|
16.5.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 112/7 |
Il-proċedura nazzjonali Ġermaniża għall-għoti ta' drittijiet limitati tat-traffiku tal-ajru
2009/C 112/04
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 847/2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-proċedura nazzjonali segwenti biex titqassam fost titolari Komunitarji eliġibbli ta’ drittijiet tat-traffiku tal-ajru fejn huma limitati skond ftehimiet ta’ servizz tal-ajru ma’ pajjiżi terzi.
Notifika dwar Il-Linji gwida tal-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet dwar it-tqassim tad-drittijiet tat-traffiku limitati tal-Ġermanja li huma disponibbli lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità (artikolu 62a, il-paragrafi 2 u 3 tal-Luftverkehrs-Zulassungs-Ordnung) tad-29 ta’ Jannar 2009.
Il-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet hawn taħt qed iħabbar il-linji gwida dwar it-tqassim tad-drittijiet limitati Ġermaniżi tat-traffiku li huma disponibbli lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità.
Bonn, 29 ta’ Jannar 2009.
Il-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet
Inkarigat b’delega
STIEHL
DOKUMENT MEHMUŻ:
Il-Linji ta’ gwida tal-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet dwar it-tqassim tad-drittijiet tat-traffiku limitati tal-Ġermanja li huma disponibbli lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità (§ 62a, il-paragrafi 2 u 3 tal-Luftverkehrs-Zulassungs-Ordnung [l-ordni dwar il-liċenzjar tat-traffiku tal-ajru])
1. L-għanijiet ġenerali
Dawn il-linji gwida jissejsu fuq ir-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 157, 30 April 2004, p. 7; ĠU L 195, 2 Ġunju 2004, p. 3).
Dawn iservu sabiex ikun żgurat proċess trasparenti u mingħajr diskriminazzjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-tqassim tad-drittijiet tat-traffiku skarsi kif ukoll dwar il-possibbiltajiet limitati disponibbli għad-deżinjazzjoni. Fil-mira hemm kemm:
|
— |
Il-ħolqien ta' biżżejjed sigurtà tal-ippjanar għat-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità kollha li jkollhom dritt japplikaw għad-drittijiet tat-traffiku li hemm qbil dwarhom bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u pajjiż terz li ma jaqax fl-ambitu tal-liġijiet tal-Komunità Ewropea; kif ukoll |
|
— |
Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni skont kundizzjonijiet ġusti għat-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi, u t-tisħiħ tal-qagħda tat-trasport bl-ajru tal-Ġermanja permezz ta’ żvilupp ibbilanċjat tal-industrija tat-trasport bl-ajru filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq l-interessi ta’ dawk kollha li huma involuti fit-trasport bl-ajru, inklużi l-interessi ta’ dawk li jużaw it-trasport u tar-reġjuni affettwati, kif ukoll l-interessi ekonomiċi li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ u mat-turiżmu. |
2. It-tqassim tad-drittijiet tat-traffiku u d-deżinjazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru
2.1. Id-drittijiet tat-traffiku għat-trasport bl-ajru internazzjonali se jingħataw lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità li għandhom dritt għalihom, wara li dawn japplikaw għalihom, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitawhom. Dawn id-drittijiet jista’ jkollhom xi restrizzjonijiet u jistgħu jitħassru. Id-drittijiet tat-traffiku se jingħataw lit-trasportaturi bl-ajru fil-kuntest tal-liċenzja tal-linja tal-ajru maħruġa skont il-§ 21 tal-Luftverkehrsgesetz (liġi dwar it-traffiku tal-ajru) wara li jitqiesu l-kundizzjonijiet stipulati fi ftehimiet bilaterali bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u pajjiżi terzi.
2.2. Jekk id-drittijiet tat-traffiku u l-possibbiltajiet għad-deżinjazzjoni ma jkunux limitati jew ikunu disponibbli b’mod xieraq, u jekk ikunu sodisfati l-kundizzjonijiet kollha mogħtija fil-liġijiet dwar it-traffiku tal-ajru, id-drittijiet tat-traffiku għandhom jingħataw b’mod regolari lill-applikanti kollha skont kif ikun mitlub, u l-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet għandu jieħu ħsieb id-deżinjazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-pajjiż terz. F’dan il-kuntest, huwa f’idejn l-awtoritajiet tal-avjazzjoni li jiżguraw li jkun jista’ jkun hemm il-kompetizzjoni ġusta bħala kundizzjoni bażika għat-traffiku tal-ajru bilaterali skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar it-traffiku tal-ajru.
2.3. Madanakollu, jekk jintbagħtu iktar applikazzjonijiet milli jkun hemm drittijiet tat-traffiku jew possibbiltajiet għad-deżinjazzjoni, għandha titwettaq proċedura trasparenti u mingħajr diskriminazzjoni għat-tqassim qabel ma tingħata l-liċenzja għat-titjiriet jew id-deżinjazzjoni meħtieġa.
3. Il-kriterji għat-teħid tad-deċiżjonijiet
Meta tkun qed titwettaq il-proċedura tal-għoti, għandhom jiġu vvalutati, b’mod regolari, l-elementi li ġejjin, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet bażiċi stipulati fil-ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bl-ajru:
|
— |
L-aħjar użu possibbli tad-drittijiet skarsi permezz ta’ offerti ta’ titjiriet addizzjonali, iż-żmien meta jkunu se jinbdew is-servizzi, u d-disponibbiltà tal-inġenji tal-ajru meta tintbagħat l-applikazzjoni, |
|
— |
Il-kwalità tas-servizz tal-prodott maħsub, bħal pereżempju t-tip ta’ servizzi (servizzi tagħhom stess mingħajr waqfiet, konnessjonijiet diretti jew marbutin ma’ titjiriet oħrajn, servizz tal-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-qsim tal-kodiċi), is-sħubija tat-trasportaturi bl-ajru f’xi alleanza jew f’sistema simili interkonnessa, il-possibbiltà li wieħed jgħaqqad it-titjiriet ma’ xulxin, il-ħin tal-ivvjaġġar, l-inġenji tal-ajru użati, il-politika dwar it-tariffi, |
|
— |
L-affidabbiltà tat-titjiriet offruti, ir-rendiment operattiv u tekniku ekonomiku u fit-tul tal-applikanti f’dak li għandu x’jaqsam mar-rotot, l-użu ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati fl-UE jew ta’ inġenji tal-ajru mikrija bl-ekwipaġġ u mingħajru li mhumiex irreġistrati fl-ambitu tal-liġijiet tal-Komunità Ewropea, |
|
— |
Il-faċilità tal-użu għall-utenti (il-ħolqien ta’ possibbiltajiet ta’ għażla għall-utent tat-trasport fost diversi trasportaturi bl-ajru fi swieq speċifiċi individwali); l-aċċessibbiltà tas-servizzi tat-trasport bl-ajru għall-konsumaturi (il-possibbiltajiet li wieħed jibbukkja l-biljetti, l-uffiċċji ta' kuntatt u l-uffiċċji tal-bejgħ), |
|
— |
Il-ftuħ ta’ opportunità li applikanti ġodda jidħlu fis-suq filwaqt li jitqiesu l-effetti ta’ offerti ġodda (per eżempju permezz ta’ konnessjonijiet addizzjonali mhux ċentrali), |
|
— |
Kemm qed jitqiesu r-riżorsi skarsi u l-ambjent (l-utilizzazzjoni taċ-ċentri l-kbar tat-trasport bl-ajru, il-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, id-daqs tal-inġenji tal-ajru, l-istorbju u l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jagħmlu l-ħsara), |
|
— |
Il-ħarsien tal-interessi pubbliċi tat-trasport skont il-§ 21, il-paragrafu 1, tal-Luftverkehrgesetz (Il-kunsiderazzjoni tal-importanza ta’ dawn is-servizzi għall-qagħda tal-avjazzjoni nazzjonali u dik Ewropea, il-qagħda tal-kompetizzjoni fis-swieq individwali li jagħmlu parti mis-suq tal-avjazzjoni, kwalunkwe skarsezza tar-riżorsi li jista’ jkun hemm, u t-tisħiħ tat-trasportaturi bl-ajru li jkunu diġà fis-suq), |
|
— |
Id-deżinjazzjonijiet li jkun hemm diġà. |
Barra minn hekk, jitstgħu jitqiesu kriterji oħrajn, dejjem jekk min jibgħat l-applikazzjoni jkun mgħarraf bihom fil-ħin qabel ma tittieħed id-deċiżjoni aħħarija dwar l-applikazzjoni tiegħu.
Id-drittijiet tat-traffiku għandhom ikunu distinti mill-perjodi ta’ ħin (“slots”) disponibbli f’ajruporti kkoordinati. It-tqassim tal-perjodi ta’ ħin isir skont bażi legali differenti u skont proċedura differenti. Għalqdaqstant, perjodu ta’ ħin imqassam mill-koordinatur fl-ajruport ma jagħti lit-trasportatur bl-ajru l-ebda dritt jeżerċita dritt tat-traffiku. Bl-istess mod, dritt tat-traffiku li jkun ingħata ma jagħti l-ebda dritt għall-għoti ta’ perjodu ta’ ħin partikulari f’ajruport.
4. Ir-regoli tal-proċedura
Il-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet jagħti lil dawk kollha involuti fis-suq, jekk jitolbu dan, u mingħajr diskriminazzjoni, tagħrif dwar l-ammont ta' drittijiet tat-traffiku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li huma disponibbli għal pajjiż terz.
Għal dan il-għan ikun hemm ukoll laqgħat regolari ta’ diskussjoni fil-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet. F’dawn ikunu inklużi l-persuni naturali jew legali li huma involuti fl-avjazzjoni, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-avjazzjoni li jirrappreżentaw lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità li huma interessati fid-drittijiet tat-traffiku Ġermaniżi.
4.1. Id-dritt li wieħed japplika
Dawk li għandhom dritt japplikaw għal dritt tat-traffiku Ġermaniż u għal deżinjazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma' pajjiż terz huma: Trasportaturi bl-ajru li jkollhom l-uffiċċju prinċipali fl-ambitu tad-drittijiet tat-traffiku tal-ajru tal-Komunità Ewropea (trasportaturi bl-ajru tal-Komunità), u li għandhom liċenzja għall-operat maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31 Ottubru 2008, p. 3), dejjem jekk
|
a) |
ikollhom l-uffiċċju prinċipali fil-Ġermanja, jew |
|
b) |
ikollhom fergħat fil-Ġermanja li jkunu rrikonoxxuti mil-Luftfahrt-Bundesamt (l-uffiċċju federali għall-avjazzjoni) filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet Komunitarji. L-applikazzjoni biex fergħa tiġi rrikonoxxuta għandha tintbagħat lill-uffiċċju federali għall-avjazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni. |
4.2. It-tressiq tal-applikazzjonijiet
4.2.1. L-applikazzjonijiet għall-għoti tad-drittijiet tat-traffiku għandhom jintbagħtu bil-miktub u bil-Ġermaniż lill-uffiċċju federali għall-avjazzjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju ta' kull sena għall-perjodu tax-xitwa tal-iskeda tat-titjiriet ta’ wara u sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena għall-perjodu tas-sajf tal-iskeda tat-titjiriet ta’ wara. Jekk minħabba l-għadd ta’ applikazzjonijiet li jkunu ntbagħtu jirriżulta li trid titwettaq il-proċedura għat-tqassim, se jitqiesu biss dawk l-applikazzjonijiet li jkunu ntbagħtu fil-ħin. Applikazzjonijiet li jintbagħtu għall-perjodu tal-iskeda tat-titjiriet li jkun għaddej se jitqiesu biss jekk ikun hemm drittijiet tat-traffiku disponibbli.
4.2.2.
Trasportatur tal-ajru jingħata deżinjazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pajjiż terz biss jekk għas-servizzi speċifiċi li beħsiebu joffri tkun inħarġet liċenzja għal-linja tal-ajru skont il-§ 21 tal-.
4.3. Id-dokumenti tal-applikazzjoni
It-trasportaturi bl-ajru li japplikaw għal drittijiet tat-traffiku skarsi jew għal deżinjazzjonijiet disponibbli b’mod limitat għandhom jagħtu, b’mod partikulari, id-dettalji li ġejjin:
|
— |
L-għadd ta' titjiriet fil-ġimgħa, l-ajruporti tat-tluq u tal-wasla, it-tipi ta’ titjiriet (tal-passiġġieri u/jew tal-merkanzija), |
|
— |
Ir-rotot: Titjiriet diretti (mingħajr waqfiet/l-għadd ta’ waqfiet fin-nofs) jew il-konnessjonijiet marbutin ma’ titjiriet oħrajn, il-konnessjonijiet li jeżistu permezz tal-qsim tal-kodiċi, it-tul tat-titjira, |
|
— |
Id-data ta’ meta beħsiebu jinbeda t-trasport, |
|
— |
Jekk hux beħsiebhom jaħdmu s-sena kollha jew fi staġun partikulari, |
|
— |
L-inġenji tal-ajru użati (mudell tal-inġenji tal-ajru, inkluż l-għadd ta’ postijiet), |
|
— |
Jekk ikun applikabbli, is-sħubija f'xi alleanza, L-offerti ta’ titjiriet magħqudin ma’ xulxin, |
|
— |
Il-mira biex jiġbdu lejhom il-passiġġieri (l-ibbukkjar mill-individwi, il-ġiti organizzati), |
|
— |
Is-servizz għall-passiġġieri (per eżempju l-klassijiet offruti; il-ġarr tal-bagalji in tranżitu), |
|
— |
L-iffissar tat-tariffi (kemm se jkunu għoljin u kif se jkunu mqassmin), |
|
— |
Spjegazzjoni dwar jekk hemmx interess biex jinbeda l-programm sħiħ tat-titjiriet mitlub biss jew jekk id-drittijiet mogħtija humiex se jiġu eżerċitati biss b’mod parzjali, |
|
— |
Jekk ikun applikabbli, ir-rikonoxximent ta’ fergħa fil-Ġermanja mill-Uffiċċju federali għall-avjazzjoni; il-liċenzja għall-operat tat-trasportatur bl-ajru. |
Kwalunkwe applikant jista’ jintalab jagħti tagħrif addizzjonali dwar l-applikazzjoni tiegħu.
4.4. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet
4.4.1.
a) Il-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet se jwettaq proċedura għat-tqassim skont in-Numru 2.3 bis-sehem tal-Uffiċċju federali għall-avjazzjoni. Għal dan il-għan, l-Uffiċċju federali għall-avjazzjoni għandu jgħaddi l-applikazzjonijiet li jkun irċieva fil-ħin għat-tqassim tad-drittijiet tat-traffiku skont il-punt numru 4.2.1 lill-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet.
b) Il-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet għandu jiddeċiedi dwar it-tqassim tad-drittijiet tat-traffiku mitluba mit-trasportaturi bl-ajru billi jqis il-kriterji msemmija fil-punt numru 3, u għandu jgħarraf b’dan lill-Uffiċċju federali għall-avjazzjoni.
c) L-Uffiċċju federali għall-avjazzjoni għandu jgħarraf lit-trasportaturi bl-ajru dwar id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom għat-tqassim tad-drittijiet tat-traffiku fil-kuntest tal-għoti jew tar-rifjut tal-liċenzja tal-linja tal-ajru mitluba skont il-§ 21 tal-. Jekk l-applikazzjoni ta' trasportatur bl-ajru għat-tqassim ta’ drittijiet tat-traffiku speċifiċi ma tkunx tista’ tiġi approvata, u jekk minħabba f’hekk ma tkunx tista’ tingħata l-liċenzja tal-linja tal-ajru kif mitlub, it-trasportatur bl-ajru għandu jingħata bil-miktub ir-raġunijiet dettaljati dwar din id-deċiżjoni dwar il-liċenzja tal-linja tal-ajru.
d) L-uffiċċju federali għall-avjazzjoni għandu jqis ir-riżultat tal-proċedura għat-tqassim huwa u jiċċekkja l-iskeda tat-titjiriet li għandha titressaq skont il-§ 63b tal-ordni dwar il-liċenzjar tat-traffiku tal-ajru.
4.4.2.
F’każ fejn ikun hemm biss possibbiltajiet limitati disponibbli għad-deżinjazzjoni, il-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet għandu jiddeċiedi dwar liema trasportatur bl-ajru jista’ jingħata deżinjazzjoni billi jqis il-kriterji msemmija fil-punt numru 3, u għandu jgħarraf lill-pajjiż terz ikkonċernat dwar din id-deżinjazzjoni.
4.5. L-iskadenza tal-liċenzja tal-linja tal-ajru u l-irtirar tad-deżinjazzjoni
Jekk id-drittijiet tat-traffiku mogħtija mill-uffiċċju federali għall-avjazzjoni ma jintużawx għal iktar minn sitt xhur, tiskadi l-liċenzja tal-linja tal-ajru (§ 21, it-tielet sentenza tal-paragrafu 1 flimkien mal-§ 20, il-ħames sentenza tal-paragrafu 3 tal-).
Jekk id-drittijiet tat-traffiku li jkunu ngħataw mill-uffiċċju federali għall-avjazzjoni bil-kundizzjoni li s-servizz tat-titjira ma jinbediex iktar tard minn punt speċifikat wara d-data li fiha tibda titħaddem ir-rotta msemmija fl-applikazzjoni għal-liċenzja jkun għadhom ma ntużawx sa dak il-punt, dan jista’ jwassal għall-iskadenza tal-liċenzja tal-linja tal-ajru qabel ma tkun għaddiet l-iskadenza speċifikata fil-paragrafu 1 (§ 21, it-tielet sentenza tal-paragrafu 1 flimkien mal-§ 20, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tal-).
L-uffiċċju federali għall-avjazzjoni għandu jqassam lil ħaddieħor id-drittijiet tat-traffiku li jkunu saru disponibbli minħabba l-iskadenza tal-liċenzja tal-linja tal-ajru.
Jekk tiskadi l-liċenzja tal-linja tal-ajru, jekk ikun meħtieġ, il-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp tal-Bliet għandu jieħu lura d-deżinjazzjoni tal-impriża Komunitarja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pajjiż terz.
5. Analiżi tad-deċiżjonijiet
Kwalunkwe trasportatur bl-ajru kkonċernat jista’ jitlob li ssir analiżi tad-deċiżjonijiet dwar id-drittijiet tat-traffiku li jkunu ttieħdu mill-uffiċċju federali għall-avjazzjoni abbażi ta’ proċedura għat-tqassim skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża dwar il-proċeduri amministrattivi.