30.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/38


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-ħarsien ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel

2009/C 260/10

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. L-istqarrijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“MIÓD KURPIOWSKI”

Nru tal-KE: PL-PGI-0005-0607-30.05.2007

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Miód kurpiowski”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott jew oġġett tal-ikel agrikolu:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.4

Prodotti oħrajn ta' oriġini mill-annimali, għasel

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):

Karatteristiċi mikroskopiċi:

“Miód kurpiowski” huwa għasel tan-nektar, bl-inklużjoni possibbli tan-nida tal-għasel. Huwa għasel minn fjuri diversi; l-għabra minn speċi waħda ta' pjanta ma tistax tgħodd għal iktar minn 30 % tat-total, u l-għabra minn uċuħ tar-raba′ ma tistax taqbeż 10 % tat-total.

Karatteristiċi organolettiċi:

“Miód kurpiowski” huwa għasel tan-nektar likwidu jew kristallizzat, bl-inklużjoni possibbli tan-nida tal-għasel. Il-konsistenza tiegħu hija ħoxna, likwida u viskuża. Jifforma kristalli bi ħbub medja u u ħbub fini, u l-kulur tiegħu jvarja mill-isfar ċar, għal lewn it-tiben sa kannella bi sfumaturi ħadranin. Dawn l-isfumaturi jindikaw il-proprzjoni tan-nida tal-għasel. L-għasel għandu aroma intensa, b'riħa mħawra distintiva u togħma delikata u kemmxejn ħelwa.

Karatteristiċi fiżiko-kimiċi:

Il-karatteristiċi fiżiko-kimiċi ta' “miód kurpiowski”

kontenut ta' zokkor sempliċi (glukożju u fruttożju) – mhux inqas minn 60 g/100 g

kontenut ta' sukrożju – mhux aktar minn 5 g/100 g

attività ta' dijastażi (skala Schade) – mhux inqas minn 8

aċidi ħielsa – mhux aktar minn 50 meq/kg

konduttività elettrika – mhux inqas minn 0,8 mS/cm,

kontenut mhux solubbli fl-ilma – mhux aktar minn 0,1 g/100 g

kontenut tal-ilma – mhux aktar minn 18,5 %

kontenut HMF (5-idrossimetilfurfural) – mhux aktar minn 10 mg/kg

“Miód kurpiowski” huwa prodott esklussivament minn naħal ta' dawn ir-razez: in-naħla tal-għasel Ewropea (Apis mellifera mellifera), in-naħla tal-għasel Karnoljana (Apis mellifera carnica)u n-naħla tal-għasel Kawkażika (Apis mellifera caucasica) u naħliet li jirriżultaw mit-taħlit bejn dawn ir-razez.

3.3.   Materja prima (għal prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għal prodotti ta' oriġini mill-annimali biss):

It-tagħlif tan-naħal mhuwiex permess waqt il-perjodu meta jkun qed jinġabar il-“miód kurpiowski” In-naħal jista' jingħalef wara li jkun ġie estratt l-għasel, qabel ix-xitwa, fi kwantitajiet meħtieġa sabiex jinbnew riżervi li jiżguraw li l-kolonja tkun tista' tissoppravivi x-xitwa. Il-kolonji jistgħu jintemgħu xropp taz-zokkor tal-pitravi jew xroppi tal-glukożju-fruttożju. Iz-zokkor tal-pitravi u x-xroppi tal-glukożju-fruttożju jistgħu joriġinaw barra ż-żona ġoegrafika minn fejn jinkiseb il-“miód kurpiowski”. Dan ma jeffettwax il-kwalità tal-għasel. Ir-riżervi tax-xitwa m'għandhomx jgħaddu għal ġol-“miód kurpiowski”.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“miód kurpiowski”, mill-ippożizzjonar tal-imġiebaħ għall-ippakkjar aħħari tal-għasel, għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita. “Miód kurpiowski” jidddawwar fil-kesħa f'estrattur tal-għasel li juża forza ċentrifuga. Wara li jiġi ċċarat fit-tankijiet, l-għasel jitferra' f'diversi tipi ta' imballaġġ għall-bejgħ bl-imnut. L-għasel għandu jitferra′ fl-imballaġġ għall-bejgħ bl-imnut qabel ma sseħħ l-ewwel kristalizzazzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tiflil, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ:

L-imballaġġ tal-“miód kurpiowski” għandu jseħħ fiż-żona identifikata f' (4). Dan ir-rekwiżit ġie introdott sabiex jiġi żgurat li l-prodott ikun ta' kwalità xierqa u għall-għanijiet tal-monitoraġġ u l-verifika tal-oriġini. Ir-rekwiżit li l-imballaġġ iseħħ fiż-żona għandu l-għan li jnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju li l-“miód kurpiowski” jitħallat ma' tipi oħrajn ta' għasel jew li jkun hemm għasel ieħor li jinbiegħ b'dan l-isem protett.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Kull min irabbi n-naħal u l-entitajiet kollha involuti fix-xiri u l-ipproċessar ulterjuri tal-għasel bl-isem protett huma meħtieġa jużaw tip wieħed ta' tikketta. It-tikketti ser jitqassmu mill-Kurpiowsko-Mazowiecki Związek Pszczelarzy (Assoċjazzjoni ta' min Irabbi n-naħal Kurpiowsko-Mażovjana) f'Ostrołęka. L-assoċjazzjoni tgħaddi lill-korp tal-ispezzjoni regoli dettaljati dwar it-tqassim tat-tikketti. Is-sistema tat-tikketta unika hija maħsuba biex tiggarantixxi l-kwalità xierqa u tiffaċilita t-traċċabilità tal-prodott. Dawn ir-regoli bl-ebda mod ma jiddiskriminaw kontra l-produtturi li mhumiex imsieħba fl-assoċjazzjoni.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

“Miód kurpiowski” jinġabar fiż-żona magħrufa storikament u etnografikament bħala Kurpie.

Tinkludi ż-żona li ġejja tal-Vojvodat ta' Mazowieckie:

 

il-muniċipalitajiet ta' Chorzele, Jednorożec u Przasnysz fid-Distrett ta' Przasnysz;

 

il-muniċipalitajiet ta' Krasnosielc, Płoniawy-Bramura, Sypniewo, Młynarze, Różan, Rzewnie and Maków fid-Distrett ta' Maków;

 

il-muniċipalitajiet ta' Obryte u Zatory fid-Distrett ta' Pułtus;

 

il-muniċipalitajiet ta' Długosiodło, Brańszczyk u Rząśnik fid-Distrett ta' Wyszków;

 

il-muniċipalitajiet ta' Brok, Ostrów, Wąsewo u Małkinia fid-Distrett ta' Ostrów;

 

il-muniċipalitajiet ta' Goworowo, Czerwin, Rzekuń, Olszewo-Borki, Lelis, Troszyn, Baranowo, Kadzidło, Czarnia, Myszyniec u Łyse fid-Distrett ta' Ostrołęka;

Tinkludi wkoll ż-żona li ġejja tal-Vojvodat ta' Podlaskie:

 

il-muniċipalitajiet ta' Turośl fid-Distrett ta' Kolno;

 

il-muniċipalitajiet ta' Nowogród u Zbójna fid-Distrett ta' Łomża;

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

“Miód kurpiowski” jiġi miż-żona magħrufa bħala Kurpie. Iż-żona maqsuma fi Kurpie Zielone (Kurpie l-Ħadra) u Kurpie Białe (Kurpie l-bajda).. Kurpie Zielone tikkonsisti mill-artijiet fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmara Narew u ż-żona madwar it-tributarji tagħha, il-Pisa, l-iSkwa, l-Omulew u r-Rozoga, sax-xatt tax-xellug tax-xmara Orzyc. Kurpie Biale tikkonsisti mill-artijiet bejn ix-xatt tal-lemin tal-mogħdija s-safliena tax-xmara Bug u t-tributarji tagħha, it-Tuchełka u l-Brok, u x-xatt tax-xellug tal-mogħdija s-safliena tax-xmara Narew u t-tributarji tagħha, il-Wymakracz u l-Orz. Kurpie Zielone, isimha magħha, hija żona miżgħuda bix-xmajjar u l-lagi li jagħtu ambjent ideali għall-pjanti. Kurpie Białe hija aktar xotta, u ismiha ġej mill-ħamrija podżolika (bajda) tagħha.

Fatturi naturali:

Kurpie hija kkarraterizzata minn livell ta' urbanizzazzjoni baxx ħafna. Mhemmx impjanti industrijali medji jew kbar u lanqas mhemm farms kummerċjali fuq skala kbira. L-ebda belt fir-reġjun ta' Kurpie ma tgħodd aktar minn 100 000 ruħ. Minħabba, fost l-oħrajn, il-kwalitajiet eċċezzjonali tan-natura tagħha, iż-żona ġiet ikklassifikata bħala waħda mill-“Pulmuni tal-Ewropa”. In-natura eċċezzjonali tar-reġjun tintwera wkoll mill-għadd ta' siti Natura 2000 tagħha: Dolina Dolnego Bugu (kodiċi tas-sit PLB 140001), Puszcza Biała (kodiċi tas-sit PLB 140007) u Dolina Omulwi i Płodownicy (kodiċi tas-sit PLB 140005). Ir-reġjun jinkludi wkoll il-park pajżaġġistiku ta' Nadbużański, u għadd kbir ta' riżervi naturali, bħar-riżerva forestali “Czarnia”, “Surowe”, “Czarny Kąt”, “Kaniston”, “Łokieć”, “Tabory”, “Minos”, “Serafin”, “Karaska”, “Podgórze” u “Olsy Płoszycie”. Is-site Puszcza Biała fih ukoll iż-żoni ta' konservazzjoni naturali li ġejjin: “Dąbrowa”, “Nagoszewo”, “Brzostowo”, “Ochudno”, “Czuraj”, “Popławy”, “Bartnia”, “Wielgolas” u “Stawinoga”.

Sa 29 % taż-żona identifikata f'(4) hija koperta mill-foresti, filwaqt li użi oħra tal-art – bliet, irħula, toroq u industrija – jgħaddu biss għal 1 %. Il-bwar u u l-art moxa jgħoddu għal 45 % taż-żona u l-art maħduma għal 35 %. Dawn il-ħabitats ma jkoprux żoni kbar, iżda jiffurmaw bħal mużajk, li jfisser li mhemmx tip ta' għabra tad-dakra dominanti fil-“miód kurpiowski”. Iż-żona hija kkaratterizzata minn ħamrija ta' kwalità fqira (klassijiet V u VI). Il-ħamrija tal-klassi IV tokkorri biss fil-widien tax-xmajjar.

Iż-żona għandha wkoll il-medja l-aktar baxxa ta' preċipitazzjoni atmosferika fil-Polonja (li ma taqbiżx 500 mm fis-sena).

Fatturi umani:

Iż-żona definita f'(4) hija kkaratterizzata minn diversità kbira, metodi estensivi tal-użu tal-art u preċipitazzjoni baxxa ħafna. Dan ifisser li r-rendiment tan-nektar tal-pjanti li jagħmlu n-nektar huwa baxx, u dan għalhekk ifisser li l-għasel għandu jinkiseb fuq meded twal ta' żmien. Fir-reġjun ta' Kurpie, ir-regola hija li n-nektar ifittxu n-naħħal aktar milli n-naħal, u jqiegħed l-imġiebaħ tiegħu f'postijiet tajba għall-produzzjoni tal-għasel. “Miód kurpiowski” ilu mis-seklu 16 jinkiseb bil-metodu tradizzjonali, mill-artijiet tal-ħaxix u mill-foresti. L-artijiet tal-ħaxix (bwar, mergħat u art mhux maħduma) huma l-għan tal-għasel tan-nektar tar-rebbiegħa li jinkisbu f'Mejju u Ġunju. Il-foresti koniferi (siġar tal-prinjol u taż-żnuber) huma l-għan tal-għasel tan-nektar tas-sajf li jinkisbu f'Lulju u f’Awwissu. Tradizzjonalment, l-ewwel ġbir tal-għasel, prodott min-nektar tar-Rebbiegħa, iseħħ fl-ewwel nofs ta' Ġunju. It-tieni ġbir, prodott min-nektar tas-sajf, li jikkonkludi l-istaġun tal-ġbir tal-għasel, iseħħ fit-tieni nofs ta' Lulju.

Il-ħiliet tan-naħħala lokali jidhru mill-għażla tal-imkejjen għall-imġiebaħ u, b'mod partikolari, iż-żamma tal-imġiebaħ f'żoni fejn ir-rendiment tan-nektar huwa baxx jew baxx ħafna. Iż-żminijiet tal-ġbir u tad-dawrien fil-kiesaħ tal-għasel u l-metodu taż-żamma u t-tferrigħ tal-għasel huma determinati minn tradizzjoni twila s-sekli. Parametri xierqa għall-“miód kurpiowski”, l-aktar dawk li għandhom l-għan li jiżguraw li l-għasel jibqa′ tal-aqwa kwalità, huma possibbli biss jekk ikun hemm attenzjoni kbira fil-proċess tal-kisba tal-għasel u jekk in-naħħala jimxu mar-restrizzjonijiet karatteristiċi li japplikaw għall-produzzjoni tiegħu. It-temperatura tal-“miód kurpiowski” m'għandhiex taqbeż 30 °C fl-ebda stadju tal-produzzjoni. It-tisfija (sabiex titneħħa l-għabra), l-ixkumar jew il-pasturizzazzjoni u t-tsiħin artifiċjali tal-għasel mhumiex permessi. Mhuwiex permess waqt il-proċess tal-ġbir tal għasel l-użu ta' kimika jew repellenti oħra tan-naħal, inkunx f'forma solida, likwida jew gass. Il-produzzjoni tal-“miód kurpiowski” teħtieġ għalhekk li n-naħħal ikollu ħila kbira u għarfien dwar il-proċessi li jkunu għaddejjin fl-ambjent naturali. Karatteristika oħra tat-trobbija tan-naħal f'Kurpie hija l-għadd żgħir ta' naħħala – ir-riżultat ta' kundizzjonijiet ambjentali li jagħmluha diffiċli li żżomm l-imġiebaħ. L-għadd ta' naħħala jaħdmu fiż-żona huwa stmat għal mhux aktar minn 400, u l-għadd totali tal-kolonji ma jaqbiżx it-8 000.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

“Miód kurpiowski” jinkiseb min-nektar ta' għadd ta' speċijiet tal-pjanti li jwarrdu waħda wara l-oħra. L-ispeċifiċità tal-prodott hija determinata prinċiplament minn żewġ paramteri:

(1)

Il-kompożizzjoni tal-għabra – l-għabra ta' kwalunkwe speċi ta' pjanta ma tistax tgħodd għal iktar minn 30 % tat-total, u l-għabra minn uċuħ tar-raba′ ma tistax taqbeż 10 % tat-total.

(2)

Il-kontenut HMF (5-idrossimetilfurfural) ma jistax jabeż 10 mg/kg

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-proprjetajiet eċċezzjonali tal-“miód kurpiowski” huma dovuti għall-kwalitajiet speċifiċi deskritti f'(5.2). u għar-reputazzjoni tiegħu. Huma kruċjali għall-kwalità tal-prodott finali r-restrizzjonijiet sostanzjali għall-aħħar li japplikaw għall-produzzjoni tiegħu, eż. il-fatt li ma tistax tinqabeż temperatura ta' 30 °C fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni jfisser li l-enżimi naturali kollha, il-komposti essenzjali u kostitwenti tipiċi oħrajn tal-għasel huma preżenti fil-prodott aħħari. Ir-restrizzjoni tat-temperatura msemmija fuq u l-ħtieġa li l-għasel jitferra' f'imballaġġ għall-bejgħ bl-imnut qabel ma sseħħ l-ewwel kristalizzazzjoni jgħinu biex jiżguraw li l-kontenut HMF ma jaqbiżx 10 mg/kg. Il-kompożizzjoni varjata tal-għabra tal-“miód kurpiowski” (fejn mhemmx tip ta' għabra dominanti) hija dovuta għall-għan ta' ħabitats diversi tal-pjanti fir-reġjun ta' Kurpie. Il-prodott beda jikseb fama tajba f' Kurpie Zielone u Kurpie Białe fis-seklu 15. It-trobbija tan-naħa f'dak ir-reġjun tmur lura għal dan iż-żmien. Hemm bosta referenzi dokumentati bir-reqqa għall-“miód kurpiowski” tul is-snin – mill-editt irjali dwar it-trobbija tan-naħal fil-foresti [regale bartne] tal-1401, għal-liġi dwar it-trobbija tan-naħal fil-foresti tal-1559, li biha sseħħ il-konverżjoni minn drawwa għal-liġi, ħaġa li baqgħet sal-ġurnata tal-lum. Ir-rabtiet ta' Kurpie mat-trobbija tan-naħal huma wkoll riflessi f'għadd ta' drawwiet marbuta man-naħal u l-għasel.

Fis-seklu 20, sabiex jiġi ċċelebrat il-“miód kurpiowski” bħala prodott marbut sfiq mal-foresti lokali, reġgħet tqajmet l-idea ta' festival tal-għasel. L-ewwel festival wara pawża twila sar f'Settembru 1976. Kien l-akbar avveniment fir-reġjun. Huwa stmat li attendew bejn 20 000 u 35 000 ruħ għall-festival Kurpiowskie Miodobranie [Ġbir tal-Għasel ta' Kurpie] kull sena bejn l-2002 u l-2006. Indikazzjoni oħra tal-popolarità tal-festival hija li, tul jum wieħed fl-2005, aktar minn 60 naħħal wera l-prodotti tiegħu u nbigħu madwar 12-il tunnellata ta' għasel. Sew iż-żmien u l-post għaċ-ċelebrazzjonijiet iżommu mat-tradizzjonijiet ta' Kurpie li jmorru lura sas-seklu 16.

It-tradizzjoni għanja ta' Kurpie tat-trobbija tan-naħal u l-fama tal-“miód kurpiowski” jidhru wkoll f'għadd kbir ta' pubblikazzjonijiet, pereżempju “Zwyczaje Doroczne Kurpiowskiej Puszczy Zielonej”, 2005, ta' Bernard Kielak, u “Bartnictwo Kurpiowskiej Puszczy Zielonej”, ippublikat f' Łomża fl-2004.

Ir-reputazzjoni tal-prodott tista' wkoll titkejjel mill-bosta artikli u dokumenti li jindikaw li din it-tradizzjoni saret parti mill-kultura u l-identità tan-nies li jgħixu hawn. Informazzjoni dwar il-prodott u avvenimenti relatati jiġu ppubblikati fl-istampa nazzjonal, reġjonali u lokali, eż. artiklu bl-isem “Miód folklor i konfitura”, li deher fil-Gazeta Współczesna fl-2004, u artikolu intitolat “Jak to na Kurpiach miód w puszczy podbierają”, li deher fil-pubblikazzjoni ta' kull ġimgħa Zielony Sztandar.

Ir-reputazzjoni tal-għasel hija kkonfermata minn films u dokumentarji televiżivi dwar il-“miód kurpiowski”, bħal “Puszcza Zielona” (TVP 1) fl-1985, “Bursztyn i Miód w tradycji kurpiowskiej” (TVP 1) fl-1997, u “Kurpiowskie Miodobranie” (TVP 3), li xxandar fl-2002.

Ir-reputazzjoni tal-“miód kurpiowski” u r-rwol tagħha fir-reġjun huma wkoll murija mill-fatt li l-Organizzazzjoni Turistika Pollakka fl-2004 tat il-premju tal-Aħjar Prodott Turistiku lil Kurpiowskie Miodobranie. “Miód kurpiowski” ingħata wkoll premju “Perła 2007” fil-kompetizzjoni “Nasze Kulinarne Dziedzictwo” [Il-Wirt tal-Kċina Tagħna].

Kurpie hija kburija bil-kwalità tal-għasel prodott fiha. Din ir-reputazzjoni li issa jgawdiha l-“miód kurpiowski” ma setgħetx tkun mingħajr il-kundizzjonijiet klimatiċi tipiċi taż-żona. Jikkontribwixxu għall-proprjetajiet uniċi tal-“miód kurpiowski” u għall-kwalità u r-reputazzjoni tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.bip.minrol.gov.pl/strona/DesktopDefault.aspx?TabOrgId=1620&LangId=0