13.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/8


Noti ta' Spjegazzjoni għan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej

2009/C 272/02

Skont l-Artikolu 9(1)(a), it-tieni inċiż, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), in-Noti ta’ Spjegazzjoni għan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej (2) huma emendati kif ġej:

Fil-paġna 402:

9705 00 00   kollezzjonijiet u oġġetti tal-kollezzjoni ta' interess żooloġiku, botaniku, mineraloġiku, anatomiku, storiku, arkeoloġiku, paleontoloġiku, etnografiku jew numiżmatiku

It-test eżistenti huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(1)

Din l-intestatura tinkludi vetturi bil-magna li:

huma fl-istat oriġinali tagħhom, mingħajr tibdil sostanzjali għax-chassis, l-isteering jew is-sistema tal-brejkijiet, il-magna, eċċ.;

għallinqas għandhom 30 sena; u kif ukoll

huma ta' mudell jew tip li m'għadux fil-produzzjoni.

Madankollu, vetturi bil-magna huma meqjusa bħala li mhumiex ta' interess storiku jew etnografiku u huma esklużi minn din l-intestatura meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li l-vetturi bil-magna ma jurux pass sinifikanti fl-evoluzzjoni tal-kisbiet umani u mhumiex illustrazzjoni ta' perjodu ta' dik l-evoluzzjoni.

Dawn il-vetturi jrid ikollhom ukoll il-karatteristiċi meħtieġa għall-inklużjoni f'kollezzjoni billi:

ikunu relattivament rari;

ma jkunux jintużaw b'mod normali għall-iskop oriġinali tagħhom;

ikunu s-suġġett ta' tranżazzjonijiet speċjali lil hinn mill-kummerċ normali f'artikli ta' utilità simili u

ikollhom valur akbar.

(2)

Hija tinkludi wkoll bħala oġġetti tal-kollezzjonisti ta' interess storiku:

(a)

vetturi b'magna, irrispettivament mid-data tal-manifattura tagħhom, li jista' jiġi ppruvat li ntużaw waqt avveniment storiku;

(b)

vetturi b'magna tat-tiġrija, li jista' jiġi ppruvat li ġew iddiżinjati, mibnija u użati biss għall-kompetizzjoni u li kisbu suċċessi sinifikanti fl-isport f'avvenimenti nazzjonali jew internazzjonali prestiġjużi.

(3)

Oġġetti ta' tip użat bħala partijiet u aċċessorji għall-vetturi msemmija aktar 'il fuq huma kklassifikati f'din l-intestatura jekk huma oġġetti ta' kollezzjoni huma stess irrispettivament minn jekk humiex maħsuba sabiex jiġu installati f'dawn il-vetturi jew le.

Il-provi jistgħu jingħataw permezz ta' dokumentazzjoni xierqa, pereżempju, kotba ta' referenza jew letteratura speċjalizzata, jew opinjonijiet ta' esperti rikonoxxuti.

In-Noti ta' Spjegazzjoni ta' hawn fuq japplikaw, mutatis mutandis, għall-muturi.

Il-kopji huma dejjem esklużi (ġeneralment Kapitolu 87).”


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU C 133, 30.5.2008, p. 1.