19.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/100


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur”

COM(2009) 330 finali

2011/C 18/18

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar it-2 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, bkonformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur

COM(2009) 330 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Marzu 2010.

Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ April 2010 (seduta tad- 29 ta’ April ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b119-il vot favur, 10 voti kontra u 3 astensjonijiet:

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa l-inizjattiva tal-Kummissjoni li għall-ewwel darba qed tiddefinixxi t-tħassib tagħha dwar l-applikazzjoni tal-acquis Komunitarju dwar il-ħarsien tal-konsumaturi.

1.2

Madankollu, jindika li minn perspettiva strettament legali, l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar id-drittijiet tal-konsumaturi mhijiex sostanzjalment differenti mill-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Komunità bmod ġenerali. Minħabba fhekk, jirreferi għall-opinjonijiet differenti li tħejjew dwar din il-kwistjoni.

1.3

Iżda, jindika wkoll li mil-lat soċjali, il-pożizzjoni żvantaġġjata li fiha l-konsumaturi jsibu ruħhom bmod ġenerali fil-kwistjonijiet tal-konsumaturi, u li, kif inhu magħruf sew, tpoġġihom fpożizzjoni dgħajfa frelazzjoni legali li, fin-natura tagħha, hija żbilanċjata, tirrikjedi attenzjoni partikolari għal-mod li bih din il-leġislazzjoni tiġi applikata fid-diversi sistemi legali nazzjonali.

1.4

Barra minn hekk, minn perspettiva ekonomika, id-differenza ċara fil-mod li bih din il-leġislazzjoni qed tiġi applikata fi Stati Membri differenti xaktarx ser twassal għad-distorzjonijiet fis-suq intern u tfixkel it-tħaddim effiċjenti ta’ kompetizzjoni bsaħħitha u ġusta.

1.5

Minkejja l-progress relatat u li hemm referenza għalih fil-punti 2.1, 3.14, 4.2, 4.3, 4.4, 4.5 u 4.6, il-KESE jiddispjaċih għall-fatt li hawnhekk il-Kummissjoni tilfet l-opportunità li tressaq dokument informattiv u strutturat dwar is-sitwazzjoni attwali fl-applikazzjoni tal-acquis Komunitarju dwar il-ħarsien tal-konsumatur, li jiddefinixxi bmod strett u preċiż in-natura u l-parametri fundamentali tal-applikazzjoni tal-liġi u li jsir progress fil-ħolqien ta’ lista ta’ proposti għal miżuri definiti tajjeb u fattibbli biex is-sitwazzjoni titjieb fil-futur qrib.

1.6

Huwa diżappuntat li jara li l-Kummissjoni lanqas biss ikkonkludiet li filfatt hemm nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni tal-acquis Komunitarju fdan il-qasam, li la tikkwantifika u lanqas tikkwalifika u li l-kawżi tagħhom la ma telenka u lanqas tanalizza.

1.7

Huwa daqstant ieħor diżappuntat li, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma għamlet xejn iktar milli stqarret dak li diġà kien hemm qbil dwaru, u tilfet opportunità politika billi ħarġet serje ta’ opinjonijiet bla bażi u bl-ebda valur prattiku u, mingħajr raġuni, ma ħarġet l-ebda inizjattiva ġdida, filwaqt li lanqas biss staqsiet xriżorsi finanzjarji huma meħtieġa.

1.8

Anke l-iżviluppi pożittivi fil-linji gwida li kienu diġà ġew definiti fid-dokumenti ta’ strateġija preċedenti tonqoshom rabta li twassalhom għall-konsistenza. Bmod partikolari kien ikun utli li kieku tqiesu r-riżultati pożittivi tal-applikazzjoni tar-Regolament 2006/2004 (KE) (1) u r-rapport tal-implimentazzjoni tiegħu, li ġie mfassal tajjeb, u li huwa essenzjali li jinqara fl-istess waqt biex tinftihem il-Komunikazzjoni.

1.9

Il-Kumitat jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni ma sfruttatx din l-opportunità li taċċetta t-talba insistenti li r-Rakkomandazzjonijiet dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għal soluzzjoni barra mill-qorti tat-tilwim tal-konsumaturi jinbidlu f'direttivi jew regolamenti b'saħħa obbligatorja.

1.10

Il-KESE jirrakkomanda bi sħiħ li fil-futur qrib, il-Kummissjoni terġa' tħares mill-ġdid lejn l-infurzar tal-acquis tal-konsumaturi, din id-darba fil-kuntest aktar wiesa' ta’ strument ibbażat fuq riċerka aktar mifruxa u konsultazzjoni tal-partijiet interessati kollha, bħalma hi White Paper, li fuq il-bażi tagħha tista' tiddefinixxi strateġija ta’ politika li tkun verament tkopri l-Komunità kollha f'dan il-qasam b'mod aktar profond.

2.   Introduzzjoni

2.1

Billi ġibdet l-attenzjoni għall-infurzar tal-acquis Komunitarju dwar il-ħarsien tal-konsumatur, jidher li l-Kummissjoni għall-ewwel darba qiegħda tpoġġi l-kwistjoni tal-effettività tal-leġislazzjoni fil-qalba tal-preokkupazzjonijiet tagħha, u bir-raġun. Dan juri li l-Kummissjoni tinteressa ruħha mhux biss fil-“law in the books” (il-liġi fil-kotba) iżda wkoll fil-“law in action” (il-liġi fil-prattika), jiġifieri fil-mod kif id-dispożizzjonijiet legali jiġu aċċettati, interpretati u applikati minn dawk li huma kkonċernati, jiġifieri l-awtoritajiet pubbliċi, u b'mod partikolari l-qrati, kif ukoll in-negozji u l-pubbliku inġenerali.

2.2

Għal ħafna snin, din il-preokkupazzjoni kienet punt ewlieni f'għadd ta’ opinjonijiet tal-KESE, li ripetutament ġibdu l-attenzjoni għall-importanza tagħha u ressqu rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti għall-azzjoni (2) li għandha tittieħed u fosthom dawk li jinsabu f'dawn l-opinjonijiet fuq inizjattiva proprja: Il-politika tal-konsumatur wara t-tkabbir  (3), Kif jistgħu jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-UE  (4) u L-approċċ proattiv tal-liġi: pass ieħor il quddiem lejn regolamentazzjoni aħjar fil-livell tal-UE  (5).

2.3

F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li ssir distinzjoni bejn il-konformità mal-liġi fuq bażi volontarja minn dawk li għalihom huma destinati dawn ir-regolamenti – u li jista' jkollhom motivazzjoni u inċentivi tassew differenti, mil-lat soċjoloġiku – u l-impożizzjoni jew l-implimentazzjoni infurzata tal-liġi, fil-prinċipju mill-qrati bis-saħħa tal-awtorità ġudizzjarja tagħhom, iżda wkoll minn korpi amministrattivi oħra li għandhom is-setgħa li jinfurzaw il-konformità jew jikkastigaw in-nonkonformità mal-liġi.

2.4

Mil-lat soċjali iżda wkoll mil-lat ekonomiku u legali, is-sitwazzjonijiet differenti msemmija jitolbu li jiġu vvalutati fil-livell etiku b'mod differenti u għandhom komponenti ta’ mġiba li huma distinti; dan għandu jiġi kkunsidrat meta ssir valutazzjoni ġenerali tal-konformità u l-implimentazzjoni fi kwalunkwe fergħa tal-liġi, f'dan il-każ, fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-konsum.

2.5

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li wieħed mill-għanijiet – għad li mhux l-uniku wieħed – tal-politika tal-konsumatur ser ikun li “jinħoloq ambjent fejn il-konsumaturi jkunu jistgħu jixtru l-prodotti u s-servizzi mingħajr ma jagħtu kas il-fruntieri nazzjonali”. Madankollu, il-KESE ma jqisx li l-politika tal-konsumatur hija sussidjarja għat-twettiq tas-suq uniku u lanqas ma jikkunsidra l-konsumaturi bħala sempliċi strumenti “għat-tħaddim tas-suq uniku”. Għalhekk, b'kuntrast mal-Kummissjoni, il-KESE jqis li d-direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti, jekk tista' titqies bħala “eżempju tajjeb”, għandha titqies bħala eżempju tajjeb ta’ “tfassil agħar tal-liġi” (6) li wassal għal implimentazzjoni kaotika fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Jiddispjaċih ukoll għall-fatt li dan “l-eżempju” ġie segwit f'direttivi reċenti dwar il-kreditu tal-konsumaturi u t-time-share u għadu jinstab fil-proposta għal direttiva dwar “id-drittijiet tal-konsumaturi”.

2.6

F'dan id-dawl, fejn id-definizzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur titpoġġa fil-kuntest usa' tad-drittijiet taċ-ċittadin, il-KESE, bħall-Kummissjoni, iħoss li “l-infurzar effettiv (tal-acquis tal-konsumatur) huwa prijorità għall-politika tal-konsumatur”, peress li, huwa biss bl-applikazzjoni effettiva tal-liġi li l-valuri li fuqhom hija msejsa jiġu protetti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Minkejja dak li jindika t-titlu mal-ewwel daqqa ta’ għajn, il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-aspett aħħari tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, aktar preċiż, il-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi jikkonformaw mar-regolamenti nazzjonali li jirriżultaw mit-traspożizzjoni jew l-inkorporazzjoni tal-liġi Komunitarja u jinfurzaw il-konformità ma’ dawn ir-regolamenti, u fuq ir-rwol li l-Kummissjoni tista taqdi fdan il-qasam.

3.2

Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni għandha tinqara biss b'rabta stretta mar-rapport miktub tajjeb u li ġie ppubblikat fl-istess ġurnata dwar “L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (…) dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi” (7), li, għalkemm ma ntbagħatx lill-KESE għal opinjoni, għandu jitqies bħala l-bażi tal-Komunikazzjoni peress li huwa importanti li jiġi enfasizzat l-impatt pożittiv tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri.

3.3

Anke meta wieħed jikkunsidra l-ambitu limitat tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni, il-KESE jħoss li, sabiex din titqiegħed fil-qafas adatt, il-Kummissjoni għandha tipprovdi data konkreta dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-acquis Komunitarju fl-Istati Membri, bħal dawk li jinsabu fir-Rapporti Annwali dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (8) u f'komunikazzjonijiet separati li jirreferu għal ċerti direttivi (9) fejn hemm referenza għall-mod kif dawn ġew trasposti u applikati.

3.4

Barra minn hekk, minflok ma sempliċement fasslet lista tal-mekkaniżmi eżistenti, il-Kummissjoni kien imissha wettqet analiżi kritika approfondita dwar it-tħaddim u r-riżultati tal-acquis, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura minnha, partikularment dik miġbura mill-Grupp ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (10) u li tinstab fir-rapport finali tad-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi intitolat “Ex-post evaluation of the impact of the Consumer Policy Strategy 2002-2006 on national consumer policy” tat-22.12.2009 (11), skont il-linji gwida stabbiliti fil-“Komunikazzjoni dwar monitoraġġ aħjar tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja” (12). Barra minn hekk, lanqas mhuwa ċar jekk il-Kummissjoni tħossx li hemm nuqqas fl-implimentazzjoni tal-acquis Komunitarju li jirrikjedi miżuri ġodda u, fil-każ, liema.

3.5

Pjuttost bil-kontra, il-Kumitat jemmen li hemm implimentazzjoni ħażina ġeneralizzata tal-acquis Komunitarju fl-Istati Membri, li rrefera għaliha diversi drabi u li hi kkawżata, fost affarijiet oħra, minn dawn li ġejjin:

a)

il-mod li bih huma mfassla ħafna direttivi Komunitarji (13), li ma jikkonformawx mal-istandards ta’ regolamentazzjoni aħjar (14), partikolarment f'dak li jirrigwarda l-istudji ta’ valutazzjoni ex ante;

b)

l-għaġla żejda li biha d-dispożizzjonijiet – li sa mill-bidu jkunu mfassla u abbozzati ħażin – jiġu trasposti fil-leġislazzjoni nazzjonali;

c)

l-inkorporazzjoni inkoretta jew inkompleta tar-regolamenti Komunitarji fil-leġislazzjoni nazzjonali, fejn spiss jitqiesu bħala mhux mixtieqa jew jitqiesu li jmorru kontra d-drawwiet u l-interessi nazzjonali;

d)

in-nuqqas ta’ rieda politika min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkonformaw u jiżguraw il-konformità mar-regoli li ma jidhrux li “jidħlu” mal-korpus tal-liġijiet u t-tradizzjonijiet nazzjonali u t-tendenza persistenti li jiżdiedu mekkaniżmi regolatorji ġodda mhux meħtieġa mar-regolamenti Komunitarji jew li jingħażlu ċerti partijiet biss ta’ dawn ir-regolamenti (il-fenomenu magħruf tajjeb bħala “gold-plating” u “cherry-picking”);

e)

in-nuqqas ta’ preparazzjoni bażika u taħriġ speċifiku min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex l-applikazzjoni tal-acquis Komunitarju jinfiehem u jiġi żgurat, b'mod partikolari b'relazzjoni mal-protezzjoni tal-konsumatur;

f)

il-mod fqir li bih jaħdmu xi qrati u n-nuqqas ta’ preparazzjoni min-naħa ta’ xi mħalfin u oħrajn fis-sistema ġudizjarja (avukati, uffiċjali tal-qorti, eċċ.), li spiss iwasslu għal applikazzjoni żbaljata jew nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ liġijiet trasposti, u spiss ħafna għall-applikazzjoni ta’ regoli “paralleli” skont il-leġislazzjoni nazzjonali (15);

g)

in-nuqqas ta’ miżuri estiżi ta’ kooperazzjoni amministrattiva għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment l-assoċjazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumaturi.

3.6

f'dan il-qasam, il-KESE ripetutament ġibed l-attenzjoni għall-fatt li d-diskussjonijiet dwar l-applikazzjoni, jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni, tal-acquis Komunitarju, għandhom jenfasizzaw il-konformità volontarja u l-osservazzjoni, spontanja jew indotta, mal-liġijiet.

3.7

Fuq kollox dan ifisser li, fi kwistjonijiet marbutin mal-kompetenzi tagħha, il-Kummissjoni jkollha tiffoka l-isforzi u l-inizjattivi tagħha fuq informazzjoni u taħriġ aħjar għall-konsumaturi u l-professjonisti u l-motivazzjoni u l-inċentivi tagħhom biex jikkonformaw mal-liġi Komunitarja trasposta fil-liġi nazzjonali.

3.8

L-azzjoni tal-Kummissjon għandha timmira wkoll, bħala prijorità, lejn l-informazzjoni u t-taħriġ tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, b'mod partikolari dawk b'responsabbiltajiet diretti għall-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fl-Istati Membri. Hawnhekk, trid tingħata l-prijorità lill-informazzjoni u t-taħriġ tal-imħalfin u l-prosekuturi pubbliċi l-oħra b'mod ġenerali, li fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabbiltà tagħhom li japplikaw il-liġi għal każijiet speċifiċi li huma s-suġġett tat-tilwima.

3.9

B'differenza għall-Kummissjoni, il-KESE madankollu ma jaqbilx li l-informazzjoni biss hija biżżejjed biex il-konsumaturi jkollhom “is-saħħa”.Għall-kuntrarju, il-KESE ġibed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-konsumaturi jingħataw riżorsi u strumenti adegwati biex jiżguraw li l-liġi tiġi applikata b'mod effettiv u d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa b'mod effiċjenti.

3.10

Fid-dawl ta’ dan, ir-rwol tal-awtoregolamentazzjoni, u partikolarment tal-koregolamentazzjoni, isir partikolarment importanti, sakemm il-parametri għall-kredibbiltà ta’ sistemi volontarji aċċettati jew negozjati bejn il-partijiet interessati jkunu garantiti u mħarsa, sabiex ikun hemm il-fiduċja tal-partijiet kollha kkonċernati.

3.11

Il-medjazzjoni, il-konċiljazzjoni u s-sistemi ta’ arbitraġġ, li jikkumplimentaw is-sistema ġudizjarja għandhom ukoll jirċievu attenzjoni speċjali mill-Kummissjoni u l-kredibbiltà u l-effiċjenza tagħhom jiġu konsolidati. Għaldaqstant huwa stramb li l-Kummissjoni, għal darb'oħra, ma aċċettatx it-talba li saret spiss mill-KESE li r-Rakkomandazzjonijiet dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għal soluzzjoni barra mill-qorti tat-tilwim tal-konsumaturi (16) jinbidlu f'direttivi jew regolamenti b'saħħa obbligatorja. Is-sitwazzjoni ssir partikolarment serja meta, fin-nuqqas tal-armonizzazzjoni, it-tradizzjonijiet differenti legali tal-Istati Membri jwasslu għal sitwazzjonijiet differenti ħafna bl-iżvilupp ta’ mezzi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim.

3.12

Madankollu, huwa fil-kamp tal-liġi proċedurali ċivili li hemm l-akbar lakuna fl-inizjattiva tal-Kummissjoni; minkejja l-progress li sar permezz tal-inizjattivi tad-DĠ Ġustizzja (17) – speċjalment fir-rigward tal-proċeduri li jqisu n-natura speċifika tad-drittijiet kollettivi u l-interessi tal-konsumaturi – din il-lakuna ma mtlietx bil-Green jew il-White Papers dwar in-nuqqas ta’ konformità mal-miżuri tal-antitrust (18) wara aktar minn 20 sena ta’ “studji” u “konsultazzjonijiet”. Barra min hekk, bil-Green Paper reċenti dwar ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi (19), hemm inqas possibbiltà li tinkiseb ir-rieda politika li jsir progress, kif ħareġ ċar mill-opinjoni reċenti tal-KESE (20);

3.13

Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li l-Kummissjoni, bħala gwardjan tal-ordni legali tal-Komunità, tagħti importanza partikolari lill-mod kif eżerċitat il-poter ta’ diskrezzjoni (21), iżda mhux arbitrarju biex trattat il-ksur, skont l-Artikolu 211 tat-Trattat, b'mod partikolari l-miżuri organizzattivi meħtieġa li jippermettulha li twettaq ħidmietha b'mod effettiv u imparzjali, b'konformità mat-Trattat (22), fosthom kriterji ta’ prijorità, mekkaniżmi ta’ valutazzjoni, l-analiżi tal-ilmenti, strumenti speċifiċi li jaqbdu l-ksur b'mod mhux uffiċjali, mezzi biex tittejjeb l-azzjoni tal-qrati nazzjonali u strumenti oħra komplimentari (SOLVIT, FIN-NET, ECC-NET, mezzi alternattivi u barra mill-qorti).

3.14

Bl-istess mod, għalkemm mhux indikazzjoni diretta ta’ kif il-leġislazzjoni qed tiġi implimentata, l-ilmenti mressqa mill-konsumaturi jitqiesu bħala indikatur importanti tal-mod li bih il-partijiet milquta mill-leġislazzjoni jifmuha, kif joħroġ biċ-ċar fit-tieni edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (23). Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li jsegwu r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KESE, ħalli jibda jiġi żviluppat metodu armonizzat li jittratta t-talbiet u l-ilmenti tal-konsumaturi (24).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jinnota li fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tisħaq fuq prijoritajiet diġà antiki u mhi qed iżżid xejn ġdid mal-programmi ta’ Azzjoni Prijoritarja 2005–2010 (25), waqt li tillimitha ruħha li tikkonferma dak li stabbiliet fl-Istrateġija Ewropea tal-Politika tal-Konsumatur 2007–2013 (26), mingħajr ma tippreżenta miżuri innovattivi. Minħabba f'hekk, il-KESE ma jista' jagħmel xejn iktar milli jisħaq fuq il-kummenti li kien għamel f'opinjonijiet preċedenti (27).

4.2

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar tidher li hija lesta li tuża l-Artikolu 153 tat-Trattat għal inizjattivi ġodda biex tikkonsolida l-miżuri ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Madankollu ma tidentifikax liema inizjattivi ġodda qed tipprevedi barra minn dawk li kienet diġà nediet u li dwarhom il-KESE kkummenta, fosthom id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u l-Qafas Leġislattiv Ġdid (28) u s-sistema RAPEX, partikolarment fir-rigward tas-sikurezza tal-ġugarelli (29); madankollu wieħed irid isemmi b'mod partikolari l-pubblikazzjoni ta’ kull ġimgħa tal-lista ta’ prodotti tal-konsumaturi perikolużi reġistrati taħt RAPEX.

4.3

Fir-rigward tan-netwerk CPC, il-KESE jaqbel għal kollox mar-rapport tal-Kummissjoni li ġie miktub tajjeb ħafna dwar is-suġġett li diġà sar riferiment għalih, id-diffikultajiet li nstabu u l-konklużjonijiet tiegħu, kif ukoll ir-riżultati tat-tieni edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-liġi (enforcement) (30).

4.4

Aspett li jrid jiġi konsolidat huwa l-pubbliċità li tingħata lill-azzjonijiet mwettqa mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għall-konformità tal-monitoraġġ mal-liġijiet trasposti minn korpi pubbliċi u privati fil-mira tal-leġislazzjoni ħalli jogħla l-profil tal-politika tal-ħarsien tal-konsumaturi, u bħala mezz li jiskoraġġixxu prattiki ta’ ħsara u biex il-konsumaturi jingħataw sens akbar ta’ sigurtà.

4.5

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva li tistabbilixxi modi ġodda kif l-informazzjoni dwar is-suq tiġi komunikata lill-konsumaturi, sabiex ikunu informati aħjar u għalhekk jagħmlu deċiżjonijiet responsabbli. Ikun importanti li l-Kummissjoni tispeċifika l-mod li bih din l-inizjattiva għandha tiġi implimentata. Barra minn hekk, hemm stennija għall-bażi ta’ data dwar prattiki kummerċjali inġusti; huwa ttamat biss li ma jkollhiex l-istess tmiem tal-CLAB (bażi ta’ data tal-kondizzjonijiet inġusti tal-kuntratti).

4.6

Fir-rigward tad-definizzjoni proposta ta’ interpretazzjonijiet “standard” tal-leġislazzjoni Komunitarja għall-“awtoritajiet nazzjonali għall-implimentazzjoni”, il-KESE jilqa' l-ispjega pprovduta mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni waqt il-laqgħat tal-gruppi ta’ studju dwar il-fatt li din l-inizjattiva hija diretta biss lejn l-awtoritajiet amministrattivi u mhux dawk ġudizjarji, u ma titfax dubju fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-proċedura għal deċiżjoni preliminari biex tistabbilixxi l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja.

4.7

Fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi, il-Komunikazzjoni ma tippreżentax data konkreta dwar dak li seta' jsir, u lanqas ma tidentifika l-istrateġija proposta għall-futur, jiġifieri l-estensjoni tagħha biex tkopri korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jaħdmu fil-qasam tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali. Għalhekk, il-KESE jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-monitoraġġ effiċjenti tal-konformità mal-acquis Komunitarju dwar il-prodotti minn pajjiżi terzi, f'termini tal-profil baxx ta’ dan il-monitoraġġ u kemm huma trasparenti r-riżultati tiegħu.

4.8

Fl-aħħar, il-KESE jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-adegwatezza tar-riżorsi finanzjarji li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni biex twettaq din l-azzjoni, fid-dawl tal-baġit ridott għall-politika tad-difiża tal-konsumaturi, sitwazzjoni li tista' ssir agħar fl-istruttura funzjonali l-ġdida tal-Kummissjoni, peress li dawn is-suġġett huma maqsumin f'żewġ direttorati ġenerali differenti.

Brussell, 29 ta’ April 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(2)  L-Opinjoni li qed titħejja bħalissa dwar il-25 Rapport annwali mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (2007), COM(2008) 777 finali, (INT/492) ħaqqha attenzjoni partikolari.

(3)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 153.

(4)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 52.

(5)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(6)  Bħalma ppreveda l-KESE fl-Opinjoni tiegħu (ĠU C 108, 30.4.2004, p.81).

(7)  COM(2009) 336 finali.

(8)  Ara l-25 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt komunitarju (2007) COM(2008) 777 finali u SEC(2008) 2854 u 2855, kif ukoll l-Opinjoni tal-KESE INT/492 li qiegħda titħejja bħalissa.

(9)  Pereżempju COM(2006) 514 finali dwar kuntratti li jsiru mill-bogħod (Opinjoni tal-KESE: ĠU C 175, 27.7.2007, p.28); COM(2007) 210 finali dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ prodotti għall-konsum u garanziji assoċjati magħhom (Opinjoni tal-KESE: ĠU C 162, 25.6.2008, p.31); COM(2007) 303 finali dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta’ timeshare, prodotti ta’ btala fuq tul ta’ żmien, bejgħ mill-ġdid u skambju (Opinjoni tal-KESE: ĠU C 44, 16.2.2008, p.27); COM(2008) 9 finali dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (Opinjoni tal-KESE: ĠU C 77, 31.3.2009, p.8).

(10)  COM(2009) 25 finali.

(11)  Kompilat mill-Konsulenti tal-Ġestjoni Van Dijk.

(12)  COM(2002) 725 finali.

(13)  Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja (ĠU C 24, 31.1.2006, p.52, mhux disponibbli bil-Malti), il-KESE jargumenta li r-“regolamentazzjoni aħjar” u l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi huma marbutin mill-qrib: liġi tajba hija waħda li tista' tiġi infurzata u li hija infurzata.

(14)  Huwa tal-anqas sorprendenti li l-ftehim interistituzzjonali intitolat Regolamentazzjoni Aħjar, konkluż bejn il-PE, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU C 321, 31.12.2003, mhux disponibbli bil-Malti), lanqas biss mhu msemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

(15)  Eżempju magħruf ħafna huwa n-nuqqas mifrux tal-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE (ĠU L 210, 7.8.85) emendata mid-Direttiva 1999/34/KE (ĠU L 141, 4.6.1999) dwar ir-responsabbiltà tal-produttur, li tiġi injorata minħabba fil-leġslazzjoni nazzjonali korrispondenti, kif ġie notat b'mod ċar fil-konferenza organizzata mis-Centre de Droit de la Consommation (Ċentru għal-Liġi tal-Konsumatur) f'Louvain-la-Neuve nhar it-23-24.3.1995“La Directive 85/374/ CEE relative à la responsabilité du fait des produits: dix ans après (Id-Direttiva 85/374/KEE dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi: għaxar snin wara”.

(16)  Rakkomandazzjonijiet tat-30.3.1998 u tal-4.4.2001 li jinstabu fil-ĠU L 115, 17.4.1998u ĠU L 109, 19.4.2001rispettivament.

(17)  B'rabta ma’ dan għandu jiġi notat ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199, 31.7.2007. p. 1); COM (2006) 618 finali dwar Titjib fl-Effiċjenza tal-Infurzar tas-Sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji; u COM (2008) 128 finali dwar it-trasparenza tal-assi tad-debituri. Madankollu, dawn qed jiġu mmirati prinċiparjament lejn il-faċilitazzjoni u l-ġbir tal-pagamenti min-negozji, u mhux għall-benefiċċju tal-konsumaturi (Ara Opinjonijiet ĠU C 10, 15.1.2008, p.2 u ĠU C 175, 28.7.2009, p.73).

(18)  COM(2005) 672 finali u COM(2008) 165 finali; Ara l-Opinjonijiet fil-ĠU C 324, 30.12.2006, p. 1 u ĠU C 228, 22.9.2009, p.40.

(19)  COM(2008) 794 finali.

(20)  L-Opinjoni tal-KESE 586/2009 (INT/473) tal-5.11.2009; dwar dan is-suġġett ara wkoll l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja (ĠU C 162 25.6.2008, p.1) dwar Id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema tal-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum

(21)  Ara għal dawn kollha s-Sentenza tal-1.6.1994, Kummissjoni/Ġermanja, C317/92 u s-Sentenza tal-10.5.1995, Kummissjoni/Ġermanja, C-422/92.

(22)  COM(2002) 725 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(23)  COM(2009) 25 finali u SEC(2009) 76, parti 1.

(24)  COM(2009) 346 finali (CESE 97/2010).

(25)  Fosthom il-ħtieġa li ssir analiżi aktar approfondita ta’ kull suq, id-definizzjoni ta’ metodoloġiji komuni għall-ipproċessar tad-data għal skopijiet ta’ tqabbil u l-ħolqien ta’ indikaturi dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni.

(26)  COM(2007) 99 finali.

(27)  ĠU C 95, 23.4.2003u ĠU C 162 25.6.2008, p.20.

(28)  Regolament (KE) 765/2008 u Deċiżjoni (KE) 762/2008, Opinjoni tal-KESE fil-ĠU C 120 16.5.2008, p. 1.

(29)  COM(2008) 9 finali, Opinjoni tal-KESE: ĠU C 77, 31.3.2009, p.8.

(30)  SEC (2009) 76 finali, Parti 3.