17.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/20


Avviż tal-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja

2009/C 224/10

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ għall-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (‘il-pajjiż ikkonċernat’), il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reviżjoni

It-talba tressqet fit-18 ta' Ġunju 2009 minn tliet produtturi Komunitarji: SGL Carbon, Erftcarbon u GrafTech (“l-applikanti”) li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ iktar minn 50 %, tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita.

2.   Il-prodott

Il-prodott suġġett għar-reviżjoni huwa elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-ifran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μΩ.m jew anqas, li bħalissa għandhom il-kodiċi NM ex 8545 11 00 u protuberanzi użati għal dawn l-elettrodi, li bħalissa għandhom il-kodiċi NM ex 8545 90 90 kemm jekk importati flimkien kif ukoll separatament, li joriġinaw fl-Indja (‘il-prodott ikkonċernat’).

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa huma nfurzati huma dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 (3) fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2008 (4).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba hija bbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx se twassal għall-issoktar jew għar-rikorrenza ta’ dumping u ħsara għall-industrija tal-Komunità.

L-allegazzjoni tal-issoktar tad-dumping fir-rigward tal-Indja hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet domestiċi, mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

Fuq din il-bażi, il-marġini tad-dumping ikkalkulat huwa sinifikanti.

Barra minn hekk, huwa wkoll allegat li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Indja komplew jidħlu fi kwantitajiet sinifikanti, u li dawn il-kwantitajiet x’aktarx li jibqgħu fil-livelli kurrenti tagħhom, jekk mhux jiżdiedu, fost oħrajn, minħabba l-potenzjal tal-faċilitajiet ta' manifattura tal-produtturi esportaturi.

Barra minn hekk, l-applikanti jallegaw li s-sitwazzjoni mtejba li hemm bħalissa fir-rigward tal-ħsara hija l-aktar dovuta għall-eżistenza tal-miżuri u li jekk l-importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet tad-dumping jissoktaw mill-pajjiżi kkonċernati, dan x'aktarx iwassal għar-rikorrenza ta’ aktar ħsara lill-industrija Komunitarja jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Il-proċedura

Wara li stabbilixxiet, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi biex tkun iġġustifikata t-tnedija ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Il-proċedura biex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ dumping u ħsara

L-investigazzjoni se tistabbilixxi jekk hux probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dumping u ta' ħsara.

(a)   Teħid ta' kampjuni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ partijiet involuti f’dan il-proċediment, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tieħu kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   It-teħid tal-kampjun ta’ importaturi

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni hux meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u skont il-formati indikati fil-punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefon u tal- u persuna ta' kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

il-volum f'tunnellati u l-valur f'EUR ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid magħmula fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu bejn l-1.7.2008 u t-30.6.2009 tal-prodott ikkonċernat impurtat li joriġina fl-Indja,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (5) involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, tiġi meqjusa li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe għaqda magħrufa ta’ importaturi.

(ii)   It-teħid ta' kampjun għall-produtturi Komunitarji

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni hux meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, biex tkun tista' tagħżel kampjun, il-produtturi kollha tal-Komunità jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qed jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u skont il-formati indikati fil-punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefon u tal-faks u persuna ta' kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fid-dinja kollha fir-rigward tal-produzzjoni tal-prodott simili matul il-perjodu bejn l-1.7.2008 u t-30.6.2009,

il-valur f'EUR tal-bejgħ tal-prodott simili li sar fis-suq Komunitarju matul il-perjodu bejn l-1.7.2008 u t-30.6.2009,

il-volum ta' bejgħ f'tunnellati tal-prodott simili magħmul fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu bejn l-1.7.2008 u t-30.6.2009,

il-volum ta' produzzjoni f'tunnellati tal-prodott simili matul il-perjodu bejn l-1.7.2008 u t-30.6.2009,

il-volum f'tunnellati importat fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat manifatturat fl-Indja matul il-perjodu bejn l-1.7.2008 u t-30.6.2009, jekk ikun il-każ,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (6) involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ tal-prodott simili (manifatturat fil-Komunità) u l-prodott ikkonċernat (manifatturat fl-Indja),

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, tiġi meqjusa li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

(iii)   L-għażla finali tal-kampjuni

Kull parti interessata li tixtieq tressaq xi tagħrif rilevanti dwar l-għażla tal-kampjuni għandha tagħmel dan fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni fi ħsiebha tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun għandhom iwieġbu għall-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni.

Jekk il-kooperazzjoni ma tkunx disponibbli, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha, skont l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, dwar il-fatti disponibbli. Sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli tista’ tkun anqas vantaġġuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

(b)   Il-kwestjonarji

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja inkluża fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi magħrufa fl-Indja, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi magħrufa, lill-importaturi fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-esportazzjoni kkonċernat.

(c)   Il-ġbir tal-informazzjoni u s-smigħ ta’ seduti

Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif għajr it-tweġibiet tal-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii).

5.2.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess Komunitarju

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ fejn il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara tkun ikkonfermata, għandu jkun stabbilit jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping kif inhuma hijiex se tkun kontra l-interess Komunitarju. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista’ tibgħat kwestjonarji lill-industrija, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur magħrufa fil-Komunità. Partijiet bħal dawn, inklużi dawk li ma tafx bihom il-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu jippreżentaw irwieħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii). Il-partijiet li jkunu aġixxew f'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta' smigħ, billi jippreżentaw ir-raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Ta’ min jinnota li kwalunkwe informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali fil-mument meta titressaq.

6.   Il-limiti taż-żmien

(a)   Il-limiti ġenerali ta’ żmien

(i)   Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

Kull parti interessata li ma kkooperatx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali, għandha titlob kwestjonarju jew formoli ta’ rikjesta oħrajn mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)   Għall-partijiet li jridu jippreżentaw ruħhom, biex jippreżentaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra.

Biex jitqiesu l-appelli tagħhom matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati kollha, għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali ddefiniti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta lilha nnifisha lill-Kummissjoni matul il-perjodu msemmi qabel.

Il-kumpaniji magħżula f'kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii).

(iii)   Is-seduti ta’ smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 40 jum.

(b)   Il-limitu speċifiku ta’ żmien fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni

(i)

It-tagħrif speċifikat fil-punti 5.1(a)(i) u 5.1(a)(ii) għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi l-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)

Kull tagħrif ieħor rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(iii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(iii)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

7.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati jridu jsiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti  (7)” u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/92

1049 Brussels

BELGIUM

Fax +32 22956505

8.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għal tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tkun konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi din ir-reviżjoni ta' skadenza qed titnieda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhumiex se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda se jwasslu biex dawk il-miżuri jiġu revokati jew miżmuma skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti fil-proċediment tqis li tkun meħtieġa reviżjoni tal-livell tal-miżuri biex tippermetti l-possibbiltà li jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista' titlob għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu reviżjoni ta' din ix-xorta, li ssir indipendentement mir-reviżjoni ta' skadenza msemmija f’dan l-avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz li jidher hawn fuq.

11.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (8).

12.   L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. Dan jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajls, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Smigħ tal-websajt tad-DĠ Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU C 34, 11.2.2009, p. 11.

(2)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(3)  ĠU L 295, 18.9.2004, p. 10.

(4)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 24.

(5)  Għall-gwida dwar it-tifsira ta’ “kumpaniji relatati”, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(6)  Ara nota 5 ta’ qiegħ il-paġna.

(7)  Dan ifisser li d-dokument ikun għall-użu intern biss. Id-dokument huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Hu dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Anti-dumping).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.