|
30.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 322/14 |
Konferenza tal-Komunità u tal-Kumitati tal-Affarijiet Ewropej tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC)
Kontribuzzjoni tat-XLII COSAC
(Stokkolma, 4-6 ta' Ottubru 2009)
2009/C 322/04
1. Kwistjonijiet istituzzjonali u t-Trattat ta' Liżbona
|
1.1. |
COSAC, li issa laħqet l-20 anniversarju tagħha, hija kuntenta bit-tisħiħ tal-irwol tagħha bħala forum ta' koperazzjoni parlamentari u post għall-espressjoni tad-demokrazija deliberattiva fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li tagħti aktar possibbiltajiet lill-parlamenti nazzjonali biex ikollhom djalogu mal-Istituzzjonijiet tal-UE u biex jagħtu kwalunkwe kontribut xieraq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
|
1.2. |
Waqt li tinnota l-progress miksub matul l-aħħar ħames snin fl-iżvilupp tal-koperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, COSAC tixtieq tirringrazzja lis-Sinjura Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, għall-ħidma dedikata tagħha għal dan il-għan. |
|
1.3. |
Issa li t-Trattat ta' Liżbona ġie approvat mill-kmamar tal-parlamenti nazzjonali tal-Unjoni Ewropea, wara d-deliberazzjoni u d-dibattiti dovuti, minkejja li għadha pendenti l-approvazzjoni formali mill-kmamar Irlandiżi wara r-referendum tat-2 ta' Ottubru 2009, COSAC tqis li ma jistax ikun hemm dubju dwar il-leġittimità demokratika ta' dan il-proċess u dan għandu jkun rikonoxxut mill-partijiet kollha. Filwaqt li tirrispetta l-ħtiġijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri kollha, COSAC titlob għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona malajr kemm jista' jkun. COSAC tistenna bil-ħerqa l-koperazzjoni mal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif rikostitwiti skont it-Trattat. COSAC tilqa' l-irwol imsaħħaħ tal-parlamenti nazzjonali kif stipulat fit-Trattat u tenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa, immedjata u effiċjenti tat-Trattat il-ġdid ladarba jidħol fis-seħħ, bir-rispett tal-perjodu ta' żmien stipulat fit-Trattati sabiex jippermetti l-iskrutinju sħiħ u effettiv mill-parlamenti nazzjonali u mill-Parlament Ewropew. |
|
1.4. |
COSAC tenfasizza l-importanza tat-twaqqif ta' proċeduri li jaħdmu sew bejn l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali għall-kontrolli tas-sussidjarjetà u għall-monitoraġġ parlamentari tal-Europol u l-evalwazzjoni tal-Eurojust. F'dan il-kuntest, COSAC tfakkar fil-kontribut tal-XLI COSAC fi Praga. |
|
1.5. |
COSAC tenfasizza li l-ftuħ u aċċessibbiltà jibqgħu kruċjali għas-sens ta' parteċipazzjoni miċ-ċittadini Ewropej. Aktar trasparenza fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u fil-parlamenti nazzjonali hija importanti sabiex iċ-ċittadini jaċċettaw miżuri tal-Unjoni Ewropea. |
2. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja
|
2.1. |
COSAC tinnota li, filwaqt li hemm sinjali li joffru tama ta' rkupru, tibqa' l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kriżi finanzjarja u ekonomika, għas-sostenn tat-tkabbir fit-tul u għall-potenzjal ta' impjieg. L-effetti tad-deklin kurrenti għandhom jiġu mtaffija u għandhom ikunu mħeġġa miżuri li jiffaċilitaw l-irkupru rapidu iżda sostenibbli. Hemm bżonn iktar sforzi sabiex jittejjeb it-tħaddim tas-swieq tal-kreditu u kapitali. Fuq perjodu ta' tul ta’ żmien, l-Ewropa teħtieġ strateġija mġedda għat-tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi – Strateġija ta' Liżbona rivitalizzata li tittrasforma l-Unjoni f'ekonomija li lesta tgawdi l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, filwaqt li tlaħħaq mal-isfidi soċjali u ambjentali li din iġġib magħha. Sforzi biex ikun evitat u limitat it-telf ta' impjiegi għandhom jieħdu l-forma ta' miżuri b'effett pożittiv sostenibbli fuq l-impjiegi. |
|
2.2. |
COSAC tappoġġja r-rispons tal-Kunsill Ewropew għall-kriżi fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu ta' Ġunju 2009 u tilqa' l-preparazzjonijiet komprensivi, bis-samit informali extra tas-17 ta' Settembru 2009, għal-laqgħa tal-G20 f'Pittsburgh fl-24 ta' Settembru, 2009. |
|
2.3. |
COSAC tinnota b'sodisfazzjon li tħejjijiet metikolużi ppermettew lill-Unjoni Ewropea biex tieħu rwol attiv f'Pittsburgh. L-Unjoni kkontribwiet għal riżultat li huwa pass 'il quddiem rigward il-karatteristiċi ewlenin ta' qafas regolatorju komuni u sistema finanzjarja iktar sostenibbli, inklużi miżuri kontra prattiċi ħżiena fi kwistjonijiet ta' bonus. |
|
2.4. |
COSAC tilqa' l-proposti reċenti tal-Kummissjoni dwar arkitettura ġdida għas-superviżjoni finanzjarja Ewropea u tenfasizza li l-intenzjoni li jkun hemm konklużjoni rapida tan-negozjati m'għandhiex ittellef l-iskrutinju parlamentari meħtieġ. |
|
2.5. |
In vista tal-Kunsill Ewropew li jmiss tad-29-30 ta' Ottubru 2009, COSAC ittenni t-twissija tagħha kontra kull tip ta' protezzjoniżmu ekonomiku. Il-ftuħ tas-swieq dinjija u l-konklużjoni b'suċċess tar-Rawnd ta' Doha jibqgħu fost l-elementi fundamentali biex tingħeleb il-kriżi globali. |
3. L-isfida tal-Klima – It-triq lejn Kopenħagen
|
3.1. |
COSAC ittenni l-konvinzjoni tagħha li l-qagħda ekonomika m'għandhiex twassal lill-Unjoni Ewropea biex tnaqqas l-ambizzjonijiet tagħha f’termini ta' żvilupp sostenibbli u tal-istrateġija dwar il-klima kif adottata mill-Kunsill Ewropew. Dan jinkludi li l-UE tkun lesta li tagħti s-sehem ġust tagħha biex tappoġġja l-pajjiżi l-inqas żviluppati fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Arkitettura effettiva u sostenibbli għall-finanzjament ta' din il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima hija essenzjali |
|
3.2. |
In-negozjati marbuta mal-Konferenza dwar il-Klima tan-NU – COP15 – f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 huma estremament kumplessi. COSAC tilqa', b'mod ġenerali, it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali u tinnota b'sodisfazzjon li l-Unjoni tispikka bħala parti ambizzjuża, influwenti u deċiżiva fin-negozjati dwar il-klima. Ir-riżultat tas-samit ta' Pittsburgh jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tibqa' tieħu rwol ewlieni fit-tħejjija għal u matul is-Samit dwar il-Klima. COSAC tħeġġeġ lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kollha u lill-Istati Membri biex jikkontribbwixxu għall-ħolqien ta' bażi b'saħħitha għal dan l-irwol ewlieni. |
4. Il-Programm ta' Stokkolma
|
4.1. |
COSAC tinnota li l-Eurobarometer u stħarriġ ieħor tal-opinjoni pubblika jindikaw li ċ-ċittadini jistennew inizjattivi Ewropej fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Dan jinkludi l-politika ta' ażil u immigrazzjoni kif ukoll il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u reati transkonfinali oħra. Filwaqt li tenfasizza li ċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tal-programm multiannwali l-ġdid, COSAC tenfasizza l-bżonn li jinżamm il-bilanċ bejn miżuri ta' infurzar tal-liġi u miżuri għas-salvagwardjar tad-drittijiet individwali u d-dritt tal-liġi. |
|
4.2. |
COSAC tinnota li dawn l-oqsma ta' importanza fundamentali għaċ-ċittadini Ewropej huma fil-qalba tar-responsabilità tal-parlamenti. COSAC tenfasizza l-importanza tal-iskrutinju parlamentari u l-parteċipazzjoni attiva matul in-negozjati tal-Programm ta' Stokkolma u tal-partijiet u l-elementi kollha li jridu jiġu deċiżi sussegwentement, waqt li tinnota li l-Programm ġenerali huwa skedat li jkun adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10-11 ta' Diċembru, 2009. |
5. Strateġiji reġjonali u politika tal-viċinat
|
5.1. |
L-Istrateġija proposta għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku għandha mhux biss l-għan li tindirizza l-isfidi ekoloġiċi u oħrajn speċifiċi tar-reġjun, iżda wkoll li sservi bħala proġett pilota għal strateġiji makroreġjonali. Fil-ġejjieni, il-mudell jista' jkun applikat għal reġjuni oħra bl-isfidi reġjonali tagħhom, bħar-reġjun tad-Danubju. COSAC tistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tal-Istrateġija għall-Baħar Baltiku mill-Kunsill Ewropew skedata għad-29-30 ta' Ottubru 2009. |
|
5.2. |
COSAC ittenni l-appoġġ li ilha żmien tagħti lill-Politika Ewropea tal-Viċinat inkluża d-Dimensjoni tal-Lvant. COSAC tilqa' l-laqgħa li għandha tkun organizzata mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tar-Riksdag Żvediż fil-21 ta' Ottubru 2009 dwar l-istrutturar tad-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant. |
|
5.3. |
COSAC ittenni wkoll l-appoġġ tagħha għall-ħolqien tal-Unjoni għall-Mediterran bħala għodda essenzjali sabiex ikunu żgurata l-paċi, l-istabilità u s-sigurtà fir-Reġjun tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari biex ikunu indirizzati l-immigrazzjoni u l-enerġija. |
6. Tkabbir
|
6.1. |
COSAC tenfasizza l-importanza strateġika tal-proċess kontinwu tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u tilqa' l-applikazzjoni tal-Iżlanda għas-sħubija. Filwaqt li tirrikonoxxi li prospettiva ċara ta' sħubija hija inċentiv b'saħħtu għar-riforma, COSAC tenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea żżomm l-impenji tagħha u l-prinċipji stabbiliti f'dan il-qasam, partikolarment il-ħtieġa li jkunu sodisfati l-Kriterji ta' Kopenħagen għall-adeżjoni. COSAC tinnota b'sodisfazzjon l-iżviluppi pożittivi reċenti fin-negozjati għat-tkabbir li diġà għaddejjin. |