8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/14


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 186/09

Din il-pubblikazzjoni tagħti dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“CHORIZO RIOJANO”

Nru tal-KE: ES-PGI-0005-0654-16.10.2007

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Chorizo Riojano”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott (skont il-klassifikazzjoni tal-Anness II):

Klassi 1.2.

Prodotti tal-laħam

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bl-isem indikat fil-punt (1):

Iċ-“Chorizo Riojano” huwa tip ta’ chorizo li jissejjaħ “en sarta”, jagħmel parti mill-kategorija Extra u ma fihx addittivi, u jiġi prodott fit-territorju tal-Comunidad Autónoma ta' La Rioja bil-karatteristiċi li ġejjin.

Karatteristiċi morfoloġiċi

Iċ-chorizo kopert b'din l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta huwa kkaraterizzat mill-forma ta' ittra U jew ta' nagħla bejn wieħed u ieħor ċilindrika, ta' daqs ta' 30-40 mm u b'piż massimu ta' 200 gramm, b'konsistenza soda u kompatta, ġeneralment imkemmex fid-dehra, qasir, lixx u marbut sew, mingħajr kuluri anormali u b'differenza ċara bejn il-biċċiet tal-laħam u dawk tax-xaħam.

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi

Umdità: massimu ta' 45 %

Proporzjon ta' kollaġen/proteina: massimu ta' 14 %

Xaħam fuq il-materja xotta: massimu ta' 57,0 %

Nitrati espressi f'NaNO3: massimu ta' 100 ppm

Nitrati espressi f'NaNO2: massimu ta' 20 ppm

Total ta' fosfati, espressi f'P2O5: massimu ta' 7 500 ppm

(korrispondenti għall-kontenut naturali tal-laħam, mingħajr fosfati miżjuda)

Karatteristiċi organolettiċi

Aroma bbilanċjata u qawwija, persistenti, l-iktar ta' bżar aħmar, bi ħjiel ta' tewm; bla rwejjaħ ta' tranġit jew ta' mrar. Togħma qawwija, persistenti, ibbilanċjata bejn dgħif u xaħam; ftit aċiduża, pikkanti meta jintuża l-bżar pikkanti, mingħajr togħmiet ta' tranġit jew anormali. Konsistenza bbilanċjata, magħquda sew, li tista' tomgħodha sew mingħajr ma tkun wisq gommuża.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Laħam u xaħam li jiddistingwu ruħhom bil-karatteristiċi tajbin tagħhom għall-industrija tal-majjal, b'dgħif ta' ħnieżer maskili kkastrati jew femminili, mingħajr nervituri, u żaqq jew dgħif bla ġilda, imħawwar b'melħ niexef u fin, bżar tal-kategorija “extra” 100 %, u tewm naturali, frisk u mqaxxar. Dawn l-ingredjenti kollha jiddaħħlu fi msaren naturali tal-majjal.

Ix-xaħam li jiżdied mal-ingredjenti l-oħra għandu jkun konsistenti, u ma jistgħux jintużaw porzjonijiet ta' xaħam addominali artab jew kremuż minħabba li dan, meta jitqatta' f'kapuljat, jinħall u jerħi x-xaħam waqt li z-zalzett ikun qed jimmatura. Mill-banda l-oħra, il-kwantità miżjuda trid tkun imnaqqsa –mingħajr ma taqbeż fl-ebda każ il-57 % fuq il-materja xotta–, minħabba li din hija waħda mill-kwalitajiet ewlenin li jiddistingwu iċ-Chorizo Riojano minn oħrajn, li jinbidlilhom f'daqqa waħda il-pH, bil-konsegwenza ta' diffikultajiet waqt il-maturazzjoni u iktar tard waqt il-konservazzjoni.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Il-fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Preparazzjoni tal-materja prima

L-industriji tal-laħam u li jipproduċu ċ-Chorizo Riojano, għandhom ikunu kapaċi jirċievu l-karkassi u/jew il-biċċiet tal-laħam b'mod korrett, iżommuh f'kundizzjonijet adegwati, u jaraw li dejjem jevitaw li jitbaxxa l-livell tal-pH jew li jinbidel il-kulur u/jew il-konsistenza. Mal-wasla fl-azjenda għandhom isiru eżami u analiżi xierqa biex jiġi vverifikat li l-laħam huwa pur.

L-operazzjonijet ta' qsim, tneħħija tal-għadam u qtugħ f'biċċiet, iridu jsiru kemm jista' jkun malajr, biex jiġi evitat li jkun hemm akkumulu ta' laħam fiż-żona fejn jitwettqu dawn l-operazzjonijiet.

Is-sala fejn jiġi manifatturat il-laħam trid tkun mgħammra bl-arja kundizzjonata b'temperatura massima ta' 12 °C.

Tkessiħ tal-laħam u tax-xaħam qabel ma jitqatta' kapuljat

Il-kmamar tat-tkessiħ fejn jiġu kkonservati l-karkassi għandu jkollhom sistemi ta' dendil b'tali mod li jiġi evitat il-kuntatt bejn karkassa u oħra.

Tqattigħ f'kapuljat tal-laħam u tax-xaħam fid-daqsijiet rikjesti skont il-prodotti

Il-produzzjoni taċ-Chorizo Riojano għandha ssir separatament –mil-lat fiżiku kif ukoll temporali– mill-bqija tal-prodotti, inklużi chorizo ta' kategoriji differenti.

Il-laħam li jkun lest għall-ipproċessar ikun matur u aċidifikat, mingħajr ma jiġi ffriżat, b'pH ta' inqas minn 6,3, b'tali mod li jkun jista' jimmatura faċilment, filwaqt li jkun żgurat l-inxif tal-mili.

Huwa importanti wkoll li l-laħam ma jkunx fih kontenut ta' ilma, u jekk dan ikun il-każ, l-ilma għandu jitħalla joqtor mill-biċċiet tal-laħam.

Ladarba jkunu lesti, il-biċċiet u l-kapuljat tal-laħam u tax-xaħam ikunu mqattgħin irqiq ħafna, u l-biċċiet tal-laħam iridu jkunu nodfa biex b'hekk titnaqqas il-ħsara li tiġi kkawżata mill-katina ta' proteini li jifformaw il-konsistenza tal-prodott kif ukoll iċ-ċelluli imxaħħmin ħafna, b'mod li jiffavorixxi t-twaħħil tal-biċċiet ma' xulxin, l-inxif isir sew u tiġi żgurata d-dehra karatteristika tat-tqattigħ aħħari.

Iż-żoni kollha tal-produzzjoni jridu jkunu mgħammra b'arja kundizzjunata u l-umdità relattiva, iċ-ċirkulazzjoni u t-tibdil tal-arja jridu jkunu adattati f'sens teknoloġiku, iġjeniku u sanitarju.

Żieda tal-melħ, tal-bqija tal-kondimenti u tal-ħwawar

Ladarba l-laħam u x-xaħam jitqatta' kapuljat, jiżdiedu l-melħ fin u niexef, tewm naturali u mqaxxar, bżar aħmar tal-kategorija “extra” 100 %, u bżar aħmar tat-tip “cayenne” fil-każ taċ-chorizo pikkanti.

Taħlit u tgħaqqid tal-ingredjenti

Wara li titqatta' l-materja prima u wara ż-żieda tal-bqija tal-ingredjenti, isir it-taħlit ta' kollox filwaqt li jiġi żgurat li titneħħa l-arja kollha maqbuda fit-taħlita, biex b'hekk il-komponenti kollha jgħaqqdu aħjar flimkien u jiġi evitat li ċ-chorizo ma jitfarrakx meta jitqatta'.

Wara dan, huwa importanti li l-ingredjenti jerġgħu jitgħaqqdu flimkien f'kontenitur fil-vakwu biex tinkiseb il-konsistenza ideali tat-taħlita tal-kapuljat.

Perjodu meta t-taħlita titħalla toqgħod u tiksaħ

Meta jitlestew it-tqattigħ, it-taħlit u t-tgħaqqid, it-taħlita titħalla toqgħod għal perjodu ta' bejn 12 u 24 siegħa qabel ma jibda l-mili.

Il-kmamar tat-tkessiħ għal dan l-għan iridu jkunu indipendenti mill-bqija u jkollhom temperatura ta' bejn 0 u 6 °C.

Mili fl-imsaren naturali tal-majjal

Meta t-taħlita tkun lesta jibda l-proċess tal-mili tal-imsaren naturali tal-majjal. Iż-żnienen ikunu lixxi u mhux twal iżżejjed biex tiġi evitata żieda fit-temperatura. Għall-istess raġuni t-taħlita trid tiddaħħal fil-musrana bi pressjoni li tkun qawwija biżżejjed, għax jekk il-mili ma jsirx sew jirriżultaw xi spazji vojta fiz-zalzett li mbagħad jaffettwaw il-kulur tat-taħlita jew jimmuffawha.

L-imsaren naturali jridu jkunu nodfa għalkollox, bl-ebda sinjal ta' kambjament, qtugħ jew sinjali ta' mard li ma jippermettux l-użu tagħhom bħala ikel għall-bniedem.

L-imsaren jinħaslu minn qabel biex jiksbu l-elastiċità u jadattaw ruħhom sew għat-taħlita, mingħajr ma jinfirdu minn xulxin u mingħajr ma jiffurmaw tikmix.

Irbit

Meta t-taħlita tiddaħħal fil-musrana, jibda x-xogħol tal-irbit bi spag tal-qoton abjad, jew aħmar fil-każ li ċ-chorizo ikun pikkanti.

Maturazzjoni matul perjodu relattivament twil

Il-maturazzjoni ssir billi z-zalzett jitħalla mdendel f'postijiet ventilati b'kundizzjonijet b'temperatura ta' 16 °C jew inqas u umdità relattiva u arja adegwata sabiex il-prodott ikun jista' jitlef mill-umdità tiegħu u jikseb il-konsistenza, l-aroma u l-kulur u t-togħma karatteristiċi, sakemm il-maturazzjoni ma ssirx f'postijiet tat-tnixxif naturali fejn it-temperatura tista' tilħaq l-20 °C.

Sabiex jiġu kkontrollati l-kundizzjonijiet ta' maturazzjoni, (temperatura, umdità relattiva u ventilazzjoni) u sabiex dawn jinżammu kostanti, wieħed jista' jirrikorri għal kmamar speċjali fejn wieħed jista' jirregola kif irid u b'mod awtomatiku dawk il-kundizzjonijiet.

Waqt il-proċess ta' fermentazzjoni jew ta' maturazzjoni, l-azjendi jużaw post viżibbli u aċċessibli, u apparat ta' kontroll biex ikunu jistgħu jivverifikaw kontinwament it-temperatura u l-umdità minbarra l-iżvilupp tal-prodott protett.

Tnixxif fi kmamar mgħammra b'arja kundizzjonata jew f'ambjenti naturali

Ladarba titlesta l-maturazzjoni, iz-zalzett jittieħed għall-fażi ta' wara l-maturazzjoni u tat-tnixxif f'postijiet fejn jiddendel jew jitnixxef, u jibqa’ hemm sa tmiem il-proċess tal-maturazzjoni tiegħu. Matul din il-fażi tal-aħħar, fiċ-chorizo jkomplu jseħħu l-proċessi tal-mikrobi u tal-enżimi tal-maturazzjoni, li permezz tagħhom il-prodott jistabbilixxi l-kulur u l-aroma tiegħu. Iż-żmien ta' maturazzjoni taċ-Chorizo Riojano jvarja, skont it-tul u/jew id-dijametru tal-prodott. F'każijiet fejn il-prodott iġarrab xi forma ta' tikmix, bżieżaq tal-arja jew kwalunkwe difett ieħor, il-prodott irid jitwarrab.

3.6.   Regoli speċjali ta' kif jitqatta', jitfarrak, jiġi ppakkjat, eċċ.:

3.7.   Regoli speċjali dwar it-tikkettar:

Il-prodott irid ikun akkumpanjat b'tikketta ta’ wara numerata, u mibgħuta mill-Bord Regolatorju, fejn tissemma l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Chorizo Riojano”, flimkien mal-logo tiegħu. Din it-tikketta ta' wara titwaħħal mill-produttur taċ-chorizo b'tali mod li ma tkunx tista' terġa’ tintuża.

L-industriji ta' trasformazzjoni koperti mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Chorizo Riojano” jridu jkunu rregistrati fir-Reġistri korrispondenti, minħabba li huma għandhom f'idejhom ir-responsabbiltà ewlenija tat-twettiq ta' kulma huwa speċifikat f'din l-indikazzjoni.

Il-Bord Regolatorju jkun inkarigat li jżomm aġġornat dan ir-Reġistru.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Iż-żona ta' produzzjoni, maturazzjoni, tnixxif u tikkettar hija mifruxa fuq it-territorju tal-Comunidad Autónoma ta' La Rioja.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-fattur naturali: Iż-żona ġeografika definita tiġi affettwata minn tliet influwenzi klimatiċi: bis-saħħa ta' din il-kombinazzjoni ta' klimi, La Rioja hija l-post ideali għall-maturazzjoni u t-tnixxif naturali ta' dan il-prodott, fejn it-tibdil fiżiku u kimiku li jseħħ fil-mili taz-zalzett isir bil-mod u sew, u jiffavorixxi d-dehra tal-prodott maqtugħ, it-togħma u l-aroma tant karatteristika tiegħu.

Illum il-ġurnata, dan il-fattur klimatiku tilef mir-relevanza tiegħu minħabba li l-aħħar fażijiet ta' produzzjoni jsiru fi kmamar fejn l-atmosfera hija kkontrollata u l-ventilazzjoni, l-indewwa u t-temperatura jistgħu jiġu rregolati, iżda dejjem skont il-klimatolġija preżenti fiż-żona, u għalhekk din tibqa’ tilgħab rwol importanti.

Il-fattur uman: Dak li verament jiddistingwi ċ-Chorizo Riojano mill-bqija huwa l-metodu ta' preparazzjoni tradizzjonali li ilu jintuża sa mill-qedem u li ġie mgħoddi b'suċċess fl-industrija tal-produzzjoni taċ-Chorizo Riojano.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta tista' tkopri biss liċ-“Chorizo Riojano”, lil tipi ta' chorizo tal-kategorija “extra”, prodotti skont it-tradizzjoni, f'azjendi rreġistrati fejn isir kontroll effikaċi ta' kull fażi tal-proċess, tal-maturazzjoni, it-tnixxif u it-tikkettar, minbarra l-kontrolli ta' kwalità u ta' manipulazzjoni tal-materja prima. Jitqiegħed fis-suq esklussivament, u b'garanzija tal-oriġini tiegħu permezz tal-Indikazzjoni Ġeografika Proetta, iċ-Chorizo Riojano li jgħaddi minn dawn il-kontrolli kollha li jsiru matul il-proċess sħiħ.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP):

Tradizzjoni storika u reputazzjoni tal-prodott: Tradizzjonalment, f'La Rioja, mal-bidu tal-kesħa tal-muntanji, kienet tinbeda l-qatla jew il-“moragas” u kien jiġi ppreparat iċ-chorizo bil-laħam tal-majjal. Iċ-Chorizo f'La Rioja kien jiġi prodott għas-sena kollha u kellu jservi sa żmien il-qtugħ tal-għeneb fil-Ħarifa, u għalhekk, l-għarfien popolari dwar il-produzzjoni u l-maturazzjoni taċ-chorizo, li huwa tant diffiċli biex isir u jiġi kkonservat sew, huwa ta' importanza vitali. Illum il-ġurnata hemm żoni mxerrdin fiż-żona ta' La Rioja, speċjalment fiż-żona tal-muntanji, fejn dawn it-tekniki għadhom jitħaddmu b'mod regolari.

Fis-seklu XIX bdew l-ewwel industriji tal-ipproċessar taz-zalzett f'La Rioja u l-ewwel azjendi familjari bdew ibigħu l-prodotti tagħhom fl-istess raħal jew f'dawk tal-madwar. B'dan il-mod, u skont l-“Archivo Histórico Municipal”, l-ewwel data li tirreferi għal “fabbrika taz-zalzett li tinsab f'Logroño” hija tal-1890. Dokument tal-istess sena 1890 fih deskrizzjoni ta' Julio Farias –industrijalist u avvukat– dwar kif huwa kien jibgħat iċ-chorizo minn La Rioja lejn Kuba b'mod li jasal fl-aħjar kundizzjonijiet: “f'bottijiet midlukin sew bix-xaħam u li jgħaddu mill-proċess tal-banju marija biex ikunu jistgħu jifilħu għal dik it-temperatura mingħajr ma jsirilhom l-ebda kambjament”. Sa dak iż-żmien diġà kien ħejja avviżi –“prospetti, ċirkolarijiet u forom oħra ta' rriklamar”, jgħid hu– u kien juri l-fiduċja tiegħu fil-kwalità ta’ dawk il-prodotti: “[…] għalkemm l-Istati Uniti jikkompetu bil-kbir fil-prezz tal-prodott, il-kwalità tal-art hija bil-wisq aħjar, u dan jixhdu l-fatt li saħansitra l-iktar fqir jippreferih għalkemm jiswielu iktar”.

Mill-banda l-oħra, Javier Herce Galarreta, fil-kapitlu VII iddedikat lill-majjal, fil-ktieb tiegħu li jiġbor artikli varji ppubblikati f'La Gaceta del Norte fl-1979, jgħid: “L-importanza tal-majjal f'La Rioja hija enormi, mhux biss meta kkonsmat frisk. Il-prieżet, it-tipi ta' chorizo u t-tipi ta' mazzit jiffurmaw is-sisien tal-produzzjoni ta’ La Rioja, huma simili għal ta’ reġjuni oħrajn fil-forma iżda differenti fit-togħma u fl-użu tagħhom. Probabbilment minħabba l-isem, l-iktar wieħed magħruf huwa dak imsejjaħ “Chorizo Riojano”, li jiddistingwi ruħu mill-bqija tat-tipi ta’ chorizo tar-reġjuni l-oħra għax mhuwiex daqstant qawwi fit-togħma, huwa aromatiku u kemxejn pikkanti, u ta' kulur karg. L-importanza tal-majjal u tal-prodotti tiegħu f'La Rioja hija ċara: it-tkattir tal-industriji tal-laħam tal-majjal u taz-zalzett huwa evidenti fil-ġeografija ta' La Rioja, tant li wassal għall-ħolqien ta' ċentri kummerċjali awtentiċi, bħal ma huma Baños de Río Tobía jew Laguna de Cameros, u dan l-aħħar anki Albelda de Iregua, li għandha l-istess importanza, relattivament, bħall-industrija tal-inbid u dik tal-prodotti ppriżervati. Industrija gastronomika fiż-żona tas-Sierra, oħra f'La Rioja Alta (ta' fuq) u t-tielet waħda f'La Rioja Baja (ta' isfel):, zalzett, inbid, u prodotti ppriżervati, manifestazzjoni tripla tal-industrija gastronomika ta’ reġjun maqsum fi tlieta iżda wieħed: La Rioja”.

Il-kriżi ekonomika tat-tletinijiet u l-fatt li l-klijenti kontinwament ma setgħux iħallsu, kienu r-raġunijiet għaliex ħafna industriji kellhom jagħlqu, u llum il-ġurnata l-uniċi traċċi tagħhom jinsabu fir-reġistri tal-muniċipju fejn għadhom jidhru il-kontribuzzjonijet tat-taxxi. Dan l-aġġustament ekonomiku biddel Baños de Río Tobía f'ċentru nevralġiku tal-industrija. Għalkemm wieħed jista' jobsor x'kienu r-raġunijet, mid-dehra, id-dixxendenti tal-ewwel negozjanti tħajru jibnu l-azjendi tagħhom proprju f'dan il-lokal, minħabba l-vantaġġi klimatiċi tal-post. Kif jispjega Miguel Ángel Villoslada: “Fil-bidu l-azjendi kienu jinsabu fi klima adegwata, xotta u kiesħa iżda bi ftit li xejn tibdil fit-temperatura. Għalhekk f'Baños hemm ħafna industriji. Qegħdin f'altitudni ta' 500 metru, eżatt fid-daħla tas-Sierra ta' Demanda u ż-żona kollha ta' Urbión. Dan huwa post mistkenn mill-irjieħ kesħin wisq tas-Sierra ta' Herrera u t-temperatura u l-umdità ma jinbidlux b'mod drastiku”.

Fil-preżent, il-qtil tal-majjali, il-produzzjoni u l-konservazzjoni taċ-chorizo bil-mod artiġjanali, għadhom iseħħu, anki jekk f'dimensjoni żgħira. Il-produzzjoni taċ-chorizo u ta' prodotti tal-laħam oħra issa qed issir fl-azjendi tal-laħam li jinsabu fiż-żona, iżda dawn għadhom isegwu l-metodu tradizzjonali tal-passat, u jirnexxilhom jissuperaw il-kundizzjonijiet avversi billi jaħdmu bi stallazzjoniet u f'postijiet adegwati.

Baños de Río Tobía għadu l-post bl-ikbar konċentrazzjoni ta' industriji tal-laħam, dovuta għat-tradizzjoni tal-laħam li ġejja mill-ġenerazzjonijiet tal-passat, minħabba li llum il-ġurnata il-fattur klimatiku dejjem tonqoslu l-importanza tiegħu: “hawnhekk kważi l-azjendi kollha qishom familja waħda għax kollha għandhom l-istess oriġini”. Minkejja dan, f'Albelda de Iregua tinsab l-azjenda bl-ikbar volum ta' kummerċ tal-laħam fil-Comunidad tagħna, bil-bidu tagħha jmur lura għall-1960 bħala ħanut tal-laħam tal-lokal, imbagħad fl-1983 ġew inawgurati l-ewwel stabbilimenti tal-azjenda għall-kummerċjalizzazzjoni esklussiva taċ-chorizo “en sarta”, sakemm wara ftit żmien laħqet l-ewwel post f'livell nazzjonali.

Azjendi tal-laħam importanti ta' Comunidades Autónomas oħra jixtiequ japprofittaw mill-prestiġju ta' dan iċ-chorizo billi jsemmu liċ-chorizo tagħhom “Chorizo Riojano” meta l-prodott tagħhom ma jkollu x'jaqsam xejn mal-prodott li hu mistenni li jiġi kopert minn din l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta.

Barra minn hekk, it-tradizzjoni u l-prestiġju li taw reputazzjoni tant tajba liċ-Chorizo Riojano tagħna, illum huma preżenti wkoll fir-riċetti l-iktar popolari tagħna, bħalma huma l-patata biċ-chorizo jew “calderete”, iċ-“choricillo asado al sarmiento”, il-“preñaditos”... Minbarra l-fatt li ċ-Chorizo Riojano dejjem jintuża ma' kwalunkwe stuffat tal-ħaxix.

Fl-aħħar, ta’ min wieħed isemmi l-“Inventario Español de Productos Tradicionales”, fejn fil-paġni 110 u 111 jissemma wkoll iċ-Chorizo Riojano.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

L-indirizz li ġej jipprovdi link għall-ispeċifikazzjonijiet tal-I.Ġ.P. Chorizo Riojano, ippubblikati fit-8 ta' Awwissu 2008, fil-Boletín Oficial de La Rioja: http://www2.larioja.org/pls/dad_user/G04.texto_integro?p_cdi_accn=115214530&p_texto=&anterior=R