19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 279/7


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-Każ COMP/M.4994 – Electrabel/CNR

(Skont l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, KEFA) tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' riferenza ta' uffiċjali tas-seduta f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21))

2009/C 279/07

L-abbozz tad-Deċiżjoni fil-każ COMP/M.4994 Electrabel/CNR jagħti lok għall-osservazzjonijiet li ġejjin:

I.   Sfond

Fis-26 ta' Marzu 2008, il-Kummissjoni rċeviet notifika skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1), li permezz tagħha Electrabel SA (“Electrabel”) innotifikat li akkwistat il-kontroll ta' Compagnie Nationale du Rhône SA (“CNR”). Fid-29 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ddikjarat li l-konċentrazzjoni hi kompatibbli mas-suq komuni (Każ COMP/M.4994). Madankollu, il-konstatazzjoni tad-data eżatta meta Electrabel akkwistat il-kontroll waħdieni ta' CNR, kienet tħalliet miftuħa.

Dan il-każ jikkonċerna ksur imwettaq minn Electrabel fil-kuntest tal-proċedimenti tal-amalgamazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni sabet li Electrabel kienet, għall-kuntrarju tal-obbligu stand-still stabbilit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (2) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet l-Antik”) u r-Regolament (KE) Nru 139/2004 (ir-Regolament dwar l-Għaqdiet attwali) poġġiet fis-seħħ il-konċentrazzjoni qabel in-notifika tagħha.

II.   Proċedura bil-miktub

Fis-17 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (“DO”), adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet Preċedenti. Fid-DO, il-Kummissjoni stipulat il-fehma tagħha li Electrabel akkwistat de facto l-kontroll waħdieni ta' CNR fit-23 ta' Diċembru 2003, jiġifieri qabel ma nnotifikat il-konċentrazzjoni u b'hekk kisret l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet Preċedenti. Il-Kummissjoni nnotifikat ukoll lil Electrabel tal-impożizzjoni potenzjali ta' multa talli kisret l-obbligu stand-still.

Electrabel setgħet twieġeb lid-DO sas-16 ta' Frar 2009, u għamlet dan fil-ħin.

Aċċess għall-fajl

Il-fajl ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni kellu fih esklussivament id-dokumenti pprovduti minn Electrabel jew id-dokumenti interni tal-Kummissjoni. Fi kliem ieħor, id-dokumenti aċċessibbli kollha kienu dokumenti li oriġinaw mill-parti waħdiena għall-proċedimenti. Id-DĠ għall-Kompetizzjoni b'hekk adotta, għall-faċilità amministrattiva, aċċess simplifikat għall-proċedura tal-fajl: Electrabel kienet provduta b'indiċi tal-fajl flimkien mad-DO, iżda mhux b'kopji tad-dokumenti, u ngħatat parir li, fuq talba, hi setgħet taċċedi għad-dokumenti aċċessibbli kollha fuq CD-ROM. Ma tqajmet l-ebda kwistjoni la miegħi u lanqas, skont kif jien infurmata, mad-DĠ għall-Kompetizzjoni, dwar l-aċċess għall-fajl mogħti lil Electrabel. Jien inqis li Electrabel ingħatet aċċess għall-fajl f'dan il-każ u li d-drittijiet ta' Electrabel dwar dan l-aċċess ġew rispettati.

III.   Smigħ orali

Electrabel eżerċitat id-dritt tagħha li tinstema' fi Smigħ Orali, li seħħ filgħodu tal-11 ta' Marzu 2009. L-ebda parti terza ma talbet biex tattendi s-Smigħ. Is-Smigħ Orali ta riżultati tajbin għax kien hemm interazzjoni tajba bejn Electrabel u s-servizzi tal-Kummissjoni.

Ittra tal-Fatti sussegwenti

Fit-23 ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni bagħtet Ittra tal-Fatti lil Electrabel, fejn innotifikat lil Electrabel dwar żewġ dokumenti addizzjonali li l-Kummissjoni kienet bi ħsiebha toqgħod fuqhom b'appoġġ ta' ċerti konklużjonijiet meħuda fid-DO (li waħda minnhom kienet saret referenza għaliha mis-servizzi tal-Kummissjoni matul is-Smigħ Orali). Electrabel ingħatat d-data ta' skadenza tat-30 ta' Marzu 2009 biex tissottometti l-kummenti tagħha dwar dawn id-dokumenti u hi għamlet dan fil-ħin.

Bl-ittra tat-30 ta' Marzu 2009 indirizzata lill-Uffiċjal tas-Smigħ, Electrabel aċċertat li peress li l-Kummissjoni nnotifikat id-dokumenti lilha biss wara li sar is-Smigħ Orali, hi nżammet milli tindirizza dawn id-dokumenti matul is-Smigħ Orali. Fl-opinjoni tiegħi, l-Ittra tal-Fatti ma kinitx biżejjed biex tiżgura r-rispett tad-dritt ta' Electrabel li tinstema' fir-rigward ta' dawn id-dokumenti.

IV.   Abbozz tad-deċiżjoni

Ma saru l-ebda mistoqsijiet jew sottomissjonijiet lill-Uffiċjal tas-Smigħ minn Electrabel. Fid-dawl ta' dan, u b'kunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet stipulati hawn fuq, jien nikkunsidra li m'hemmx ħtieġa li jsiru kummenti addizzjonali dwar id-dritt tas-smigħ f'dan il-każ.

Fl-abbożż ta' Deċiżjoni m'hemmx oġġezzjonijiet li dwarhom Electrabel ma ngħatatx l-opportunità li tagħti l-opinjoni tagħha.

Brussell, id-29 ta’ Mejju 2009.

Karen WILLIAMS


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 1.