux fil-ġenb minħabba l-kriżi attwali. Il-MMK irid ikollu dimensjoni aktar lokali, u b’hekk ikun marbut ukoll ma' azzjonijiet immirati mwettqa taħt il-patroċinju tal-Fond Soċjali Ewropew. Ir-reviżjonijiet minn pari (peer reviews) ibbażati fuq it-tagħlim reċiproku għandhom iwasslu għal pjani ta' direzzjoni nazzjonali għall-koeżjoni soċjali. L-indikaturi għandhom jiffukaw ukoll fuq kriterji kwalitattivi dwar il-benessri. Il-KESE jappoġġja l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar, iżda jaħseb li l-MMK u l-klawżola orrizontali wkoll jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' inizjattivi ewlenin oħrajn. |
2. Kuntest
|
2.1 |
Il-Presidenza Belġjana tal-UE talbet lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja dwar kif il-koeżjoni soċjali Ewropea tista’ titwassal permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, liema rwol prattiku tista’ taqdi l-klawżola soċjali orizzontali fid-dimensjoni soċjali tal-politiki Ewropej, u kif dan ir-rwol jista’ jiġi implimentat? |
|
2.2 |
L-opinjoni ser jikkontribwixxi għall-konferenza organizzata mill-Presidenza Belġjana li ser tinżamm fl-14 u l-15 ta' Settembru 2010 dwar “Il-koordinazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020”. |
|
2.3 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-bżonn li jiġu involuti l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha. Tissuġġerixxi li “... il-Kumitat Ekonomikuu Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom ikunu assoċjati aktar mill-qrib”. |
|
2.4 |
Sabiex tinkiseb l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju ddefinixxa ħames miri importanti (ir-rata tal-impjieg, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-gassijiet b’effett ta' serra, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali) u kkonkluda li dawn huma korelatati u jappoġġjaw lil xulxin. Il-bażi għal “governanza ekonomika aktar b’saħħitha” tqiegħdet billi ngħatat prijorità lill-“koordinazzjoni msaħħa ta' politika ekonomika”. Sabiexi l-miri jiġu implimentati b’suċċess essenzjalment hemm bżonn ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ effiċjenti. Il-Kunsill qabel dwar l-għan li 20 miljun persuna jitneħħew mir-riskju tal-faqar, filwaqt li l-Istati Membri jkunu ħielsa li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom għal tal-inqas wieħed mit-tliet indikaturi: f’riskju ta' faqar, deprivazzjoni materjali u djar mingħajr impjieg. |
|
2.5 |
L-Ewropa 2020 tirreferi għal taħlita ta' miżuri fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali biex jinkiseb “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”. Għaxar linji gwida intergrati għall-politiki ekonomiċi u ta' impjieg jappoġġjaw il-ħames miri prinċipali, filwaqt li għandhom jitniedu seba’ inizjattivi ewlenin. L-Istati Membri ser jistabbilixxu miri nazzjonali u mekkaniżmi ta' implimentazzjoni li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u ser iħejju wkoll Programmi ta' Riforma Nazzjonali (PRN). |
|
2.6 |
Il-“klawżola soċjali” orizzontali (Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) ġiet inkluża fit-Trattat ta' Lisbona u tgħid li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”. |
|
2.7 |
Din torbot mal-klawżoli orizzontali l-oħra tat-Trattat (Artikoli 8, 10, 11 u 12 tat-TFUE): l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumaturi, li kienu ġew introdotti bit-Trattat ta' Amsterdam, u l-anti-diskriminazzjoni, li ffurmat parti mit-Trattat ta' Lisbona. |
|
2.8 |
Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) ġie definit bħala strument tal-Istrateġija ta' Lisbona fl-2000. Fil-qosor, il-Kunsill jistabbilixxi l-objettivi, li jiġu segwiti b’pjani ta' azzjoni nazzjonali u bi programmi ta' riforma, filwaqt li l-progress jitkejjel b’analiżi komparattiva, indikaturi, reviżjonijiet minn pari u skambju tal-aħjar prattika. Il-mudell tal-MMK għandu wkoll bażi legali għal ċerti oqsma ta' politika fit-Trattat ta' Lisbona (Artikoli 149, 153, 156, 168, 173 u 181 tat-TFUE). |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1 |
Sabiex toħroġ mill-kriżi ekonomika u soċjali profonda attwali, l-Ewropa riesqa lejn koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. Il-KESE jenfasizza li, jekk irridu niksbu l-għanijiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-progress soċjali jrid jimxi pari passu mar-riformi ekonomiċi. Għalhekk huwa assolutament neċessarju li tinħoloq rabta bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Istrateġija. Il-politiki integrati li jsaħħu lil xulxin ser jeħtieġu li l-istrumenti kollha jkunu kkontrollati, ikkoordinati u msaħħa. |
|
3.2 |
B’dan l-isfond, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Presidenza Belġjana qiegħda tiffoka fuq il-governanza u l-koeżjoni soċjali billi tenfasizza l-klawżola soċjali orizzontali u MMK aktar b’saħħtu. Dan l-approċċ għandu jinżamm fuq perijodu fit-tul. Il-Kumitat iħeġġeġ bi sħiħ lill-Gvern Ungeriż sabiex din il-kwistjoni jagħmilha prijorità matul il-Presidenza tiegħu li ġejja. |
|
3.3 |
Il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll, madankollu, li għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hekk kif jissaħħu l-istrumenti mfassla biex jinkiseb progress soċjali. |
|
3.4 |
Il-KESE konsistentement enfasizza li l-parteċipazzjoni vera miċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji u l-livelli kollha tal-proċess hija parti indispensabbli tal-governanza. Għandu jintlaħaq kunsens dwar ir-riformi ekonomiċi u soċjali mal-imsieħba soċjali u partijiet oħra rilevanti, u b’hekk jiżdiedu l-possibbiltajiet li jinkisbu l-miri prinċipali. |
|
3.5 |
Il-KESE jenfasizza li huwa kruċjali li l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jiġu involuti mill-qrib meta jiġu stabbiliti l-miri nazzjonali u jitfasslu l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali kif ukoll biex jissaħħaħ l-MMK u tiġi implimentata l-klawżola soċjali orizzontali. Il-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom jitqiesu wkoll meta l-Kummissjoni u l-Kunsill jivvalidaw il-miri u jevalwaw il-progress. |
|
3.6 |
L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata fil-livelli territorjali kollha. Approċċ minn isfel għal fuq għandu jinteraġġixxi ma' inizjattivi tal-UE minn l-ogħla livell meta jitfasslu u jiġu implimentati l-politiki soċjali tal-UE. Għalhekk, is-soċjetà ċivili organizzata għandha tibni sħubijiet reali u effiċjenti mal-parlamenti/awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jiġu stabbiliti miri u jitfissru miżuri ta' politika adegwati. Dan jorbot mal-implimentazzjoni effiċjenti tal-prinċipju tas-sħubija li għandu jiggwida l-użu u l-allokazzjoni tal-fondi strutturali tal-UE fil-futur, u b’hekk jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Fond Soċjali Ewopew (FSE) (1). |
|
3.7 |
Il-KESE jiffavorixxi wkoll l-involviment attiv tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali u organizzazzjonijiet simili. |
|
3.8 |
Il-KESE jipproponi li, flimkien mar-rapport ta' progress annwali dwar il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma fl-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji “rapport ta' governanza” ibbażat fuq il-governanza parteċipattiva tal-MMK u l-klawżola soċjali orizzontali, li dwarhom għandhom jiġu kkonsultati l-Parlament Ewropew, il-KESE u l-KtR. Il-KESE jista’ juża n-netwerk tiegħu ta' KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili biex jimmonitorja l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata u jista’ wkoll jippubblika r-rapporti tiegħu. |
|
3.9 |
Hemm bżonn qawwi ta' proċess ta' koordinazzjoni li jinkorpora l-interazzjonijiet reċiproċi bejn il-miri prinċipali, il-linji gwida integrati u l-inizjattivi ewlenin. Il-Kummissjoni għandha rwol strateġikament importanti biex tmexxi din “il-koordinazzjoni ta' koordinazzjoni”. Il-linji gwida integrati għandhom jiġu “integrati” fil-veru sens tal-kelma, jiġifieri li l-politiki kollha jridu jkunu koerenti u ffokati fuq il-miri kollha. Integrazzjoni bħal din għandha tkun il-linja gwida globali meta jiġu introdotti mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali u jissaħħaħ l-MMK. Sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn iż-żewġ strumenti, ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali għandhom jiġu inklużi fil-proċess tal-MMK. |
|
3.10 |
Għalhekk il-KESE jappoġġja bi sħiħ il-proposta mressqa fil-21 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (KPS) għall-Istrateġija Ewropea l-ġdida (2). Il-KPS jixtieq li l-klawżola soċjali orizzontali tiddaħħal fil-preambolu tal-linji gwida ta' politika ekonomika. Bla dubju valutazzjoni tematika u rappurtar tal-progress dwar id-dimensjoni soċjali tagħha huma komponent neċessarju tal-viżjoni integrata tal-Ewropa 2020. |
|
3.11 |
Il-KESE japprezza l-ħidma mwettqa mill-KPS u l-Kumitat għall-Impjieg (EMCO) u jikkunsidra li r-rwol tagħhom għandu jissaħħaħ fl-istess waqt li jissaħħu l-istrumenti mfasslin biex tinkiseb id-dimensjoni soċjali. Il-KESE jissuġġerixxi li m’għandhomx ikunu biss il-gvernijiet li jkunu rappreżentati fil-Kumitati iżda wkoll l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jipproponi li l-Kumitati jżommu laqgħat b’mod aktar regolari, ma' rappreżentanti ta' dawn il-partijiet interessati kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri. Ir-rappreżentanti tal-Gvern fi ħdan il-KPS u l-EMCO għandhom responsabbiltà wkoll li jorganizzaw kif ukoll jieħdu sehem fil-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u l-partijiet rilveanti oħra tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. |
|
3.12 |
Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu żviluppati għodod ta' komunikazzjoni fost iċ-ċittadini, il-ħaddiema, in-negozji u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħhom. L-inizjattiva tal-Kummissjoni li tara x’realtajiet soċjali jeżistu tista’ sservi bħala mudell u tkun organizzata fuq bażi aktar permanenti li tilħaq ukoll il-livell lokali. Madankollu, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu proattivi huma stess dwar kif għandhom jintużaw il-klawżola soċjali orizzontali u l-MMK. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-proġetti piloti għal dan il-għan jiġu ffinanzjati mill-programm PROGRESS. |
4. Kummenti speċifiċi dwar il-klawżola soċjali orizzontali
|
4.1 |
L-effetti tal-klawżoli orizzontali dwar l-ambjent, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-protezzjoni tal-konsumaturi, stabbiliti aktar minn 10 snin ilu fit-Trattat, huma primarjament informali. |
|
4.2 |
Il-KESE jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali huma parti essenzjali biex tiġi mmonitorjata l-Istrateġija Ewropa 2020, u li għandhom jipprovdu mekkaniżmi effettivi biex jiġu evalwati r-riskji soċjali, jiġu ppubblikati u jkunu miftuħin għal diskussjoni pubblika. Il-KESE jixtieq jenfasizza li b’mod partikulari għandhom jiġu vvalutati l-effetti fuq l-impjieg u n-numru ta' persuni li jgħixu f’riskju ta' faqar. |
|
4.3 |
Il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva, assistita mill-KPS u l-EMCO. L-imsieħba soċjali Ewropej u l-partijiet rilevanti prinċipali l-oħra għandhom jiġu involuti b’mod attiv. Il-fehmiet tagħhom għandhom jiġu ppubblikati (mehmużin) flimkien mal-valutazzjonijiet. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni diġà stabbilixxiet mekkaniżmi għall-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali permezz tal-Valutazzjoni Integrata tal-Impatt, iżda l-viżibilità u l-użu tagħhom għandhom ma ġewx definiti sew. |
|
4.4 |
Fil-fehma tal-KESE, għandu jiġi assigurat li l-politika ekonomika u l-konsolidazzjoni baġitarja għandhom iwasslu għal aktar impjiegi, inqas persuni li jgħixu fil-faqar u titjib fid-drittijiet soċjali. Għalhekk, il-valutazzjonijiet soċjali b’mod partikulari għandhom ikopru l-għaxar linji gwida integrati kollha għall-politiki ekonomiċi u tal-impjieg. Barra minn hekk, jekk ikun il-bżonn għandhom jiġu evalwati miżuri oħra li jittieħdu biex jinkisbu l-ħames miri prinċipali. |
|
4.5 |
Il-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali għandhom isiru wkoll fil-livell nazzjonali u reġjonali. |
|
4.6 |
Rapport inizjali għandu jkun lest sa Diċembru 2010 sabiex jintuża għall-ewwel reviżjoni annwali tal-Ewropa 2020. |
5. Kummenti speċifiċi dwar il-MMK.
|
5.1 |
Il-KESE ta' spiss ikkritika l-MMK peress li ma tax ir-riżultati mistennija, mhux effettiv, huwa inviżibbli fil-livell nazzjonali u ma jinvolvix biżżejjed lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili. |
|
5.2 |
Min-naħa l-oħra ġie innutat titjib, partikularment fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-KESE, f’diversi Opinjonijiet, wera l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni tal-MMK f’oqsma ġodda ta' politika (pereżempju s-saħħa, il-politika taż-żgħażagħ, l-isfidi demografiċi, l-immigrazzjoni u l-asil). |
|
5.3 |
Il-KESE jemmen bi sħiħ li fil-kriżi attwali, l-MMK għandu jissaħħaħ sabiex ikun assigurat li l-politiki ta' protezzjoni soċjali u ta' inklużjoni soċjali ma jitwarrbux fil-ġenb. |
|
5.4 |
Il-KESE jappoġġja bi sħiħ it-twaqqif ta' “Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar” bħala strument li jsaħħaħ l-impenn tan-negozji, il-ħaddiema u l-pubbliku inġenerali sabiex titnaqqas l-esklużjoni soċjali permezz ta' miżuri prattiċi. Il-Pjattaforma u l-MMK ser ikunu ta' benefiċċju għal xulxin. Madankollu, il-KESE jqis li l-MMK jista’ jgħin ukoll fl-iżvilupp ta' inizjattivi ewlenin oħrajn, b’mod partikulari jekk ikunu appoġġjati mill-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali tal-klawżola orizzontali. |
|
5.5 |
Il-KESE ssuġġerixxa li l-MMK għandu jissaħħaħ billi jiġu stabbiliti miri vinkolanti fil-livell tal-Istat Membru sabiex tinkiseb l-Istrateġija Ewropa 2020. Din il-fehma hija enfasizzata f’diversi Opinjonijiet tal-KESE, bħal pereżempju fl-aktar opinjoni reċenti dwar il-linji gwida tal-impjiegi (3), li titlob għal miri aktar ambizzjużi u li jistgħu jitkejlu dwar l-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, appoġġjati minn koordinazzjoni aħjar tal-politiki. Il-KESE jappoġġja bi sħiħ it-talba li saret fil-Konferenza Biennali tagħha f’Firenze biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi indikaturi speċifiċi biex jitkejjel l-impatt tal-edukazzjoni bikrija fuq it-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali aktar tard fil-ħajja. |
|
5.6 |
Madankollu, il-KESE jenfasizza li meta l-Istat Membru huwa ħieles li jagħżel l-aktar indikaturi adegwati (ara l-punt 2.4 hawn fuq), il-MMK għandu jsegwi billi jipproċedi għal analiżi komparattiva tal-indikaturi rilevanti kollha. Stat Membru m’għandux jitħalla jevita objettivi prinċipali tal-UE. Fil-fehma tal-KESE, in-numru ta' persuni f’riskju ta' faqar, imkejjel bl-indikatur ta' dħul relattiv (4), huwa rilevanti għal kull Stat Membru. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu stabbiliti miri nazzjonali fuq il-bażi ta' djalogu parteċipattiv ġenwin mal-partijiet interessati. |
|
5.7 |
Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm inċentivi aħjar biex l-Istati Membri jkomplu bl-impenji tagħhom, pereżempju permezz ta' rabta ċara għall-allokazzjonijiet fi ħdan il-FSE. Dan l-approċċ jissaħħaħ kieku l-programmi operattivi tal-FSE jiffokaw ħafna aktar fuq l-inklużjoni soċjali, appoġġjati bi sħubija effiċjenti mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
|
5.8 |
L-MMK għandu jkollu dimensjoni aktar lokali, waqt li jistabbilixxi pjani ta' azzjoni lokali u reġjonali flimkien mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet lokali, u b’hekk jirrifletti l-approċċ parteċipattiv mill-aktar livell baxx u l-koordinazzjoni tal-imsieħba u l-politiki, anke bl-appoġġ mill-fondi strutturali. Id-deċentralizzazzjoni tal-metodu b’dan il-mod ser iżid il-profil tal-integrazzjoni tal-politika, li tant hemm bżonnu. |
|
5.9 |
Il-KESE jemmen bi sħiħ li għandu jkun hemm livell ta' referenza għall-governanza parteċipattiva tal-MMK – b’mod partikulari l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata – ibbażata fuq indikaturi, reviżjonijiet mill-pari, tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattika. Il-KESE jipproponi li din it-tip ta' referenza titfassal bħala Kodiċi ta' prattika tajba mill-Kummissjoni u mill-KPS, flimkien mal-partijiet interessati prinċipali Ewropej. Tista’ tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin (5):
|
|
5.10 |
Għandha tiġi stabbilita rabta ċara bejn il-proposti bbażati fuq “prinċipji komuni” u l-MMK. Il-prinċipji komuni huma rakkomandazzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri u pereżempju jkunu ntużaw fil-politiki tal-UE għall-istrateġiji tematiċi dwar il-flessigurtà, l-inklużjoni attiva u t-tixjiħ attiv. |
|
5.11 |
Ir-riżultat tal-MMK eventwalment għandu jwassal għal proposti għall-użu ta' strumenti oħra, bħall-“kooperazzjoni msaħħa” bejn l-Istati Membri, l-użu tal-metodi komunitarji u oħrajn. |
|
5.12 |
Il-KESE jenfasizza li l-indikaturi għandhom imorru lil hinn mill-prestazzjoni ekonomika, billi jidentifikaw ukoll l-indikaturi ta' benessri soċjetali kif proposti mill-Kummissjoni Stiglitz (6). Preċedentement, il-KESE identifika indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-politika soċjali, pereżempju dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-impjieg taż-żgħażagħ, il-“ħaddiema fqar”, il-persuni b’diżabbiltà, l-impjiegi ta' kwalità, il-faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ, id-distribuzzjoni tad-dħul finanzjarju, is-sistemi tal-pagi minimi/dħul minimu, u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Ġie ssuġġerit ukoll indikatur prattiku tal-“kwalità tal-ħajja” li jkopri sitt sferi differenti (7). Ġew proposti wkoll indikaturi kwalitattivi li jkejlu l-aċċessibbiltà u l-kwalità meta mqabbla mal-istennijiet tal-persuni, l-involviment tal-utenti u kemm huma faċli biex tużahom. |
|
5.13 |
Filwaqt li l-indikaturi jridu jiġu stabbiliti fil-livelli Ewropew, nazzjonali u reġjonali, il-KESE jenfasizza li l-partijiet interessati għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fit-tfassil u l-evalwazzjoni tagħhom. |
|
5.14 |
Il-KESE jemmen li huwa importanti għall-Istati Membri li jħejju rapport dwar il-progress lejn kull mira bl-użu ta' indikaturi Ewropej komparabbli iżda li jistgħu jiġu riveduti, kemm għall-ħolqien ta' tabella kif suġġerit fir-rapport KoK (8) kif ukoll biex jintużaw bħala għodda dijanostika għat-titjib u awtokorrezzjoni minn parteċipanti nazzjonali u lokali. |
|
5.15 |
Is-sistemi effiċjenti għat-tagħlim reċiproku u t-trasferiment tal-aħjar prattika kif ukoll l-isfruttament tal-miżuri leġislattivi għandhom jinvolvu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Peress li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra tas-soċjetà ċivili jħaddnu għarfien uniku u esperjenza estensiva tal-politiki soċjali u tal-impjieg, għandhom ikunu involuti fl-identifikar u l-evalwazzjoni tal-possibbiltajiet li jiġu trasferiti l-aħjar prattika, speċjalment il-miżuri innovattivi. |
|
5.16 |
Ir-reviżjonijiet mill-pari tal-Istati Membri għandhom jissaħħu billi jiġu involuti l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra. Ir-reviżjonijiet ibbażati fuq it-tagħlim reċiproku u l-aħjar prattika għandhom iwasslu għar-rakkomandazzjonijiet pubbliċi lill-Istati Membri, u jiġi propost pjan ta' direzzjoni għall-koeżjoni soċjali. |
Brussell, 15 ta' Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ECO/258, “Sħubijiet effikaċi fil-politika ta' koeżjoni”, relatur: is-Sur Olsson.
(2) Kunsill 9964/10.
(3) Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-27.5.2010 dwar Linji gwida dwar l-impjiegi, relatur ġenerali: is-Sur Greif, CESE 763/2010.
(4) Fejn il-linja tal-faqar titfisser bħala dħul inqas minn 60 % tad-dħul medjan.
(5) Ara wkoll pereżempju “EU Policy Coordination Beyond 2010: Towards a New Governance Structure” (Il-Koordinazzjoni tal-Politika tal-UE wara l-2010: Lejn Struttura Ġdida ta' Governanza) ta' Jonathan Zeitlin.
(6) Il-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali.
(7) Ara l-Opinjoni tal-KESE tat-22.10.2008 dwar Lil hinn mill-PGD – indikaturi għal żvilupp sostenibbli, relatur: is-Sur Siecker, (ĠU C 100, 30.4.2009, pp. 53-59).
(8) “Niffaċċjaw l-Isfida, L-Istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi”, rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli presjedut minn Wim Kok, Novembru 2004.