11.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/18


Ġabra fil-qosor tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-22 ta’ Lulju 2009

dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE

(Il-Każ COMP/39.396 – il-Karbur tal-Kalċju u rijaġenti bbażati fuq il-manjeżju għall-industriji tal-azzar u tal-gass)

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5791)

(Il-verżjonijiet bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bis-Slovakk u bis-Sloven biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 301/14

Fit-22 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluż kwalunkwe pieni imposti, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil ħmistax-il entità legali talli kisru l-Artikolu 81 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Il-ksur seħħ mill-fornituri ewlenin tal-karbur tal-kalċju u l-manjeżju għall-industriji tal-azzar u l-gass. Dawn qasmu s-suq bejniethom, iffissaw il-prezzijiet, allokaw il-klijenti bejniethom u skambjaw informazzjoni sensittiva fejn jidħlu l-klijenti fiż-ŻEE ħlief fi Spanja, fil-Portugall, fir-Renju Unit u fl-Irlanda. Għall-iskop tad-Deċiżjoni, il-ksur dam sejjer mis-7 ta' April 2004 sas-16 ta' Jannar 2007.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(2)

Il-każ infetaħ fuq il-bażi ta’ applikazzjoni għall-immunità minn Akzo Nobel NV. Il-Kummissjoni kisbet aktar provi minn spezzjonijiet li saru f'Jannar 2007. Barra minn dan, il-Kummissjoni rċeviet erba' applikazzjonijiet skont l-Avviż tal-Klemenza (Donau Chemie, Almamet, Degussa and NCHZ) u bagħtet bosta talbiet għall-informazzjoni.

(3)

Fil-25 ta' Ġunju 2008, ħarġet Stqarrija tal-Oġġezzjonijiet u l-impriżi kollha ngħataw il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-fajl u li jiddefendu lilhom infushom bil-miktub kontra l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni u, fl-10 u l-11 ta' Novembru 2008, waqt Seduta ta' Smigħ. Il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fid-19 ta' Ġunju 2009 u s-17 ta' Lulju 2009 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fit-22 ta' Lulju 2009.

2.2.   Sommarju tal-ksur

(4)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju, il-granulat tal-karbur tal-kalċju u l-granulat tal-manjeżju. Il-karbur tal-kalċju f'forma granulari jintuża fl-industrija tal-gass għall-produzzjoni tal-aċitelena (gass użat għal skopijiet ta' welding u ta' tqattigħ) Fil-forma ta' trab, il-karbur tal-kaċju jintuża għad-desossidazzjoni u t-tneħħija tal-kubrit fl-industrija tal-azzar. Il-granulat tal-manjeżju jintuża wkoll għat-tneħħija tal-kubrit fl-industrija tal-azzar.

(5)

L-iskop tal-kartell kien dak li s-suq jiġi ffriżat billi jiġu stabbiliti l-ishma fis-suq tal-fornituri biex jiġu ffaċilitati ż-żidiet fil-prezzijiet u tiġi stimulata l-profittabilità. Fil-bidu tal-kartell, il-parteċipanti kellhom quddiemhom żidiet fl-ispejjeż (cokes u enerġija), kapaċità żejda (minħabba l-innovazzjoni teknika), żieda fil-poter fis-suq tal-klijenti (minħabba konsolidament fl-industrija Ewropea tal-azzar u tal-gass) kif ukoll importazzjoni diretta miċ-Ċina (għall-granulat tal-manjeżju).

(6)

Il-membri tal-kartell qablu fuq tabella li tiffissa s-sehem fis-suq ta' kull wieħed u aġġornaw din it-tabella dwar is-sehem tagħhom fis-suq b'mod regolari waqt laqgħat. Huma qablu wkoll dwar żidiet fil-prezzijiet u/jew allokazzjonijiet individwali lill-klijenti. Il-membri tal-kartell ikkoordinaw il-fornituri tagħhom permezz ta' skambju ta' informazzjoni biex jiffaċilitaw u/jew jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-volumi tal-bejgħ u l-prezz.

(7)

Kull indirizzat jinżamm responsabbli skont l-involviment tiegħu stess fl-arranġamenti tal-kartell, jiġifieri jew bħala parteċipant dirett jew, fil-każ ta' kumpanija prinċipali, peress li l-imġiba tas-sussidjarja tagħha titqies bħala responsabbiltà tal-kumpanija prinċipali peress li l-kumpanija prinċipali tkun teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kondotta tas-sussidjarji matul il-perjodu tal-ksur.

2.3.   Destinatarji u tul tal-ksur

(8)

1.garantovaná a.s. (07.04.2004 – 16.1.2007); Akzo Nobel NV (03.11.2004 – 20.11.2006); Almamet GmbH (22.04.2004 - 16.01.2007); AlzChem Hart GmbH (22.04.2004 – 30.8.2004); ARQUES Industries AG (30.8.2004 – 16.01.2007); Carbide Sweden AB (03.11.2004 – 20.11.2006); Donau Chemie AG (07.04.2004 – 16.01.2007); ECKA Granulate GmbH & Co KG (14.07.2005 – 16.01.2007); Evonik Degussa GmbH (22.04.2004 – 30.8.2004); Holding Slovenske elektrarne d.o.o. (07.04.2004 - 20.12.2006); non ferrum Metallpulver GmbH & Co KG (14.07.2005 – 16.01.2007); Novácke chemické závody, a.s. (07.04.2004 – 16.01.2007); SKW Stahl-Metallurgie GmbH (22.04.2004 – 16.01.2007); SKW Stahl-Metallurgie Holding AG (30.8.2004 – 16.1.2007); TDR Metalurgija d.d. (07.04.2004 – 16.01.2007).

2.4.   Rimedji

(9)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi. Id-Deċiżjoni timponi l-multa fuq Holding Slovenske elektrarne d.o.o., li qabel kienet il-kumpanija possedenti tal-kumpanija TDR Metalurgija d.d. Is-sussidjarja nnifisha kienet ġiet likwidata ħafna qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, u ma teħilx multa.

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(10)

L-ammont bażiku huwa ffissat għal 17 % tal-bejgħ ta' prodotti tal-impriża, li direttament jew indirettament kien relatat mal-ksur fiż-żona ġeografika relevanti, matul l-aħħar sena sħiħa ta' negozju li fiha pparteċipaw fil-ksur. Ittieħdet inkunsiderazzjoni n-natura varjata tal-kartell u tas-sehem fis-suq kombinat.

(11)

L-ammont bażiku huwa mmultiplikat bl-għadd ta' snin ta' parteċipazzjoni fil-ksur, b'kunsiderazzjoni sħiħa tat-tul tal-parteċipazzjoni individwali għal kull impriża fil-ksur.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

2.4.2.1.   Ċirkostanzi aggravanti

(12)

Ir-reċediviżmu huwa ċirkostanza aggravanti għal Evonik Degussa (deċiżjoni ta' kartell preċedenti waħda ikkunsidrata) u għal Akzo Nonel NV (erba' deċiżjonijiet ta' kartell preċedenti ikkunsidrati), li jwassal għal żieda fil-multa b'50 % u 100 % rispettivament.

2.4.2.2.   Żieda speċifika għal skop dissważiv

(13)

Jiżdiedu 17 % minħabba n-natura u l-firxa ġeografika tal-ksur sabiex l-impriżi ma jitħajru jidħlu lanqas fi ftehimiet ta' ffissar tal-prezzijiet orizzontali u fi ftehimjiet ta' qsim tas-suq.

2.4.3.   L-applikazzjoni tal-Avviż ta' Klemenza tal-2002: tnaqqis ta' multi

(14)

Fejn tidħol l-applikazzjoni tal-Avviz ta' Klemenza tal-2002, Akzo Nobel qed tingħata tnaqqis ta' 100 %, Donau Chemie qed tingħata tnaqqis ta' 35 % u Evonik Degussa tnaqqis ta' 20 %. L-applikazzjonijiet minn Almamet u NCHZ ġew rifjutati peress li ma tawx valur miżjud sinifikanti mqabbel mal-informazzjoni li diġà kellha l-Kummissjoni.

2.4.4.   Il-kapaċità li wieħed iħallasskont il-punt 35 tal-Linji Gwida dwar il-Multi

(15)

Diversi kumpaniji qed jistqarru li ma jistgħux iħallsu l-multa. Dawn l-istqarrijiet ġew analizzati abbażi tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi, u ġew rifjutati. Barra mill-applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi, il-kumpanija Almamet tnaqqsitilha l-multa tagħha b'20 % fuq il-bażi ta' evalwazzjoni taċ-ċirkostanzi speċjali tagħha, tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha u tal-effett meħtieġ ta' deterrent tal-multa.

3.   MULTI IMPOSTI BID-DEĊIZJONI

(a)

Almamet GmbH:

EUR 3 040 000

(b)

Carbide Sweden AB u Akzo Nobel NV in solidum:

EUR 0

(c)

Donau Chemie AG:

EUR 5 000 000

(d)

non ferrum Metallpulver GmbH & Co KG u ECKA Granulate GmbH & Co KG in solidum:

EUR 6 400 000

(e)

Novácke chemické závody u 1.garantovaná a.s. in solidum:

EUR 19 600 000

(f)

SKW Stahl-Metallurgie Holding AG, ARQUES Industries AG u SKW Stahl-Metallurgie GmbH in solidum:

EUR 13 300 000

(g)

Evonik Degussa GmbH, AlzChem Hart GmbH u SKW Stahl-Metallurgie GmbH in solidum:

EUR 1 040 000

(h)

Evonik Degussa GmbH u AlzChem Hart GmbH in solidum:

EUR 3 640 000

(i)

Holding Slovenske elektrarne d.o.o.:

EUR 9 100 000


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.