14.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/24


Il-proċedura nazzjonali Daniża għall-allokazzjoni tad-drittijiet limitati tat-traffiku tal-ajru

(2009/C 37/07)

Skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-proċedura nazzjonali li ġejja għad-distribuzzjoni fost it-trasportaturi tal-Komunità eliġibbli għad-drittijiet tat-traffiku tal-ajru fejn huma limitati skond ftehimiet tas-servizzi tal-ajru ma' pajjiżi terzi.

Id-Danimarka — Ministeru tat-Trasport

Frar 2008

Linji gwida għad-distribuzzjoni limitata tad-drittijiet tat-traffiku tal-ajru

1.

Dawn il-linji gwida jinħarġu skond ir-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Għandhom jiġu applikati fil-każijiet fejn iżjed minn trasportatur tal-ajru wieħed jixtieq juża d-drittijiet tat-traffiku Daniżi li skond ftehim bilaterali dwar servizz bl-ajru li d-Danimarka kkonkludiet ma' pajjiż terz huma limitati, f'każijiet fejn l-ambitu ta' dawn id-drittijiet mhuwiex biżżejjed sabiex jissodisfa x-xewqat tal-partijiet interessati kollha sabiex jipprovdu servizzi tat-traffiku skond il-ftehim. Il-linji gwida għandhom japplikaw ukoll jekk skond il-ftehim fis-seħħ trasportatur tal-ajru wieħed biss jista' jiġi nominat minkejja li kienu bosta dawk li esprimew interess biex ikunu nominati.

2.

Jekk id-drittijiet limitati tat-traffiku ikunu propjetà tat-tliet pajjiżi Skandinavi tal-Komunità, dan il-każ għandu jiġi ttrattat skond dawn il-linji gwida jekk ir-rotta tal-ajru relevanti tibda jew tispiċċa fid-Danimarka. F'każijiet bħal dawn, għandu jkun hemm konsultazzjoni mal-awtoritajiet xierqa tan-Norveġja u l-Iżvezja.

3.

F'dawn il-linji gwida,“trasportatur tal-ajru” ifisser trasportatur tal-ajru li huwa stabbilit fid-Danimarka u nħarġitlu liċenzja tal-operat skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92.

4.

L-informazzjoni dwar id-drittijiet tat-traffiku skond il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizz tal-ajru li kkonkludiet id-Danimarka, dwar id-distribuzzjoni ta' dawn id-drittijiet skond dawn il-linji gwida u dwar in-negozjati tas-servizz tal-ajru se jkunu pprovduti mill-Ministeru tat-Trasport u ppubblikati fuq is-sit elettroniku tiegħu (www.trm.dk).

5.

L-applikazzjonijiet għad-distribuzzjoni tad-drittijiet tat-traffiku skond dawn il-linji gwida għandhom jiġu ttrattati mill-Ministeru tat-Trasport, u d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' dawn id-drittijiet għandhom jiġu ppubblikati.

6.

Trasportatur tal-ajru li jixtieq juża d-drittijiet limitati tat-traffiku għandu jissottometti applikazzjoni bil-miktub lill-Ministeru tat-Trasport. L-applikazzjoni għandha tkun miktuba bid-Daniż jew bl-Ingliż u jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

kopja tal-liċenzja tal-operat tat-trasportatur tal-ajru jekk ma kinitx maħruġa mill-awtoritajiet Daniżi;

(b)

deskrizzjoni tas-servizzi tal-ajru ppjanati (eż. it-tip ta' ajruplan, in-nazzjonalità u l-marki ta' reġistrazzjoni, il-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, ir-rotta tal-ajru u t-titjiriet matul il-ġimgħa);

(c)

informazzjoni dwar kwalunkwe kirja ppjanata tal-ajruplan bl-ekwipaġġ jew mingħajru;

(d)

informazzjoni dwar kwalunkwe kooperazzjoni ma' trasportaturi tal-ajru oħrajn u n-natura u l-ambitu tagħhom;

(e)

data ppjanata għall-bidu tas-servizzi tal-ajru;

(f)

tip ta' titjiriet (eż. titjiriet tal-passiġġieri jew tal-merkanzija);

(g)

kwalunkwe titjiriet ta' konnessjoni;

(h)

politika tal-prezz tas-servizz tal-ajru.

Il-Ministeru jista' jitlob lill-applikanti sabiex jissottomettu informazzjoni addizjonali mal-applikazzjoni tagħhom.

Il-Ministeru jinforma lill-awtoritajiet xierqa tan-Norveġja u l-Iżvezja dwar kwalunkwe applikazzjoni li jirċievu.

7.

L-applikazzjonijiet jiġu pproċessati bi proċedura li mhijiex diskriminatorja u hija trasparenti. F'din il-proċedura, jistgħu jkunu assenjati valuri speċjali lis-servizzi tal-ajru li:

huma tal-aħjar użu għall-utenti,

irawmu l-kompetizzjoni l-iżjed effettiva possibbli bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità,

ifornu servizzi tat-trasport tal-ajru fil-kategoriji kollha tas-servizzi tal-ajru ġenerali bl-inqas prezzijiet raġonevoli,

jippromwovu l-iżvilupp b'saħħtu tas-settur tal-avjazzjoni tal-Komunità u l-kummerċ u t-turiżmu, u/jew,

jilħqu l-għanijiet tal-politika tat-trasport pubbliku, eż. fir-rigward tal-iżvilupp reġjonali.

8.

Partikolarment, il-punti li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet:

liema servizzi qed jiġu offruti,

il-frekwenzi tat-titjiriet,

it-tip tal-ajruplan u tal-postijiet fejn tpoġġi,

titjiriet diretti jew indiretti,

data tal-bidu tas-servizzi,

il-firxa tat-tijiriet matul is-sena,

tip ta' servizzi (eż. tal-passiġġieri jew tal-merkanzija),

aċċess għall-utenti tas-servizzi tal-ajru (l-ordnar u x-xiri tal-biljetti),

id-disponibbiltà tat-tijiriet ta' konnessjoni,

il-prezzijiet,

l-impatt fuq l-ambjent.

Aspetti oħra jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll jekk huma pprovduti mill-applikant qabel ma tittieħed deċiżjoni.

9.

Fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, għandha tkun ikkunsidrata l-ħtieġa għall-kontinwità fis-servizzi tat-trasport bl-ajru.

10.

Id-deċiżjoni dwar id-distribuzzjoni tad-drittijiet tat-traffiku tal-ajru skond dawn il-linji gwida għandha tispeċifika l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata.

11.

Id-drittijiet tat-traffiku allokati ma jistgħux ikunu ttrasferiti mingħajr permess speċjali.

12.

Trasportatur tal-ajru li ġie awtorizzat sabiex juża d-drittijiet tat-traffiku skond dawn il-linji gwida għandu jibda s-servizzi tat-trasport tal-ajru matul il-perjodu tal-iskeda li jmiss. Jekk ma jagħmilx dan, l-awtorizzazzjoni tiġi invalidata.

13.

L-awtorizzazzjoni tiġi invalidata wkoll jekk:

(a)

is-servizzi tal-ajru jiġu interrotti u ma jerġawx jinbdew fi żmien sitt xhur sakemm l-interuzzjoni mhijiex riżultat ta' ċirkustanzi li huma lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur tal-ajru awtorizzat;

(b)

it-trasportatur tal-ajru awtorizzat jinforma lill-Ministeru tat-Trasport li ma jixtieqx ikompli jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni li ngħata.

14.

Il-Ministeru tat-Trasport jista' parzjalment jew kompletament jirtira l-awtorizzazzjoni jekk:

(a)

is-servizzi tal-ajru mhumiex joperaw skond il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jew id-dispożizzjonijiet stipulati fil-ftehim bilaterali li fuqu huma bbażati s-servizzi;

(b)

it-trasportatur tal-ajru awtorizzat ma jikkonformax ma' kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tirregola s-servizzi tal-ajru; jew

(c)

jekk hemm raġunijiet speċjali għall-irtirar.

15.

Jekk l-awtorizzazzjoni li ngħatat skond dawn il-linji gwida tiġi invalidata jew irtirata, il-Ministeru jista' jerġa jikkunsidra t-talba għall-awtorizzazzjoni.

16.

Dawn il-linji gwida ma jaffetwawx kwalunkwe dritt tat-traffiku fis-seħħ fi kwalunkwe żmien li huwa użat effettivament skond-il-liġi tal-Komunità u l-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni.