18.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Frar 2008

li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penalità impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft permezz tad-Deċiżjoni C(2005) 4220 finali

(Każ COMP/C-3/37.792 – Microsoft)

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 764 finali)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

2009/C 166/08

Fis-27 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penalità impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft permezz tad-Deċiżjoni C(2005) 4420 finali (“id-Deċiżjoni ta' Frar 2008”). B'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni qiegħda b'dan tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inkluża kull multa imposta, wara li kkunsidrat l-interess legali tal-impriżi għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux konfidenzjali tat-test sħiħ tad-deċiżjoni tinsab fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna li bihom taħdem il-Kummissjoni fuq il-websajt tad-DĠ COMP:

http://europa.eu.int/comm/competition/index_en.html

1.   SOMMARJU TAL-KAŻ

1.1.   L-Isfond tal-każ

1.

Fl-24 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 2007/53/EC fi proċediment skont l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (Każ COMP/C-3/37.792) indirizzat lill-Korporazzjoni Microsoft (“Microsoft”) (2). F’din id-deċiżjoni (“id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni sabet, inter alia, li Microsoft kienet kisret l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (“l-Artikolu 82 tal-KE”) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“l-Artikolu 54 ŻEE”) billi rrifjutat, minn Ottubru 1998 sad-data tad-Deċiżjoni, li tiżvela ċerta “Informazzjoni ta’ Interoperabbiltà” (3) speċifika lill-bejjiegħa ta' prodotti ta' sistemi operattivi għal servers ta' gruppi ta' ħidma, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw u jiddistribwixxu prodotti interoperabbli.

2.

L-Artikolu 5 (a) u (c) tal-parti operattiva tad-Deċiżjoni tinqara kif ġej:

“(a)

Il-Korporazzjoni Microsoft għandha, fi żmien 120 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, tagħmel l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà disponibbli lil kwalunkwe impriża interessata fl-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' prodotti ta' sistemi operattivi għal servers ta' gruppi ta' ħidma u għandha, b’termini raġonevoli u mhux diskriminatorji, tippermetti l-użu tal-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà minn tali impriżi għall-iskop tal-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' prodotti ta' sistemi operattivi għal servers ta' gruppi ta' ħidma.[…]

(c)

Il-Korporazzjoni Microsoft għandha, fi żmien 120 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, twaqqaf mekkaniżmu ta' valutazzjoni li jagħti lill-impriżi interessati possibilità fattibbli sabiex jinfurmaw ruħhom dwar il-firxa u t-termini tal-użu tal-Informazzjoni tal-Interoperabilità; fir-rigward ta' dan il-mekkaniżmu tal-valutazzjoni, il-Korporazzjoni Microsoft tista' timponi kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji sabiex tiżgura li l-aċċess għall-Informazzjoni tal-Interoperabilità jingħata biss għall-finijiet tal-valutazzjoni;”

1.2.   Nuqqas ta' konformità mad-Deċiżjoni

3.

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ konformità kontinwa tal-Microsoft mad-Deċiżjoni, wara aktar minn sena mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni, fl-10 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penalità fuq Microsoft skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“l-Artikolu 24(1) Deċiżjoni”). L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 24(1) jinqara kif ġej:

“Sal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Korporazzjoni Microsoft għandha tiżgura li tissodisfa bis-sħiħ l-obbligi stipulati fl-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C(2004) 900) tal-24 ta' Marzu 2004.

Fl-assenza ta' din il-konformità, pagament perjodiku ta’ penalità ta' EUR 2 miljuni kuljum, ikkalkulat minn dik id-data, għandu jiġu impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft.”

4.

L-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni identifika b'mod preliminari żewġ sitwazzjonijiet fejn Microsoft ma kkonformatx mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni Finali 2004. L-ewwelnett Microsoft ma pprovdietx dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkopora l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà. It-tieni, il-livelli ta' rimunerazzjoni imposti minn Microsoft f'dak iż-żmien għall-aċċess ta' jew l-użu tal-informazzjoni ta' interoperabbiltà ġew meqjusin bħala mhux raġonevoli.

5.

Bħala segwitu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1), Microsoft forniet deskrizzjoni teknika rriveduta tal-protokolli li kienu relevanti għall-komunikazzjoni bejn kompjuters (PCs) tal-Windows u servers ta' gruppi ta' ħidma (id-“Dokumentazzjoni Teknika”) (4) Ir-reviżjoni li saret tal-verżjonijiet differenti tad-Dokumentazzjoni Teknika li ġiet fornita minn Microsoft wasslet għal konklużjoni li d-dokumentazzjoni xorta waħda ma kinitx tipprovdi informazzjoni ta' interoperabbiltà preċiża lill-impriżi interessati kif mitlub mid-Deċiżjoni 2004.

6.

Fit-12 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) 1/2003 li stabbiliet iċ-ċifra ta' EUR 280,5 miljun bħala l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penalità impost mid-Deċiżjoni 24(1) għall-perjodu bejn is-16 ta' Deċembru 2005 u l-20 ta' Ġunju 2006 fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità li ġiet identifikata fid-Deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1), jiġifieri n-nuqqas min-naħa ta' Microsoft li tforni dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkopora l-informazzjoni ta' interoperabbiltà.

7.

Id-deċiżjoni tat-12 ta' Lulju 2006 emendat ukoll l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1) b'tali mod li żiedet l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penalità impost fuq Microsoft minħabba li ma kkonformatx mal-obbligazzjonijiet tagħha taħt l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni tal-2004 għal EUR 3 miljun kuljum mill-1 ta' Awwissu 2006.

8.

Filwaqt li l-ħidma fuq id-Dokumentzzjoni Teknika baqgħet għaddejja, il-Kummissjoni indirizzat it-tieni sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità li ġiet identifikata fid-Deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1), jiġifieri n-nuqqas min-naħa ta' Microsoft li tagħmel l-informazzjoni ta' interoperabbiltà disponibbli b'termini raġonevoli.

9.

Wara li Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet ġiet indirizzata lil Microsoft fl-1 ta' Marzu 2007, Microsoft, fil-21 ta' Mejju 2007, resqet Programm ta' Protokoll dwar is-Servers ta' gruppi ta' ħidma (“WSPP”) li jiggverna l-aċċess għal u l-użu tal-informazzjoni ta' interoperabbiltà. Dawn il-ftehimiet kienu jinkludu tabella bil-pagamenti ta' royalties fejn ir-rati aktar baxxi ġew mqabblin ma' dawk li kienu offruti qabel. Microsoft stqarriet li kienet se tapplika dawn ir-rati aktar baxxi b'data ta' applikazzjoni “retroattiva” mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004. Microsoft kienet resqet, f'diversi okkażjonijet, verżjonijiet irriveduti tal-iskemi dwar rimunerazzjoni tal-WSPP tagħha, fejn l-ewwel verżjoni ġiet bid-data tad-29 ta' Ottubru 2004, u kienet baxxiet ir-rati ta' rimunerazzjoni applikabbli f'diversi okkażjonijiet.

1.3.   Passi ta' proċedura

10.

Fl-1 ta' Marzu 2007, ġiet indirizzata Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lil Microsoft (“id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet”) li fissret fil-qosor il-konklużjoni preliminari li Microsoft kienet għadha qiegħda tonqos mill-obbligazzjoni tagħha li tagħmel l-informazzjoni ta' interoperabbiltà disponibbli fuq termini raġonevoli u mhux diskriminitorji.

11.

Fit-23 ta' April 2007 Microsoft resqet ir-risposta tagħha dwar id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet u rrifjutat il-possibilità li ngħatatilha għal seduta orali.

12.

Fil-21 ta' Mejju 2007, Microsoft resqet Ftehimiet irriveduti marbutin mal-Programm ta' Protokoll dwar is-Servers ta' gruppi ta' ħidma (“WSPP”) li jirregolaw l-aċċess għal u l-użu tal-informazzjoni ta' interoperabbiltà. Dawn il-ftehimiet kienu jinkludu Tabella Riveduta bil-Pagamenti ta' Drittijiet (“l-iskema dwar rimunerazzjoni tal-21 ta' Mejju 2007”). Microsoft stqarriet li “issa kienet se toffri dawn ir-rati aktar baxxi fis-suq, b'mod uffiċjali”, b'data ta' applikazzjoni “retroattiva” mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Microsoft kienet resqet f'diversi okkażjonijiet verżjonijiet irriveduti tal-iskemi dwar rimunerazzjoni tad-WSPP tagħha, fejn l-ewwel verżjoni kienet iġġorr id-data tad-29 ta' Ottubru 2004, u wara li saru xi diskussjonijiet kienet baxxiet ir-rati ta' rimunerazzjoni applikabbli f'diversi okkażjonijiet. Dawn l-iskemi kollha ġew ikkunsidrati bħala mhux raġenevoli taħt il-kriterji għall-istabbiliment tal-prezzijiet li jifformaw il-bażi tad-Deċiżjoni kif jidher fil-Prinċipji għall-Istabbiliment tal-Prezzijiet tal-WSPP li sar ftehim dwarhom ma' Microsoft. Dawn il-prinċipji jiddependu fuq tliet kriterji li jirreflettu l-valur tal-Informazzjoni ta' Interoperabbilità ta' Microsoft għall-utenti tagħha fejn qiegħed jiġi eskluż “il-valur strateġiku” mnissel mis-saħħa li Microsoft tgawdi minnha fis-suq tas-sistemi operattivi tal-Kompjuters Personali jew fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta' gruppi ta' ħidma (jiġifieri, il-ħolqien ta' Microsoft stess, innovazzjoni u paragun b'teknoloġiji simili)

13.

Fl-24 ta' Ġunju 2007, intbagħtet Ittra tal-Fatti lil Microsoft li fiha ġew evalwati r-reviżjonijiet li saru fl-iskema ta' rimunerazzjoni ta' Microsoft li ġew introdotti wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet u stiednet l-impriża biex tressaq il-kummenti tagħha, li fil-fatt għamlet fil-31 ta' Awwissu 2007.

14.

Fit-22 ta' Ottubru 2007 Microsoft introduċiet skema ta' rimunerazzjoni ġdida għall-Ftehimiet WSPP. Din l-iskema ġdida tipprevedi Ftehim Mingħajr Privattiv li fih l-aċċess għal u l-użu tal-informazzjoni ta' interoperabbilità huwa permess permezz ta' pagament ta' EUR 10 000 li jitħallas darba biss. Ftehim dwar Privattiv li jipprovdi għall-għoti ta' liċenzja ta' privattiv fir-rigward ta' dawk il-partijiet tal-informazzjoni ta' interoperabbilità li skont Microsoft jaqgħu taħt privattivi, biex tintuża jew madwar id-dinja għal drittijiet ta' 0,4 % tad-dħul nett tal-parti terzi li tkun ingħatatilha l-liċenzja jew inkella għall-prezz li jinqasam, li jipprevedi drittijiet ta' drittijiet ta' 0,25 % fiz-ŻEE u 3,87 % għal lokalitajiet oħra fid-dinja. Meta kienet qiegħda tadotta d-deċiżjoni tas-27 ta' Frar 2008, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskema tar-rimunerazzjoni tat-22 ta' Ottubru 2007 m'għandhiex tqajjem oġġezzjonijiet dwar kemm hi raġonevoli u n-natura mhux diskriminatorja tar-rati ta' rimunerazzjoni.

1.4.   Il-kumpanija u l-prodott ikkonċernat

15.

Microsoft hija kumpanija tas-software bbażata f'Redmond, fl-Istat ta' Washington, l-Istati Uniti tal-Amerika. Id-dħul ta' Microsoft għas-sena fiskali Lulju 2006 sa Ġunju 2007 kien USD 51 120 miljun. Microsoft timpjega 78 500 persuna madwar id-dinja. Microsft għandha preżenza fil-pajjiżi kollha fi ħdan iż-ŻEE.

16.

Il-prodotti milquta mill-proċedura preżenti huma l-“is-sistemi operattivi għal servers ta' gruppi ta' ħidma tal-Windows” kif imfissrin fl-Artikolu 1(9) tad-Deċiżjoni

1.5.   In-natura tan-nuqqas ta' konformità

17.

Kif stipulat fil-premessa 1003 tad-Deċiżjoni, l-għan tad-Deċiżjoni“huwa li jiżgura li l-kompetituri ta' Microsoft ikunu jistgħu jiżviluppaw prodotti li huma interoperabbli mal-arkitettura tad-domain Windows oriġinarjament appoġġata mis-sistemi operattivi Windows tal-PC tal-klijenti, biex b'hekk ikunu jistgħu jikkompetu direttament mal-prodotti tas-sistemi operattivi għal servers ta' gruppi ta' ħidma tal-Microsoft”

18.

Kif stipulat fil-premessa 1008 tad-Deċiżjoni, “il-ħtieġa li t-termini imposti minn Microsoft għandhom ikunu raġenevoli u mhux diskriminatorji tapplika b'mod partikolari […] (ii) għal kwalunkwe rimunerazzjoni li Microsoft tista' ddaħħal minn fuq fornitura; rimunerazzjoni bħal din m'għandhiex tirrifletti 'l-valur strateġiku’ mnissel mis-saħħa li tgawdi minnha Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal PCs jew fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta' gruppi ta' ħidma”

19.

Id-Deċiżjoni ta' Frar 2008 tevalwa l-konformità ta' Microsoft mal-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tal-Ftehimiet tal-WSPP riveduti kif intbagħtu minn Microsoft fil-21 ta' Mejju 2007 flimkien mal-iskema dwar rimunerazzjoni tal-WSPP li ġiet applikata minnha. Peress li din l-iskema dwar rimunerazzjoni tipprovdi għal rati ta' rimunerazzjoni aktar baxxi mill-verżjonijiet tal-Ftehimiet tal-WSPP ta' qabel, l-ewalwazzjoni tapplika wkoll, a fortiori, għal skemi ta' rimunerazzjoni ta' dawn il-verżjonijiet ta' qabel. Taħt l-iskema rata ta' 0,5 % tad-dħul nett tar-reċipjent trid titħallas għall-protokolli kollha tad-WSPP taħt il-Ftehim ta' Renunzja għal Privattiv tad-WSPP u rata ta' 0,7 % tad-dħul nett tar-recipjent trid titħallas għall-liċensji kollha ta' privattivi li jkopru il-protokolli tad-WSPP taħt il-Ftehim ta' Privattiv Biss tad-WSPP.

20.

Id-Deċiżjoni ta' Frar 2008 tiffoka fuq l-obligu ta' Microsoft skont l-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni 2004 li tagħmel disponibbli Informazzjoni ta' Inoperabbilità li ma taqax taħt privattiv għal prezz raġonevoli.

21.

Fid-Deċiżjoni ta' Frar 2008 il-Kummissjoni tfisser fil-qosor li l-Prinċipji tal-Prezzijiet tad-WSPP jirreflettu kif suppost il-loġika wara d-Deċiżjoni 2004 kif imfissra fil-Premessi 1003 u 1008 (ii). Id-deċiżjoni tas-27 ta' Frar 2008 tikkonkludi li fin-nuqqas ta' evidenza konvinċenti fir-rigward tan-natura nnovattiva tat-tekonoloġiji ta' protokoll kważi kollha ta' Microsoft li ma jaqawx taħt privattiv u li ġew żvelati flimkien mad-dokumentazzjoni teknika tal-informazzjoni ta' Interoperabilità u b'ħarsa lejn valur fis-suq ta' teknoloġiji kumparabbli (cf. is-sommaraju tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-prezzijiet fil-paragrafu 11 hawn fuq), l-iskemi ta' dħul ta' Microsoft qabel it-22 ta' Ottubru 2007 għandhom jitqiesu bħala mhux raġenevoli taħt l-Artikoli 5 (a) tad-Deċiżjoni. Din l-evalwazzjoni hija appoġġata minn rapporti tal-Amministratur Sorveljanti kif ukoll minn esperti tekniċi esterni, TAEUS.

2.   L-AMMONT DEFINITTIV TAL-PAGAMENT PERJODIKU TA' PENALI

2.1.   Il-perjodu relevanti għal nuqqas ta' konformità

22.

Din id-Deċizjoni ta' Frar 2008 tikkonċerna il-perjodu mill-21 ta' Ġunju 2006 sal-21 ta' Ottubru 2007 (“il-perjodu relevanti”).

2.2.   L-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta' penali għall-perjodu relevanti

23.

Id-deċiżjoni tas-27 ta' Frar 2008 tistabilixxi l-ammont definittiv ta' EUR 899 miljun bħala l-pagament perjodiku ta' penali impost fuq Microsoft għall-perjodu relevanti.

24.

B'konformità mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fejn l-impriza kkonċernata ssodisfat l-obbligi li kellha tiġi nfurzata mill-pagament perjodiku ta' penali, il-Kummisjoni tista' tfassal l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta' penali għal ċifra aktar baxxa minn dik li kienet se tidher taħt id-deċiżjoni oriġinali.

25.

Meta jkun qiegħed jiġi kkalkulat l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta' penali, inter alia, ġew ikkunsidrati, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

In-nuqqas ta' konformità persistenti fir-rigward tar-rimunerazzjoni raġonevoli u mhux diskriminatorju għall-perjodu ta' iżjed minn ħmistax-il xhar.

Iż-żieda ulterjuri fir-riskju li tiġi eliminata l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-sistemi operattivi ta' servers għal gruppi ta' ħidma li ġiet identifikata fid-Deċiżjoni 2004.

Il-kapaċità li għandha Microsoft li taħsad il-benefiċċji marbutin man-nuqqas ta' konformità.

In-neċessità li tistabilixxi pagamenti perjodiċi ta' penali li huma proporzjonali u suffiċjenti biex jostakolaw in-nuqqas ta' konformità

Il-fatt li rati sostanzjalment aktar baxxi ġew applikati mill-21 ta' Mejju 2007

Il-fatt li d-Deċiżjoni ta' Frar 2008 hija limitata għall-informazzjoni ta' interoperabilità li ma taqax taħt privattiv.

2.3.   Konklużjoni

26.

Għall-perjodu bejn il-21 ta' Ġunju 2006 u l-21 ta' Ottubru 2007, l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta' penali impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft mid-Deċiżjoni tal-Kummisssjoni C(2005) 4420 finali tal-10 ta' Novembru 2005 minħabba li naqset mill-obbligazzjoni tagħha li tagħmel Informazzjoni ta' Interoperabilità disponibbli għall-impriżi interessati fuq termini raġonevoli u mhux diskriminatorji skont l-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, huwa ffissat għal EUR 899 miljun fid-Deċizjoni ta' Frar 2008.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 23.

(3)  It-terminu “informazzjoni ta’ interoperabbiltà” huwa mfisser fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni. Ifisser “l-ispeċifikazzjonijiet sħaħ u preċiżi għall-Protokolli kollha implimentati fis-sistemi operattivi għal servers ta' gruppi ta' ħidma tal-Windows u li jintużaw mis-Servers ta' Gruppi ta' Ħidma tal-Windows għall-għoti ta’ fajls u servizzi ta’ stampar u servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ grupp u ta’ utent, inklużi s-servizzi ta’ Windows Domain Controller, is-servizzi ta’ Active Directory u s-servizzi ta’ Group Policy, għal Windows Work Group Networks”.

(4)  L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-2004 jfisser “Protokoll” bħala sett ta’ regoli ta’ interkonnessjoni u interazzjoni bejn diversi eżempji ta’ sistemi operattivi tas-servers tal-gruppi ta' ħidma tal-Windows u Sistemi Operattivi ta' PCs tal-Windows Client li jiffunzjonaw fuq kompjuters differenti fin-Netwerk ta' Gruppi ta' Ħidma tal-Windows.