11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/153


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): l-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali”

COM(2009) 589 finali

2011/C 44/26

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar it-28 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): L-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali

COM (2009) 589 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14. u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’135 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) bi pjaċir jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jispera li l-proposti u l-indikazzjonijiet li jinsabu fiha jwasslu għal deċiżjonijiet operattivi, finanzjamenti u politiki koerenti min-naħa tal-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet.

1.2

Il-KESE minn dejjem kien favur il-proposti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika spazjali, waħda mill-prijoritajiet teknoloġiċi li għandha tiġi żviluppata ħafna aktar. L-użu reponsabbli u sostenibbli tal-ispazju b’għanijiet ċivili u paċifiċi huwa strument utli ta' żvilupp.

1.3

Ir-riċerka spazjali inġenerali, u l-GMES b’mod partikulari, jagħmlu parti mill-“ekonomija ekoloġika ġdida”. L-iżvilupp tal-applikazzjonijiet fl-oqsma tal-agrikoltura, tal-ġestjoni tat-tibdil fil-klima, tal-eżattezza tat-tbassir tat-temp u tal-ġestjoni tat-territorju huwa l-bażi ta' mudell ġdid, li jqis l-iżvilupp sostenibbli bħala prijorità tal-innovazzjoni u r-riċerka teknoloġika.

1.4

Il-KESE jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' indikazzjonijiet dwar il-perijodu li fih għandu jiġi applikat il-programm. Il-KESE jemmen li dan il-programm għandu jiskadi mill-inqas fl-aħħar tal-2030, u jiġu previsti wkoll il-funzjonijiet fundamentali għas-snin ta' wara.

1.5

Il-KESE jemmen li r-riżorsi finanzjarji mhumiex biżżejjed kemm għax ma jqisux l-andament tal-prezzijiet tal-komponenti teknoloġiċi tas-satelliti Sentinel kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' baġit allokat għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp, b’mod partikulari għall-ħtieġa li tinġabar id-data fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u s-sigurtà. Hemm bżonn mill-inqas bejn EUR 700 u 800 miljun oħra għall-perijodu 2014–2020 sabiex jiġu ssodisfati dawn il-bżonnijiet. L-ispejjeż tat-tnedija żdiedu b’mod konsiderevoli, bħalma żdiedu dawk tal-apparati elettroniċi.

1.6

Il-“ħolma spazjali” li kellhom ġenerazzjonijiet sħaħ trid terġa’ tiġi mnedija permezz ta' programmi ambizzjużi. Għandu jerġa’ jitqanqal l-interess fostiż-żgħażagħ għall-istudji tal-ispazju, jiġu offruti prospetti stabbli ta' impjieg, b’enfasi fuq il-valur soċjali għoli ta' proġetti bħall-GMES, li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u jgħinu l-attività umana u għalhekk jikkontribwixxu biex jiġu antiċipati fenomeni estremi bħall-għargħar u perijodi twal ta' nixfa. Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet ħżiena fl-atmosfera jippermetti, pereżempju, li tiġi verifikata l-effikaċja tal-azzjonijiet adottati biex jitnaqqas is-CO2 jew biex jittieħdu l-miżuri adegwati f’każ ta' ksur tal-liġijiet dwar it-traffikar tal-bnedmin, b’koordinazzjoni mal-attivitajiet tal-Frontex.

1.7

Il-GMES jista’ jagħti kontribut deċiżiv għall-politika ta' ġestjoni tal-iskart, billi jidentifika siti illegali u t-tixrid ta' sustanzi tossiċi. Huwa essenzjali li l-programm spazjali GMES jittratta wkoll l-iskart “spazjali”, jiġifieri li jinġabru mill-ispazju l-istazzjonijiet li m’għadhomx jintużaw u s-satelliti li m’għadhomx jittrasmettu informazzjoni. Il-programm tal-Aġenzija Spazjali Ewropea dwar is-sorveljanza fl-ispazju, flimkien mas-sistema Ġermaniża TIRA, jista’ jikkontribwixxi biex in-numru kbir ta' skart spazjali ikun ikontrollat. Mill-1957 ’l hawn, ġew illanċjati aktar minn 5 000 satellita u attwalment tiġi llanċjata waħda kull jumejn.

1.8

Fil-fehma tal-KESE, l-effett ġenerattiv pożittiv ta' programm b’tul ta' żmien adegwat jista’ jiġġenera lieva utli u sigura għas-sehem dirett tal-intrapriżi pubbliċi u privati tas-settur ikkonċernat, li jippermettilhom jippjanaw l-investimenti tagħhom għall-iżvilupp ta' teknoloġiji li jipproduċu sistemi ta' ditekters dejjem aktar effiċjenti mill-perspettiva ta' spejjeż u prestazzjoni. Il-kapaċità li jinġibdu investimenti privati u li jinħoloq suq tas-servizzi ser tkun fundamentali għas-suċċess tal-attività kollha.

1.9

L-Istati Membri li mhumiex attivi u li għadhom ’il bogħod minn politika spazjali jistgħu jsibu l-garanzija li jeħtieġu sabiex iniedu l-inizjattivi tagħhom fid-dawl taċ-ċertezza tal-kontinwità tal-programmi Komunitarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis id-deċiżjoni li ttieħdet fi Frar 2010 li jinħoloq il-Bord tal-Imsieħba tal-GMES bil-preżenza attiva tas-27 Stat Membru bħala pass pożittiv sabiex jinkiseb bilanċ ġdid tal-għarfien u l-impenn fid-dinja tal-politika spazjali. Dan il-korp għandu jkun miftuħ għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

1.10

Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' programm fuq perijodu fit-tul għandha tipprovdi l-mezz biex l-UE tingħata aktar saħħa u piż politiku fil-konfront ta' partijiet oħra tad-dinja li illum qegħdin joperaw fis-settur spazjali, u tista’ sservi ta' fattur pożittiv fin-negozjati bil-għan li jinkiseb il-kontribut finanzjarju meħtieġ li jista’ jinħoloq mill-aċċess għall-programmi u għar-riżultati tal-missjonijiet mhux ikkontrollati mill-UE.

1.11

Il-GMES huwa kapaċi jagħti kontribut importanti ħafna f’diversi setturi kruċjali, bħall-oċeanografija, il-kontroll tal-kwalità tal-arja, il-provvista ta' mapep preċiżi relatati mal-użu tal-art, jew il-provvista rapida ta' mapep taż-żoni milqutin minn diżastri naturali, u b’hekk jiġi pprovdut appoġġ essenzjali lill-protezzjoni ċivili.

1.12

F’din il-fażi ta' kriżi ekonomika profonda, il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed riżorsi ma tistax, fil-fehma tal-KESE, tikkostitwixxi element li jnaqqas l-investiment, iżda għall-kuntrarju, jekk ir-riżorsi disponibbli jiġu mobilizzati kemm jista’ jkun u bl-appoġġ tal-opinjoni pubblika li tkun infurmata bil-potenzjal kollu, il-programm GMES jista’ jgħin iwaqqaf il-kriżi permezz ta' ġabra estensiva ta' potenzjal xjentifiku u produttiv, bl-effetti ġenerattivi pożittivi konsegwenti li jistgħu jerġgħu jagħtu lill-UE l-pożizzjoni tat-tmexxija fis-settur li llum jidher li qed titlef.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-deċiżjoni tal-UE li tattrezza ruħha b’sistema integrata ta' osservazzjoni tad-dinja biex tipprovdi informazzjoni u servizzi fl-oqsma tal-ambjent u s-sigurtà, imsejħa Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), hija għażla strateġika li tippermetti li l-UE żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha ta' tmexxija fil-qasam tal-attivitajiet ċivili ajruspazjali.

2.2

Skont il-linji gwida tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2001, l-inizjattiva GMES għandha l-għan li torbot il-bżonnijiet tas-soċjetà fir-rigward tal-ambjent u s-sigurtà mal-kapaċitajiet tekniċi u operattivi avvanzati offruti mis-sistemi ta' osservazzjoni terrestri u spazjali. Din tissodisfa l-bżonn li jiġi garantit aċċess rapidu għall-informazzjoni ambjentali fil-livell globali, reġjonali u lokali, mingħajr ma tiġi pperikolata l-awtonomija f’dawn is-setturi: żvilupp sostenibbli, tibdil fil-klima fuq livell globali, politika ta' difiża u ta' sigurtà komuni, iż-żona Ewropea tar-riċerka u l-istrateġija Ewropea għall-ispazju.

2.3

Is-sistema hija bbażata fuq l-analiżi ta' data relatata mal-osservazzjoni tad-dinja pprovduta mis-satelliti u netwerks ta' monitoraġġ in situ. Ladarba tiġi analizzata u kkoordinata, din id-data tkun disponibbli għall-utenti finali: l-awtoritajiet u l-aġenziji nazzjonali, reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet ambjentali u ta' protezzjoni ċivili, eċċ. Il-GMES hija inizjattiva promossa u mħaddma bi sħab mill-Unjoni Ewropea (UE) u mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Fil-kuntest ta' din l-inizjattiva, l-ESA tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-iżvilupp tal-komponent spazjali u l-UE taġixxi bħala promotur u aggregatur tad-domanda.

2.4

Il-programm GMES huwa maqsum fi tliet partijiet: il-komponent spazjali, il-komponent in situ u l-komponent tas-servizzi, li dwaru l-Kummissjoni ħarġet Proposta għal Regolament u li min-naħa tiegħu l-KESE ħejja opinjoni dwarha (1).

2.5

Fost it-tliet komponenti, il-komponent spazjali huwa bil-bosta l-aktar li jqum il-flus u jiddetermina l-kwalità u l-kwantità tas-servizzi li jistgħu jiġu offruti. Jinkludi 6 serje ta' missjonijiet ta' osservazzjoni tad-dinja Sentinel, li 5 minnhom huma ffinanzjati, li għandhom jitnedew mill-2012 ’il quddiem. Dak kollu li jikkonċerna s-segment spazjali huwa kkontrollat, ikkoordinat u implimentat mill-ESA: mhux biss il-kuntratti mal-industriji għall-iżvilupp tas-satelliti u tal-infrastruttura meħtieġa, iżda wkoll il-ġestjoni tal-proġetti pilota li qed jitħaddmu f’din il-fażi u li ser jiġu vvalutati għall-applikazzjonijiet futuri.

3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kumissjoni tagħti rendikont ta' dak li wettqet s’issa għall-komponenti tas-servizzi u dawk in situ, li diġà taw riżultati tajba bl-użu tal-infrastrutturi spazjali eżistenti, b’mod partikulari fil-missjonijiet Eumetsat u ESA u fil-missjonijiet nazzjonali.

3.2

Il-bażijiet tal-arkitettura tas-sistema tpoġġew fl-2008, b’mod partikulari l-ħtiġijiet finanzjarji u l-politiki baġitarji relatati. Biex il-proġett jitwettaq, hemm bżonn li jiġu allokati r-riżorsi neċessarji fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriannwali li jmiss tal-Unjoni. L-ESA tbassar spiża ta' madwar EUR 4,23 biljuni matul il-perijodu 2014–2020 (2).

3.3

Id-dokument janalizza xi aspetti kruċjali tal-politika spazjali Ewropea, li fiha l-GMES jirrappreżenta, flimkien mal-programmi Ewropej GNSS (EGNOS u Galileo), element fundamentali.

3.4

Il-Kummissjoni tindika l-prijoritajiet ta' finanzjament għat-tlestija u l-iżvilupp tas-Sentinels 1, 2 u 3, il-kontinwità u l-aċċessibilità tad-data u fl-aħħar, il-bżonn li jitneħħew ir-riservi tal-Istati Membri fuq kemm ser idum biex jitlesta l-proġett, li s’issa huwa ppjanat li jdum sal-2020.

3.5

Skont il-Kummissjoni, hemm bżonn ta' regolament dwar il-proprjetà tad-data sabiex ikun hemm politika ta' aċċess sħiħ u garantit. Tiġi indirizzata wkoll it-tema tal-proprjetà tal-infrastruttura u tal-ġestjoni tagħha.

3.6

Parti kbira mid-dokument hija dwar il-politika tal-akkwist, li għandha tassigura b’mod effettiv kemm l-effiċjenza f’termini ta' spejjeż kif ukoll il-kontinwità tad-disponibbiltà tad-data.

3.7

Il-kooperazzjoni internazzjonali hija element importanti tal-programm GMES kollu. F’dan il-kuntest, din tirrappreżenta l-kontribut Komunitarju għall-programm GEOSS ta' osservazzjoni globali tad-dinja. Il-Kummissjoni ser tiżviluppa aktar skambji u sħubijiet fi ħdan il-Kumitat dwar is-Satelliti ta' Osservazzjoni tad-Dinja (CEOS) li għandu responsabbiltà partikulari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-effetti tat-tibdil fil-klima.

3.8

Fil-konklużjonijiet, il-Kummissjoni tagħti sinteżi tad-dokument u timpenja ruħha li ssegwi mill-qrib it-tlestija tal-programm u l-aġġornament kontinwu tiegħu skont id-domanda tal-utenti.

4.   Kummenti tal-Kumitat

4.1

Il-KESE jqis il-politika spazjali bħala waħda mill-prijoritajiet teknoloġiċi li għandha tiġi żviluppata b’mod aktar intensiv u għalhekk bi pjaċir jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jispera li l-proposti u l-indikazzjonijiet li jinsabu fiha jwasslu għal deċiżjonijiet operattivi, finanzjamenti u politiki koerenti min-naħa tal-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet.

4.2

Filwaqt li jagħti opinjoni pożittiva, il-Kumitat jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni relatat man-nuqqas ta' ċarezza min-naħa tal-Istati Membri rigward l-iskadenza applikata għall-programm GMES. Iqis li huwa indispensabbli li jagħtu appoġġ ċar lil programm li fil-preżent għandu jiskadi fl-2030, iżda li fil-verità għandu jipprevedi l-possibbiltà li jibqa’ jħaddem il-funzjonijiet bażiċi tiegħu anke wara l-2030.

4.3

Huwa wkoll essenzjali li s-settur tal-intrapriżi jkun jista’ jippjana l-investimenti għal perijodu suffiċjenti u jiżviluppa t-teknoloġiji biex jikseb sistemi ta' ditekters dejjem aktar effiċjenti mil-lat ta' spejjeż kif ukoll ta' kwalità ta' prestazzjoni.

4.4

Il-Kumitat iqis bħala insuffiċjenti d-dħul ta' EUR 4 biljuni, fuq il-bażi tax-xenarju fuq medda twila ta' żmien tal-ESA. Il-madwar EUR 600 miljun fis-sena fil-fatt ma jqisux l-andament tal-prezzijiet tal-komponenti teknoloġiċi għall-kostellazzjoni tas-satelliti Sentinel. L-ammont riżervat għar-riċerka u l-iżvilupp ukoll jidher insuffiċjenti, b’mod partikulari dak li jirrigwardja l-ħtiġiet għall-ġbir ta' data sinjifikanti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u s-sigurtà.

4.5

Waqt li japprova bi sħiħ il-proposti tal-Kummissjoni, il-Kumitat jitlob li jittieħdu passi akbar ’il quddiem fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji neċessarji – minn tal-inqas hemm bżonn ta' EUR 700-800 miljun aktar għall-2014/2020, it-tressiq għall-2030 tal-iskadenza tal-proġett, il-ftuħ tas-suq spazjali għall-Istati Membri kollha, regolament ċar u miftuħ fir-rigward tal-politika ta' aċċess għad-data, koordinazzjoni stretta bejn il-partijiet interessati kollha fil-proġett, u fl-aħħar, tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-proġett.

4.6

Il-Kummissjoni stess issemmi l-bżonn ta' aktar investimenti fil-qasam tas-sigurtà u f’Komunikazzjoni (3) reċenti tagħha tfakkar li saret stedina, fl-ambitu tas-7 Programm Qafas (bit-tema tal-ispazju) biex jitressqu proposti għall-iżvilupp ta' servizzi GMES preoperattivi mmirati għas-sorveljanza marittima. Hemm bżonn ta' approċċ integrat li juża l-istrumenti kollha disponibbli sabiex jitħares l-ambjent, l-ibħra u l-kosti tagħna jiġu protetti mit-traffiku illegali u jiġu salvati l-persuni li jafdaw ruħhom f’organizzazzjonijiet kriminali mingħajr skrupli.

4.7

F’dan il-kuntest, hemm bżonn ta' aktar riżorsi biex jiġu sostnuti kemm il-programmi ta' taħriġ kontinwu tal-operaturi tas-settur kif ukoll il-proġetti li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jistudjaw l-ispazju u l-applikazzjonijiet possibbli tiegħu. Fl-aħħar snin, anke minħabba n-nuqqas ta' attenzjoni pubblika għat-tema, l-interess fl-inġenerija ajruspazjali naqas, b’nuqqas akbar fin-numru ta' studenti li jsegwu u jiggradwaw f’din id-dixxiplina. Qiegħed jibda jidher in-nuqqas ta' tekniċi u għalhekk hemm bżonn ta' politika speċifika biex dawk interessati jiġu ggwidati lejn dawn l-istudji. Wieħed mill-akbar raġunijiet għan-nuqqas ta' studenti f’dawn id-dixxiplini jirrigwardja l-prospetti ta' impjieg, li ma jidhrux siguri u dejjiema.

4.8

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex tassumi direttament is-sjieda tas-sistema u, għalhekk, ir-responsabbiltà tal-ġestjoni. L-għażla ta' aċċess miftuħ, kontinwu u ħieles tidher bħala adegwata u meqjusa tajjeb, bil-kundizzjoni jiġu implimentati l-garanziji tas-sigurtà permezz ta' regolament speċifiku. L-aċċess garantit jista’ joħloq il-kundizzjonijiet sabiex iqanqlu l-interess tal-investituri privati biex joffru s-servizzi. Il-bidu ta' suq relatat mas-sistema GMES, apparti li jirrappreżenta opportunità ekonomika u servizz lill-pubbliku, jista’ jippermetti l-kondiviżjoni ta' xi spejjeż ta' ġestjoni tas-servizzi terrestri.

4.9

L-għażla tal-arkitettura tas-sistema ser tkun essenzjali għall-ġestjoni korretta tad-data. L-isfruttament kummerċjali għandu dejjem jinkludi kontribut għall-ispejjeż, wara perijodu ta' adattar tas-suq, bħalma attwalment qiegħed jiġri għal xi servizzi web, li s’issa kienu b’xejn iżda li bil-mod il-mod qegħdin jintroduċu miżata għall-utenti. Fil-prinċipju, id-data għall-amministrazzjonijiet pubbliċi għandha tkun b’xejn u aċċessibbli, b’firxa ta' pjattaformi skont l-esiġenzi ta' kunfidenzjalità u sikurezza.

Reċentement, ingħata bidu għal applikazzjonijiet importanti tal-monitoraġġ tas-satellita. Is-satelliti altimetriċi tal-programm My Ocean identifikaw ir-repetizzjoni tal-fenomenu ta' El Niño tal-2009; il-programm MACC (Monitoring Atmosphere Composition and Climate), parti integrali tas-servizz GMES, ipprovda l-informazzjoni għal simulazzjonijiet dwar it-tifrix tas-sħaba vulkanika Islandiża; servizz ieħor tal-programm GMES, is-SAFER (Services and Applications For Emergency Responses), għandu l-għan li jipprovdi mapep iddettaljati fi żmien 6 sigħat mid-diżastri naturali: terremoti, għargħar u ċ-ċediment tal-art, li jistgħu jkunu importanti ħafna għall-ħidma tal-protezzjoni ċivili. G-MOSAIC (Pilot service for security) ser jissorvelja t-territorju għal raġunijiet ta' sikurezza, mis-sorveljanza tal-impjanti nukleari, għar-rotot ta' immigrazzjoni klandestina, għas-sorveljanza tal-fruntieri, sal-analiżi tad-danni u l-ħtiġijiet ikkawżati mill-gwerer.

4.10

Il-politika ta' akkwist teħtieġ attenzjoni partikulari. Il-prinċipji tal-Ismall Business Act għandhom jiġu applikati dejjem fil-proċeduri ta' akkwisti pubbliċi, partikularment dawk Komunitarji. Hemm bżonn ta' politika serja ta' appoġġ lill-SMEs, b’mod partikulari lil dawk fil-pajjiżi li għad m’għandhomx sistema ta' produzzjoni b’saħħitha u li għandhom jibbenefikaw huma wkoll mill-investimenti kbar li ser isiru fis-settur dalwaqt. Il-komponent spazjali tal-GMES għandu bżonn mhux biss tal-intrapriżi l-kbar speċjalizzati fil-qasam tal-elettronika ajruspazjali iżda wkoll tal-intrapriżi ż-żgħar, li huma wkoll kapaċi jiggarantixxu soluzzjonijiet innovattivi. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ il-ħolqien ta' konsorzji bejn kumpaniji transnazzjonali, minħabba n-natura Ewropea tal-proġett.

4.11

Il-Kumitat jirrakkomanda koordinazzjoni dejjem aktar stretta bejn id-diversi partijiet interessati tal-proġett: il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ESA u l-EUMETSAT u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li taqsam ir-responsabbiltà bejn dawn id-diversi komponenti, skont kif previst fil-Komunikazzjoni.

4.12

Il-Kumitat jemmen li l-ESA għandha l-kompetenzi kollha neċessarji biex tikkwalifika bħala l-maniġer finali tal-infrastruttura spazjali, b’kooperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali fir-rigward tal-manutenzjoni, l-iżvilupp u s-sostituzzjoni tal-kostellazzjoni tas-satelliti. Jirrakkomanda bis-saħħa li jiġu ttestjati l-inizjattivi kollha legalment possibbli sabiex tkun tista’ titwettaq din l-għażla naturali.

4.13

Skont il-Kumitat, huwa indispensabbli li tibqa’ tiġi żviluppata l-azzjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima qiegħda inevitabilment isseħħ fuq skala globali u l-kondiviżjoni tad-data ser tkun essenzjali biex f’ħin reali jiġu identifikati l-effetti kontinwi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra u t-tibdil fil-klima korrespondenti. Il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat dan l-aspett u l-Kumitat jirrakkomanda li jiġu involuti wkoll imsieħba oħra miż-żoni fil-viċin u possibbilment jiġu involuti fl-istrateġija Ewropea għad-difiża tat-territorju u tal-ibħra u għas-sikurezza. Pereżempju, l-Unjoni għall-Mediterran tista’ tkun pjattaforma ideali għall-iżvilupp ta' din il-kooperazzjoni fl-ambitu tal-programmi prijoritarji attwali li jikkonċernaw il-protezzjoni ċivili, it-tindif tal-Mediterran u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. B’mod simili, il-kapaċità li jiġu identifikati l-karatteristiċi partikulari f’żoni oħra speċifiċi, bħall-attivitajiet li bħalissa huma fis-seħħ fir-Reġjuni Baltiċi u fiż-żona tad-Danubju, tista’ tkun ta' kontribut pożittiv.

4.14

Il-KESE jappoġġja t-twaqqif tal-Bord tal-Imsieħba tal-GMES, magħmul minn 27 membru, li jipprevedi wkoll il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera u n-Norveġja bħala membri tal-ESA. Dan il-korp, ippresedut mill-Kummissjoni, huwa fdat bil-kompitu li jwaqqaf kooperazzjoni bejn il-korpi tal-Istati Membri kollha, jgħin lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni koerenti tal-programm u tipprepara qafas strateġiku ta' implimentazzjoni u jwettaq skambju ta' esperjenzi u prattiki tajba relatati mal-GMES u mal-osservazzjoni tad-dinja. Dan il-korp rappreżentattiv jista’ jgħin jindirizza l-iżbilanċ fl-għarfien u fl-attività relatata mal-ispazju li jeżisti bejn l-Istati Membri l-ġodda u dawk qodma. Il-ħolqien ta' forum tal-utenti privati ikun tassew f’waqtu biex jiġu analizzati l-perspettivi tas-sistema u jkun hemm kollaborazzjoni mal-Kunsill.

4.15

Hemm bżonn ta' attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-programmazzjoni fuq perijodu qasir ta' żmien, b’mod partikolari t-tħaddim tas-serje A tas-satelliti Sentinel, l-illanċjar tas-serje B u l-akkwist ta' komponenti importanti għas-serje C.

4.16

Kemm il-Presidenza Spanjola, li impenjat ruħha fir-rigward tar-Regolament dwar is-servizzi GMES, kif ukoll il-Presidenza Belġjana, li impenjat ruħha fir-rigward tal-politika spazjali Ewropea, jaqblu li hemm bżonn ta' impetus ġdid. Il-Parlament Ewropew huwa favur ħafna li jappoġġja dan. Għalhekk, jeżistu l-kundizzjonijiet għad-definizzjoni tal-aspetti li għadhom jeħtieġu kjarifika: jiġu identifikati u allokati r-riżorsi neċessarji għall-proġett, jitneħħew id-dubji li għad hemm dwar l-iskadenza tal-GMES, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu żviluppati l-kostellazzjonijiet Sentinel, skont il-programm stabbilit, tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u jkun hemm aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  CESE 96/2010 – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta' osservazzjoni tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) – COM(2009) 223 finali – 2009/0070 (COD).

(2)  ESA/C (2009) 36.

(3)  Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE – COM(2009) 538 finali.