11.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 188/1


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-istat għat-taħriġ soġġetta għal notifika individwali

2009/C 188/01

1.   INTRODUZZJONI

1.

F’Marzu tas-sena 2000, il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona stabbilixxa mira strateġika għall-Unjoni Ewropea biex din issir l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja. Il-konklużjonijiet ta’ Liżbona enfasizzaw ir-rwol ċentrali tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala l-istrumenti prinċipali sabiex jiżdied il-kapital uman u l-impatt tiegħu fuq it-tkabbir, il-produttività u l-impjiegi. It-taħriġ ġeneralment għandu effetti esterni pożittivi għas-soċjetà kollha kemm hi billi jżid il-grupp ta’ ħaddiema mħarrġa li minnhom jistgħu jieħdu l-impriżi u jtejjeb il-kompetittività tal-ekonomija u jippromwovi soċjetà tal-għarfien li kapaċi tħaddan triq ta’ żvilupp iżjed innovattiva.

2.

Madankollu, l-impriżi jistgħu jipprovdu livell ta’ taħriġ inqas minn soċjalment ottimali jekk l-impjegati jkunu liberi li jibdlu lil min iħaddimhom u impriżi oħra jkunu jistgħu jgawdu milli jirreklutaw ħaddiema mħarrġa minnhom. Dan huwa minnu b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-taħriġ immirat lejn ħiliet li jistgħu jiġu trasferiti bejn l-impriżi. L-għajnuna mill-Istat tista’ tgħin sabiex toħloq inċentivi addizzjonali għal min iħaddem sabiex jipprovdi taħriġ f’livell li huwa mixtieq mis-soċjetà.

3.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi gwida dwar il-kriterji li l-Kummissjoni se tapplika għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna għat-taħriġ. Din il-gwida hija maħsuba biex tagħmel ir-raġunament tal-Kummissjoni trasparenti u biex toħloq previdibbiltà u ċertezza legali. Skont l-Artikolu 6(1)(g) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (1) kwalunkwe għajnuna individwali għat-taħriġ, kemm jekk tingħata ad hoc kif ukoll fuq il-bażi ta’ skema, se tkun soġġetta għal din il-gwida meta l-ekwivalenti tal-għotja tagħha taqbeż EUR 2 miljun għal kull proġett ta’ taħriġ.

4.

Il-kriterji stabbiliti f’din il-gwida mhux ser jiġu applikati b’mod mekkaniku. Il-livell tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni u t-tip ta’ informazzjoni li tista’ titlob se jkunu proporzjonati għar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-ambitu tal-analiżi se jiddependi fuq in-natura tal-każ.

2.   EFFETTI POŻITTIVI TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Eżistenza ta’ fallimenti tas-suq

5.

Ħaddiema mħarrġa jikkontribwixxu sabiex iżidu l-produttività u l-kompetittività tal-impriżi. Madankollu, min iħaddem u l-impjegati jistgħu ma jinvestux biżżejjed fit-taħriġ għal numru ta’ raġunijiet. L-impjegati jistgħu jillimitaw l-investimenti tagħhom fit-taħriġ jekk ma jkunux disposti għar-riskju, isofru minn limitazzjonijiet finanzjarji jew ikollhom diffikultajiet biex juru l-livell tal-għarfien li jkunu kisbu lil min iħaddimhom fil-ġejjieni.

6.

L-impriżi jistgħu joqogħdu lura milli jħarrġu lill-forza tax-xogħol tagħhom fil-livell li jkun ottimali għas-soċjetà kollha kemm hi. Dan huwa dovut għall-falliment tas-suq marbut mal-esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ u mad-diffikultajiet biex jiġu approprjati l-kirjiet jekk l-impjegati jkunu liberi li jibdlu lil min iħaddimhom. L-impriżi jistgħu jinvestu inqas fit-taħriġ, jekk ikunu mħassba li ladarba jiġi mħarreġ, impjegat jitlaq qabel ma l-impriża tkun irkuprat l-investiment tagħha. L-impriżi jistgħu ma jkunux daqshekk ħerqana li jipprovdu taħriġ suffiċjenti lill-ħaddiema tagħhom sakemm it-taħriġ ma jpattix lura malajr jew ikun pjuttost speċifiku għall-ħtiġijiet tal-impriża kkonċernata jew sakemm ċerti klawżoli kuntrattwali ma jkunux jistgħu jew iżommu lill-impjegat imħarreġ milli jħalli l-impriża qabel ma l-ispiża tat-taħriġ tkun ġiet ammortizzata jew (parti mill-)ispejjeż tat-taħriġ ikunu ġew irrimborżati.

7.

Investiment insuffiċjenti fit-taħriġ jista’ jseħħ ukoll jekk l-impriża tkun tista’ tirkupra b’mod sħiħ l-investiment tagħha iżda l-benefiċċji privati tagħha jkunu iżgħar mill-benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi. Tali esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ jistgħu jinħolqu b’mod partikolari jekk it-taħriġ itejjeb ħiliet li jistgħu jiġu trasferiti; jiġifieri ħiliet li jistgħu jintużaw f’iżjed minn impriża waħda. B’kuntrast, taħriġ speċifiku jħalli biss żidiet fil-produttività f’impriża speċifika u jista’ jiġi faċilment approprijat mill-impriżi (2). Għalhekk il-possibbiltà li t-taħriġ speċifiku joħloq esternalitajiet pożittivi hija inqas qawwija mill-possibbiltà li t-taħriġ ġenerali joħloq tali esternalitajiet.

8.

Fejn l-impriżi huma ffaċċjati bi spejjeż ogħla u benefiċċji inċerti għat-taħriġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità (3) jista’ jkun hemm inċentiv biex jipprovdu inqas taħriġ lil dawn il-gruppi. Madankollu, it-taħriġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità huwa ġeneralment mistenni li jipproduċi esternalitajiet pożittivi għas-soċjetà kollha kemm hi (4).

9.

L-Istati Membri għandhom juru li hemm falliment tas-suq li jiġġustifika l-għajnuna. Fl-analiżi tagħha, fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

(1)

In-natura tat-taħriġ – jekk huwiex speċifiku jew ġenerali fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008; proġett wieħed ta’ taħriġ jista’ jinkludi elementi kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi; taħriġ ġenerali jipproduċi aktar esternalitajiet pożittivi.

(2)

It-trasferibbiltà tal-ħiliet miksuba waqt it-taħriġ; aktar ma jkunu trasferibbli l-ħiliet, aktar ikun hemm probabbiltà ta’ esternalitajiet pożittivi; it-taħriġ se jkun ikkunsidrat li jipprovdi ħiliet trasferibbli jekk, pereżempju:

(a)

it-taħriġ jiġi organizzat b’mod konġunt minn diversi impriżi indipendenti, jew jekk jistgħu jibbenefikaw mit-taħriġ impjegati ta’ impriżi differenti;

(b)

it-taħriġ ikun iċċertifikat, iwassal għal diploma rikonoxxuta jew jiġi validat minn awtoritajiet jew istituzzjonijiet pubbliċi;

(ċ)

it-taħriġ ikun immirat lejn il-kategoriji ta’ impjegati li huma kkaratterizzati minn tibdil qawwi fl-impriża u fis-settur ikkonċernat;

(d)

it-taħriġ jista’ jkun utli għall-impjegat lil hinn mix-xogħol attwali tiegħu (impjiegi futuri f’impriża oħra, il-ħajja soċjali, il-benesseri, eċċ.).

(3)

Il-parteċipanti fit-taħriġ: l-inklużjoni ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità tista’ żżid l-esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ.

2.2.   L-għajnuna mill-Istat bħala strument politiku adegwat

10.

L-għajnuna mill-Istat mhijiex l-uniku strument politiku disponibbli għall-Istati Membri biex jinkoraġġixxu t-taħriġ. Ħafna mit-taħriġ jiġi pprovdut mis-sistemi edukattivi (pereżempju universitajiet, skejjel, taħriġ vokazzjonali mwettaq jew sponsorjat minn awtoritajiet tal-Istat). It-taħriġ jista’ jiġi segwit ukoll mill-individwi nfushom, bi jew mingħajr l-appoġġ ta’ min iħaddimhom.

11.

Meta l-Istat Membru jkun ikkunsidra għażliet politiċi oħrajn, u l-vantaġġi li jintuża strument selettiv bħall-għajnuna mill-Istat għal impriża speċifika jkunu stabbiliti, il-miżuri kkonċernati jitqiesu li jikkostitwixxu strument adegwat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tieħu inkunsiderazzjoni kull valutazzjoni tal-impatt tal-miżura proposta li l-Istat Membru jista’ jkun għamel.

2.3.   L-effett ta’ inċentiv u l-ħtieġa tal-għajnuna

12.

L-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ trid twassal biex il-benefiċjarju tal-għajnuna jibdel l-imġiba tiegħu sabiex jipprovdi iżjed taħriġ u/jew taħriġ aħjar milli kieku kien jagħmel mingħajr l-għajnuna. Jekk ma jkunx hemm tali żieda fil-kwantità jew fil-kwalità tal-attivitajiet ippjanati ta’ taħriġ, l-għajnuna ma titqiesx li għandha effett ta’ inċentiv.

13.

L-effett ta’ inċentiv huwa identifikat b’analiżi kontrofattwali, li tqabbel il-livelli tat-taħriġ intenzjonat bl-għajnuna u mingħajr għajnuna. Ħafna persuni li jħaddmu jħossuh bżonn li jħarrġu lill-impjegati tagħhom sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-impriżi tagħhom. Wieħed ma jistax jassumi li dejjem hija meħtieġa għajnuna mill-Istat għat-taħriġ, speċjalment għal taħriġ speċifiku.

14.

L-Istati Membri għandhom juru lill-Kummissjoni l-eżistenza tal-effett ta’ inċentiv u l-ħtieġa tal-għajnuna. L-ewwel nett, il-benefiċjarju jrid ikun issottometta applikazzjoni għall-għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat qabel ma jkun beda l-proġett ta’ taħriġ. It-tieni nett, l-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna mill-Istat twassal għal żieda, bi tqabbil ma’ sitwazzjoni mingħajr għajnuna, fid-daqs, kwalità, ambitu jew parteċipanti fil-mira tal-proġett ta’ taħriġ. L-ammont addizzjonali ta’ taħriġ offrut bl-għajnuna jista’ jintwera, pereżempju, permezz ta’ numru akbar ta’ sigħat jew korsijiet ta’ taħriġ, numru akbar ta’ parteċipanti, bidla minn taħriġ speċifiku għall-impriża għal taħriġ ġenerali, jew żieda fil-parteċipazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità.

15.

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni se tikkunsidra, fost affarijiet oħra, l-elementi li ġejjin:

(a)

id-dokumenti interni tal-benefiċjarju tal-għajnuna dwar l-ispejjeż, il-baġits, il-parteċipanti, il-kontenut u l-iskedar tat-taħriġ għal żewġ xenarji: it-taħriġ bl-għajnuna u t-taħriġ mingħajr għajnuna;

(b)

l-eżistenza ta’ obbligu legali għal min iħaddem sabiex jipprovdi ċertu tip ta’ taħriġ (pereżempju, sigurtà): jekk ikun jeżisti obbligu bħal dan, il-Kummissjoni normalment tikkonkludi li m’hemm ebda effett ta’ inċentiv;

(ċ)

il-kredibbiltà tal-proġett ippreżentat, pereżempju, billi ssir referenza għal u jiġi mqabbel ma’ baġits tat-taħriġ għal snin preċedenti;

(d)

ir-relazzjoni bejn il-programm ta’ taħriġ u l-attivitajiet kummerċjali tal-benefiċjarju tal-għajnuna: aktar ma tkun mill-qrib ir-relazzjoni, inqas ikun probabbli l-effett ta’ inċentiv. Pereżempju, it-taħriġ dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida f’settur speċifiku mhuwiex probabbli li jkollu effett ta’ inċentiv billi l-impriżi ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jħarrġu lill-impjegati tagħhom dwar it-teknoloġija ġdida li ddaħħlet.

2.4.   Proporzjonalità tal-għajnuna

16.

L-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna hija meħtieġa u li l-ammont qiegħed jinżamm baxx kemm jista’ jkun sabiex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna.

L-ispejjeż eliġibbli jridu jiġu kkalkulati skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 u jkunu limitati għall-ispejjeż li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ taħriġ li ma kinux isiru mingħajr l-għajnuna.

L-Istati Membri jridu jipprovdu evidenza li l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx il-parti tal-ispejjeż eliġibbli li ma tistax tiġi approprijata mill-impriża (5). Fi kwalunkwe każ, l-intensitajiet tal-għajnuna qatt ma jridu jaqbżu l-dawk stabbiliti fl-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 u se jiġu applikati għall-ispejjeż eliġibbli (6).

3.   EFFETTI NEGATTIVI TAL-GĦAJNUNA

17.

Jekk l-għajnuna tkun proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna, l-effetti negattivi tal-għajnuna x’aktarx ikunu limitati u għandu mnejn li analiżi tal-effetti negattivi ma tkunx meħtieġa. (7) Madankollu, f’xi każijiet, anki fejn l-għajnuna tkun meħtieġa u proporzjonata għal impriża speċifika sabiex iżżid l-ammont ta’ taħriġ ipprovdut, l-għajnuna tista’ twassal għal bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinifikanti. F’dawn il-każijiet il-Kummissjoni se tagħmel analiżi komprensiva tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-kobor tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna jista’ jvarja skont l-arranġamenti tal-għajnuna u l-karatteristika tas-swieq affettwati (8).

18.

L-arranġamenti tal-għajnuna li jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà u l-kobor tad-distorsjoni huma:

(a)

is-selettività;

(b)

id-daqs tal-għajnuna;

(ċ)

ir-ripetizzjoni u t-tul tal-għajnuna;

(d)

l-effett tal-għajnuna fuq l-ispejjeż tal-impriża.

19.

Pereżempju, skema ta’ taħriġ li tintuża biex tinkoraġġixxi lill-impriżi in generali fi Stat Membru sabiex jagħmlu aktar taħriġ x’aktarx ikollha effett differenti fuq is-suq minn ammont kbir ta’ għajnuna mogħti lil impriża waħda sabiex din tkun tista’ żżid it-taħriġ tagħha. Din tal-aħħar x’aktarx toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod aktar sinifikanti billi l-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna jsiru inqas kapaċi li jikkompetu (9). Id-distorsjoni tkun saħansitra akbar jekk l-ispejjeż tat-taħriġ fin-negozju tal-benefiċjarju jirrappreżentaw sehem kbir mill-ispejjeż totali.

20.

Fil-valutazzjoni tal-karatteristiċi tas-suq, li jistgħu jagħtu stampa ferm aktar preċiża tal-impatt probabbli ta’ għajnuna, il-Kummissjoni se tikkunsidra fost ħwejjeġ oħra:

(a)

l-istruttura tas-suq; u

(b)

il-karatteristiċi tas-settur jew tal-industrija.

21.

L-istruttura tas-suq se tiġi vvalutata fid-dawl tal-konċentrazzjoni tas-suq, id-daqs tal-impriżi (10), l-importanza tad-divrenzjar tal-prodotti (11) u l-ostakli għad-dħul u l-ħruġ. L-ishma tas-suq u l-proporzjonijiet tal-konċentrazzjoni se jiġu kkalkulati ladarba jiġi definit is-suq rilevanti. B’mod ġenerali, inqas ma jkun hemm impriżi, akbar ikun is-sehem tagħhom tas-suq, u inqas tkun il-kompetizzjoni li wieħed jistenna li josserva (12). Jekk is-suq affettwat ikun ikkonċentrat b’ostakli kbar għad-dħul (13) u l-benfiċjarju tal-għajnuna jkun operatur sinifikanti fih, ikun aktar probabbli li l-kompetituri jkollhom ibiddlu l-imġiba tagħhom b’reazzjoni għall-għajnuna.

22.

Waqt li tkun qiegħda teżamina l-karatteristiċi tas-settur, il-Kummissjoni se tqis fost affarijiet oħra l-importanza tal-ħaddiema mħarrġa għan-negozju, l-eżistenza ta’ kapaċità eċċessiva, jekk is-swieq fl-industrija humiex qegħdin jikbru, humiex maturi jew humiex sejrin lura, l-istrateġiji tal-finanzjament tal-kompetituri għat-taħriġ (għajnuna mill-istat, impjegati, min iħaddem). Pereżempju, l-għajnuna għat-taħriġ f’industrija li sejra lura tista’ żżid ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi żżomm impriża ineffiċjenti għaddejja.

23.

F’każijiet partikolari, l-għajnuna għat-taħriġ tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda d-dħul fis-suq u l-ħruġ minnu, l-effett fuq il-flussi tal-kummerċ u l-eliminazzjoni tal-investiment fit-taħriġ

Dħul fis-suq u ħruġ minnu

24.

F’suq kompetittiv, impriżi jbigħu prodotti li jiġġeneraw il-qligħ. Billi tibdel l-ispejjeż, l-għajnuna mill-Istat tibdel il-profittabbiltà, u tista’ għalhekk taffettwa d-deċiżjoni tal-impriża jekk toffrix prodott jew le. Pereżempju, għajnuna mill-Istat li tnaqqas l-ispejjeż rikorrenti tal-produzzjoni, bħalma hu t-taħriġ għall-impjegati, tagħmel id-dħul fis-suq aktar attraenti u tagħmilha possibbli għal impriżi li altrimenti jkollhom prospetti kummerċjali dgħajfa biex jidħlu fis-suq jew jintroduċu prodotti ġodda għad-detriment ta’ kompetituri aktar effiċjenti.

25.

Id-disponibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat tista’ taffettwa wkoll id-deċiżjoni ta’ impriża li toħroġ minn suq li fih tkun diġà qed topera. L-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ tista’ tnaqqas id-daqs tat-telf u tagħmilha possibbli li impriża tibqa’ fis-suq għal żmien itwal – li jista’ jfisser li impriżi oħra, iżjed effiċjenti li ma jeħdux għajnuna jkunu sfurzati joħorġu huma minflok.

Effett fuq il-flussi tal-kummerċ

26.

L-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ tista’ twassal biex ċerti territorji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ produzzjoni aktar favorevoli minn oħrajn. Dan jista’ jwassal għall-ispostament tal-flussi tal-kummerċ favur ir-reġjuni fejn tingħata tali għajnuna.

Eliminazzjoni tal-investiment fit-taħriġ

27.

Biex jissopravvivu fis-suq u jimmassimizzaw il-profitti, l-impriżi għandhom inċentivi sabiex jinvestu fit-taħriġ tal-ħaddiema. L-ammont ta’ investiment fit-taħriġ li kull impriża hija lesta li tagħmel jiddependi wkoll fuq kemm jinvestu l-kompetituri tagħha. L-impriżi li jkunu ssussidjati mill-istat jistgħu jnaqqsu l-investiment tagħhom stess. Inkella, jekk l-għajnuna ġġiegħel lill-benefiċjarju tal-għajnuna jinvesti aktar, il-kompetituri jistgħu jirreaġixxu billi jnaqqsu n-nefqa tagħhom fuq it-taħriġ. Jekk, biex jiksbu l-istess għan, il-benefiċjarji tal-għajnuna jew il-kompetituri tagħhom jonfqu inqas fil-preżenza tal-għajnuna milli fin-nuqqas tagħha, l-investiment privat tagħhom fit-taħriġ tal-ħaddiema jiġi eliminat mill-għajnuna.

4.   IBBILANĊJAR U DEĊIŻJONI

28.

L-aħħar pass fl-analiżi huwa li jiġi evalwat sa fejn l-effetti pożittivi tal-għajnuna jegħlbu l-effetti negattivi tagħha. Dan l-eżerċizzju se jsir abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ. Sabiex jiġu bbilanċjati l-effetti pożittivi u negattivi, il-Kummissjoni se tevalwahom u tagħmel valutazzjoni globali tal-impatt tagħhom fuq il-produtturi u l-konsumaturi f’kull wieħed mis-swieq affettwati. Sakemm informazzjoni kwantitattiva ma tkunx disponibbli faċilment, il-Kummissjoni se tuża informazzjoni kwalitattiva għall-finijiet tal-valutazzjoni.

29.

Il-Kummissjoni x’aktarx tieħu pożizzjoni aktar pożittiva u għalhekk taċċetta grad ogħla ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jekk l-għajnuna tkun meħtieġa, immirata tajjeb u proporzjonata għal impriża speċifika biex iżżid l-attivitajiet ta’ taħriġ tagħha u biex is-soċjetà tibbenefika mit-taħriġ żejjed ipprovdut aktar mill-benefiċjarju tal-għajnuna.


(1)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3. Għal għajnuna ad hoc għat-taħriġ lil impriża kbira taħt il-limitu ta’ EUR 2 miljun, il-Kummissjoni se tapplika mutatis mutandis il-prinċipji kif spjegati f’din il-Komunikazzjoni, għalkemm b’mod inqas dettaljat.

(2)  Madankollu, l-esternalitajiet tat-taħriġ ġenerali jistgħu jiġu approprijati wkoll mill-impriżi permezz ta’ klawżoli speċjali fil-kuntratti li jeħtieġu lill-impjegat imħarreġ jibqa’ fl-impriża għal perjodu definit ta’ żmien wara li huwa jkun irċieva tali taħriġ.

(3)  Il-ħaddiema b’diżabilità u żvantaġġati huma definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008.

(4)  Pereżempju, soċjetà tagħti iżjed valur lit-taħriġ li jirċievu ħaddiema żgħażagħ u bi ftit ħiliet milli tagħmel impriża minħabba produttività perċepita jew reali aktar baxxa.

(5)  Din tikkorrispondi għal dik il-parti tal-ispejjeż żejda tat-taħriġ li l-impriża ma tistax tirkupra billi tibbenefika direttament mill-ħiliet miksuba mill-impjegati tagħha waqt it-taħriġ.

(6)  Ara wkoll il-prattika attwali fil-każisitika, pereżempju, C 35/2007, Għajnuna għat-taħriġ lil Volvo Cars f'Gent, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/948/KE tat-23 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri mill-Ġermanja għall-benefiċċju tad-DHL u tal-ajruport Leipzig/Halle (ĠU L 346, 23.12.2008, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/612/KE tal-4 ta’ April 2007 rigward l-għajnuna mill-Istat C 14/06 li l-Belġju qed jippjana biex iwettaq favur ta’ General Motors Belgium f’Antwerp (ĠU L 243, 18.9.2007, p. 71).

(7)  Barra minn hekk, kieku s-suq tax-xogħol jaħdem perfettament, l-impjegati dejjem jistgħu jieħdu salarju akbar għall-ħiliet imtejba tagħhom minħabba t-taħriġ li rċevew u jassimilaw l-esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ.

(8)  Numru ta’ swieq jistgħu jiġu affettwati mill-għajnuna, minħabba li l-impatt tal-għajnuna jista’ ma jkunx ristrett għas-swieq fejn ikun attiv il-benefiċjarju tal-għajnuna iżda jista’ jestendi għal swieq oħra, pereżempju għas-swieq tal-input.

(9)  Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-għajnuna għat-taħriġ mogħtija lil settur sħiħ fi Stat Membru wieħed tista’ twassal għal distorsjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(10)  Id-daqs tal-impriża jista’ jiġi mfisser f’termini ta’ ishma tas-suq kif ukoll ta’ fatturat u/jew ta’ impjieg.

(11)  Iktar ma jkun baxx il-grad ta’ diffrenzjar tal-prodotti, ikbar ikun l-effett tal-għajnuna fuq il-profitti tal-kompetituri.

(12)  Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li xi swieq huma kompetittivi minkejja li ftit hemm impriżi preżenti.

(13)  Ta’ min jinnota, madankollu, li xi kultant l-għoti ta’ għajnuna jgħin sabiex jingħelbu l-ostakli għad-dħul u jippermetti impriżi ġodda jidħlu fis-suq.