19.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel”

COM(2009) 433 finali

2011/C 18/11

Relatur: is-Sur ZBOŘIL

Nhar l-20 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b 'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew – Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel

COM(2009) 433 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Frar 2010.

Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ April 2010 (seduta tad-29 ta'April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b '168 voti favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq is-suġġett “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel” u l-inizjattivi li tinkludi. Il-Kumitat josserva li għadna fil-bidu ta’ triq twila u l-għażla tal-istrumenti u l-miżuri adatti u l-integrazzjoni tagħhom fil-ġestjoni tal-politiki u l-istrateġiji importanti mhijiex waħda sempliċi.

1.2.   Il-Kummissjoni aċċettat il-kompitu diffiċli li tħejji l-verżjoni pilota ta’ indiċi kumpless għall-ambjent. Huwa ċar li dan ser jinkludi indiċi aggregat, li jeħtieġ li jitqies il-bilanċ tal-effetti ta’ kull wieħed mill-elementi li jagħmlu l-ambjent. Mill-bidu nett, dan l-indiċi għandu jinbena fuq konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati.

1.3.   It-tħejjija ta’ indikatur kumpless tal-kwalità tal-ħajja u l-koeżjoni soċjali ser tkun saħansitra iktar diffiċli. Ser ikun kruċjali li jitwettqu proġetti pilota f'dan il-qasam li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bħala punt kritiku tal-proġett sħiħ. Għalhekk, hija għandha tniedi dawn il-proġetti pilota minnufih.

1.4.   It-tendenzi ta’ kif jiżviluppaw il-parametri fundamentali huma importanti ferm għall-istrateġija u t-tfassil tal-politika. B'hekk, dan l-aspett għandu jiddetermina l-għażla tal-parametri użati fil-ħin reali. Għandu jkun hemm reazzjoni għat-tibdil b'mod meqjus u fil-ħin.

1.5.   Is-sistema għandha tibqa' bbażata, anke fil-livell tal-Unjoni, fuq ġabra u evalwazzjoni nazzjonali ta’ informazzjoni, organizzati f'qafas Ewropew definit sew u li jgħaqqad, u fuq l-ipproċessar tagħhom f'indikaturi u parametri. L-evalwazzjoni tagħhom teħtieġ approċċ globali u olistiku, sabiex jiġu ristretti l-kunflitti bejn l-interpretazzjonijiet ta’ ċerti strumenti, kif ukoll ir-riskji li jġibu magħhom.

1.6.   L-evalwazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli ssir billi jinġabru t-tendenzi f'żewġ oqsma fundamentali: (1) l-evalwazzjoni tal-kapaċità għall-assorbiment u (2) l-evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-governanza tas-soċjetajiet umani. Il-KESE jilqa ' l-fatt li ż-żewġ proposti tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (it-tabella tal-monitoraġġ tal-limiti stabbiliti (thresholds) tal-pollutanti) ħadu din id-direzzjoni.

1.7.   Il-KESE huwa kuntent ukoll bl-isforz tal-Kummissjoni sabiex testendi l-kamp tal-kontijiet nazzjonali għat-temi ambjentali u soċjali. Il-qafas legali tal-kontabbiltà ambjentali għandu jitressaq fil-bidu tas-sena 2010. Bħalissa, l-indikaturi soċjali disponibbli fil-kontijiet nazzjonali mhumiex qed jintużaw b'tali mod li jilħqu l-potenzjali tagħhom. Wieħed jistenna li l-bżonn li jintużaw dawn l-indikaturi jibda jinħass iktar u iktar, b'tali mod li jsir progress fit-tħejjija ta’ approċċ kumpless u integrat sabiex jitkejjel u jiġi evalwat il-progress f'dinja li dejjem tinbidel.

1.8.   Dan il-proċess ta’ tibdil li qed jitħejja mhux ser ikun wieħed mgħaġġel, jew sempliċi, u għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tħejjija analitika u l-istudju ta’ kull strument abbażi ta’ riċerka dedikata għall-interazzjoni tagħhom u fuq konsultazzjonijiet dettaljati tal-atturi kkonċernati, sabiex titħaffef l-adozzjoni f'kuntest internazzjonali iktar mifrux.

1.9.   Fil-qafas tal-monitoraġġ tal-ħidma u sabiex jiġu strutturati l-istadji li ġejjin, ser ikun meħtieġ li jiġu applikati r-riflessjonijiet u l-proġetti kollha disponibbli. Il-kriterju deċiżiv għandu jkun l-ikbar oġġettività possibbli, kif ukoll iż-żamma tal-indipendenza tal-istatistika u l-ħtiġijiet kwalitattivi. Il-KESE lest li jieħu sehem fl-evalwazzjoni tat-tibdil neċessarju u biex dan jiġi aċċettat mis-soċjetà ċivili.

1.10.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kalendarju u tiffissa d-dati ta’ adozzjoni tad-diversi elementi ta’ din is-sistema. B'mod partikolari hija għandha tintegra ċerti miżuri ġodda fl-istrateġija l-ġdida tal-2020 u fl-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli. L-għan huwa li sal-2011 jiġi stabbilit qafas li jippermetti li jitħejjew proposti ċari għal azzjonijiet kumparabbli fil-livell dinji biex jitressqu fis-summit dinji għall-iżvilupp sostenibbli li ser torganizza n-NU fl-2012.

2.   Daħla

2.1   Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) huwa l-iktar metodu magħruf li jkejjel l-attività makroekonomika (PDG = konsum privat + investimenti + konsum pubbliku + (esportazzjonijiet – importazzjonijiet). Il-qafas u r-regoli tal-kalkolu tal-PDG jiġu stabbiliti mis-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali, li hija ġeneralment kompatibbli mas-sistema tal-kontijiet nazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-PDG sar referenza standardizzata fil-livell internazzjonali, użata mill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta’ sikwit jiġi kkwotat fid-dibattiti pubbliċi. Il-PDG jiġbor il-valur miżjud ta’ kull attività ekonomika u finanzjarja. Huwa bbażat fuq metodu ċar li jippermetti t-tqabbil tul perijodi u bejn pajjiżi u reġjuni.

2.2   Il-PDG issa sar jitqies ukoll bħala indikatur ta’ żvilupp ġenerali tas-soċjetà u tal-progress b'mod ġenerali. Il-PDG ma jkejjilx b'mod effettiv is-sostenibbiltà ambjentali jew l-integrazzjoni soċjali, u dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jitqiesu meta din l-analiżi tintuża fl-analiżi u d-dibattiti politiċi. Stħarriġ reċenti dwar dawn ir-restrizzjonijiet ġie propost fil-ħidma ta’ Stiglitz/Sen/Fitoussi (2008) Issues Paper, Commission on the Measurement of Economic Performance and Social Progress http://www.stiglitz-sen-fitoussi.fr/documents/Issues_paper.pdf )

2.3   Madwar għaxar snin ilu din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ dibattiti f'bosta livelli u f'Ottubru 2008, il-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja (1), li tressaq u tispjega l-linji ġenerali attwali tar-riċerka u tappoġġja l-isforz tar-riċerka ta’ indikaturi komplementari li jippermettu d-deskrizzjoni kompluta tal-iżvilupp tas-soċjetajiet umani.

2.4   B'hekk, il-komunikazzjoni tressaq azzjonijiet differenti li jistgħu jiġu adottati fil-perijodu medju jew qasir. L-għan ġenerali jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ indikaturi iktar dettaljati, li joffru bażi ta’ għarfien iktar affidabbli sabiex jittejbu l-kwalità tad-dibattitu pubbliku u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tipproponi kooperazzjoni mal-atturi interessati u l-imsieħba sabiex jiġu żviluppati indikaturi li jkunu rikonoxxuti u użati fil-livell internazzjonali.

3.   Sinteżi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1   Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġu implimentati dawn il-ħames azzjonijiet li ġejjin. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu riveduti jew finalizzati fil-qafas tar-reviżjoni ppjanata għall-2012.

3.2   Żieda ta’ indikaturi ambjentali u soċjali fil-PDG: l-indikaturi li jiġbru dawn il-kwistjonijiet importanti permezz ta’ ċifra waħda huma strumenti ta’ komunikazzjoni essenzjali. Il-PDG u r-rati tal-qgħad u l-inflazzjoni huma eżempji tajba ta’ dawn l-indikaturi ta’ sinteżi. Iżda mhuwiex l-għan tagħhom li jirriflettu s-sitwazzjoni tal-ambjent jew l-inugwaljanzi soċjali. Biex tindirizza dan in-nuqqas, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa indiċi ġenerali għall-ambjent u ttejjeb l-indikaturi relatati mal-kwalità tal-ħajja.

3.2.1   Indiċi ambjentali ġenerali: bħalissa m'hemm l-ebda indikatur ġenerali għall-ambjent. Fost l-indikaturi potenzjali dwar dan is-suġġett insibu l-marka ekoloġika u l-marka tal-karbonju, iżda dawn għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat (il-marka tal-karbonju tikkonċentra biss fuq l-emissjonijiet ta’ gass b'effett ta’ serra. Il-marka ekoloġika teskludi ċerti effetti, b'mod speċjali l-effett fuq l-ilma. Madankollu, bħalissa l-Kummissjoni qed twettaq testijiet dwar il-marka, u dwar indikaturi oħra, sabiex issegwi l-iżvilupp tal-istrateġija tematika dwar l-użu vijabbli tar-riżorsi naturali u l-Pjan ta’ azzjoni favur id-diversità bijoloġika). Is-servizzi tal-Kummissjoni beħsiebhom jippreżentaw verżjoni pilota ta’ indiċi ta’ pressjoni fuq l-ambjent fl-2010. Dan l-indiċi ser jinkludi l-punti ewlenin tal-politika ambjentali:

it-tibdil fil-klima u l-użu tal-enerġija;

in-natura u l-bijodiversità;

it-tniġġis tal-arja u l-effetti fuq is-saħħa;

l-użu tal-ilma u t-tniġġis tal-ilma;

il-produzzjoni tal-iskart u l-użu tar-riżorsi.

3.2.2   Il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri: id-dħul finanzjarju, is-servizzi pubbliċi, is-saħħa, id-divertiment, ir-rikkezza, il-mobbiltà u ambjent f'saħħtu huma kollha mezzi biex jintlaħqu u jinżammu dawn l-objettivi. Il-Kummissjoni tat bidu għal studji dwar il-fattibbiltà ta’ indikaturi ta’ benesseri u dwar ir-responsabilizzazzjoni tal-konsumatur, u bi sħubija mal-OECD, nediet studji dwar il-perċezzjoni tal-benesseri.

3.3   Informazzjoni kważi immedjata għat-teħid tad-deċiżjonijiet: il-figuri tal-PDG u l-qgħad sikwit jiġu ppubblikati ftit ġimgħat wara l-perijodu li jkunu qed jirrapportaw dwaru, u dan jippermetti li d-deċiżjonijiet jittieħdu kważi fil-ħin reali. L-informazzjoni ambjentali u soċjali ħafna drabi tkun antika wisq biex tipprovdi informazzjoni li tista ' tintuża, pereżempju dwar il-kwalità tal-arja u l-ilma jew dwar il-mudelli tax-xogħol, li huma elementi li jiżviluppaw malajr.

3.3.1   Għalhekk, il-Kummissjoni ser tagħmel mill-aħjar biex ittejjeb l-attwalità tal-informazzjoni ambjentali u soċjali, biex tinforma aħjar lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE. Is-satelliti, l-istazzjonijiet ta’ kejl awtomatiku u l-internet qed jippermettu dejjem iktar l-osservazzjoni fil-ħin reali tal-ambjent bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva INSPIRE (Direttiva 2007/2/KE) u s-sistema GMES (is-sistema tal-monitoraġġ globali tal-ambjent u s-sigurtà – Global Monitoring for Environment and Security, COM(2009) 223 finali).

3.3.2   L-attwalità tal-informazzjoni soċjali ser tittejjeb, kull darba li jkun possibbli, pereżempju bis-saħħa tas-sistema ġdida Ewropea tal-mudelli ta’ stħarriġ statistiku soċjali.

3.4   Preċiżjoni bbażata fuq ir-rapporti dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanzi: il-koeżjoni soċjali u ekonomika hija objettiv ġenerali tal-Komunità. L-informazzjoni eżistenti mill-kontijiet nazzjonali, f'dak li jirrigwarda pereżempju d-dħul tal-familji, jew riżultati ta’ stħarriġ soċjali bħall-UE-SILC (statistika Komunitarja dwar id-dħul u l-kondizzjonijiet tal-ħajja), jippermettu analiżi tal-kwistjonijiet prinċipali relatati mad-distribuzzjoni.

3.5   Tħejjija ta’ tabella Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli: l-indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE (ara l-istatistika tal-Eurostat Statistical Book “Measuring progress towards a more sustainable Europe”, 2007) ġew stabbiliti flimkien mal-Istati Membri u jidhru fir-rapport ta’ kull sentejn tal-Kummissjoni. Madankollu, dan l-istrument ma jinkorporax l-iżviluppi reċenti fl-oqsma importanti li għadhom mhumiex koperti biżżejjed mill-istatistika uffiċjali (bħall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli jew il-kwistjonijiet tal-governanza).

3.5.1   Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qed tesplora, flimkien mal-Istati Membri, il-possibbiltajiet li titħejja tabella għall-iżvilupp sostenibbli. Din it-tabella, li tgħaqqad flimkien l-indikaturi kollha relatati mal-iżvilupp sostenibbli tal-UE, tista ' tinkludi wkoll informazzjoni pubblika oħra kwantitattiva u kwalitattiva.

3.5.2   L-għan prinċipali tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli huwa li l-limiti tar-riżorsi naturali tal-pjaneta jkunu rispettati. Dan jinkludi l-kapaċità limitata tan-natura li tipprovdi riżorsi rinnovabbli u li tassorbi l-pollutanti. Iż-żoni fir-riskju għandhom jiġu identifikati qabel ma jintlaħqu l-punti kritiċi. Għalhekk ser jeħtieġ li dawn il-limiti jiġu determinati u jiġu aġġornati fir-rigward tal-pollutanti prinċipali u r-riżorsi rinnovabbli, b'tali mod li l-parteċipanti fid-dibattitu politiku jkunu jistgħu jingħataw din l-informazzjoni u tiġi promossa d-definizzjoni tal-objettivi u l-evalwazzjoni tal-politiki.

3.6   L-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għat-temi ambjentali u soċjali: is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali hija l-istrument prinċipali li hija bbażata fuq l-istatistika ekonomika tal-UE u ħafna indikaturi ekonomiċi oħra, speċjalment il-PDG. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill Ewropew talab lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex fil-kontijiet nazzjonali jinkludu l-aspetti prinċipali tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni tixtieq li dan ix-xogħol jiġi kkunsidrat fil-qafas tar-reviżjonijiet futuri tas-sistema internazzjonali tal-kontijiet nazzjonali u s-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali. Iktar fit-tul, kontabbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika iktar integrata għandha tipprovdi l-bażi għal indikaturi ta’ sintesi ġodda.

3.6.1   Kontabbiltà ekonomika u ambjentali integrata: il-Kummissjoni ressqet l-ewwel strateġija tagħha dwar il-“kontabbiltà ekoloġika” fl-1994 fil-komunikazzjoni COM(1994) 670. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Eurostat u l-Istati Membri, bi sħubija man-Nazzjonijiet Uniti u l-OECD, żviluppaw u ttestjaw xi metodi ta’ kontabbiltà u bosta Stati Membri b'mod regolari qed jipprovdu l-ewwel sensiela tagħhom ta’ kontijiet ambjentali. B'segwitu ta’ dan, il-kontijiet ambjentali fiżiċi jistgħu jitfasslu għall-konsum tal-enerġija, il-produzzjoni u t-trattament tal-iskart, kif ukoll għall-kontijiet finanzjarji rigward is-sussidji li jingħataw fil-qasam ambjentali. Sabiex tiġi ggarantita l-komparabbiltà ta’ dawn il-kontijiet, fil-bidu tal-2010, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi qafas legali ta’ kontabbiltà ambjentali.

3.6.2   Użu akbar tal-indikaturi soċjali eżistenti mill-kontabbiltà nazzjonali: is-sistema Ewropea tal-kontijiet diġà tinkludi indikaturi li jenfasizzaw temi importanti mil-lat soċjali, bħad-dħul disponibbli tal-familji u ċ-ċifri aġġustati tad-dħul disponibbli tal-familji, ċifri aġġustati li jikkunsidraw id-differenzi eżistenti fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali tad-diversi pajjiżi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-kwistjoni ta’ kejl aktar koerenti tal-progress tal-umanità malajr qed issir dejjem iktar importanti fit-tħassib tal-politiċi u ċ-ċittadini b'mod ġenerali. Għalhekk għandhom jinstabu approċċi ġodda sabiex jintwera kif jista' jinstab bilanċ bejn l-evoluzzjoni demografika u l-iżvilupp ekonomiku tal-umanità bil-limitazzjonijiet tal-pjaneta u r-riżorsi tagħha.

4.2   Dawn l-approċċi u metodi ġodda ta’ kejl tal-progress huma indispensabbli fl-ambjent soċjali tal-lum, fejn il-kumplessità mhijiex tieqaf tikber, sabiex tkun tista ' titfassal aħjar viżjoni strateġika għas-soċjetà bħal tal-UE. Dawn huma importanti għax jippermettu li jitfassal rapport tar-riżorsi neċessarji biex jinkisbu l-objettivi strateġiċi, fejn fost l-ewwel ikun hemm l-iżvilupp sostenibbli, li fost oħrajn jiddetermina l-protezzjoni effettiva tal-klima u l-isfruttar ekonomiku tar-riżorsi kollha.

4.3   Qasam ieħor importanti huwa dak tat-tfassil ta’ politiki maġġuri tal-Komunità li għandhom iqisu l-effetti u l-konsegwenzi kollha tagħhom li jistgħu jitkejlu, kif ukoll tal-interazzjonijiet reċiproċi tagħhom u, naturalment, l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki.

4.4   Għaldaqstant, il-KESE bi pjaċir jilqa ' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tema: “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel” u l-inizjattivi li tinkludi. Minkejja l-ħafna proġetti u attivitajiet li għaddejjin diġà, il-Kumitat josserva li għadna fil-bidu ta’ triq twila u li l-għażla tal-istrumenti u l-miżuri adatti u l-integrazzjoni tagħhom fil-ġestjoni tal-politiki u l-istrateġiji importanti mhux ser tkun waħda sempliċi.

4.5   Sabiex strument, irrispettivament liema wieħed, ikun effettiv, irid ikun l-iktar sempliċi u l-iktar maniġġabbli possibbli u l-partijiet ikkonċernati għandhom jagħrfu l-benefiċċji li jġib miegħu. L-istrumenti li l-utenti tagħhom ma jkunux adattaw għalihom perfettament u li mhumiex aċċettati ġeneralment ma jistgħux jagħtu r-riżultati mistennija. L-aċċettazzjoni ta’ kull strument ġdid bħala simbolu tal-progress żgur li ser jieħu ċertu żmien. L-ebda strument m'huwa fini fih innifsu u għalhekk għandu jitneħħa mingħajr dewmien kull strument li ma jkunx ta prova tal-effikaċja tiegħu.

4.6   Huwa ċar li t-triq tal-iżvilupp timxi mill-iktar sempliċi għall-iktar kumpless; mandankollu, din il-kumplessità m'għandhiex tiżboq il-benefiċċji mistennija. Anke fil-livell tal-Unjoni, is-sistema għandha tibqa' bbażata fuq ġabra u evalwazzjoni nazzjonali ta’ informazzjoni, kif ukoll fuq l-ipproċessar tagħhom f'indikaturi u parametri fil-livell nazzjonali u organizzati f'qafas Komunitarju definit sew u li jgħaqqad.

4.7   It-tgħaqqid ta’ dawn il-parametri għall-Komunità kollha għalhekk għandu jwassal sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati strateġiji u politiki koordinati u kompatibbli, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew bl-applikazzjoni rigoruża tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Għalhekk ser ikun partikolarment importanti li tittieħed azzjoni fil-livell Komunitarju fid-dawl ta’ dawn it-tendenzi u b'hekk l-istrumenti magħżula għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw is-sinjali, anke dawk l-iktar dgħajfa, biżżejjed minn qabel u b'mod affidabbli, jekk ikun hemm ħjiel ta’ bidliet potenzjalment perikolużi.

4.8   Il-PDG, bid-difetti kollha tiegħu, jibqa ' strument aggregat straordinarju, li kapaċi jirreġistra l-iżviluppi fi żmien qasir. L-istrument il-ġdid mixtieq huwa wkoll indikatur aggregat li jqis l-aspetti soċjali u ambjentali, kompitu li se jkun diffiċli ferm. B'hekk, il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti kriterji li jippermettu l-għażla, sa mill-bidu nett tal-proċess politiku, minn fost id-diversi parametri li jkopru diversi oqsma, u li jiffavorixxu wkoll l-iżvilupp sostenibbli tal-komunità dinjija.

4.9   Il-KESE huwa konvint li approċċ individwali mhuwiex possibbli ħlief matul it-tħejjija ta’ kull strument individwali. L-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni effettivi ta’ dawn l-istrumenti jeħtieġu approċċ globali u olistiku, sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-kunflitti bejn ċerti strumenti u parametri; jekk dawn ma jiġux indirizzati, kunflitti ta’ dan it-tip jistgħu jwasslu għal żbilanċ fid-deċiżjonijiet politiċi u strateġiċi.

4.10   Dan il-proċess kollu ta’ tibdiliet li qed jitħejjew mhux ser ikun wieħed rapidu, jew sempliċi, u għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tħejjija analitika u l-istudju ta’ kull strument abbażi ta’ riċerka dedikata għall-interazzjoni tagħhom u fuq konsultazzjonijiet dettaljati tal-atturi konċernati.

4.11   Fil-qafas ta’ dan il-proċess, ser ikun neċessarju li jiġu stabbiliti prijoritajiet u li jiġu ffissati d-dati għall-istadji li jmiss, li dwarhom il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tesprimix ruħha ħlief b'mod vag ħafna; il-Kumitat jitlob minnufih lill-Kummissjoni biex tipproċedi fil-ħin għall-integrazzjoni tagħhom fl-objettivi u l-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni tal-istrateġija l-ġdida għall-Ewropa sal-2020, u bl-istess mod, fl-istrateġija fuq perijodu fit-tul tal-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jiddeplora l-fatt li atturi oħra kkonċernati mhux qed jieħdu sehem f'dan l-istadju inizjali, bħal pereżempju d-direzzjonijiet ġenerali ekonomiċi kkonċernati tal-Kummissjoni. Bidla radikali bħal din teħtieġ ħafna iktar minn sempliċement xogħlijiet tad-direzzjoni ġenerali tal-“ambjent” tal-EEA u l-Eurostat.

4.12   Fil-qafas tal-monitoraġġ tal-ħidma u sabiex jiġu strutturati l-istadji li ġejjin, ser ikun meħtieġ li jiġu applikati r-riflessjonijiet u l-proġetti kollha disponibbli bħar-“rapport tal-Kummissjoni dwar il-kejl tal-prestazzjoni ekonomika u l-progress soċjali (ir-rapport ta’ Stiglitz”; http://stiglitz-sen-fitoussi.fr/en/index.htm), l-istudju TEEB (The Economics of Ecosystems and Biodiversity http://www.teebweb.org/) dedikat għall-ekonomija tal-ekosistemi u l-bijodiversità, il-ħidma tal-aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEE), dawk tal-Eurostat u dawk kollha li jikkontribwixxu għal dan il-proġett kumpless Ewropew u internazzjonali. Il-kriterju deċiżiv għandu jkun iż-żamma tal-indipendenza tal-istatistika u l-ħtiġijiet kwalitattivi, kif ukoll aċċettazzjoni ġenerali tas-saħħa spjegattiva tal-istrumenti.

4.13   L-Assemblea Ġenerali tal-Nazzjonijiet Uniti dan l-aħħar iddeċidiet li fl-2012 ser torganizza konferenza dinjija ġdida dwar l-evalwazzjoni tal-progress li nkiseb fl-iżvilupp sostenibbli tul l-għoxrin sena mis-summit dinji f'Rio fl-1992. Huwa ċar li l-mezzi li bihom tista ' tinkiseb ekonomija dinjija ekoloġika b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju ser ikunu wieħed mis-suġġetti ewlenin. Għaldaqstant, huwa rakkomandabbli li sal-2011 l-Ewropa tistabbilixxi qafas ċar ta’ evalwazzjoni tal-progress tagħha u li fl-2012 tkun tista ' tressaq proposti spjegati sew lill-komunità internazzjonali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Dawn l-osservazzjonijiet speċifiċi jikkummentaw fuq il-ħames oqsma ta’ azzjoni fundamentali, kif ukoll l-elementi rispettivi tagħhom, ippreżentati fl-ordni adottata għall-Kapitolu 3.

5.2   Il-Kummissjoni għandha l-kompitu diffiċli ħafna li tħejji l-verżjoni pilota ta’ indiċi kumpless għall-ambjent. Hija impenjat ruħha li tippreżenta dan l-indiċi sal-2010 u għandu jkun indiċi aggregat fejn l-evalwazzjoni tqis il-bilanċ tal-effetti ta’ kull wieħed mill-elementi tal-ambjent. Il-marka ekoloġika u l-marka tal-karbonju, fil-forma attwali tagħhom, jiġbru l-elementi speċifiċi tal-ambjent u tal-isfruttar tar-riżorsi. Ħarġu fid-dieher kunċetti oħra, bħall-“marka tal-ilma”, u l-“marka tal-foresta”, iżda l-ebda wieħed mhu se jagħmel parti mill-indiċi futur. Sa mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ dan l-indiċi għandu jinkludi l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u ser ikun hemm bżonn li jiġu evalwati bl-ikbar reqqa l-koeffiċjenti tal-weighting ta’ kull wieħed minn dawn il-fatturi f'dan l-indiċi kumpless.

5.3   It-tħejjija tal-indikaturi tal-ħajja u l-benesseri (2) ser tkun diffiċli wkoll għalkemm l-istudji dwar is-suġġett, inklużi l-istudji tal-fattibbiltà, ser ikunu disponibbli; dawn l-indikaturi huma bbażati l-iktar fuq perċezzjonijiet suġġettivi u mhux fuq miżuri preċiżi. Ta ' min jinnota hawnhekk li l-PDG mhuwiex oġġettiv għalkollox.

5.4   Il-“ġestjoni operattiva” tal-kwalità tal-ambjent u l-azzjonijiet korrettivi fil-qasam soċjali jeħtieġu informazzjoni destinata biex jittieħdu deċiżjonijiet f'ħin kważi reali. Il-kwistjonijiet strateġiċi u t-tfassil tal-politiki ħafna drabi jkunu bbażati fuq it-tendenzi tal-iżvilupp tal-parametri fundamentali. B'hekk, din id-distinzjoni għandha tiddetermina l-għażla tal-kwantitajiet li għandhom jiġu mmonitorjati fil-ħin reali sabiex jiġi evitat li informazzjoni individwali toħnoq inutilment il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. f'dan il-kuntest, għandha tingħata ħafna iktar importanza għar-reazzjoni għat-tibdil b'mod meqjus u fi żmien utli. Il-monitoraġġ tal-qafas tas-sistema GMES għandu jwassal l-ewwel nett għall-“ġestjoni operattiva”. M'hemmx għalfejn ngħidu: jekk jintwerew it-tendenzi fuq perijodu fit-tul, dan jista' jservi għat-tfassil tal-politika.

5.5   It-tfassil tal-politiki Komunitarji li jeħtieġu sforz komuni jirrekjedi livell korrett ta’ informazzjoni dwar id-diviżjonijiet u d-diskrepanzi fil-livell nazzjonali u reġjonali. L-għan huwa li jinqerdu l-ikbar diskrepanzi bis-saħħa tal-politiki mfassla b'mod adegwat, li jeħtieġu informazzjoni preċiża. Is-suċċess ta’ dawn il-politiki jiddependi fuq kemm jiġu aċċettati b'mod ġenerali u kemm jiġbdu appoġġ, li huwa prattikament impossibbli jekk jinħass nuqqas fl-ugwaljanza tat-trattament. Ir-rispett lejn din l-imġiba ser jiddetermina l-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-Komunità.

5.6   L-evalwazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli hija kwistjoni komplikata ħafna. L-iżvilupp sostenibbli huwa strateġija ġenerali fuq perijodu fit-tul li, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma setax u ma jistax ikollu objettivi konkreti bi skadenzi konkreti. Mid-definizzjoni tagħhom stess, l-objettivi għandhom ikunu formulati b'mod ġenerali biżżejjed. Fil-każ tal-evalwazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, din fil-fatt tittratta l-ġbir tat-tendenzi f'żewġ oqsma fundamentali: (1) l-evalwazzjoni tal-kapaċità għall-assorbiment tal-ekosistemi u l-isfruttar tar-riżorsi mhux rinnovabbli u dawk rinnovabbli u (2) l-evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-amministrazzjoni tas-soċjetà inġenerali. L-iżvilupp ta’ dawn iż-żewġ fatturi fundamentali ser jiddetermina l-iżvilupp sostenibbli jew le tal-komunità internazzjonali u magħha, dik tal-Komunità Ewropea. Il-KESE jilqa ' l-proposti li tressaq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (it-tabella u l-monitoraġġ tal-limiti stabbiliti tal-pollutanti) mexjin f'dik id-direzzjoni.

5.7   Il-KESE huwa kuntent ukoll bl-isforz tal-Kummissjoni sabiex testendi l-kamp tal-kontijiet nazzjonali għat-temi ambjentali u soċjali. L-informazzjoni affidabbli u strutturata sew fit-tfassil ta’ dawn il-kontijiet, f'għadd suffiċjenti, tista ' tiffaċilita l-internalizzazzjoni razzjonali mixtieqa tal-ispejjeż esterni fl-oqsma fejn għadd suffiċjenti ta’ informazzjoni affidabbli ser ikunu disponibbli għal dan il-għan u fejn il-bilanċ tas-swieq ma jkunx mhedded. Dawn il-kontijiet diġà jipprovdu informazzjoni ta’ valur kbir, għalkemm jista' jkun hemm il-problemi fit-tqabbil bejn l-Istati Membri. Dan jispjega l-importanza tal-isforzi tal-atturi kkonċernati fid-dawl tat-tfassil tal-aħjar sistema possibbli tal-informazzjoni u l-ġabra tagħha li tirrifletti l-ħtieġa li jinħolqu kontijiet ambjentali fiżiċi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet l-impenn ta’ dan il-kompitu diffiċli li fil-bidu tal-2010 tipproponi qafas legali ta’ kontabbiltà ambjentali. L-indikaturi soċjali disponibbli fil-kontijiet nazzjonali bħalissa mhumiex qed jintużaw b'tali mod li jilħqu l-potenzjali tagħhom. Wieħed jistenna li l-bżonn li jintużaw dawn l-indikaturi jinħass iktar u iktar, b'tali mod li jsir progress fit-tħejjija ta’ approċċ kumpless u integrat sabiex jitkejjel u jiġi evalwat il-progress f'dinja dejjem tinbidel.

Brussell, 29 ta’ April 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.

(2)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.