18.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/9


Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

2009/C 138/10

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li jsiru oġġezzjonijiet għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI ta' SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA (STG)

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

“PREKMURSKA GIBANICA”

Nru tal-KE: SI-TSG-007-0025-29.10.2004

1.   Isem u indirizz tal-grupp applikanti

Isem:

Društvo za promocijo in zaščito prekmurskih dobrot

Indirizz:

Lendavska ulica 1

SI-9000 Murska Sobota

SLOVENIJA

Tel

+386 25261435

In-numrutal-feks

Posta elettronika:

kodila@siol.net, dpzdp@siol.net

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Is-Slovenja

3.   Speċifikazzjoni tal-prodott

3.1.   Isem għar-reġistrazzjoni

“Prekmurska gibanica”

Ir-reġistrazzjoni tal-isem qed tintalab għall-ilsien Sloven biss.

Il-kliem ‘prodott bil-mod tradizzjonali Sloven’ maġenb ‘Prekmurska gibanica’ għandhom jinqalbu għal ilsien il-pajjiż fejn il-prodott ikun qed jitqiegħed fis-suq u jiġi prodott.

3.2.   Jekk jogħġbok indika jekk l-isem:

Image

huwiex speċifiku fih innifsu

jesprimix il-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel

Skont id-Dizzjunarju Etimoloġiku tal-Ilsien Sloven, gibanica hija tip ta' potica (kejk) magħmul fil-parti tal-Lvant tal-Islovenja. L-orġini tal-kelma hija gibâničnik, gibâničnjak, qoffa għall-għaġina, jew gibâničar (furnar). L-eqdem reġistrazzjoni tal-kelma tmur lura sas-seklu 18, fejn tissemma minn Pohlin bħala gebanza. Il-kelma nnifisha ġejja minn gybati, billi l-gibanica tieħu isimha mis-saffi tal-għaġina - gyüba. Prekmurska gibanica magħmula minn żewġ tipi differenti ta' għaġina u erba' tipi ta' mili, li kull wieħed minnhom jitqiegħed darbtejn, u dan jagħti lill-prodott id-dehra karetteristika u speċifika u t-togħma partikolari tiegħu. Prekmurska gibanica hija għalhekk speċifika fiha nfisha u tesprimi karattru speċifiku..

3.3.   L-isem ġie rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006?

Image

Reġistrazzjoni bl-isem riżervat

Reġistrazzjoni bl-isem mhux riżervat

3.4.   It-tip ta' prodott

Klassi 2.3.

Ħelu, ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u ħwejjeġ oħra tal-furnar,

3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem skont il-punt 3.1

Prekmurska gibanica hija kejk imħejji minn żewġ tipi ta' għaġina (sfiljurata għall-qiegħ u għaġina filo bejn is-saffi tal-mili) li fuqhom jitqiegħdu f'saffi erba' tipi differenti ta' mili (żerriegħa tal-peprin, rikotta, ġewż, tuffieħ) f'sekwenza definita preċiż, b'saff ta' għaġina filo bejn kull saff mili. Din is-sekwenza ta' mili mbagħad tittenna bl-istess ordni, sabiex il-gibanica jkollha żewġ saffi ta' kull mili. L-aħħar saff ta' milli jew jitqiegħdlu saff ta' għaġina filo fuqu, li mbagħad titferra' fuqu krema qarsa jew ħelwa bl-isfar tal-bajd imħallat ġo fiha, jew inkella sempliċment tiddelliklu kisja xaħmija. Sew turtieri tondi sew kwadri jistgħu jintużaw għall-gibanica.

Deskrizzjoni fiżika: Felli gibanica tkun solida u kumpatta. Is-saffi għandhom ikunu mifruda sew minn xulxin sabiex il-felli jkollha d-dehra t-tajba. Il-Prekmurska gibanica tista' tinħema f'turtieri kwadri jew tondi, u dan jeffettwa l-forma tal-felli (triangolari jew rettangolari).

Id-dehra tal-Prekmurska gibanica u l-felli: Il-Prekmurska gibanica tista' tinħema f'turtieri rettangolari jew tondi. Il-Prekmurska gibanica u felli ta' Prekmurska gibanica huma għoljin bejn 5 u 7 ċm. Felli jista' jkun ta' żewġ forom (felli triangolari – turtiera tonda; felli rettangolari – turtiera rettangolari). Il-felli jrid ikun moħmi sew, mingħajr mili ħiereġ minnu u b'wiċċ lixx kemmxejn immewweġ mingħajr qsim. Il-mili individwali jrid ikun mifrud sew b'saffi ta' għaġina filo. Kull mili għandu l-kulur distintivament tipiku tiegħu (ir-rikotta lewn abjad krema, il-ġewż u t-tuffieħ kannella dehbin, u ż-żrieragħ tal-peprin lewn iswed ileqq). Is-saff ta' fuq tal-għaġina filo mhuwiex maqlugħ mill-aħħar saff mili. Felli Prekmurska gibanica għandu għalhekk tmien saffi: is-saffi tal-mili jsegwu 'l xulxin f'sekwenza preċiża (żrieragħ tal-peprin, rikotta, ġewż, tuffieħ) u huma ta' ħxuna uniformi fir-rigward tat-tip individwali ta' mili. It-tieni sett ta' mili huwa l-istess bħall-ewwel wieħed.

Aroma: il-prodott għandu aroma u riħa tipiċi u intensi b'togħma ta' żrieragħ friski tal-peprin, rikotta ħelwa, ġewż delikat u tuffieħ kemmxejn aċidulu. Il-Prekmurska gibanica trid tkun sukkulenti ħafna, ma ddellikx wisq u ħelwa kemm hemm bżonn.

Struttura: l-istruttura ta' felli hija ratba, delikata, fina, mielsa u ħafifa. Għandha konsistenza bbilanċjata fir-rigward tal-ingredjenti individwali.

3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu ta' kif isir il-prodott agrikolu jew il-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem skont il-punt 3.1

L-ingredjenti u l-additivi bażiċi preskritti għall-Prekmurska gibanica huma kif ġej:

għaġina sfiljurata: 200 g dqiq tal-qamħ (100 g mhux mgħarbul u 100 g fin), 100 g marġerina jew butir, ponta melħ jew ponta zokkor u 1 dl ilma kiesaħ għall-impastatura;

għaġina filo: 900 g dqiq fin tal-qamħ, 100 g marġerina jew butir, ponta melħ jew ponta zokkor u 1 dl ilma kiesaħ għall-impastatura;

mili: żerriegħa tal-peprin (300 mg żrieragħ mitħuna tal-peprin, 100 g zokkor abjad u qartas zokkor tal-vanilla), rikotta (1.2 kg rikotta bix-xaħam mhux imneħħi, 100 g zokkor abjad, 2 iqratas zokkor tal-vanilla, 2 bajdiet u ponta melħ), ġewż (300 g ġewż, 100 g zokkor abjad, qartas zokkor tal-vanilla), tuffieħ (1.5 kg tuffieħ – varjetajiet kemmxejn morri, ponta melħ, 120 g zokkor abjad, 2 iqratas zokkor tal-vanilla, ponta kannella);

kisi: kisja tal-krema (8 dl crema, 3 bajdiet) u kisja xaħmija (250 g marġerina, butir jew żejt veġetali).

Il-metodu tal-produzzjoni tal-Prkemurska gibanica:

 

L-isfiljurata magħġuna dejjem titħejja friska. Agħrbel id-dqiq fuq injama, żid iz-zokkor jew il-melħ u, b'sikkina, farrak ix-xaħam għal ġo fiha jew sempliċment farrak ix-xaħam għal ġod-dqiq b'idejn kesħin. Żid l-ilma kiesaħ jew bajda u ħalib u għaġen malajr sakemm tiġik għaġina lixxa.

 

L-għaġina filo hija elastika ħafna b'kontenut baxx ta' xaħam. Għall-għaġina hemm bżonn dqiq niexef u mħawwar sew. Agħrbel id-dqiq għal fuq injama, agħmel ħofra fid-dqiq, żid ix-xaħam, il-melħ, iz-zokkor (tista' żżid bajda wkoll) u ibda għaġen l-ingredjenti. Waqt li qed tagħġen, żid kemm ikun hemm bżonn ilma fietel sakemm l-għaġina tiġi lixxa u tiġġebbed. Aqsam l-għaġina filo f'10 partijiet, u żomm waħda żejda jekk ikun possibbli.

 

Mili taż-żerriegħa tal-peprin: Għall-mili taż-żerriegħa tal-peprin, nużaw żrieragħ tal-peprin mitħuna fin. Żid iz-zokkor abjad u z-zokkor tal-vanilla maż-żrieragħ mitħuna tal-peprin u ħallat sew. Aqsam f'żewġ partijiet.

 

Mili tar-rikotta: Żid il-bajd, iz-zokkor abjad u z-zokkor tal-vanilla u ponta melħ mar-rikotta. Ħallat sew sabiex it-taħlita tkun lixxa u tista' tiddellek. Aqsam f'żewġ partijiet.

 

Mili tal-ġewż: il-bażi tal-mili tal-ġewż hija l-ġewż mitħun fin. Ħallat il-ġewż mitħun maz-zokkor abjad u z-zokkor tal-vanilla. Aqsam f'żewġ partijiet.

 

Mili tat-tuffieħ: qaxxar it-tuffieħ, ħakkikhom strixxi rqaq, żid il-bajd, iz-zokkor abjad, iz-zokkor tal-vanilla, u l-kannella. Ħallathom ħafif flimkien. Jekk jintuża tuffieħ immerraq ħafna, ħakkikhom, roxxilhom il-melħ (jekk trid) u ħallihom joqgħodu għal xi ħin. Imbagħad agħsarhom u hemm tista' żid l-ingredjenti li jkun fadal. Aqsam f'żewġ partijiet.

 

Kisja tal-krema: Ħabbat bil-mod il-bajd sħiħ mal-krema qarsa jew ħelwa. Ferra' l-kisja fuq is-saffi individwali tal-mili fil-Prekmurska gibanica. Il-kwantità tal-kisja tal-krema mhijiex l-istess għas-saffi kollha, u għalhekk il-kwanitità totali trid titqassam b'mod xieraq. L-akbar kwantità tal-kisja tal-krema tintuża għall-mili n-'niexef' (taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż). Il-kwantità hija inqas għall-mili tar-rikotta, filwaqt li l-iżgħar kwantità hija dik għall-mili tat-tuffieħ (jew inkella t-tuffieħ ikun tant immerraq li ma jkunx hemm bżonn kisi).

 

Kisja xaħmija: il-kisja xaħmija tista' ssir mill-butir jew mix-xaħam veġetali. Bħal fil-każ tal-kisja tal-krema, il-kisja xaħmija titferra' fuq is-saffi individwali tal-mili fil-Prekmurska gibanica. Il-kwantità ta' kisi għal kull saff hija l-istess bħal tal-kisja tal-krema.

 

Jitħejjew l-isfiljurata u l-ingredjenti li jkun fadal. L-isfiljurata lesta (friska jew mill-friża) tiġi rrumblata f'forma xierqa għall-ħami tal-Prekmurska gibanica (rettangolari jew tonda). Il-ħxuna tal-isfiljurata rrumblata ma tridx tkun aktar minn 5 mm. Idlek it-turtiera bix-xaħam u qiegħed l-isfiljurata rrumblata fiha. Niggeż l-isfiljurata b'furketta f'bosta bnadi, u mbagħad qiegħdha għal ftit minuti f'forn imsaħħan sabiex tisfar kemmxejn (dan il-pass tagħmlu jekk trid).

Hemm żewġ modi kif tipprepara l-għaġina filo, skont id-daqs tat-turtiera (rettangolari jew tonda):

Turtiera rettangolari:

Aqsam l-għaġina filo li tkun għadha kemm ġiet impastata f'10 ħbejżiet. Iksihom bis-sonża, bil-butir jew bix-xaħam veġetali sabiex jibqgħu friski u jiġġebbdu wara li jitħallew joqgħodu. Darba li tkun qagħdet l-għaġina, ħu ħbjeża, irrumblaha u iksiha għal darb'oħra bix-xaħam likwidu sabiex ma teħilx meta tiġi biex terġa' tinħadem. Qiegħed l-għaġina ppreparata ta' ħbejża waħda f'turtiera midluka lesta bl-isfiljurata sabiex truf l-isfiljurata jirkbu fuq xifer it-turtiera. Għatti l-isfiljurata fit-turtiera b'nofs il-mili taż-żerriegħa tal-peprin u ferra' l-kisja tal-krema u tax-xaħam fuqha. Qiegħed is-saff li jmiss tal-isfiljurata fuq il-mili taż-żerriegħa tal-peprin. Itfa' b'imgħarfa nofs il-mili tar-rikotta fuq it-tieni saff tal-għaġina filo u ferra' kwantità xierqa tal-kisjiet (inqas milli għall-mili taż-żerriegħa tal-peprin). Itfa' t-tielet saff tal-għaġina filo fit-turtiera, itfa' bl-imgħarfa nofs il-mili tal-ġewż fuqha, u ferra' l-istess kwantitajiet tal-kisjiet bħall fil-każ taż-żerriegħa tal-peprin. Issa ifrex ir-raba' saff tal-għaġina filo. Ferrex nofs il-mili tat-tuffieħ fuqha u ferra' ammont żgħir ħafna tal-kisjiet. Jekk il-mili tat-tuffieħ ikun magħmul minn tuffieħ immerraq ħafna, titfax kisjiet fuq il-mili. Issa żid saff għaġina filo mill-ħames ħbejża. F'dan il-punt, il-proċess kollu jittenna fl-istess ordni, bis-saff taż-żerriegħa tal-peprin segiwt mir-rikotta, il-ġewż u t-tuffieħ, b'saff għaġina filo bejn kull saff mili.

Turtiera tonda

Iksi l-għaġina filo kollha bix-xaħam likwidu qabel l-impastuatura, u ġebbidha f'forma ta' ċirku kbir. Baxxi l-parti tan-nofs tal-għaġina għal ġo turtiera midluka li fiha l-isfiljurata u aqta' l-biċċiet tal-għaġina li jirkbu fuq xfar it-turtiera f'disa' partijiet indaqs. B'imgħarfa, itfa' nofs il-mili taż-żerriegħa tal-peprin fit-turtiera u ferra' ż-żewġ kisjiet. Imbagħad ġebbed fuq il-mili l-ewwel biċċa tal-għaġina maqtugħa sabiex tirkeb fuq ix-xfar. Kompli bl-istess mod b'rattangoli oħra tal-għaġina fuq kull saff tal-mili. Dellek nofs il-mili tar-rikotta fuq it-tieni saff tal-għaġina filo u ferra' kwantità żgħira mill-kisjiet. Dellek sew nofs il-mili tal-ġewż fuq it-tielet saff tal-għaġina filo. Roxx fuqha kwantità xierqa ta' krema u kisja xaħmija. Imbagħad ġebbed ir-raba' biċċa għaġina fuq il-mili u ferra' nofs il-mili tat-tuffieħ fuqha. Tenni din il-proċedura bl-istess ordni. Meta jkollok tmien saffi ta' mili bis-saffi korrispondenti tal-għaġina filo bejniethom, itfa' t-tmien saff tal-għaġina filo fuq l-aħħar saff mili, roxxlu l-kisja tal-krema jew il-kisja xaħmija u mbagħad itfa' l-aħħar (id-dis'a) saff ta' għaġina filo fuqha.

Aqta' x-xfar il-ħoxnin kollha tal-għaġina filo li jkun fadal waqt li tkun qed tibni l-Prekmurska gibanica u li jirkbu fuq xfar it-turtiera, u qiegħed dawn il-fdalijiet fl-ispazju bejn il-Prekmurska gibanica u xifer it-turtiera. Iksi s-saff ta' fuq tal-għaġina filo fit-turtiera bil-kisja xaħmija jew b'tagħqida ta' kisja xaħmija u krema qarsa jew ħelwa li fiha jkun tħallat isfar tal-bajd. Niggeż il-Prekmurska gibanica f'bosta partijiet b'labra twila u rqiqa sa qiegħ it-turtiera.

Eżatt wara t-tħejjija, il-Prekmurska gibanica (mhux imsajra) tista' tiġi ppakkjata f'materjal xieraq u tiġi ffriżata l-istess jum (tista' tinżamm fil-friża għal 3 xhur).

Il-Prekmurska gibanica (friska jew iffriżata) tinħema f'forn sakemm tissajjar għal kollox. It-temperatura hija ta' 200 °C għal siegħa, u 170 °C-180 °C għal siegħa oħra. Jekk il-Prekmurska gibanica tkun biss inksiet bil-kisja xaħmija qabel il-ħami, trid tinkesa bil-krema qarsa jew bil-krema ħelwa meta tinħareġ mill-forn fi tmiem il-ħami. Il-Prekmurska gibanica trid titħalla tibred f'temperatura ambjnetali għal ftit sigħat.

Il-Prekmurska gibanica ma tridx titqatta' meta tkun tkun għada taħraq. Jekk moħmija f'turtiera tonda, tinaqsam fi triangoli, u jekk moħmija f'turtiera rettangolari, tinqasam f'rettangoli. Biċċa individwali ta' Prekmurska gibanica trid tkun għolja bejn 5 u 7 ċm u ma tridx tkun tiżen aktar minn 250 g. Wara li tinqata', ferrex zokkor abjad fin fuq is-saff ta' fuq tal-għaġina filo. Fil-każ tal-produzzjoni industrijali, il-piż ta' felli individwali m'għandux jaqbeż il-200 g, filwaqt li d-daqs għandu jkun ta' madwar 5x7 cm.

3.7.   Il-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel

Il-Prekmurska gibanica tradizzjonali trid tkun magħmula minn żewġ tipi ta' għaġina differenti (sfiljurata għall-qiegħ u għaġina filo bejn is-saffi tal-mili) u erba' tipi differenti ta' mili (żerriegħa tal-peprin, rikotta, ġewż, tuffieħ). Il-mili huwa dejjem iddupplikat f'sekwenza speċifika, li tagħti lill-prodott id-dehra speċifika tagħha. Fuq nett għandha saff ta' għaġina filo u kisja. Jistgħu jintużaw biss ingredjenti friski u ta' kwalità għall-Prekmurska gibanica. Wieħed irid jimxi mal-proċedura tat-tħejjija b'mod konsistenti, u dan jeħtieġ preċiżjoni u għarfien konsiderevoli. Li huwa partikolarment importanti huwa d-dehra u t-togħma speċjali li ġejjin mis-saffi differenti.

3.8.   Il-karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel

Il-kelma gibanica ġejja mill-kelma gűba (tinja jew tikmixa) u l-verb gibati (tilwi jew tgħawweġ). Bosta għejun storiċi jagħtu prova li dan it-tip ta' kejk kien ilu magħruf fi Prekmurje. L-eqdem għejun miktuba jmorru lura għall-1828, meta l-edukatur u patri Jožef Košič ikkompila, fuq talba tal-etnografu Johanna Csaplovicsa E. V. Jeszenova, dokument li jindika l-ikel l-aktar komuni f'raħal ta' Prekmurje ta' mitt sena qabel, b'attenzjoni speċjali mogħtija lil platti bħal hajdinjači, prekmurska gibanica, krapci u vrtanki. Csaplovics ippubblika din il-kitba bl-Ungeriż u bil-Ġermaniż (A magyaroszági Vendus – tótokról, Croaten und Wenden in Ungern). F'dan id-dokument, Košič jippreżentaw wkoll il-platti li kienu jiġu servuti fit-tiġijiet fi Prekmurje. Il-gibanica hija ikel li dejjem issbu fit-tiġijiet. Il-kitba wkoll issemmi li l-gibanica tieħu ismiha mill-għaġina f'saffi – gyüba u kellha bejn 10 u 11-il saff. Kienet titqatta' f'biċċiet triangolari, li kienu jitqiegħdu f'turrun fuq il-mejda. Din il-kitba ssemmi wkoll l-ewwel għejun bil-miktub li jiddeksrivu d-drawwa tat-tħejjiija u l-għoti tal-gibanica fi Prekmurje.

L-ewwel persuna li ttrattat estensivament u sistematikament id-drawwiet tal-ikel tan-nies ta' Prekmurje kien Dr. Vilko Novak. Fl-istudju etnografiku tiegħu tal-1947, “Ljudska prehrana v Prekmurju”, (Id-Dieta Popolari fi Prekmurje), il-Prekmurska gibanica hija deskritta bħala platt farinaċeu moħmi. Tiġi deskritta wkoll it-tħejjija tiegħu: “Il-gibanica ssir minn sfiljurata bl-użu tal-butir jew tax-xaħam. Is-saff ta' taħt jixxerrdulu r-rikotta, il-ġewż, iz-żrieragħ tal-peprin u l-għeneb u jitgħatta b'għaġina rqiqa tal-istrudel, li mbagħad titgħatta b'saff ġdid, u l-krema titferra' fuq kull saff. Jitqiegħdu sa disa' saffi. Il-gibanica tinħema f'dixx tond tal-fuħħar imsejjaħ 'tepsija' li jintuża f'festi bħall-magħmudija, iż-żwiġijiet u l-festi tal-qaddis patrun” Sa dan iż-żmien, dan ix-xogħol għadu jservi bħala gwida għal bosta riċerkaturi fil-qasam.

Riċetta miktuba dettaljata ħafna għall-Prekmurska gibanica ġiet deskritta minn Andreja Grum u Ivan Vozelji fil-ktieb tal-1964 ‘Slovenske narodne jedi’ (Platti nazzjonali Sloveni). Il-ktieb jiddeskrivi żewġ riċetti għall-Prekmurska gibanica, li t-tnejn jgħidu dan: “Hemm żewġ tipi ta' għaġina fil-Prekmurska gibanica. Is-saff ta' taħt magħmul mill-isfiljurata u huwa kemmxejn eħxen. Jgħidulu podplat. Is-saffi l-oħrajn huma għaġina filo. Is-saff ta' taħt huwa wkoll eħxen meta l-gibanica kollha tkun magħmula mill-istess għaġina, li sfiljurata (podplat).”

Il-Prekmurska gibanica tissemma wkoll minn Miško Kranjec, l-akbar poeta ta' Prekmurje fix-xogħol tiegħu tal-1972 “Povest o dobrih ljudeh”: “Ta' min wieħed jgħid li ma tkunx festa ta' veru jekk ma jkunx hemm gibanica. Minkejja li l-fqir bilkemm jista' jkollu waħda fis-sena, dan hu sinjal li ħadd ma jista' jgħaddi sena mingħajr mill-inqas vakanza waħda”. Fl-istess waqt, Anna ħarġet il-gibanica mill-forn u qegħdietha fuq il-mejda, iżżomm it-trepsija bis-srievet sabiex ma tinħaraqx. Jožef tefagħlha l-plattin tal-injam taħtha li s-soltu kien jqiegħdu l-buqar tal-ilma fuqu. Imbagħad ħares mill-qrib lejn il-gibanica. Kienet hemm quddiemu mlewna, safra u bajda, biż-żrieragħ tal-perpin imxerrda 'l hawn u 'l hinn, għadha tikwi, imdellka bil-krema u biz-zokkor imferrex fuqha. Ħarrek rasu, u qal: “Tajba”. Nikolha anki kieku qiegħed fis-sodda tal-mewt u naf sew li ma tibqax tagħmilli l-ġid. U anki fil-ġenna nibqa' nibkiha, li kieku kelli nħalliha sħiħa fid-dinja.

Fl-aħħar ħmistax-il sena, ġew ippubblikati għadd ta' kotba li jiddeskrivu l-Prekmurska gibanica. Il-Prekmurska gibanica ġiet ippreżentata fis-sens kulinarju minn Cilka Sukič fil-ktieb “Jedi nekdanjih in sedanjih dni. Prekmurska, prleška in štajerska kuhinja” (Riċetti antiki u moderni. It-tisjir ta' Prekmurje, Prlekija u Styria) tal-1997, Jože Zadravec fi “Značilnosti ljudske prehrane v Prekmurju” (Karatteristiċi tad-dieta popolari fi Prekmurje) tal-1998, u Branko Časar s knjigo “Boug žegnjaj” (Imbierek ikel) tal-2000. It-teknoloġija tal-manifattura tagħha u l-evalwazzjoni tal-karetteristiċi organolettiċi tagħha huma deskritti fid-dettall fi “Prekmurske dobrote” (Speċjalitajiet tal-Ikel ta' Prekmurje) (2001) ta' Stanka Renčlja u Romane Karas.

3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri li għandhom jintużaw sabiex ikun eżaminat il-karattru speċifiku

Il-Prekmurska gibanica għandha tilħaq ir-rekwiżiti minimi li huma stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet u jirriflettu l-karattru speċifiku tal-prodott. Ir-rekwiżiti bażiċi minimi għall-Prekmurska gibanica huma:

iridu jinużaw l-ingredjenti preskritti,

ir-riċetta għall-produzzjoni tal-prekmurska gibanica trid tiġi osservata,

il-prodott aħħari għandu jkollu s-sekwenza korretta tal-mili (żrieragħ tal-peprin, rikotta, ġewż, tuffieħ), in-numru korrett ta' saffi, il-mili tal-istess ħxuna, u l-għoli tal-felli, il-forma tal-felli, il-piż tal-felli, it-togħma, l-aroma u l-konsistenza kif preskritti.

Il-produtturi tal-Prekmurska gibanica jridu jżommu reġistri tal-kwantitajiet ta' Prekmurska gibanica prodotti u mibjugħa.

Għandhom isiru verifiki dwar il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet f’dak li huwa l-użu tal-ingredjenti preskritti, il-proċess tal-produzzjoni u d-dehra u l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott finali minn produtturi individwali u/jew assoċjazzjonijiet ta' produtturi, u għall-anqas darba fis-sena minn entità ċertifikata wkoll li tivverifika l-konformità mal-istandard Ewropew EN 45011.

4.   L-Awtoritajiet jew il-korpi li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

4.1.   Isem u indirizz

Isem:

Bureau Veritas d.o.o.

Indirizz:

Linhartova 49a

SI-1000 Ljubljana

SLOVENIJA

Tel

+386 14757670

In-numrutal-feks

Posta elettronika:

info@bureauveritas.com

 PubblikuImage Privat

4.2.   Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità

Bureau Veritas huwa l-korp rikonoxxut Sloven tal-monitoraġġ inkarigat mill-verifiki tal-istadji kollha tal-produzzjoni deskritti fl-ispeċifikazzjoni għall-Prekmurska gibanica.