15.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/83


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumatur għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

2009/C 304/16

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI…

1 - 2

84

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI…

3 - 12

84

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA…

13

85

Tabella…

86

Ir-risposti tal-Aġenzija

88

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumatur (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”), li tinsab fil-Lussemburgu, kienet imwaqqfa bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/858/KE (1) u emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE (2). L-Aġenzija twaqqfet għal perijodu li beda fl-1 ta’ Jannar 2005 u li jispiċċa fl-2013 għat-tmexxija tal-azzjonijiet Komunitarji fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-politika tal-konsumatur (3).

2.

Il-baġit amministrattiv tal-Aġenzija għall-2008 ammonta għal 4,4 miljun euro meta mqabbel ma’ 4,1 miljun euro s-sena ta’ qabel. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Aġenzija fi tmiem is-sena kien 42 meta mqabbel mat-28 is-sena ta’ qabel.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248 tat-Trattat il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

4.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (7).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

5.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprijazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (9) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (10) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

6.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

7.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (11). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

8.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u t-tagħrif fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-verifika inkluża l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta tagħmel dawk l-evalwazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

9.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali (12) tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2008 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

11.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

12.

Il-kummenti li ġejjin ma jpoġġux f’diskussjoni l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

13.

L-Aġenzija daħlet f’żewġ ftehimiet fl-aħħar ta’ Diċembru 2008 (13) ibbażati fuq proċeduri negozjati u, skont ir-regoli, ikkuntattjat ħames u tliet kandidati rispettivament. Madankollu, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali ma ġewx applikati b’mod sħiħ f’dawn il-każijiet, minħabba li l-istediniet għat-tfigħ tal-offerti ntbagħtu f’dati differenti, f’każ minnhom fil-ġurnata meta ngħata l-kuntratt. Din is-sitwazzjoni turi li l-Aġenzija għandha bżonn ittejjeb it-trasparenza u l-ippjanar tal-proċeduri tal-akkwist tagħha matul is-sena u għandha tapplika l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-parteċipanti kollha fil-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti, b’mod aktar strett.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Tabella

L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumatur (il-Lussemburgu)

Oqsma ta’ kompetenza Komunitarja stipulati fit-Trattat

Kompetenzi tal-Aġenzija kif definiti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2004/858/KE) tal-15 ta’ Diċembru 2004 emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2008/544/KE) tal-20 ta’ Ġunju 2008

Tmexxija

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2008

Prodotti u servizzi mogħtija fl-2008

Livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji. L-azzjoni tal-Komunità, li għandha tikkumplimenta l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jevitaw il-fonti ta’ periklu għas-saħħa umana. Din l-azzjoni għandha tkopri l-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa. Il-Komunità tikkumplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri fit-tnaqqis ta’ ħsara għas-saħħa li tkun marbuta mad-drogi, inkluża l-informazzjoni u l-prevenzjoni.

(L-Artikolu 152 tat-Trattat)

Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll għall-promozzjoni tad-dritt tagħhom għal informazzjoni, edukazzjoni u li jorganizzaw irwieħhom sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi tagħhom.

(L-Artikolu 153 tat-Trattat)

Objettivi

L-Aġenzija hija responsabbli mit-twettiq tal-implimentazzjoni tal-kompiti għat-tmexxija tat-tieni Programm tas-Saħħa Pubblika 2008-2013 kif inhu adottat bid-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE, il-programm tal-Konsumatur għall-2007-2013 kif inhu adottat bid-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u l-miżuri tat-taħriġ dwar is-sigurtà fl-ikel koperti bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE.

L-Aġenzija tmexxi wkoll il-fażijiet kollha matul iċ-ċiklu tal-miżuri implimentattivi ddelegati lilha fil-qafas tal-programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika 2003-2008, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002.

Kompiti

Taħt il-programmi Komunitarji msemmija hawn taħt, l-Aġenzija hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-kompiti li ġejjin kif definiti fl-att ta’ delegazzjoni adottat fid-9 ta’ Settembru 2008 (14):

 

Il-Programm tas-Saħħa Pubblika 2003-2008 – Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE

 

Il-Programm tas-Saħħa Pubblika 2008-2013 – Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE

 

Il-Programm tal-Konsumaturi 2007-2013 – Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE

 

Il-Miżuri ta’ Taħriġ dwar is-Sigurtà fl-Ikel – Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE:

(a)

Tmexxi l-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-proġetti (għal skopijiet ta’ sorveljanza u tixrid, l-Aġenzija għandha tieħu l-passi neċessarji biex toħloq database tal-proġetti jew biex tkompli dak li diġà jeżisti, billi tinkorpora deskrizzjoni tal-proġett u r-riżultati finali);

(b)

Tissorvelja l-proġetti implimentati taħt dawn il-programmi u l-miżuri inklużi l-kontrolli neċessarji;

(c)

Tiġbor, tipproċessa u tqassam id-data u b’mod partikolari tiġbor, tanalizza u tibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiggwida l-implimentazzjoni tal-programmi u l-miżuri Komunitarji, tippromwovi l-koordinazzjoni u s-sinerġija ma’ programmi oħrajn tal-Komunitajiet, l-Istati Membri jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

Torganizza laqgħat, seminars, taħdidiet, u miżuri ta’ taħriġ;

(e)

Tgħin fl-evalwazzjoni tal-impatt tal-programm, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni annwali u/jew ta’ nofs is-sena tal-implimentazzjoni tal-programmi, u fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ segwitu fl-evalwazzjonijiet deċiżi mill-Kummissjoni;

(f)

Ixxerred ir-riżultati tal-operazzjonijiet ta’ informazzjoni ppjanati u implimentati mill-Kummissjoni;

(g)

Tipproduċi kontroll ġenerali u data dwar is-sorveljanza;

(h)

Tipparteċipa fix-xogħol preparatorju jew fid-deċiżjonijiet ta’ finanzjament.

1 –   Kumitat Direttiv

Magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Il-membri tal-Kumitat Direttiv huma maħtura għal sentejn.

Jadotta l-programm ta’ xogħol annwali tal-Aġenzija wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-rapport tal-attività annwali tagħha.

2 –   Id-Direttur

Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea għal erba’ snin.

3 –   Verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

4 –   Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Baġit

Il-baġit amministrattiv tal-Aġenzija għall-2008 ammonta għal 4,4 miljun euro.

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2008

Fil-31 ta’ Diċembru 2008, l-Aġenzija impjegat 42 membru tal-persunal statutorju, inklużi 8 impjegati temporanji u 34 persunal kuntrattwali.

1.

Sorveljanza tal-ftehimiet tal-għotja mogħtija skont is-sejħiet tal-Programm tas-Saħħa Pubblika tal-2005, l-2006 u l-2007.

2.

Eżekuzzjoni tas-Sejħa għall-Proposti tal-2008 skont “Il-Programm tas-Saħħa Pubblika” – 2008. L-Aġenzija organizzat 14-il ġurnata ta’ informazzjoni u l-evalwazzjoni tal-proposti rċevuti. Sal-aħħar tas-sena, 27 mill-65 ftehim tal-għotja ġew iffirmati.

3.

Ġenerazzjoni u tixrid ta’ informazzjoni dwar il-programm tas-Saħħa Pubblika u l-attivitajiet tal-Aġenzija Eżekuttiva. L-Aġenzija ddisinjat il-websajt tagħha mill-ġdid fl-2008.

4.

Organizzazzjoni ta’ Laqgħat tal-Esperti. Ġew organizzati 24 laqgħa fejn ġew mistiedna madwar 1 200 espert.

5.

Fi tmiem l-2008, l-aġenzija kienet qed tamministra portafoll ta’ 256 proġett fejn l-ispejjeż inqasmu, u li rrappreżentaw total ta’ kontribuzzjoni tal-KE ta’ 119-il miljun euro.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.

IR-RISPOSTI TAL-AĠENZIJA

13.

Iż-żewġ każijiet huma dwar l-akkwist ta’ liċenzji jew pakketti ta’ softwer standard għal-liema ġew mitluba biss il-prezzijiet bl-imnut ta’ dawk li jitfgħu l-offerti. Għaż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni ta’ għoti ġiet meħuda biss wara li ġew riċevuti l-kwotazzjonijiet tal-prezz kollha minngħand dawk li jitfgħu l-offerti.

Fl-2009 il-proċeduri ta’ akkwist ġew imtejba u l-EAHC waqqfet ippjanar rivedut għall-eżekuzzjoni tal-infieq tal-IT tagħha.


(1)  ĠU L 369, 15.12.2004, p. 73.

(2)  ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27.

(3)  It-Tabella tagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Tiġi ppreżentata għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta' approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(5)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludu d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta' spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(8)  L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 tal-21 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6).

(9)  L-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 651/2008 tad-9 ta' Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 15).

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifiki (ISSAI).

(12)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-2 ta’ Ġunju 2009 u rċevuti mill-Qorti fis-26 ta’ Ġunju 2009. Il-Kontijiet Annwali Finali, konsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://ec.europa.eu/eahc/about/about.html.

(13)  Valur totali: 66 000 euro.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9/09/2008 - li tiddelega l-poteri lill-Aġenzija.