15.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/142


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Fondazzjoni

2009/C 304/26

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI…

1-2

143

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI…

3-12

143

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA …

13-16

144

Tabella…

145

Ir-risposti tal-Fondazzjoni

147

INTRODUZZJONI

1.

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Fondazzjoni”), li tinsab f’Dublin, kienet imwaqqfa mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 (1). L-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-ippjanar u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar fl-Unjoni Ewropea billi żżid u xxerred għarfien li huwa rilevanti għal dan is-suġġett (2).

2.

Il-baġit tal-Fondazzjoni tal-2008 ammonta għal 21 miljun euro meta mqabbel mal-20 miljun euro tas-sena ta’ qabel. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Fondazzjoni fl-aħħar tas-sena kien 87 meta mqabbel mal-95 is-sena ta’ qabel.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248 tat-Trattat il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Fondazzjoni, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

4.

Din id-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

5.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Fondazzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprijazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (8) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

6.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

7.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

8.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta' proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u t-tagħrif fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-verifika inkluża l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta tagħmel dawk l-evalwazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

9.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Fondazzjoni (11) jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2008 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

11.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

12.

Il-kummenti li ġejjin ma jpoġġux f'diskussjoni l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

13.

Għan-nefqa operazzjonali, l-ammont miġjub ’il quddiem, 4,9 miljun euro, kien aktar minn 55 % tal-approprijazzjonijiet. Din is-sitwazzjoni ma kinitx tikkonforma mal-prinċipju tal-annwalità. Hija tindika dgħufijiet fil-programmar tal-attivitajiet operazzjonali tal-Fondazzjoni.

14.

Il-ġustifikazzjoni tat-trasferimenti baġitarji ma kinitx biżżejjed: ma ngħata l-ebda estimu tal-ħtiġijiet. Barra minn hekk, il-Bord Amministrattiv ma kienx infurmat dwarhom.

15.

Għeluq il-kontijiet tal-2008 sar minn impjegat li kien irreklutat fuq terminu ta’ żmien qasir permezz ta’ aġenzija tal-impjiegi. Ir-rapport tat-trasferiment ta’ responsabbiltajiet mibgħut mill-Uffiċjal tal-Kontabilità ta’ qabel kien insodisfaċenti u inkomplet u ma ġietx żgurata tranżizzjoni xierqa bejn l-Uffiċjal tal-Kontabilità ta’ qabel u l-ġdid. B’riżultat ta’ dan, il-kwalità tar-rendikonti finanzjarji f’bosta oqsma (eż. attiv fiss, spejjeż akkumulati, dħul assenjat, VAT, eċċ.) kienet insodisfaċenti, kien hemm inkonsistenzi mal-kontijiet tal-2007 u għalhekk kienu jinħtiġulhom aġġustamenti importanti matul il-verifika.

16.

Fir-rigward ta’ proċeduri tal-akkwist, f’każ minnhom (12) l-użu ta’ proċedura negozjata ma kienx iġġustifikat. F’żewġ każijiet oħra (13), il-Fondazzjoni b’mod irregolari estendiet il-kuntratti lil hinn mit-tul ta’ żmien massimu permess. Il-Fondazzjoni għandha timmira li ttejjeb il-monitoraġġ tal-kuntratti tagħha u l-programmar tal-proċeduri tal-akkwist tagħha, u tniedi sejħiet għall-offerti ġodda ferm qabel ma l-kuntratti korrispondenti jaslu għal tmiem.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Tabella

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Dublin)

Oqsma ta' kompetenza Komunitarja stipulati fit-Trattat

Kompetenzi tal-Fondazzjoni kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1111/2005

Tmexxija

Riżorsi disponibbli lill-Fondazzjoni fl-2008

(data għall-2007)

Attivitajiet u servizzi mogħtija

“Il-Komunità u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali, …għandu jkollhom bħala mira…it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol… il-Komunità għandha ssostni u tikkomplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma li ġejjin;… b) kundizzjonijiet tax-xogħol; c) is-sigurtà soċjali u l-ħarsien soċjali tal-ħaddiem; d) il-protezzjoni tal-ħaddiema meta l-kuntratt tal-impjieg tagħhom jintemm; e) informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema; f) ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiem u ta’ min iħaddem, inkluża l-kodeterminazzjoni; g) il-kundizzjonijiet tal-impjieg għal persuni ta’ ċittadinanza ta’ pajjiżi terzi li jgħixu legalment fit-territorju tal-Komunità; h) l-integrazzjoni ta’ persuni esklużi mis-suq tal-impieg; i) l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa…”

(L-Artikoli 136 u 137 tat-Trattat)

Objettivi:

L-għan tal-Fondazzjoni huwa li tikkontribwixxi għat-twaqqif ta' kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar billi żżid u xxerred għarfien li huwa rilevanti għal dan is-suġġett. B'mod partikolari, hija meħtieġa tikkunsidra l-oqsma li ġejjin:

il-bniedem meta jkun fuq ix-xogħol,

l-organizzazzjoni tax-xogħol u partikolarment it-tip ta’ impjieg,

problemi li jirrigwardaw ċertu kategoriji ta’ ħaddiema,

aspetti fit-tul dwar it-titjib tal-ambjent,

it-tqassim ta’ attivitajiet umani f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spazju u żmien.

Kompiti:

issaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza f’dawn l-oqsma,

tiffaċilita l-kuntatt bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ studju u riċerka, organizzazzjonijiet u amministrazzjonijiet soċjali u ekonomiċi,

twettaq studji jew biex tikkonkludi kuntratti ta’ studji u biex tipprovdi assistenza għall-proġetti pilota,

tikkoopera mill-qrib kemm jista’ jkun ma’ istituzzjonijiet speċjalizzati eżistenti fl-Istati Membri u fil-livell internazzjonali.

1.   Il-Bord Amministrattiv (BA)

minn kull Stat Membru: rappreżentant wieħed mill-gvern, rappreżentant wieħed minn organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u rappreżentant wieħed tal-ħaddiema,

tliet rappreżentanti mill-Kummissjoni.

2.   Il-Bureau tal-BA

magħmul minn 11-il membru; 3 membri minn kull wieħed mill-imsieħba soċjali u l-gvernijiet, tnejn mill-Kummissjoni,

jissorvelja l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BA u jieħu miżuri sabiex jiżgura t-tmexxija tajba bejn il-laqgħat tal-BA.

3.   Id-Direttur huwa maħtur mill-Kummissjoni minn lista ta' kandidati ppreżentata mill-BA, huwa jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-BA u tal-Bureau tal-BA u jmexxi l-Fondazzjoni.

4.   Il-Kumitati Konsultattivi huma magħmula minn mhux aktar minn tliet membri mill-Kummissjoni, gvernijiet u msieħba soċjali, bil-għan li jagħtu pariri dwar l-implimentazzjoni ta' proġetti kbar u dwar l-evalwazzjoni tar-riżultati.

5.   Verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

6.   Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Baġit

21,0 miljun euro

(20,2 miljun euro)

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2008

101 kariga mogħtija fil-pjan ta' twaqqif, li minnhom 78 (84) kienu okkupati

Persunal ieħor:

Esperti Nazzjonali Ssekondati u persunal ta' Agenziji tal-impjiegi: 0(1)

Aġenti Kuntrattwali: 9 (10)

Persunal Totali impjegat: 87 (95)

Attivitajiet operazzjonali: 56 (55)

Kompiti amministrattivi: 27 (36)

Mħallta: 4 (4)

Monitoraġġ u stħarriġ

L-Osservatorju Ewropew tar-Relazzjonijiet Industrijali (EIRO) 572 aġġornament tal-informazzjoni miżjud, l-Osservatorju Ewropew tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCO) 159 aġġornament tal-informazzjoni miżjud u l-Monitor Ewropew tar-Ristrutturar (ERM) 1 532 skeda informattiva miżjuda dwar ir-ristrutturar

ir-4 Stħarriġ Ewropew tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol: analiżi sekondarja (ippubblikata: poplu ħaddiem li qiegħed jixjieħ, organizzazzjoni tax-xogħol, użu tat-teknoloġija)

It-tieni Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja (EQLS); tlestija ta’ xogħol fuq il-post (31 pajjiż; 35 000 intervistati), analiżi tad-data; l-ewwel riżultati ppubblikati (Resume)

Stħarriġ Ewropew tal-Kumpaniji; tħejjija ta’ xogħol fuq il-post.

Impjiegi u ristrutturar

Studji tal-każijiet mill-Monitur Ewropew tar-Ristrutturar;

Impatt tal-globalizzazzjoni fuq setturi magħżula (Trasport; Tessuti; Enerġija)

Xogħol mhux iddikjarat (miżuri minn ħames pajjiżi)

Bidliet fl-istruttura tal-impjiegi (Rapport ‘More and better jobs’ (Aktar impjiegi u impjiegi aħjar))

Rabtiet bejn l-innovazzjoni, il-produttività u l-impjieg

Il-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol

Kundizzjonijiet tax-xogħol u djalogu soċjali

Flessibbiltà u sigurtà tul il-ħajja

Tqabbil globali tal-kundizzjonijet tax-xogħol

Ħaddiema nisa aktar anzjani fl-Ewropa

Relazzjonijiet industrijali u sħubija

Kodiċijiet ta’ kondotta u ftehimiet internazzjonali ta’ qafas;

Dinamiċi ta’ djalogu soċjali settorali Ewropew Ħinijiet tax-xogħol u relazzjonijiet industrijali;

Remunerazzjoni u relazzjonijiet industrijali

Servizz fejn il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet;

Responsabbiltà tal-proċessi ta’ sottokuntrattar fis-settur tal-kostruzzjoni Ewropew

Impjegabbiltà u flessigurtà

It-tkomplija tat-taħriġ professjonali u r-relazzjonijiet industrijali

Il-koeżjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja

L-irwol tal-awtoritajiet lokali fl-integrazzjoni tal-immigranti

Il-bidla demografika u l-impjieg fis-servizzi soċjali

Komunikazzjoni u qsim ta' ideat u esperjenzi

437 pubblikazzjoni, 1,59 miljun sessjoni għall-utenti medja ta’ 4,370 kuljum); 35 attività tal-istampa; 2 149 qtugħ minn ġurnali b’valur tar-reklamar ekwivalenti (AVE) ta’ 4,08 miljun euro, li laħqu 112 156 300 persuna, ’il fuq minn 58 765 900 fl-2006; 242 inkjesta ġurnalistika

Kampanji ta’ promozzjoni: erba’ pakketti tar-riżorsi (Ix-Xjuħija, il-Globalizzazzjoni, il-Flessigurtà, il-Migrazzjoni)

4 Roadshows (F, NL, CZ, GR)

Seminar tan-Netwerk tal-Kumpaniji: “Flexibility policies at the company level: a common interest?” (Politika tal-flessibbiltà fil-livell tal-kumpanija: interess komuni?) Serje ta' Seminars tal-Fondazzjoni: - Ċentri Nazzjonali ta’ Kuntatt li jkopru AU, BE, ES, FI, FR, HU, IT, LUX, SP, UK

57 wirja u 52 żjara lill-Fondazzjoni

Sors: informazzjoni moghtija mill-Fondazzjoni.

IR-RISPOSTI TAL-FONDAZZJONI

13.

Ammont ta’ 45 % ta’ Titolu 3 kien diġà fil-programm annwali tagħna bil-pjan li jinġieb ’il quddiem minħabba d-dewmien fl-istudju tal-kuntratti u l-iskema ta’ pagamenti tagħna. Id-dgħjufija li trid titjieb teżisti iżda hija ferm iżgħar minn dak indikat (madwar 10 %).

14.

It-trasferimenti baġitarji kollha huma issa appoġġati bid-dokumentazzjoni ta’ sostenn u l-Burò tal-Bord Governattiv ser jiġi informat regolarment.

15.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità l-antik ta notifika ta’ tliet xhur u dan mhux biżżejjed biex jiġi rreklutat Uffiċjal?Aġent temporanju ġdid. Għaldaqstant ġie rreklutat kantabilistà ċċertifikat fuq bażi temporanja sabiex jiġi assikurat għeluq xieraq tal-kontijiet annwali. Il-problemi kollha li kien hemm minħabba l-bidla tal-kontabilistà antik mal-ġdid issa ssolvew.

16.

Għas-servizzi tal-ivvjaġġar u l-assikurazzjoni l-Eurofound varat proċeduri għal kuntratti multiannwali li sadanittant ġew konklużi. Għas-servizzi legali l-kuntrattur inżamm minħabba raġunijiet ta’ kontinwità fin-negozju (l-Eurofound kellha każijiet legali pendenti). Bħalissa hemm sejħa għal proposti ġdida li qiegħda ssir sabiex jitfassal kuntratt ta’ qafas multiannwali għas-servizzi legali. Is-sistema tal-ġestjoni tal-proġett tagħna tinkludi mudell separat għall-ippjanar tal-akkwist u l-ġestjoni ta’ kuntratti sabiex jgħinu l-ipprogrammar isir f’waqtu u l-proċeduri ta’ akkwist ta’ kuntratt.


(1)  ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1,

(2)  It-Tabella tagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni. Tiġi ppreżentata għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(4)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72)

(8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titlu VII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta' Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.07.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Fondazzjoni.

(10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(11)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-30 ta’ Ġunju 2009 u rċevuti mill-Qorti fit-2 ta’ Lulju 2009. Il-Kontijiet Annwali Finali, konsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://www.eurofound.europa.eu

(12)  Tiġdid tal-kuntratt ta’ servizz għall-għoti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni (37 000 euro).

(13)  Kuntratti ta’ servizz għall-għoti ta’ servizzi ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar (157 000 euro) u għall-għoti ta’ servizzi legali (25 000 euro).