12.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 302/12


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Kura tas-saħħa sikura u effiċjenti permezz tas-Saħħa elettronika

2009/C 302/06

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

WAQT LI JFAKKAR li l-Artikolu 152 tat-Trattat jiddikjara li għandu jiġi assigurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha Komunitarji, u li l-Komunità għandha tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma msemmijin f'dan l-Artikolu u, jekk ikun meħtieġ, jagħtu appoġġ lill-azzjoni tagħhom. Kwalunkwe azzjoni fil-livell Komunitarju għandha tirrispetta b'mod sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jorganizzaw u jwasslu l-kura tas-saħħa;

2.

WAQT LI JFAKKAR li wieħed mill-objettivi tal-istrateġija tas-saħħa Komunitarja (2008-2013) (1) huwa li jiġu appoġġati sistemi ta' saħħa dinamiċi u teknoloġiji ġodda, filwaqt li jirrikonoxxi li teknoloġiji ġodda jistgħu jtejbu l-prevenzjoni, id-dijanjosi u t-trattament ta' mard, jiffaċilitaw Is-sigurtà tal-pazjent u jtejbu l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, l-użu ta' riżorsi u s-sostenibbiltà;

3.

WAQT LI JFAKKAR li r-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ħarġu Dikjarazzjoni (20 ta' Frar 2009) fil-Konferenza Ministerjali dwar is-Saħħa elettronika tal-2009 fi Praga (2), li tirrikonoxxi l-benefiċji tas-Saħħa elettronika għal settur tas-saħħa aktar sikur u aktar effiċjenti, waqt li tappella għal azzjoni dwar il-bini ta' qasam tas-Saħħa elettronika għaċ-ċittadini Ewropej, u li tibda proċess ta' azzjoni u governanza kkoordinati fil-qasam tas-Saħħa elettronika;

4.

WAQT LI JFAKKAR fl-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea rilevanti għas-Saħħa elettronika, inkluż:

(a)

is-Saħħa elettronika – intejbu l-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini Ewropej: pjan ta' azzjoni għal Żona Ewropea tas-Saħħa elettronika (3);

(b)

il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa elettronika (4) tas-27 ta' Mejju 2004;

(c)

il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa (5), b'enfasi speċjali fuq il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli tal-frammentazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta' interoperabbiltà tas-sistemi tas-Saħħa elettronika sabiex ikun aċċellerat l-iżvilupp tas-suq;

(d)

ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interoperabbiltà transkonfinali ta' sistemi ta' reġistri tas-saħħa elettroniċi (6);

(e)

il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, is-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-ekonomija (7);

5.

JILQA' l-kollaborazzjoni reċenti bejn numru ta' Stati Membri:

(a)

fil-proġett pilota fuq skala kbira epSOS (8), li jfittex li tkun żviluppata l-interoperabbiltà transkonfinali ta' sommarji ta' reġistri tas-saħħa elettroniċi u Preskrizzjonijiet elettroniċi, u fin-netwerk tematiku Calliope (9), li jimmira lejn l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali għall-interoperabbiltà tas-Saħħa elettronika fl-Ewropa u l-ħolqien ta' kunsens meħtieġ għall-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

fil-kooperazzjoni li għaddejja fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tas-Saħħa elettronika bi tweġiba għall-Mandat 403 tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa elettronika (10);

6.

JILQA' r-Rapport tal-Presidenza Svediża dwar is-Saħħa elettronika għal Ewropa Aktar b'Saħħitha (11), ippreżentat fil-laqgħa informali tal-Ministri tas-Saħħa f'Jönköping fis-6 u s-7 ta' Lulju 2009, li jagħti eżempju dwar kif jistgħu jitwettqu għanijiet politiċi għall-kura tas-saħħa permezz ta' investimenti fis-Saħħa elettronika;

7.

JIRRIKONOXXI l-importanza tas-Saħħa elettronika bħala għodda biex tittejjeb il-kwalità u s-sikurezza tal-pazjent, jiġu modernizzati sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa, tiżdied l-effettività tagħhom, u tagħmilhom aktar aċċessibbli għal kulħadd u adatti aħjar biex jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali tal-pazjenti, il-professjonisti tas-saħħa u l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ;

8.

JIRRIKONOXXI l-ħtieġa għal aktar tmexxija politika u biex is-Saħħa elettronika tiġi integrata fil-politika tas-saħħa sabiex jiġu żviluppati servizzi tas-Saħħa elettronika fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika;

9.

JAPPELLA lill-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw inizjattivi mmirati li jippermettu d-disponibbiltà u l-użu tas-servizzi tas-Saħħa elettronika, b'mod partikolari biex:

(1)

jikkommettu ruħhom politikament u strateġikament għas-Saħħa elettronika bħala wieħed mill-istrumenti prinċipali biex jittejbu l-kwalità, l-aċċess u s-sikurezza fil-kura tas-saħħa

(a)

ipoġġu s-Saħħa elettronika fil-kuntest ta' programmi ta' riforma tal-kura tas-saħħa u jikkunsidraw il-ħolqien ta' mekkaniżmi speċifiċi ta' inċentiv finanzjarju biex tkun disponibbli;

(b)

jindirizzaw, b'mod ikkoordinat, l-ostakli li jfixklu d-disponibbiltà tas-servizzi tas-Saħħa elettronika;

(2)

jibnu l-fiduċja fis-servizzi tas-Saħħa elettronika u l-aċċettazzjoni tagħhom billi

(a)

jkunu żgurati l-ogħla standards tas-sikurezza tal-pazjent, il-protezzjoni tad-data u l-privatezz;

(b)

jiġu promossi l-għarfien, il-fiduċja u l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-professjonisti, il-pazjenti u l-familjari tagħhom;

(c)

jiġu żgurati, kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-professjonisti tas-saħħa, valutazzjoni adegwata tal-ħtiġijiet u azzjoni ta' taħriġ;

(3)

jagħmlu kjarifika legali u jiżguraw il-protezzjoni tad-data tas-saħħa billi

(a)

jeżaminaw id-dispożizzjonijiet attwali tagħhom għal-liċenzjar, l-akkreditazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-servizzi tas-Saħħa elettronika u jagħtu parir dwar kwalunkwe titjib;

(b)

jeżaminaw prassi attwali għall-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-persunal professjonali tas-saħħa li jaċċessa u juża d-data personali tas-saħħa;

(c)

jindirizzaw limitazzjonijiet legali għall-iskambju sikur tad-data medika tul fruntieri nazzjonali, filwaqt li tkun irrispettata l-ħtieġa li jkunu protetti d-data tas-saħħa u l-integrità personali tal-pazjent, u għaldaqstant id-drittijiet tal-pazjenti biex jagħtu kunsens li tintuża d-data medika tagħhom;

(4)

isolvu l-kwistjonijiet tekniċi u jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-suq billi

(a)

jiżguraw li jitqies l-għan tal-interoperabbiltà tas-servizzi tas-Saħħa elettronika tul fruntieri organizzattivi u nazzjonali fi strateġiji tas-saħħa nazzjonali, reġjonali u lokali u l-pjanijiet ta' investiment;

(b)

jiżguraw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tat-terminoloġiji mediċi komuni u l-istandards tekniċi, b'mod partikolari għad-data medika li hija soġġetta għall-iskambju bejn l-Istati Membri;

(c)

jużaw l-akkwist pubbliku, b'rispett sħiħ tal-leġislazzjoni eżistenti, għall-appoġġ tad-disponibbiltà ta' servizzi tas-Saħħa elettronika interoperabbli;

10.

JAPPELLA lill-Kummissjoni biex:

(1)

taġġorna l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar is-Saħħa elettronika;

(2)

tagħmel rapport dwar l-iżvilupp ta' politiki u azzjonijiet eżistenti tal-UE rigward il-ġestjoni tal-identifikazzjoni elettronika f'oqsma relatati sabiex wieħed jibbenefika minn sinerġiji possibbli;

(3)

torganizza evalwazzjoni, f'intervalli adatti, tal-benefiċji u kost-effettività tas-saħħa tal-użu ta' servizzi tas-Saħħa elettronika differenti, billi jinbena fuq l-għarfien miġbur fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

11.

JAPPELLA lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex:

(1)

jibnu fuq il-momentum politiku maħluq bil-laqgħat informali eżistenti tas-Segretarji tal-Istat u l-ekwivalenti tagħhom, sabiex, permezz tal-mekkaniżmu ta' livell għoli l-aktar effiċjenti u adatt immexxi mill-Istat Membru, jiġu żviluppati il-governanza, il-koordinazzjoni u l-konsolidazzjoni ta' attivitajiet li dejjem għaddejjin fil-qasam tas-Saħħa elettronika, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, biex jitmexxew d-disponibbiltà tas-Saħħa elettronika u l-użu reali tas-servizzi tas-Saħħa elettronika interoperabbli f'sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa u bejniethom;

(2)

jiżguraw li l-għanijiet prinċipali ta' dan il-mekkaniżmu huma li:

(a)

gruppi, proġetti u istituzzjonijiet fil-livell tal-UE jinġiebu flimkien u jiġu kkoordinati;

(b)

jiġi promoss allinjament tas-Saħħa elettronika ma' strateġiji u ħtiġijiet tas-saħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali permezz tal-involviment dirett tal-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa;

(c)

titqassam evidenza xjentifika tal-kost-effettività u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tas-servizzi tas-Saħħa elettronika bbażata fuq ir-riċerka fil-livell nazzjonali u dak komunitarju;

(d)

jsir rapport regolarment dwar l-attivitajiet tiegħu lil-laqgħat rilevanti tal-Kunsill;

(3)

japplikaw dan il-mekkaniżmu fl-oqsma li ġejjin b'mod partikolari li

(a)

jaħdmu flimkien biex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet u l-isfidi komuni relatati mal-fatt li jitressqu servizzi tas-Saħħa elettronika biex jinkisbu l-objettivi tas-saħħa;

(b)

jappoġġaw lill-Istati Membri bl-iżvilupp ta' pjan direzzjonali inklużi appoġġ għal deċiżjonijiet u linji gwida għad-disponibbiltà, l-aċċettazzjoni u l-użu tas-servizzi tas-Saħħa elettronika;

(c)

jaħdmu flimkien ma' dawk interessati, b'mod partikolari l-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa, biex ikun żgurat li l-għodod u s-servizzi tas-Saħħa elettronika jirriflettu l-ħtiġijiet kliniċi u l-objettivi ġenerali tas-sistema tas-saħħa.


(1)  WHITE PAPER - Flimkien għas-Saħħa: approċċ strateġiku għall-UE 2008-2013 (COM(2007) 630),

(2)  http://www.ehealth2009.cz/Pages/108-Prague-Declaration.html

(3)  COM(2004) 356

(4)  9628/04

(5)  COM(2007) 860

(6)  COM(2008) 3282

(7)  COM(2008) 689

(8)  “Smart Open Services for European Patients” - kofinanzjat mill-KE taħt il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) ICT PSP: http://www.epsos.eu

(9)  Talba għall-Interoperabbiltà, iffinanzjat mill-KE taħt is-CIP ICT PSP: http://www.calliope-network.eu

(10)  Mandat dwar l-Istandards tal-Interoperabbiltà tas-Saħħa elettronika (M/403): http://www.ehealth-interop.nen.nl

(11)  Saħħa elettronika għal Ewropa Aktar b'Saħħitha - opportunitajiet għall-użu aħjar tar-riżorsi tal-kura tas-saħħa http://www.se2009.eu