27.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 257/1


Komunikazzjoni mill-kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-istat għax-xandir tas-servizz pubbliku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 257/01

1.   INTRODUZZJONI U L-AMBITU TAL-KOMUNIKAZZJONI

1.

F’dawn l-aħħar tletin sena, ix-xandir għadda minn bidliet importanti. It-tneħħija tal-monopolji, it-tfaċċar ta’ atturi ġodda u l-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla bidlu mill-qiegħ nett l-ambjent kompetittiv. Ix-xandir televiżiv kien tradizzjonalment attività limitata. Sa mill-ħolqien tiegħu, dan kien ipprovdut l-aktar minn impriżi pubbliċi taħt sistema ta’ monopolju, l-aktar minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ frekwenzi tax-xandir u l-ostakli kbar għad-dħul fis-suq.

2.

Madankollu, fis-snin sebgħin l-iżviluppi ekonomiċi u teknoloġiċi għamluha aktar possibbli għall-Istati Membri sabiex operaturi oħrajn ikunu jistgħu jittrażmettu. Għalhekk, l-Istati Membri ddeċidew li jintroduċu l-kompetizzjoni fis-suq. Dan wassal biex il-konsumaturi jkollhom għażla aktar vasta, hekk kif diversi stazzjonijiet oħra u servizzi ġodda saru disponibbli; dan iffavorixxa wkoll l-introduzzjoni u l-iżvilupp ta’ operaturi Ewropej b’saħħithom, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, u grad ogħla ta’ pluraliżmu fis-settur, li jfisser aktar minn sempliċement id-disponibbiltà ta’ stazzjonijiet u servizzi addizzjonali. Filwaqt li fetħu s-suq għall-kompetizzjoni, l-Istati Membri kkunsidraw li x-xandir tas-servizz pubbliku kellu jinżamm, sabiex jiżguraw il-koperatura ta' għadd ta’ oqsma u biex ikunu sodisfatti li l-ħtiġiet u l-għanijiet tal-politika pubblika li altrimenti mhux neċessarjament kienu jiġu ssodisfati bl-aħjar mod. Dan kien ikkonfermat fil-protokoll interpretattiv dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-Trattat KE (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll ta' Amsterdam”)

3.

Fl-istess ħin, iż-żieda fil-kompetizzjoni, flimkien mal-preżenza ta’ operaturi ffinanzjati mill-Istat, wasslet ukoll għal aktar tħassib dwar kemm kienu jeżistu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, u għaldaqstant l-operaturi privati ressqu t-tħassib tagħhom quddiem il-Kummissjoni. L-ilmenti jallegaw ksur tal-Artikoli 86 u 87 tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-finanzjament pubbliku tax-xandara tas-servizz pubbliku.

4.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2001 dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Istat għall-għajnuna għax-xandir tas-servizz pubbliku (1) l-ewwel stabbilixxiet il-qafas li jirregola l-finanzjament tal-Istat tax-xandir pubbliku. Il-Komunikazzjoni tal-2001 serviet bħala bażi tajba biex il-Kummissjoni tiżviluppa prattika sinjifikanti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’dan il-qasam. Mill-2001 ’il quddiem, ġew adottati aktar minn għoxrin deċiżjoni dwar il-finanzjament tax-xandara tas-servizz pubbliku.

5.

Sadanittant, is-swieq tax-xandir u dawk awdjoviżivi ġew modifikati b’mod fundamentali minn bidliet teknoloġiċi. Il-pjattaformi u teknoloġiji ta’ distribuzzjoni, bħat-televiżjoni diġitali, l-IPTV, it-televiżjoni ċellulari u l-programmi fuq talba (video on demand), tkattru bil-qawwi. Dan wassal għal żieda fil-kompetizzjoni bil-preżenza ta’ atturi ġodda, bħalma huma l-operaturi tan-netwerks u l-kumpaniji tal-internet, li qed jidħlu fis-suq. L-iżviluppi teknoloġiċi ppermettew ukoll li jitfaċċaw servizzi tal-medja ġodda bħalma huma s-servizzi ta’ informazzjoni onlajn u s-servizzi mhux lineari jew fuq talba (on-demand). L-għoti ta’ servizzi awdjoviżivi qiegħed jikkonverġi, u aktar ma jgħaddi żmien il-konsumaturi aktar qed ikollhom il-possibbiltà li jiksbu diversi servizzi fuq pjattaforma jew tagħmir uniku jew li jiksbu kwalunkwe servizz permezz ta’ diversi pjattaformi jew tagħmir. Il-varjetà dejjem tikber ta’ għażliet li għandhom il-konsumaturi għall-aċċess ta’ kontenut tal-medja wasslet għal żieda kbira ta' servizzi awdjoviżivi offruti kif ukoll għall-frammentazzjoni tal-udjenzi. Teknoloġiji ġodda wasslu għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-konsumatur. Gradwalment il-mudell tradizzjonali ta’ konsum passiv gradwalment qiegħed jinbidel f’parteċipazzjoni attiva u f’kontroll fuq il-kontenut min-naħa tal-konsumaturi. Sabiex jilqgħu għall-isfidi l-ġodda, l-entitajiet pubbliċi u privati tax-xandir bdew jiddervsifikaw l-attivitajiet tagħhom, fejn bdew mexjin lejn pjattaformi ġodda ta’ distribuzzjoni u jespandu l-medda tas-servizzi tagħhom. Proprju dan l-aħħar, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tax-xandara tas-servizz pubbliku ffinanzjati minn fondi pubbliċi (bħall-kontenut onlajn, stazzjonijiet ta' interessi speċjali) wasslet għal għadd ta' ilmenti minn atturi oħra fis-suq, inkluż min-naħa ta' pubblikaturi.

6.

Mill-2001 ’il quddiem, saru wkoll diversi żviluppi legali, li kellhom impatt fuq il-qasam tax-xandir. Fis-sentenza Altmark tal-2003 (2), il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddefiniet il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens għas-servizz pubbliku ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Fl-2005, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni (3) u Qafas (4) ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku. Fl-2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni anċillari mal-Komunikazzjoni dwar “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali, inkluż is-servizzi soċjali ta' interss ġenerali: Impenn ġdid Ewropew” (5). Barra minn hekk, f'Diċembru tal-2007, daħlet fis-seħħ id-Direttiva tas-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva (6), li testendi l-ambitu tal-regolament awdjoviżiv tal-UE għas-servizzi tal-medja emerġenti.

7.

Dawn il-bidliet fis-suq u fl-ambjent legali sejħu għal aġġornament fil-Komunikazzjoni tal-2001 dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir pubbliku. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2005 dwar l-Għajnuna mill-Istat (7) ħabbar li l-Kummissjoni għandha “tirrevedi l-Komunikazzjoni tagħha rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir tas-servizz pubbliku. B’mod partikolari minħabba l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali ġodda u ta’ servizzi bbażati fuq l-internet, qamu diversi kwistjonijiet ġodda rigward l-ambitu tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku”.

8.

Matul l-2008 u l-2009, il-Kummissjoni għamlet diversi konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ir-reviżjoni tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001. Il-Komunikazzjoni preżenti tikkonsolida l-prattika tal-każistika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat f'manjiera orjentata lejn il-futur bbażata fuq il-kummenti mill-konsultazzjonijiet pubbliċi. Hija tiċċara l-prinċipji segwiti mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 86(2) tat-Trattat tal-KE għall-finanzjament pubbliku tas-servizzi awdjoviżivi fis-settur tax-xandir (8), filwaqt li tikkunsidra l-iżviluppi reċenti fis-suq kif ukoll dawk legali. Il-Komunikazzjoni kurrenti hija mingħajr ebda ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern u l-libertajiet fundamentali fil-qasam tax-xandir.

2.   IR-RWOL TAX-XANDIR TAS-SERVIZZ PUBBLIKU

9.

Ix-xandir tas-servizz pubbliku, għalkemm għandu rilevanza ekonomika ċara, ma jistax jitqabbel ma’ servizz pubbliku fi kwalunkwe settur ekonomiku ieħor. M’hemm l-ebda servizz ieħor li fl-istess ħin ikollu aċċess għal settur tant wiesa’ tal-popolazzjoni, jipprovdilu tant informazzjoni u kontenut, u li meta jagħmel dan ikun qed iwassal u jinfluwenza kemm l-opinjoni tal-individwu kif ukoll dik pubblika.

10.

Barra minn hekk, ix-xandir ġeneralment jitqies bħala sors ta’ informazzjoni affidabbli ħafna u jirrappreżenta, għal proporzjon konsiderevoli tal-popolazzjoni, is-sors ewlieni ta’ informazzjoni. Għalhekk, dan isaħħaħ id-dibattitu pubbliku u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jiżgura li, sa ċertu punt, iċ-ċittadini kollha jipparteċipaw fil-ħajja pubblika. B’rabta ma’ dan, is-salvagwardji għall-indipendenza tax-xandir huma ta’ importanza fundamentali, konformi mal-prinċipju ġenerali dwar il-libertà tal-espressjoni kif imnaqqax fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (9) u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, prinċipju tal-liġi ġenerali li r-rispett tiegħu huwa żgurat mill-Qrati Ewropej (10).

11.

Ir-rwol tas-servizz pubbliku (11) b’mod ġenerali huwa rikonoxxut mit-Trattat, partikolarment l-Artikoli 16 u 86(2). L-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tan-natura partikolari tas-settur tax-xandir hija deskritta fil-Protokoll ta’ Amsterdam, li wara li jikkunsidra “li s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-medja”, jiddikjara li: “Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-mandat tal-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament ikun mogħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiqtal-missjoni ta' servizz publiku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru, u sakemm dan il-finanzjament ma jaffetwax il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat-twettiq tal-missjoni ta' dak is-servizz pubbliku”.

12.

L-importanza tax-xandir tas-servizz pubbliku għall-ħajja soċjali, demokratika u kulturali fl-Unjoni Ewropea ġie affermat mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar ix-xandir pubbliku. Kif enfasizzat f’din ir-Riżoluzzjoni: “L-aċċess pubbliku wiesa’, mingħajr diskriminazzjoni u fuq il-bażi ta’ opportunitajiet indaqs, għal diversi stazzjonijiet u servizzi hija prekundizzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-mandat speċjali ta’ servizz pubbliku tax-xandir”. Barra minn hekk, ix-xandir tas-servizz pubbliku jeħtieġ li “jibbenefika mill-progress teknoloġiku”, iwassal “lill-pubbliku l-benefiċċji ta’ servizzi awdjoviżivi u informazzjoni ġodda u ta’ teknoloġiji ġodda” u jidħol li “jiżviluppa u jiddiversifika l-attivitajiet f’din l-epoka diġitali”. Fl-aħħar nett, “ix-xandir tas-servizz pubbliku jrid ikompli jipprovdi medda wiesgħa ta’ programmi skont il-mandat tiegħu kif iddefinit mill-Istati Membri sabiex is-soċjetà tkun indirizzata bħala ħaġa sħiħa; f’dan il-kuntest ikun ġust li x-xandir tas-servizz pubbliku jilħaq udjenzi wiesgħa” (12).

13.

Ir-rwol tax-xandir tas-servizz pubbliku fil-promozzjoni tad-diversità kulturali kien rikonoxxut ukoll mill-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali tal-UNESCO tal-2005, li ġiet approvata mill-Kunsill f'isem il-Komunità u għalhekk tagħmel parti mid-dritt tal-UE. (13) Il-Konvenzjoni tistqarr li kull Parti tista’ tadotta “miżuri mmirati lejn il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali fi ħdan it-territorju tagħha”. Tali miżuri jistgħu jinkudu, fost l-oħrajn, “miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tad-diversità tal-medja, ukoll permezz xandir tas-servizz pubbliku” (14).

14.

Dawn il-valuri tax-xandir pubbliku huma importanti wkoll fl-ambjent il-ġdid tal-medja li qed jinbidel malajr. Dan ġie enfasizzat ukoll fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-pluraliżmu tal-medja u d-diversità tal-kontenut tal-medja (15), u l-mandat tal-medja tas-servizz pubbliku fis-soċjetà tal-informazzjoni (16). Din ir-Rakkomandazzjoni li ssemmiet tappella lill-membri tal-Kunsill tal-Ewropea biex “jiggarantixxu medja tas-servizz pubbliku (…) f'manjiera trasparenti u responsabbli” u “jagħmilha possibbli li l-medja tas-servizzi pubbliku tirrispondi bis-sħiħ u b'mod effettiv għall-isfidi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fir-rispett tal-istruttura doppja pubblika/privata tal-panorama tal-medja elettronika Ewropew u bl-attenzjoni dovuta għal kwistjonijiet b'rabta mas-suq u l-kompetizzjoni”.

15.

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu fil-medja fl-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew irrakkomanda li “r-regolamenti li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat huma maħsuba u implimentati b’tali mod li jippermetti lill-medja tas-servizz pubbliku u l-medja tal-komunità li jissodisfaw il-funzjoni tagħhom f'ambjent dinamiku, filwaqt li jiżguraw li l-medja tas-servizz pubbliku jwettqu l-funzjoni fdata lilhom mill-Istati Membri b'manjiera trasparenti u responsabbli filwaqt li jevitaw l-abbuż minn finanzi pubbliċi għal raġunijiet ta’ konvenjenza politika jew ekonomika” (17).

16.

Fl-istess ħin u minkejja dan ta' hawn fuq, għandu jkun innotat li x-xandara kummerċjali, li numru minnhom huma soġġetti għar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, ukoll għandhom rwol sinifikanti biex jinkisbu l-għanijiet tal-Protokoll ta’ Amsterdam, billi dawn jikkontribwixxu għall-pluraliżmu, isaħħu d-dibattitu kulturali u politiku u jwessgħu l-għażla ta’ programmi. Barra minn hekk, pubblikaturi ta' gazzetti u ta' medja stampata oħra huma wkoll garanti importanti ta' pubbliku informat b'mod oġġettiv u tad-demokrazija. Billi issa dawn l-operaturi qegħdin jikkompetu ma' xandara fuq l-internet, dawn il-fornituri tal-medja kummerċjali kollha huma kkonċernati mill-effetti negattivi potenzjali li l-għajnuna mill-Istat lil xandara tas-servizz pubbliku tista' tħalli fuq l-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali ġodda. Kif tfakkar mid-Direttiva tas-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva (18), “il-koeżistenza ta’ fornituri privati u pubbliċi ta’ servizzi tal-medja awdjoviżiva hija karatteristika li tiddistingwi s-suq tal-medja awdjoviżiva Ewropew”. Fil-fatt, huwa fl-interess komuni li tinżamm pluralità ta' offerta ta' medja pubblika u privata bbilanċjata anke fl-ambjent dinamiku tal-medja tal-lum.

3.   IL-KUNTEST LEGALI

17.

L-applikazzjoni tar-regoli tal-Istat għall-għajnuna lix-xandir tas-servizz pubbliku għandha tikkunsidra numru wiesa’ ta’ elementi differenti. L-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq l-Artikoli 87 u 88 dwar l-għajnuna mill-Istat u fuq l-Artikolu 86(2) dwar l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat u r-regoli tal-kompetizzjoni, partikolarment, għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. It-Trattat ta' Maastricht introduċa l-Artikolu 151 dwar il-kultura u l-Artikolu 87(3)(d) dwar l-għajnuna għall-promozzjoni tal-kultura. It-Trattat ta’ Amsterdam introduċa dispożizzjoni speċifika (l-Artikolu 16) dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u l-Protokoll ta’ Amsterdam dwar ix-xandir pubbliku fl-Istati Membri.

18.

Il-qafas regolatorju dwar “servizzi awdjoviżivi tal-medja” fil-livell Ewropew huwa kkoordinat mid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva. Ir-rekwiżiti dwar it-trasparenza finanzjarja li jikkonċernaw l-intrapriżi pubbliċi huwa rregolati bid-Direttiva dwar it-Trasparenza (19).

19.

Dawn ir-regoli ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni adottat ukoll diversi komunikazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. B'mod partikolari, fl-2005 ukoll, il-Kummissjoni adottat il-Qafas (20) u d-Deċiżjoni (21) tas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali li jiċċaraw r-rekwiżiti tal-Artikolu 86 (2) tat-Trattat tal-KE. Dan tal-aħħar huwa applikabbli wkoll fil-qasam tax-xandir, safejn ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (22).

4.   L-APPLIKABBILTÀ TAL-ARTIKOLU 87(1)

4.1.   Il-karattru tal-għajnuna mill-Istat tal-finanzjament mill-Istat tax-xandara tas-servizz pubbliku

20.

F’konformità mal-Artikolu 87(1), il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat tinkludi l-kundizzjonijiet li ġejjin: (1) għandu jsir intervent mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat; (2) l-intervent għandu jkun tali li jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, (3) għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju, (4) għandu joħloq distorsjoni jew riskju ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni (23). L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat għandha tkun ivvalutata fuq bażi oġġettiva, b'kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qrati Komunitarji.

21.

L-effett tal-intervent tal-Istat, mhux l-għan tiegħu, huwa l-element deċiżiv fi kwalunkwe valutazzjoni dwar il-kontenut tal-għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87(1). Ix-xandara tas-servizz pubbliku normalment jiġu ffinanzjati jew mill-baġit tal-Istat jew permezz ta’ taxxa li titħallas mid-detenturi ta’ apparat tax-xandir. F’ċerti ċirkostanzi speċifiċi, l-Istat jagħmel injezzjonijiet kapitali jew kanċellazzjonijiet ta’ djun favur ix-xandara tas-servizz pubbliku. Dawn il-miżuri finanzjarji normalment huma attribwibbli lill-awtoritajiet pubbliċi u jinvolvu t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (24).

22.

Il-finanzjament tal-Istat tax-xandara tas-servizz pubbliku jista’ jiġi kkunsidrat ukoll b'mod ġenerali li jolqot ilkummerċ ta’ bejn l-Istati Membri. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja: “Meta għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża f’paragun ma’ impriżi oħra li jkunu qed jikkompetu fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li ġew affettwati minn dik l-għajnuna” (25). Din hija b’mod ċar il-pożizzjoni fir-rigward tal-akkwist u l-bejgħ tad-drittijiet tal-programmi, li ta’ spiss jitwettqu f’livell internazzjonali. Anke r-reklamar, fil-każ tax-xandara tas-servizz pubbliku li huma permessi li jbiegħu spazju ta’ reklamar, għandu effett transkonfinali, speċjalment għal żoni lingwistiċi omoġenji fil-fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, l-appartenenza tista’ tiġi estiża għal aktar minn Stat Membru wieħed. Minbarra dan, is-servizzi pprovduti fuq l-internet normalment għandhom firxa globali.

23.

Fir-rigward l-eżistenza ta’ vantaġġ, fir-rigward tal-kawża Altmark  (26) il-Qorti tal-Ġustizzja kumpens tas-servizz pubbliku ma jitqiesx bħala għajnuna mill-Istat sakemm jiġu sodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, l-impriża li tirċievi trid ikollha fil-fatt obbligi ta’ servizz ċivili xi twettaq, u l-obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet, il-kumpens ma jistax ikun aktar minn dak li hu meħtieġ sabiex ikopri l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, li jkunu saru fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, waqt li jitqies id-dħul rilevanti u profitt raġonevoli. Fl-aħħar nett, meta l-impriża li trid twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ speċifiku, ma tintgħażilx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku intiża biex jintgħażel l-offerent li jista’ jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas spejjeż possibbli għall-komunità, il-livell ta’ kumpens għandu jkun stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża tipika mmexxija u mgħammra tajjeb biex tissodisfa r-rewiżiti neċessarji bħala servizz pubbliku kien ikollha tagħmel biex twettaq dawk l-obbligi.

24.

Safejn dak il-finanzjament jonqos milli jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' hawn fuq, dan ikun ikkunsidrat bħala kumpens li jiffavorixxi b'mod selettiv lil ċerti xandara biss u b'hekk joħloq distorsjoni jew riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni.

4.2.   In-natura tal-għajnuna: l-għajnuna eżistenti f’paragun mal-għajnuna l-ġdida

25.

L-iskemi ta’ finanzjament li hemm fis-seħħ bħalissa f’ħafna mill-Istati Membri ġew introdotti ħafna żmien ilu. Bħala l-ewwel pass, għalhekk, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi jekk dawn l-iskemi jistgħux jitqiesu bħala “għajnuna eżistenti” fit-tifsira tal-Artikolu 88(1). Skont id-dispożizzjoni, “[i]l-Kummissjoni għandha teżamina kostantement mal-Istati Membri s-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżistu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn tal-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq komuni”.

26.

Skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Proċedurali (27), l-għajnuna eżistenti tinkludi “… l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta' għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat”.

27.

Fil-każ tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja, il-miżuri għall-għajnuna mill-Istat introdotti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE fl-1 ta’ Jannar 1994 f’dawn il-pajjiżi jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat. Rigward l-għaxar Stati Membri li daħlu fl-2004 (Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja) u r-Rumanija u l-Bulgarija li daħlu fl-2007, il-miżuri li daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994, dawk inklużi fil-lista annessa għat-Trattat ta’ Adeżjoni u dawk approvati taħt l-hekk imsejħa “proċedura provviżorja”, għandhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti.

28.

Skont l-Artikolu 1(b)(v) tal-Regolament Proċedurali, l-għajnuna eżistenti tinkludi wkoll “għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta kienet daħlet fis-seħħ ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Membru”.

29.

Skont il-każistika tal-Qorti (28), il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-qafas legali li taħtu tingħata l-għajnuna nbidilx jew le minn mindu ddaħħal. Il-Kummissjoni temmen li l-aktar approċċ xieraq ikun wieħed li jqis il-każi b'mod individwali (29), filwaqt li jikkunsidra l-elementi kollha relatati mas-sistema tax-xandir ta' Stati Membri partikolari.

30.

Skont il-każistika f'Ġibiltà  (30), mhux kull bidla fl-għajnuna eżistenti għandha titqies bħala bidla tal-għajnuna eżistenti f’għajnuna ġdida. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, “huwa biss fejn il-bidla taffettwa s-sustanza attwali tal-iskema oriġinali li din tal-aħħar tinbidel fi skema ta’ għajnuna ġdida. Ma jista’ jkun hemm l-ebda lok għal tali bidla sostantiva fejn l-element il-ġdid ikun separat mill-iskema inizjali.”

31.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, fil-prattika tagħha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet il-Kummissjoni ġeneralment eżaminat (1) jekk is-sistema oriġinali ta’ finanzjament tax-xandara tas-servizz pubblika hix għajnuna skont ir-regoli indikati fil-paragrafi 26 u 27 aktar ’il fuq; (2) jekk l-emendi sussegwenti jolqtix is-sustanza fattwali tal-miżura oriġinali (jiġifieri n-natura tal-vantaġġ jew is-sors tal-finanzjament, l-iskop tal-għajnuna, il-benefiċjarji jew l-ambitu tal-attivitajiet tal-benefiċjarji) jew jekk dan l-emendi humiex ta' natura purament formali jew amministrattiva; u (3) fil-każ li l-emendi sussegwenti ikunu sostanzjali, jekk humiex separabbli mill-miżura oriġinali, f'liema każ ikunu jistgġu jiġu vvalutati separatament, jew jekk humiex separabbli mill-miżura oriġinali b'tali mod li, fit-totalità tagħha, il-miżura oriġinali tinbidel f'għajnuna ġdida.

5.   IL-VALUTAZZJONI DWAR IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT TAĦT L-ARTIKOLU 87(3)

32.

Għalkemm normalment il-kumpens għax-xandir pubbliku jiġi vvalutat taħt l-Artikolu 86(2) tat-Trattat, id-derogi elenkati fl-Artikolu 87(3) jistgħu, fil-prinċipju, japplikaw ukoll fil-qasam tax-xandir, sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet relevanti.

33.

Skont l-Artikolu 151(4) tat-Trattat, il-Komunità għandha tikkunsidra l-aspetti kulturali fil-ħidma tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, partikolarment biex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha. L-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat jippermetti lill-Kummissjoni tqis l-għajnuna għall-promozzjoni kulturali bħala kompatibbli mas-suq komuni, fejn din l-għajnuna ma taffettwax il-kundizzjonijiet kummerċjali jew il-kompetizzjoni fil-Komunità b’tali mod li jmur kontra l-interessi komuni.

34.

Huwa fil-kompitu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni attwali ta’ dik id-dispożizzjoni kif ukoll dwar il-klawsoli l-oħra ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 87(3). Ta’ min ifakkar li d-dispożizzjonijiet li jeżentaw il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat iridu jiġu applikati b’mod strett. F'konformità ma' dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deroga kulturali tista' tiġi applikata f'dawk il-każi fejn il-prodott kulturali huwa ddefinit jew identifikabbli b'mod ċar (31). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-kunċett ta’ kultura jrid jiġi applikat għall-kontenut u għan-natura tal-prodott ikkonċernat, u mhux għall-mezz jew għad-distribuzzjoni tiegħu per se (32). Mhux hekk biss, il-ħtiġiet edukattivi u demokratiċi ta’ Stat Membru jridu jitqiesu b'mod distint mill-promozzjoni tal-kultura taħt l-Artikolu 87(3)(d) (33).

35.

L-għajnuna mill-Istat lil xandara tas-servizz pubbliku ma tagħmel l-ebda differenza bejn il-ħtiġiet kulturali, demokratiċi u edukattivi tas-soċjetà. B’mod ġenerali l-Artikolu 87(3)(d) ma jkunx relevanti, għajr jekk miżura partikolari ta’ finanzjament hija speċifikament immirata għall-promozzjoni ta’ għanijiet kulturali. L-għajnuna mill-Istat lix-xandara ts-servizz pubbliku ġeneralment tingħata fil-forma ta’ kumpens għat-twettiq tal-mandat ta’ servizz pubbliku u tiġi vvalutata taħt l-Artikolu 86 (2), fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-Komunikazzjoni preżenti.

6.   VALUTAZZJONI DWAR IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT TAĦT L-ARTIKOLU 86(2)

36.

Skont l-Artikolu 86(2) “kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta' dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b' mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.”

37.

Il-Qorti saħqet b’mod konsistenti li l-Artikolu 86 jipprovdi għal deroga u għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-Qorti ċċarat li sabiex miżura tibbenefika minn tali deroga, huwa importanti li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

is-servizz ikkonċernat għandu jkun servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u jkun iddefinit b’mod ċar mill-Istat Membru (definizzjoni) (34);

(ii)

l-impriża kkonċernata għandha tkun fdata b’mod espliċitu mill-Istat Membru biex tipprovdi dak is-servizz (fiduċja) (35);

(iii)

l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (f’dan il-każ, il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat) għandha timpedixxi t-twettiq tal-kompiti partikolari assenjati lill-impriża, filwaqt li l-eżenzjoni minn dawn ir-regoli m’għandhiex taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ b’tali mod li dan imur kontra l-interess tal-Komunità (it-test tal-proporzjonalità) (36).

38.

Fil-każ speċifiku tax-xandir ts-servizz pubbliku l-metodu ta’ aktar ’il fuq irid jiġi adattat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet interpretattivi tal-Protokoll ta’ Amsterdam, li jirreferi għat-“twettiqtal-missjoni ta' servizz publiku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru” (definizzjoni u fiduċja) u jipprovdi għal deroga mir-regoli tat-Trattat fil-każ tal-finanzjament tax-xandir tas-servizz pubbliku, “sakemm dan il-finanzjament jingħata lil organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-mandat tas-servizz pubbliku (…) u (…) ma jaffettwax il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat-twettiq tal-missjoni ta' dak is-servizz pubbliku” (proporzjonalità).

39.

Bħala l-gwardjan tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tivvaluta, abbażi tal-evidenza pprovduta mill-Istati Membri, jekk dawn il-kriterji ġewx issodisfati. Fir-rigward tad-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tivverifika għal żbalji ovvji (ara t-taqsima 6.1.). Il-Kummissjoni tivverifika ulterjorment jekk ikunx hemm mandat espliċitu u sorveljanza effettiva tat-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku (ara t-taqsima 6.2).

40.

Meta tagħmel il-prova tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni tikkunsidra jekk kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni li tirriżulta mill-kumpens għas-servizz pubbliku tistax tiġi ġġustifikata jew le f’termini ta' ħtieġa li jitwettaq servizz pubbliku u li jkun hemm lok għall-finanzjament tiegħu. Il-Kummissjoni tivvaluta, partikolarment abbażi tal-provi li l-Istati Membri marbutin li jressqu dwar jekk hemmx garanziji biżżejjed biex jiġu evitati effetti sproporzjonati ta' fondi pubbliċi, kumpens żejjed u s-sussidju trasversali, u biex tiżgura li x-xandara tas-servizz pubbliku jirrispettaw il-kundizzjonijiet tas-suq fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom (ara t-taqsimiet 6.3 u ta' wara).

41.

L-analiżi tal-effetti tal-konformità mar-rekwiżit tal-għajnuna mill-Istat għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull sistema nazzjonali. Il-Kummissjoni hija konxja mid-differenzi fis-sistemi tax-xandir nazzjonali minn karatteristiċi oħra tas-swieq tal-medja tal-Istati Membri. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għax-xandara ts-servizz pubbliku taħt l-Artikolu 86(2) issir fuq bażi ta’ każ b’każ, skont il-prattika tal-Kummissjoni (37), b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fit-taqsimiet li ġejjin.

42.

Il-Kummissjoni se tqis ukoll id-diffikultà li xi Stati Membri fost l-iżgħar jista' jkollhom biex jiġbru l-fondi meħtieġa, jekk l-ispejjeż għal kull abitant tas-servizz pubbliku jkunu, ceteris paribus, ogħla (38) filwaqat li tikkunsidra wkoll id-dubji potenzjali ta' medja oħrajn f'dawn l-Istati Membri.

6.1.   Id-definizzjoni ta’ mandat ta’ servizz pubbliku

43.

Biex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni msemmija fil-punt 37(i) għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2), huwa meħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni uffiċjali tal-mandat ta’ servizz pubbliku. Huwa biss f'dan l-istadju li l-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta b’ċertezza legali suffiċjenti jekk id-deroga taħt l-Artikolu 86(2) tapplikax jew le.

44.

Id-definizzjoni tal-mandat ta’ servizz pubbliku taqa’ fi ħdan il-mandat tal-Istati Membri, li jistgħu jiddeċiedu f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, skont l-ordni legali nazzjonali tagħhom. B’mod ġenerali, fit-tħaddim ta’ dak il-mandat, irid jitqies ukoll il-kunċett tal-Komunità ta’ “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”.

45.

Id-definizzjoni tal-mandat ta’ servizz pubbliku għandha tkun preċiża kemm jista’ jkun. M’għandha tħalli l-ebda dubju dwar jekk ċerta attività mwettqa mill-operatur fdat hix intiża mill-Istat Membru biex tkun inkluża fil-mandat ta’ servizz pubbliku jew le. Mingħajr definizzjoni ċara u preċiża tal-obbligi imposti fuq ix-xandar tas-servizz pubbliku, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 86(2) u, għalhekk, ma tkun tista’ tagħti l-ebda eżenzjoni taħt dik id-dispożizzjoni.

46.

L-identifikazzjoni ċara tal-attivitajiet koperti mill-mandat ta’ servizz pubbliku hija importanti wkoll għall-operaturi tas-servizz privat, sabiex dawn ikunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom. Barra minn hekk, it-termini tal-mandat ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu preċiżi biżżejjed, sabiex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jissorveljaw il-konformità b’mod effettiv, kif deskritt fil-kapitolu li ġej.

47.

Fl-istess ħin, minħabba n-natura speċifika tas-settur tax-xandir, u l-ħtieġa tas-salvagwardja tal-indipendenza editorjali tax-xandara tas-servizz pubbliku, normalment tiġi kkunsidrata definizzjoni kwalitattiva li tafda lil xandar partikolari l-obbligu li jipprovdi firxa wiesgħa ta’ programmar u offerta ta’ xandir ibbilanċjata u varjata, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet interpretattivi tal-Protokoll ta' Amesterdam, leġittimi taħt l-Artikolu 86(2) (39). Ġeneralment tali definizzjoni titqies bħala konsistenti mal-għan li jkunu ssodisfati l-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ soċjetà partikolari u li jkun garantit il-pluraliżmu, inkluża d-diversità kulturali u lingwistika. Skont kif esprimiet ruħha l-Qorti tal-Prim’ Istanza, il-leġittimità ta' mandati tax-xandir pubbliku b'definizzjoni daqshekk wiesgħa tistrieħ fuq ir-rekwiżiti kwalitattivi għas-servizzi pprovduti mix-xandar tas-servizz pubbliku (40). Id-definizzjoni ta’ mandat ta’ servizz pubbliku jista' jirrefletti wkoll l-iżvilupp u diversifikazzjoni ta' attivijtaiet fl-era diġitali u tinkludi servizzi awdjoviżivi li jkunu fuq pjattaformi kollha ta' distribuzzjoni.

48.

Rigward id-definizzjoni ta’ servizz pubbliku fis-settur tax-xandir, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa limitat biex jiġu vverifikati żbalji evidenti. Mhuwiex fil-kompetenza tal-Kummissjoni li tiddeċiedi liema programmi għandhom jiġu pprovduti u ffinanzjati bħala servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, lanqas li tressaq dubji dwar il-kwalità ta' prodott partikolari. Madanakollu, id-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku jkun ovvjament żbaljat jekk ikun jinkludi attivitajiet li ma jkunux jistgħu jiġu sodisfatti b'mod raġonevoli - fi kliem il-Protokoll ta' Amsterdam - “il-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà”. Dik normalment tkun il-pożizzjoni, pereżempju, f’każ ta’ pubbliċità, kummerċ elettroniku, teleshopping, l-użu ta' numri ta' rata premium f'logħob bi premju (41), sponsorizzazzjoni jew promozzjoni. Barra min hekk, żball ċar jista' jseħħ fil-każ li l-għajnuna mill-Istat tintuża għall-iffinanzjar ta' attivitajiet li ma jkunux ta' valur miżjud f'termini ta' servizz għall-ħtiġiet soċjali, demokratiċi u kulturali tas-soċjetà.

49.

F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar li l-mandat ta’ servizz pubbliku jiddeskrivi s-servizzi offruti lill-pubbliku fl-interess ġenerali. Il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-mandat ta’ servizz pubbliku m’għandhiex tiġi konfuża ma’ dik tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament magħżul biex jipprovdi dawn is-servizzi. Għalhekk, waqt li x-xandara tas-servizz pubbliku jistgħu jwettqu attivitajiet kummerċjali bħall-bejgħ ta’ spazji ta’ pubbliċità sabiex ikollhom dħul, attivitajiet bħal dawn normalment ma jistgħux jitqiesu bħala parti mill-mandat ta’ servizz pubbliku. (42)

6.2.   Il-fiduċja u s-sorveljanza

50.

Biex jibbenefika mill-eżenzjoni taħt l-Artikolu 86(2), il-mandat ta’ servizz pubbliku għandu jkun fdat lil impriża waħda jew aktar permezz ta’ att uffiċjali (pereżempju, b’liġi, kuntratt jew termini ta’ referenza vinkolanti).

51.

L-att(i) ta’ fiduċja għandu jispeċifika n-natura preċiża tal-obbligi tas-servizz pubbliku skont it-taqsima 6.1 aktar ’il fuq, u għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kumpens, kif ukoll l-arranġamenti sabiex ikun evitat u biex jitħallas lura kwalunkwe kumpens li jkun ingħata żejjed.

52.

Kull meta l-ambitu tal-mandat ta’ servizz pubbliku jiġi estiż biex ikopri servizzi ġodda, l-att(i) tad-definizzjoni u l-fiduċja għandu jiġi mmodifikat kif jixraq, fil-limiti tal-Artikolu 86(2). Fl-interess li x-xandara tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li l-fiduċja għal servizz ġdid tingħata wara li tkun saret il-valutazzjoni deskritta fil-parti 6.7 aktar ’l isfel, qabel ma l-att ta’ fiduċja oriġinali jiġi kkonsolidat formalment.

53.

Madankollu, m’huwiex biżżejjed li x-xandar tas-servizz pubbliku jiġi fdat formalment bil-forniment ta’ servizz pubbliku ddefinit sew. Huwa importanti wkoll li s-servizz pubbliku jiġi pprovdut kif jixraq, kif previst fil-ftehim formali bejn l-Istat u l-impriża fdata. Għalhekk, huwa mixtieq li jkun hemm awtorità xierqa jew entità maħtura biex tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan b’mod trasparenti u effettiv. Il-ħtieġa għal tali awtorità jew korp li jkun responsabbli għas-sorveljanza hija evidenti fejn jirrigwarda l-istandards tal-kwalità imposti fuq l-operatur fdat. Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji u l-linji gwida għall-politika awdjoviżiva tal-Komunità fl-era diġitali (43), hija l-Kummissjoni li trid tiġġudika jekk l-istandards tal-kwalità ġewx issodisfati jew le: din għandha tkun f’pożizzjoni li tista’ tistrieħ fuq is-sorveljanza xierqa mill-Istati Membri dwar il-konformità tax-xandar mal-mandat tas-servizz pubbliku inklużi l-istandards kwalitattivi stabbiliti f'dak il-mandat (44).

54.

F’konformità mal-Protokoll ta’ Amsterdam, hija fil-kompetenza tal-Istat Membru li jagħżel il-mekkaniżmu biex jiżgura s-sorveljanza effettiva tal-issodisfar tal-obbligi tas-servizzi pubbliku, b'mod li l-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-ħidmiet tagħha taħt l-Artikolu 86(2). Din is-sorveljanza tkun effettiva biss jekk issir minn entità li tkun tassew indipendenti mill-ġestjoni tax-xandar tas-servizz pubbliku, li jkollu s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq sorveljanza regolari, u li twassal għal-impożizzjoni ta' rimedji xierqa safejn meħtieġ biex jiżgura l-konformità mal-obbligi tas-servizz pubbliku.

55.

Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti u kredibbli li s-servizz pubbliku huwa fil-fatt ipprovdut skont il-mandat, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 86(2), u għalhekk ma tkun tista’ tagħti l-ebda eżenzjoni taħt dik id-dispożizzjoni.

6.3.   L-għażla ta' finanzjament għal xandara tas-servizz pubbliku

56.

L-obbligi tas-servizz pubbliku jistgħu jkunu jew kwantitattivi jew kwalitattivi jew inkella t-tnejn li huma. Minkejja l-forma tagħhom, dawn jistgħu jiġġustifikaw il-kumpens, sakemm dawn jinkludu spejjeż supplementari li normalment ix-xandar ma kienx għamel.

57.

L-iskemi ta’ finanzjament jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji wiesa’: “finanzjament uniku” u “finanzjament doppju”. Il-kategorija tal-“finanzjament uniku” tinkludi dawk is-sistemi li fihom ix-xandir tas-servizz pubbliku jkun iffinanzjat biss permezz ta’ fondi pubbliċi, minkejja l-forma tagħhom. Is-sistemi ta’ “finanzjament doppju” jinkludu varjetà wiesgħa ta’ skemi, fejn ix-xandir tas-servizz pubbliku jkun iffinanzjat b’kombinazzjonijiet differenti ta’ fondi mill-Istat u dħul minn attivitajiet kummerċjali jew ta’ servizz pubbliku, bħall-bejgħ ta’ spazju jew programmi ta’ pubbliċità u l-offerta ta’ servizzi bi ħlas.

58.

Kif huwa ddikjarat fil-Protokoll ta’ Amsterdam: “Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir (…)”. Għalhekk, fil-prinċipju l-Kummissjoni m’għandha l-ebda oġġezzjoni biex tagħżel skema ta’ finanzjament doppju aktar milli l-iskema ta’ finanzjament uniku.

59.

Filwaqt li l-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu l-mezzi ta' finanzjament għax-xandir tas-servizz pubbliku, il-Kummissjoni għandha tivverifika, taħt l-Artikolu 86(2), li l-finanzjament tal-Istat ma jolqotx lill-kompetizzjoni fis-suq komuni b'mod sproporzjonat, kif imsemmi fil-paragrafu 38 aktar ’il fuq.

6.4.   Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat

60.

Il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni deskritta aktar ’il fuq teħtieġ definizzjoni ċara u preċiża tal-mandat ta’ servizz pubbliku kif ukoll separazzjoni ċara u xierqa bejn l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet li mhumiex ta’ servizz pubbliku inkluż separazzjoni ċara tal-kontijiet.

61.

Is-separazzjoni tal-kontijiet bejn l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u tal-attivitajiet li mhumiex ta’ servizz pubbliku normalment tkun diġà meħtieġa f’livell nazzjonali billi huwa essenzjali li tiġi tiżgura t-trasparenza u l-kontabbiltà meta jintużaw il-fondi pubbliċi. Separazzjoni tal-kontijiet tipprovdi għodda għall-analiżi tal-allegat sussidju transversali u biex tiddefendi l-ħlasijiet ta’ kumpens ġustifikati għal kompiti ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fuq il-bażi biss tal-allokazzjoni xierqa tal-ispejjeż u d-dħul jista’ jiġi stabbilit jekk il-finanzjament pubbliku jkunx fil-fatt limitat għall-ispejjeż netti tal-mandat ta’ servizz pubbliku, biex b’hekk ikun aċċettabbli taħt l-Artikolu 86(2) u l-Protokoll ta’ Amsterdam.

62.

L-Istati Membri huma marbuta mid-Direttiva 2006/111/KE li jieħdu miżuri ta’ trasparenza f’każ ta’ impriża li tkun ingħatat drittijiet speċjali jew esklużivi jew li tkun ġiet fdata bl-operat ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u li tkun qed tirċievi kumpens għas-servizz pubbliku fi kwalunkwe forma għal dan is-servizz u tkun qed twettaq attivitajiet oħra, jiġifieri, attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku. Dawn ir-rekwiżiti ta’ trasparenza huma: (a) il-kontijiet interni li jikkorrispondu għal attivitajiet differenti, jiġifieri attivitajiet ta’ servizz pubbliku u mhux ta’ servizz pubbliku, għandhom ikunu separati; (b) l-ispejjeż kollha u d-dħul għandhom ikunu assenjati jew allokati tajjeb fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż applikati b’mod konsistenti u ġġustifikati b’mod oġġettiv; u (c) il-prinċipji tal-kontabbiltà tal-ispejjeż li skont dawn iridu jinżammu kontijiet separati għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar (45).

63.

Dawn ir-rekwiżiti ta’ trasparenza ġenerali japplikaw ukoll għax-xandara, sakemm dawn ikunu fdati bl-operat ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jirċievu kumpens pubbliku għal dan is-servizz, u jwettqu wkoll attivitajiet oħra li mhumiex ta’ servizz pubbliku.

64.

Fis-settur tax-xandir, is-separazzjoni tal-kontijiet ma toħloq l-ebda problema partikolari fejn jikkonċerna d-dħul. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fejn jikkonċerna d-dħul, l-operaturi tax-xandir għandhom jagħtu deskrizzjoni dettaljata tas-sorsi u tal-ammont ta’ dħul kollu akkumulat mit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ servizz pubbliku u mhux ta’ servizz pubbliku.

65.

Rigward l-ispejjeż, dawk kollha li jkunu saru fl-operat tas-servizz pubbliku jistgħu jiġu kkunsidrati. Fejn l-impriża twettaq attivitajiet li jaqgħu barra mill-ambitu tas-servizz pubbliku, dawk l-ispejjeż biss li jkunu assoċjati mas-servizz pubbliku għandhom ikunu kkunsidrati. Il-Kummissjoni tagħraf li, fis-settur tax-xandir pubbliku, is-separazzjoni tal-kontijiet tista’ tkun ferm aktar diffiċli fil-parti tal-ispejjeż. Dan għaliex, b’mod partikolari fil-qasam tax-xandir tradizzjonali, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-ipprogrammar sħiħ ta’ xandar kopert mill-mandat ta’ servizz pubbliku, waqt li fl-istess ħin jippermettu l-isfruttament kummerċjali tiegħu. Fi kliem ieħor, l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet li mhumiex ta’ servizz pubbliku jistgħu ġeneralment jaqsmu l-istess inputs, filwaqt li l-ispejjeż mhux dejjem jistgħu jkunu separati b’mod proporzjonat.

66.

L-ispejjeż speċifiċi għall-attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku (pereżempju: l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni tar-reklamar) għandhom dejjem ikunu identifikati b’mod ċar u jitniżżlu b’mod separat. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-produzzjoni intiżi biex simultanjament iservu għall-iżvilupp ta’ attivitajiet fil-qasam tas-servizzi pubbliċi u mhux pubbliċi għandhom ikunu allokati b’mod proporzjonali għall-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u mhux ta’ servizz pubbliku rispettivament, u b'mod sinjifikanti kull fejn ikun possibbli.

67.

F’każi oħrajn, kull meta l-istess riżorsi jintużaw għat-twettiq ta' servizz pubbliku u ħidmiet li ma jaqgħux taħt il-kompiti tas-servizz pubbliku, l-ispejjeż komuni ta' kontribuzzjoni għandhom ikunu allokati abbażi tad-differenza fl-ispejjeż totali tad-ditta kummerċjali kemm jekk ikollha attivitajiet ta' servizzi pubbliku kif ukoll jekk ma jkollhiex (46). F’każijiet bħal dawn, l-ispejjeż li jiġu attribwiti kompletament għall-attivitajiet ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jkunu qed jibbenefikaw ukoll attivitajiet li mhumiex ta’ servizz pubbliku, m’hemmx għalfejn jiġu maqsuma bejn it-tnejn u allura jistgħu jiġu allokati kompletament għall-attività tas-servizz pubbliku. Din id-differenza għall-metodu li jiġi ġeneralment segwit f’setturi oħra ta’ utilitajiet hija spjegata bl-ispeċifiċitajiet tas-settur tax-xandir pubbliku. Fil-qasam tax-xandir tas-servizz pubbliku, il-benefiċċji netti tal-attivitajiet kummerċjali relatati mal-attivitajiet tas-servizz pubbliku għandhom ikunu kkunsidrati sabiex jiġu kkalkulati l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku, u għalhekk biex jintaqqas il-livell ta’ kumpens għas-servizz pubbliku. Dan inaqqas ir-riskju ta’ sussidju trasversali permezz ta’ spejjeż komuni taż-żamma tal-kotba għal attivitajiet ta’ servizz pubbliku.

68.

L-eżempju prinċipali għas-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu ta’ qabel hija l-ispiża tal-produzzjoni ta’ programmi fil-qafas tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tax-xandar. Dawn il-programmi jservu kemm biex ikun issodisfat il-mandat ta’ servizz pubbliku kif ukoll biex jiġġeneraw udjenza għall-bejgħ ta’ spazju ta’ pubbliċità. Madankollu, kważi huwa impossibbli li tikkwantifika bi grad suffiċjenti ta’ preċiżjoni kemm in-numru ta’ telespettaturi li jsegwu l-programm fil-fatt jissodisfa l-mandat ta’ servizz pubbliku u kemm dan qed jiġġenera dħul mir-reklamar. Għal din ir-raġuni, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż tal-ipprogrammar bejn iż-żewġ attivitajiet hemm ċans li tkun arbitrarja aktar milli waħda sinifikattiva.

69.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-trasparenza finanzjarja tista’ tissaħħaħ aktar b’separazzjoni adegwata bejn l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku fil-livell tal-organizzazzjoni tax-xandar tas-servizz pubbliku. Separazzjoni funzjonali jew strutturali normalment tagħmilha eħfef biex sa mill-bidu nett ikun evitat is-sussidju trasversali ta’ attivitajiet kummerċjali kif ukoll biex ikunu żgurati l-prezzijiet tat-trasferiment u l-konformità mal-prinċipju ta’ distakkament. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw is-separazzjoni funzjonali jew strutturali kif ukoll attivitajiet kummerċjali separati, bħala forma tal-aħjar prattika.

6.5.   Il-Prinċipju tal-kost nett u tal-kumpens żejjed

70.

Bħala kwsistjoni ta' prinċipju, billi l-kumpens żejjed mhuwiex meħtieġ għall-operat tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, dan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli li trid titħallas lura lill-Istat suġġett għall-kjarifiki pprovduti mill-kapitolu preżenti fir-rigwad tax-xandir tas-servizz pubbliku.

71.

Il-Kummissjoni tibda mill-konsiderazzjoni li l-finanzjament mill-Istat normalment ikun meħtieġ biex l-impriża tkun tista’ twettaq il-kompiti ta’ servizz pubbliku tagħha. Madankollu, biex tkun issodisfata l-prova tal-proporzjonalità, bħala regola ġenerali huwa meħtieġ li l-ammont ta’ kumpens pubbliku ma jkunx iżjed mill-ispejjeż netti tal-missjoni ta’ servizz pubbliku, billi jitqies ukoll dħul dirett jew indirett ieħor li jirriżulta mill-missjoni ta’ servizz pubbliku. Għal din ir-raġuni, irid jiġi kkunsidrat il-benefiċċju nett tal-attivitajiet kummerċjali kollha relatati mal-attività ta’ servizz pubbliku biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku.

72.

L-impriżi li jirċievu kumpens għat-twettiq ta’ kompitu ta’ servizz pubbliku jistgħu, b’mod ġenerali, jagħmlu qligħ raġonevoli. Dan il-qligħ jikkonsisti minn rata ta’ dħul fuq il-kapital tagħhom stess fejn ikun ikkunsidrat ir-riskju, jew in-nuqqas ta’ riskju, li tkun ħadet dik l-impriża. Fis-settur tax-xandir il-missjoni ta’ servizz pubbliku ħafna drabi titwettaq minn xandara li ma jkunux orjentati lejn il-qligħ jew li ma jkollhomx għalfejn iħallsu lura l-kapital investit u ma jkunu jwettqu l-ebda attività oħra ħlief il-forniment tas-servizz pubbliku. Il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dawn is-sitwazzjonijiet, mhuwiex raġonevoli li jiġi inkluż element ta’ profitt fl-ammont ta’ kumpens biex tkun issodisfata l-missjoni ta’ servizz pubbliku (47). Madankollu, f’każijiet oħra, pereżempju meta obbligi speċifiċi tas-servizz pubbliku jiġu fdati lil impriżi kummerċjali li jridu jħallsu lura l-kapital investit fihom, element ta’ profitt li jirrappreżenta r-remunerazzjoni ġusta tal-kapital, meta jitqies ir-riskju, jista’ jiġi kkunsidrat bħala wieħed raġonevoli, jekk dan ikun iġġustifikat kif xieraq u sakemm ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligi tas-servizz pubbliku.

73.

Ix-xandara tas-servizz pubbliku jistgħu jżommu kumpens annwali li jaqbeż il-kost nett tas-servizz pubbliku (bħala “riżervi tas-servizz pubbliku”) safejn dan ikun neċessarju għall-iżgurar tal-finanzjament tal-obbligi tas-servizz pubbliku. B'mod ġenerali, il-Kummissjoni tikkunsidra li ammont sa 10 % tal-ispejjeż annwali stmati tal-missjoni tas-servizz pubbliku jista' jitqies neċessarju biex ipatti għall-flutwazzjonijiet fl-ispejjeż u d-dħul. Bħala regola, il-kumpens żejjed aktar mil-limitu għandu jintradd lura mingħajr dewmien żejjed.

74.

Bħala eċċezzjoni, ix-xandara tas-servizz pubbliku jistgħu jżommu ammont żejjed li jaqbeż l-10 % tal-ispejjeż annwali stmati tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tagħhom f’każijiet b'ġustifikazzjoni xierqa. Dan huwa aċċettabbli biss sakemm dan il-kumpens żejjed ikun allokat speċifikament bil-quddiem u b'mod vinkolanti għal spiża maġġuri u mhux rikorrenti neċessarja għall-issodisfar tal-missjoni tas-servizzi pubbliku (48). L-użu ta' tali kumpens żejjed allokat b'mod speiċifiku għandu jkun ukoll fuq żmien limitat b'mod ċar skont l-allokazzjoni tiegħu.

75.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' teżerċita l-kompiti tagħha, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet preċiżi li taħthom il-kumpens żejjed ikun jista' jintuża mix-xandara tas-servizz pubbliku.

76.

Il-kumpens żejjed imsemmi aktar ’il fuq għandhom jintużaw biss għall-finanzjament ta' attivitajiet ta’ servizz pubbliku. Is-sussidju transversali ta' attivitajiet kummerċjali mhuwiex iġġustifikat u jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

6.6.   Mekkaniżmi ta' kontroll finanzjarju

77.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ma jingħata l-ebda kumpens żejjed, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 72 sa 76. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kontroll regolari u effettiv għall-użu tal-finanzjament pubbliku, biex jevitaw kumpens żejjed u sussidju transversali, kif ukoll biex jiflu bir-reqqa l-livell u l-użu “tar-riżervi tas-servizz pubbliku”. Huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jagħżlu l-aktar mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa u effettivi fis-sistemi tax-xandir nazzjonali tagħhom, filwaqt li jiżguraw ukoll il-koerenza mal-mekkaniżmi eżistenti ta’ superviżjoni biex ikun issodisfat il-mandat ta’ servizz pubbliku.

78.

Dawn il-mekkaniżmi ta’ kontroll ikunu effettivi biss jekk isiru minn korp estern li jkun indipendenti mix-xandar pubbliku f’intervalli regolari, preferibbilment fuq bażi annwali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-irkupru ta' kumpens żejjed li jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-kapitolu 6.5 preċedenti u sussidju transverali.

79.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tax-xandara tas-servizz pubbliku għandha tkun suġġetta għal reviżjoni dettaljata fi tmiem kull perjodu ta’ finanzjament kif previst fis-sistemi nazzjonali tax-xandir tal-Istati Membri, jew fin-nuqqas ta' dan, perjodu li normalment m’għandux jaqbeż l-erba’ snin. Kwalunkwe “riżervi tas-servizz pubbliku” eżistenti fi tmiem il-perjodu ta’ finanzjament, jew fi tmien perjodu ekwivalenti kif previst aktar ’il fuq, għandhom jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-ħtiġiet finanzjarji tax-xandar pubbliku għall-perjodu li jmiss. Fil-każ ta’ “riżervi ta' servizz pubbliku” li jaqbżu l-10 % tal-ispejjeż annwali tas-servizz pubbliku fuq bażi rikorrenti, l-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw jekk il-livell ta' finanzjament hux aġġustat għall-ħtiġiet finanzjarji fattwali tax-xandara tas-servizz pubbliku.

6.7.   Id-diversifikazzjoni tax-xandir pubbliku

80.

F’dawn l-aħħar snin, is-swieq awdjoviżivi għaddew minn tibdil importanti, li wasslu għall-iżvilupp u d-diversifikazzjoni kontinwi tas-servizz tax-xandir. Dan qajjem dubji ġodda dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi tal-medja awdjoviżiva li jmorru lil hinn minn attivitajiet tax-xandir fit-tifsira tradizzjonali tagħhom.

81.

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tikkunsidra li x-xandara pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jużaw l-opportunitajiet offruti bid-diġitizzazzjoni u bid-diversifikazzjoni tal-pjattaformi tad-distribuzzjoni fuq bażi ħielsa mit-teknoloġija, għall-ġid tas-soċjetà. Sabiex jiġi garantit ir-rwol fundamentali tax-xandara pubbliċi fl-ambjent diġitali ġdid, ix-xandara pubbliċi jistgħu jużaw għajnuna mill-Istat biex jipprovdu servizzi fuq pjattaformi ta' distribuzzjoni ġodda, li jaqdu l-pubbliku ġenerali kif ukoll interessi speċjali, dejjem jekk jindirizzaw l-istess ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà inkwistjoni, u ma jkunux iħallu effetti sproporzjonati fuq is-suq, li mhumiex meħtieġa għall-issodisfar tal-mandat tas-servizz pubbliku.

82.

F’linja parallela mal-evoluzzjoni mgħaġġla tas-swieq tax-xandir, il-mudelli ta’ negozju tax-xandara wkoll għaddejjin minn bidliet kbar. Biex jissodisfaw il-mandat ta' servizz pubbliku tagħhom, ix-xandara qed jirrikorru dejjem aktar lejn sorsi ġodda ta’ finanzjament, bħar-reklamar onlajn jew il-forniment ta’ servizzi bi ħlas (l-hekk imsejħa servizzi bi ħlas, bħall-aċċess għall-arkivji bil-ħlas ta’ miżata, stazzjonijiet tat-televiżjoni ta’ interess speċjali fuq bażi ta’ ħlas skont kemm tara, l-aċċess għal servizzi ċellulari għal ħlas ta’ somma f’daqqa, l-aċċess differit għal programmi tat-televiżjoni bi ħlas, downloads imħallsin ta’ kontenut onlajn, eċċ.). L-element ta’ remunerazzjoni f’servizzi bi ħlas jinkludi, pereżempju, il-ħlas ta’ taxxi għad-distribuzzjoni tan-netwerk jew għad-drittijiet tal-kopja mix-xandara (pereżempju, jekk is-servizzi fuq pjattaformi ċellulari jiġu pprovduti bi ħlas ta’ taxxa għad-distribuzzjoni ċellulari).

83.

Għalkemm tradizzjonalment ix-xandir pubbliku kien servizz mingħajr ħlas (free-to-air), il-Kummissjoni tikkunsidra li element ta' remunerazzjoni diretta f'servizzi bħal dawn – filwaqt li jħalli impatt fuq l-aċċess tat-telespettaturi (49) – mhux neċessarjament ifisser li huwa ċar li dawn is-servizzi mhumiex parti mill-mandat tas-servizz pubbliku sakemm l-element ta' ħlas ma jikkompromettix il-karattru separat tas-servizz pubbliku li jservi l-valuri soċjali, demokratiċi u kulturali taċ-ċittadini, li hija d-distinzjoni bejn is-servizzi kummerċjali u attivitajiet purament kummerċjali (50). L-element ta' remunerazzjoni huwa wieħed mill-aspetti li jridu jiġu kkunsidrati meta jiġi deċiż l-inklużjoni ta' servizzi bħal dawn fil-mandat ta' servizz pubbliku, peress li jista' jaffettwa l-universalità u d-disinn ġenerali tas-servizz mogħti kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-suq. Sakemm dawn is-servizzi b’element ta’ ħlas jissodisfaw il-ħtiġiet speċifiċi soċjali, demokratiċi u kulturali tas-soċjetà mingħajr ma jwasslu għal effetti sporporzjonati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ transkonfinali, l-Istati Membri jistgħu jinkludu wkoll il-possibbiltà li x-xandara tas-servizz pubbliku joffru tali servizzi bi ħlas bħala parti mill-mandat tagħhom ta’ servizz pubbliku.

84.

Kif huwa spjegat hawn fuq, ix-xandara tas-servizz pubbliku jistgħu jintużaw għad-distribuzzjoni tas-servizzi awdjoviżivi fuq il-pjattaformi kollha fir-rispett tar-rekwiżiti materjali tal-Protokoll ta' Amsterdam. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, permezz ta' proċedura ta' evalwazzjoni minn qabel ibbażata fuq konsultazzjoni pubblika miftuħa, jekk l-għadd sinifikanti ta' servizzi ġodda tal-medja awdjoviżiva previsti mix-xandara pubbliċi jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Protokoll ta' Amsterdam, jiġifieri jekk jaqdux il-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà, filwaqt li jagħtu kunsiderazzjoni xierqa għall-effetti potenzjali fuq il-kundizzjonijiet tan-negozju u fuq il-kompetizzjoni.

85.

Huma l-Istati Membri li jiddeterminaw, waqt li jqisu l-karatteristiċi u l-evoluzzjoni tas-suq tax-xandir, kif ukoll il-medda tas-servizzi offruti diġà mix-xandar tas-servizz pubbliku, x’għandu jikkwalifika bħala “servizz ġdid sinjifikanti”. In-natura “ġdida” ta' attività tista' tiddependi, fost l-oħrajn, fuq il-kontenut kif ukoll fuq il-modalitajiet tal-konsum (51). Is-“sinjifikat” tas-servizz jista’ jikkunsidra, pereżempju, ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-iżvilupp tiegħu u l-impatt mistenni fuq id-domanda. Modifikazzjonijiet sinjifikanti għas-servizzi eżistenti għandhom ikunu soġġetti għall-istess valutazzjoni bħas-servizzi ġodda sinjifikanti.

86.

Huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jagħżlu l-aktar mekkaniżmu adattat biex jiżgura l-konsistenza ta’ servizzi awjdoviżivi mal-kundizzjonijiet materjali tal-Protokoll ta' Amsterdam, b'kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tax-xandir nazzjonali tagħhom, u l-ħtieġa għas-salvagwardja tal-indipendenza editorjali tax-xandara tas-servizz pubbliku.

87.

Fl-interess tat-trasparenza u tal-kisba tal-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni bilanċjata, il-partijiet interessati għandu jkollhom l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar is-servizz ġdid sinifikanti previst fil-kuntest ta' konsultazzjoni miftuħa. L-eżitu tal-konsultazzjoni, il-valutazzjoni tagħha kif ukoll ir-raġunijiet għad-deċiżjoni għandhom ikunu disponibbli pubblikament.

88.

Sabiex jiżguraw li l-finanzjament pubbliku ta' servizzi awdjoviżivi sinifikanti ġodda ma toħloqx distorsjoni tan-negozju u l-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra l-interess komuni, l-Istat Membru għandu jivvaluta, fuq il-bażi tal-eżitu tal-konsultazzjoni miftuħa, l-impatt globali ta' servizzi ġdid fuq is-suq billi jqabbel is-sitwazzjoni fil-preżenza kif ukoll fin-nuqqas tas-servizz il-ġdid li jkun ippjanat. Fil-valutazzjoni tal-impatt fuq is-suq, fost l-aspetti relevanti hemm, pereżempju, l-eżistenza ta' offerti editorjali simili jew sostitwibbli, kompetizzjoni editorjali, l-istruttura tas-suq, il-pożizzjoni fis-suq tax-xandar tas-servizz pubbliku, il-livell ta' kompetizzjoni u l-impatt potenzjali fuq inizjattivi privati. L-impatt jeħtieġ li jkun ibbilanċjat mal-valur tas-servizz inkwistjoni għas-soċjetà. Fil-każ li jippredominaw l-effetti negattivi fuq is-suq, il-finanzjament tal-Istat għal servizzi awdjoviżivi jkun jidher proporzjonali biss jekk ikun iġġustifikat mill-valur miżjud li jservi l-ħtiġiet soċjali, demokratiċi u kulturali tas-soċjetà (52), anke fid-dawl tal-offerta eiżstenti globali tas-servizz pubbliku.

89.

Tali valutazzjoni tkun oġġettiva biss jekk titwettaq minn entità li tkun tassew indipendenti mill-ġestjoni tax-xandar tas-servizz pubbliku, fir-rigward ukoll tal-ħatra u t-tneħħija tal-membri tagħha, u jkollha l-kapaċità u r-riżorsi suffiċjenti biex teżerċita l-kompiti tagħha. L-Istati Membri għandhom ikunu f'pożizzjoni li jfasslu proċedura li tkun propzjonata għad-daqs tas-suq u l-pożizzjoni fis-suq tax-xandar pubbliku.

90.

Il-konsiderazzjonijiet deskritti aktar ’il fuq m’għandhomx iżommu lix-xandara tas-servizz pubbliku milli jippruvaw servizzi ġodda innovattivi (pereżempju fil-forma ta’ proġetti pilota) fuq skala limitata (pereżempju f’termini ta’ ħin u udjenza) u biex jiġbru l-informazzjoni dwar il-fattibbiltà u l-valur miżjud tas-servizz previst, sakemm din il-fażi ta’ prova ma twassalx għall-introduzzjoni ta’ servizz awdjoviżiv sinjifikanti totalment ġdid.

91.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-valutazzjoni fil-livell nazzjonali li ssemmiet hawn fuq se tikkontribwixxi għall-garanzija tal-konformità mar-regoli tal-KE dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan kollu bla ħsara għall-kompetenzi tal-Kummissjoni li tivverifika jekk l-Istati Membri jkunux qed iħarsu d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u għad-dritt tagħha li taġixxi wkoll, kull meta jkun meħtieġ, fuq il-bażi ta’ ilmenti jew fuq inizjattiva tagħha stess.

6.8.   Il-proporzjonalità u l-imġiba tas-suq

92.

Skont il-Protokoll ta' Amsterdam, ix-xandara pubbliċi m'għandhom jidħlu f'attivitajiet li jirriżultaw f'distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni li ma jkunux neċessarji għall-isodisfar tal-missjoni tas-servizz pubbliku. Pereżempju, l-akkwist ta' kontenut premium bħala parti minn missjoni ta’ servizz pubbliku globali ta’ xandara pubbliċi ġeneralment huwa kkunsidrat bħala leġittimu. Madanakollu, fil-każ li x-xandara pubbliċi kellhom iżommu drittijiet premium esklużivi mingħajr ma joffruhom b'subliċenzji b'mod trasparenti u f'waqtu, jinħolqu distorsjonijiet sproporzjonati tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li x-xandara tas-servizz pubbliku jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità anke fir-rigward tal-akkwist tad-drittijiet premium, u li jipprovdu regoli dwar is-subliċenzjar ta' drittijiet premium esklużivi mix-xandara tas-servizz pubbliku.

93.

Fit-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali, ix-xandara pubbliċi għandhom ikunu marbuta bir-rispett għall-prinċipji tas-suq u, meta jaġixxu permezz ta' susidjarji kummerċjali, huma għandhom iżommu d-distanza fir-relazzjonijiet tagħhom minn dawn is-sussidjarji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xandara pubbliċi jħarsu l-prinċipju ta’ distakkament fir-relazzjonijiet, l-investimenti kummerċjali tagħhom isiru skont il-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq, u ma jinvolvux ruħhom fi prattiki mhux kompetittivi fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, fuq il-bażi tal-finanzjament pubbliku tagħhom.

94.

Eżempju ta’ prattika mhux kompetittiva huwa t-traħħis tal-prezz. Xandar pubbliku jista’ jkollu t-tentazzjoni li jraħħas il-prezzijiet tar-reklamar jew ta’ attivitajiet oħra ta’ servizz mhux pubbliku (bħal, servizzi kummerċjali bi ħlas) għal livell anqas minn dak li raġonevolment jista' jitqies bħala konformi mas-suq, biex inaqqas id-dħul tal-kompetituri, sakemm id-dħul iktar baxx li jirriżulta jkun kopert minn kumpens pubbliku. Imġiba bħal din ma tistax titqies intrinsika għall-missjoni ta’ servizz pubbliku attribwita lix-xandar għaliex tista’ “taffetwa l-kundizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, u għaldaqstant tikser il-Protokoll ta’ Amsterdam.

95.

Fid-dawl tad-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet tas-suq, ir-rispett tal-prinċipji tas-suq mix-xandara tas-servizz pubbliku, partikolarment dawk il-kwistjonijiet dwar jekk ix-xandara tas-servizz pubbliku humiex qegħdin inaqqsu l-prezzijiet fl-offerta kummerċjali tagħhom, jew jekk humiex jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità fir-rigward tal-akkwist ta' drittijiet premium (53), għandu jkun ivvalutat fuq il-bażi ta' każ b'każ, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet tas-suq u tas-servizz ikkonċernat.

96.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li primarjament, l-iżgurar li x-xandara tas-servizz pubbliku jirrispettaw il-prinċipji tas-suq hija kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandu jkollhom mekkaniżmi xierqa fis-seħħ li jippermettu l-valutazzjoni effettiva ta' kwalunkwe ilment potenzjali fil-livell nazzjonali.

97.

Minkejja l-paragrafu preċedenti, fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tieħu azzjoni abbażi tal-Artikoli 81, 82, 86 u 87 tat-Trattat KE.

7.   APPLIKAZZJONI TEMPORALI

98.

Din il-Komunikazzjoni se tiġi applikata mill-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija se tissostitwixxi l-Komunikazzjoni tal-2001 tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli għall-għajnuna tal-Istat lis-servizzi ta’ xandir pubbliku.

99.

Il-Kummissjoni se tapplika din il-Komunikazzjoni għall-miżuri ta' għajnuna nnotifikati kollha li fir-rigward tagħħom tissejjaħ tieħu deċiżjoni wara li l-Komunikazzjoni tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, anke jekk il-proġetti jkunu ġew innotifikati qabel dik id-data.

100.

Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat li ma tkunx skont il-liġi (54), il-Kummissjoni se tapplika, fil-każ ta' għajnuna mhux innotifikata,

(a)

din il-Komunikazzjoni, jekk l-għajnuna tkun ingħatat wara l-pubblikazzjoni tagħha;

(b)

il-Komunikazzjoni tal-2001 fil-każi l-oħra kollha.


(1)  ĠU C 320, 15.11.2001, p. 5.

(2)  Is-sentenza fil-kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH (“Altmark”) [2003] ECR I-7747.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti imrpiżi fdati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali; ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

(4)  Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku; ĠU C 297, 29.11.2005, p. 4.

(5)  COM(2007) 725 finali.

(6)  Id-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni; ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27

(7)  COM(2005) 107 finali.

(8)  Għall-finijiet ta' din il-komunikazzjoni, il-kunċett ta' “servizz(i) awdjoviżivi” jirreferi għad-distribuzzjoni lineari u/jew mhux lineari ta' kontentut awdjo u/jew awdjoviżiv u ta’ servizzi viċini oħrajn bħal servizzi ta' informazzjoni onlajn ibbażati fuq test. Għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “servizz(i) awdjoviżivi” u l-kunċett aktar strett ta' “servizz(i) awdjoviżivi tal-medja”, kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżi tal-Medja.

(9)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(10)  Is-sentenza fil-kawża C-260/89 ERT, [1991] Ġabra I-2925.

(11)  Għall-finijiet tal-komunikazzjoni preżenti, u skont l-Artikolu 16 tat-Trattat tal-KE u d-dikjarazzjoni (Nru 13) annessa mal-att finali ta’ Amsterdam, it-terminu “servizz pubbliku” previst fil-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri għandu jkun mifhum li qed jirreferi għat-terminu “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali” użat fl-Artikolu 86(2).

(12)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, f'laqgħa fil-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999, ĠU C 30, 5.2.1999, p. 1.

(13)  Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali tal-UNESCO, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/515/KE tat-18.5.2006. Skont l-Anness 2 għad-deċiżjoni tal-Kunsill, “il-Komunità hija marbuta mill-Konvenzjoni u se tiżgura l-implimentazzjoni tagħha.”

(14)  Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali tal-UNESCO, l-Artikolu 6 (1) u (2) h).

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)2 tal-Kumitat tal-Ministri lil Stati Membri dwar il-pluraliżmu tal-medja u d-diversità tal-kontenut tal-medja, adottata fil-31 ta’ Jannar 2007 fid-985 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri.

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)3 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-mandat tal-medja tas-servizz pubbliku fis-soċjetà tal-informazzjoni, adottata fil-31 ta’ Jannar 2007 fid-985 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri.

(17)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-medja fl-Unjoni Ewropea, 2007/2253(INI).

(18)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 6 aktar ’il fuq.

(19)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006.

(20)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 4 aktar ’il fuq.

(21)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 3 aktar ’il fuq.

(22)  Skont l-Artikolu 2 (1) a) tad-Deċiżjoni, japplika għal għajnuna mill-Istat fis-sura ta' “kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil impriżi b'fatturat annwali medju qabel it-taxxa, bl-attivitajiet kollha inklużi, ta' anqas minn EUR 100 miljun matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel is-sena fejn ikunu ġie assenjat is-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, li jirċievu kumpens annwali għas-servizz ikkonċernat ta' anqas minn EUR 30 miljun”.

(23)  Is-sentenza fil-kawżi konġunti T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04 “TV2”, 156.

(24)  Fir-rigward tal-kwalifiki tal-finanzjament tal-miżata tal-liċenzja bħala riżorsi tal-Istat, ara s-sentenza fil-kawżi konġunti T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04 “TV2” fil-156-159.

(25)  Il-Kawżi C-730/79, Philip Morris Holland v Il-Kummissjoni [1980] Ġabra 2671, paragrafu 11; C-303/88, L-Italja v Il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1433, paragrafu 27; C-156/98, Il-Ġermanja v Il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, paragrafu 33.

(26)  Il-Kawża C-280/00, ara n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna aktar ’il fuq.

(27)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(28)  Il-Kawża C-44/93, Namur-Les Assurances du Crédit SA v Office National du Ducroire u l-Istat Belġjan [1994] Ġabra I-3829.

(29)  Ara, pereżemju, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każijiet li ġejjin: E 8/06, Finanzjament tal-Istat tax-xandar tas-servizz pubbliku Fjamming VRT, ĠU C 143, 10.6.2008, p. 7, E 4/05, Finanzjament ta’ għajnuna mill-Istat lil RTE u TNAG (TG4), ĠU C 121, 17.5.2008, p. 5, E 9/05, Ħlasijiet ta’ liċenzji lir-RAI, ĠU C 235, 23.9.2005, p. 3, E 10/2005, Ħlasijiet ta’ liċenzji lil France 2 u 3, ĠU C 240, 30.9.2005, p. 20, E 8/05, Ix-xandar pubbliku nazzjonali Spanjol RTVE, ĠU C 239, 4.10.2006, p. 17, C 2/04, Finanzjament ad hoc tax-xandara tas-servizz pubbliku Olandiż, ĠU L 49, 22.2.2008, p. 1, C 60/99 Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza għal France 2 u France 3, ĠU L 361, 8.12.2004, p. 21, C 62/99 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2003 dwar il-miżuri implimentati mill-Italja għar-RAI SpA, ĠU L 119, 23.4.2004, p. 1, NN 88/98, Il-Finanzjament lil stazzjon tal-aħbarijiet li jxandar 24 siegħa mingħajr pubbliċità b’liċenzja mill-BBC, ĠU C 78, 18.3.2000, p. 6 u NN 70/98, Għajnuna mill-Istat lill-istazzjonijiet tax-xandir pubbliku Kinderkanal u Phoenix, ĠU C 238, 21.8.1999, p. 3.

(30)  Il-Kawżi konġunti T-195/01 u T-207/01, [2002] Ġabra II-2309.

(31)  Pereżempju, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni NN 88/98 BBC 24-siegħa (ĠU C 78, 18.3.2000), NN 70/98 “Kinderkanal u Phoenix” (ĠU C 238, 21.8.1999).

(32)  Pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 458/2004 Għajnuna mill-Istat lil Espacio Editorial Andaluza Holding sl., ara ĠU C 131/2005 tad-29 ta’ Mejju 2005.

(33)  NN 70/98, Għajnuna mill-Istat lill-istazzjonijiet tax-xandir pubbliku Kinderkanal u Phoenix (ĠU C 238, 21.8.1999, p. 3.)

(34)  Is-sentenza fil-kważa 172/80 Zuechner; [1981] 2021.

(35)  Is-sentenza fil-kawża C-242/95 GT-Link; [1997] 4449.

(36)  Is-sentenza fil-kawża C-159/94 EDF u GDF; [1997] I-5815.

(37)  Ara, pereżempju, id-deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni fil-kawżi li ġejjin: E 8/06, Finanzjament mill-Istat tax-xandar pubbliku Fjamming VRT, ĠU C 143, 10.6.2008, p. 7, E 4/05, Finanzjament tal-għajnuna mill-Istat lil RTE u TNAG (TG4), ĠU C 121, 17.5.2008, p. 5, E 3/05, Għajnuna lix-xandara pubbliiċi Ġermaniżi, ĠU C 185, 8.8.2007, p. 1, E 9/05, Ħlasijiet ta’ liċenzji lir-RAI, ĠU C 235, 23.9.2005, p. 3, E 10/05, Ħlasijiet ta’ liċenzji lil France 2 u 3, ĠU C 240, 30.9.2005, p. 20, għajnuna E8/05, Ix-xandar tas-servizz pubbliku Spanjol RTVE, ĠU C 239, 4.10.2006, p. 17, C 2/04, Finanzjament ad hoc tax-xandara tas-servizz pubbliku Olandiż, ĠU L 49, 22.2.2008, p. 1.

(38)  Xi diffikultajiet simili jinqalgħu wkoll meta x-xandir pubbliku jkun indirizzat għal minoranzi lingwistiċi jew għal ħtiġiet lokali.

(39)  Is-sentenza fil-kawża T-442/03, SIC v. Il-Kummissjoni, [2008], paragrfu 201, is-Sentenza fil-kawżi konġunti T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04 TV2/Danmark v. il-Kummissjoni [2008], 122 sa 124

(40)  Skont il-Qorti tal-Prim’ Istanza dawn il-kriterji kwalitattivi huma “il-ġustifikazzjoni tal-eżistenza ta' SIEĠ tax-xandir fis-settur awdjoviżiv nazzjonali”. Ma hemm “l-ebda raġuni għal SIEĠ tax-xandir b’definizzjoni wiesgħa li tissagrifika l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti kwalitattivi sabiex tadotta l-kondotta ta' operaturi kummerċjali”, T-442/03, SIC v. il-Kummissjoni, paragraph 211.

(41)  Fir-rigward tal-kwalifika, taħt id-Direttiva tas-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva, ta' logħob bi premju inkluż l-iddaljar ta' numru b'rata premium bħala teleshopping jew reklamar, ara s-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-195/06 KommAustria v. ORF tat-18 ta' Ottubru 2007.

(42)  Ara wkoll is-sentenza fil-kawżi konġunti T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04 TV2 [2008] 107-108.

(43)  COM(1999) 657 finali, taqsima 3(6).

(44)  Is-sentenza fil-kawża T-442/03 SIC/il-Kummissjoni, [2008], fil-212.

(45)  L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/111/KE.

(46)  Dan jimplika referenza għas-sitwazzjoni ipotetika fejn l-attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku kellhom jitwaqqfu: l-ispejjeż li kellhom jiġu evitati jirrappreżentaw l-ammont ta’ spejjeż komuni li kellhom ikunu allokati għall-attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku.

(47)  Mingħajr dubju, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lix-xandara pubbliċi milli jagħmlu profitt mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom lil hinn mill-mandat ta' servizz pubbliku.

(48)  Tali riżervi żejda jistgħu jkunu ġġustifikati għal investimenti teknoloġiċi maġġuri (bħad-diġitizzazzjoni) previsti li jitwettqu f’xi żmien partikolari u li jkunu meħtieġa għas-sodisfazzjon tal-mandat ta’ servizz pubbliku; jew għal miżuri ta’ ristrutturar maġġuri meħtieġa biex jinżamm l-operat kontinwu ta’ xandar tas-servizz pubbliku f’perjodu ta’ żmien definit.

(49)  Kif stabbilixxa l-Kunsill tal-Ewropa, fir-Rakkomdazzjoni tiegħu dwar il-mandat tal-medja tas-servizz pubbliku fis-soċjetà tal-informazzjoni, “(…) l-Istati Membri jistgħu jikkunisdraw soluzzjonijiet ta' finanzjament kumplimentari bl-attenzjoni dovuta għal kwistjonijiet b'rabta mas-suq u l-kompetizzjoni. B’mod partikolari, fil-każ ta’ servizzi personalizzati ġodda, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jippermettu lill-medja tas-servizzi pubbliku li jiġbru remunerazzjonijiet (…). Madanakollu, l-ebda minn dawn is-soluzzjonijiet ma tista' tipperikola l-prinċipju tal-universalità tal-medja tas-servizz pubbliku jew twassal għal diskriminazzjoni bejn gruppi differenti tas-soċjetà (…) Meta jiżviluppaw sistemi ġodda ta' finanzjament, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kif xieraq in-natura tal-kontenut pprovdut fl-interess tal-pubbliku u fl-interess komuni.”

(50)  Pereżempju, il-Kummissjoni tikkunsira li li l-fatt li jintalab ħlas dirett mill-utenti għall-għoti ta' offerta kontenut speċjalizzat premium normalment jikkwalifika bħala attività kummerċjali. Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni, pereżempju, tikkunsidra li l-ħlas ta' tariffi ta' trażmissjoni għax-xandir ta' programmi bbilanċjati u varjati fuq pjattaformi ġodda bħal apparat mobbli ma tittrasformax l-offerta f'attività kummerċjali.

(51)  Pereżempju, il-Kummissjoni tikkunsidra li ċerti forom ta' trażmissjoni lineari, bħat-trażmissjoni simultanja tal-aħbarijiet ta' filgħaxija fuq it-TV fuq pjattaformi oħra (eż. l-internet, apparat mobbli), jistgħu jikkwalifikaw bħala mhux “ġodda” għall-iskopijiet ta' din il-Komunikazzjoni. +Jekk suriet oħra ta' trażmissjoni mill-ġdid ta' programmi ta' xandara pubbliċi fuq pjattaformi oħrajn japplikawx bħala servizzi sinifikanti ġodda, għandu jkun deċiż mill-Istati Membri, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifitajiet u l-karatteristiċi tas-servizzi inkwistjoni.

(52)  Ara n-nota tal-qiegħ Nru 40 dwar il-ġustifikazzjoni ta' SGEI tax-xandir.

(53)  Pereżempju, waħda mill-kwistjonijiet relevanti tista' tkun il-kunsiderazzjoni jekk ix-xandara tas-servizz pubbliku humiex kostantament joffru aktar għal drittijiet ta' pprogrammar premium b'tali mod li jmur lilhinn mill-mandat tas-servizz pubbliku u jirriżulta f'distorsjonijiet sproporzjonati fis-suq.

(54)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.