Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2009 - Assistenza tal-UE implimentata permezz ta' organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti: it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-monitoraġġ
Lista ta’ taqsiriet CIDA : L-Aġenzija Internazzjonali Kanadiża tal-Iżvilupp CRIS : Is-Sistema ta’ Informazzjoni Komuni Relex DFID : Id-Dipartiment għall-Iżvilupp Internazzjonali DĠ ECHO : Id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja EAMR : Ir-Rapport tat-Tmexxija tal-Assistenza Esterna ECA : Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri EuropeAid : L-Uffiċċju ta' Koperazzjoni għall-Għajnuna Ewropea FAFA : Il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv FAO : L-Organizzazzjoni dwar l-Ikel u l-Agrikoltura IFAD : Il-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu ILO : L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol NGO : Organizzazzjoni mhux Governattiva NU : In-Nazzjonijiet Uniti ROM : Il-Monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati UE : L-Unjoni Ewropea UNDP : Il-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti UNFPA : Il-Fond tal-Popolazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti UNHCR : Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti UNICEF : Il-Fond tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti UNOPS : L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Servizzi tal-Proġetti UNRWA : L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u l-Ħidma WFP : Il-Programm Dinji tal-Ikel WHO : L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Sommarju eżekuttiv I. Fondi tal-UE ġestiti mill-EuropeAid u d-DĠ ECHO li kienu mwassla permezz tal-organizzazzjonijiet tan-NU żdiedu minn 500 miljun euro fl-2002 għal aktar minn biljun euro fl-2008. Din iż-żieda tista’ tiġi spjegata parzjalment minħabba fi proċeduri ssimplifikati, u parzjalment minħabba fir-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-kriżijiet kbar fl-Afganistan, fl-Iraq, u fit-Territorju Okkupat Palestinjan u fis-Sudan li fil-biċċa l-kbira kienet imwassla permezz tan-NU. Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp ta' Diċembru 2005 u d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna ta' Marzu 2005 jimpenjaw lill-UE biex tikkoordina u tarmonizza l-għajnuna b’koperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (ara l-paragrafi 1 sa 10). II. Il-verifika indirizzat iż-żewġ kwestjonijiet li ġejjin (ara l-paragrafi 11 sa 13): a) Il-proċess li bih tittieħed id-deċiżjoni biex l-għajnuna tiġi implimentata permezz tan-NU juri li din hija l-għażla l-aktar effiċjenti u effettiva? b) L-arranġamenti tal-monitoraġġ jagħtu assigurazzjoni dwar is-saħħa tal-proċeduri finanzjarji u l-kisba tal-objettivi? III. Il-ħtiġijiet strateġiċi u legali biex l-imsieħba jintgħażlu b’mod oġġettiv u trasparenti mhumiex tradotti b’mod suffiċjenti fi kriterji prattiċi biex isostnu t-teħid tad-deċiżjonijiet. Minkejja li hija sodisfatta bl-għażla tal-imsieħeb tagħha, il-Kummissjoni ma turix b’mod konvinċenti, qabel ma tiddeċiedi li taħdem ma organizzazzjoni tan-NU, illi hija tkun qieset jekk il-vantaġġi jibbilanċjawx l-iżvantaġġi. L-għażla ta’ organizzazzjoni tan-NU mhijiex ibbażata fuq evidenza suffiċjenti li dan l-approċċ huwa aktar effiċjenti u effettiv minn modi oħrajn tal-għoti tal-għajnuna. La l-EuropeAid u lanqas id-DĠ ECHO ma jwettqu b’mod sistematiku evalwazzjonijiet formali ta’ mekkaniżmi alternattivi tal-għoti tal-għajnuna sabiex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ sejħiet għal offerti kompetittivi (ara l-paragrafi 14 sa 28). IV. Il-Kummissjoni tivverifika s-saħħa tas-sistemi ta’ ġestjoni finanzjarja permezz ta’ evalwazzjoni minn qabel tas-sistemi ta’ kontroll tal-imsieħba tagħha tan-NU (l-analiżi tal-erba’ pilastri). Il-Kummissjoni titlob konferma dwar il-ħidma prattika tas-sistemi finanzjarji u l-kisba tar- riżultati permezz tar-rapporti tan-NU, il-monitoraġġ tagħha stess fuq il-post u missjonijiet ta’ verifikazzjoni. Iżda, il-Kummissjoni għadu ma rnexxiliex tottjeni informazzjoni adegwata dwar l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u l-kisba tal-objettivi mir-rapporti tan-NU. Il-monitoraġġ fuq il-post tal-Kummissjoni stess mhuwiex imfassal biex jikkumpensa għal-limitazzjonijiet fir-rapporti tan-NU (ara l-paragrafi 29 sa 39). V. Il-Panel ta' Awdituri Esterni tan-NU kontinwament poġġa fid-dubju d-dritt tal-Kummissjoni li twettaq kontrolli finanzjarji. Hija targumenta li l-arranġamenti tal-verifika tagħha stess huma suffiċjenti, imma lill-Kummissjoni ma tagħtihiex evidenza sodisfaċenti li l-proċeduri ta' kontroll finanzjarju jaħdmu fil-prattika. Il-Qorti tal-Awdituri ltaqgħet ukoll ma’ diffikultajiet biex taċċessa informazzjoni mill-organizzazzjonijiet tan-NU meta tkun qed twettaq il-verifika finanzjarja annwali tagħha tal-kontijiet tal-Kummissjoni (ara l-paragrafi 40 sa 46). VI. Abbażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti tagħmel rakkomandazzjonijiet biex il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet jitjiebu u biex il-konċentrazzjoni tkun fuq il-kisba tar-riżultati li jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni tagħti għajnuna aktar effiċjenti u effettiva (ara l-paragrafi 48 sa 49). Kapitolu 1 Introduzzjoni Taqsima 1.1 Il-kuntest tal-verifika 1. Fl-implimentazzjoni tal-għajnuna barranija l-Kummissjoni taħdem permezz ta’ diversi msieħba inklużi l-gvernijiet nazzjonali, is-settur privat, l-NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU). Fejn l-għajnuna hija implimentata permezz tan-NU, il-Kummissjoni tagħti fondi għal attivitajiet li jridu jiġu implimentati minn organizzazzjoni tan-NU. Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex l-għajnuna titwassal permezz tal-organizzazzjonijiet tan-NU mill-Uffiċċju tal-Koperazzjoni tal-EuropeAid (EuropeAid) u mid-Direttorat-Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja (DĠ ECHO) żiedu l-assistenza minn 500 miljun euro fl-2002 għal aktar minn biljun euro fl-2008 kif jidher fil-figura 1. Din iż-żieda tirrifletti l-impenji strateġiċi tal-Kummissjoni (ara l-paragrafu 5), ir-rispons għall-kriżijiet kbar fl-Afganistan, fl-Iraq u fit-Territorju Okkupat Palestinjan u fis-Sudan (ara l-paragrafu 6) u l-proċeduri ssimplifikati (ara l-paragrafi 8 u 9). 2. Il-EuropeAid huwa responsabbli għall-għajnuna tal-iżvilupp tal-Kummissjoni inkluża r-rijabilitazzjoni fuq perijodu ta’ żmien itwal. Fl-2008 huwa impenja total ta’ 8890 miljun euro li minnhom 670 miljun euro (8 %) kienu mwassla permezz tal-organizzazzjonijiet tan-NU. Id-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi benefiċjarji għandhom rwol importanti fil-proċess biex jiddeċiedu l-mekkaniżmu li bih jimplimentaw l-għajnuna. Figura 1 L-għajnuna barranija tal-Kummissjoni mogħtija permezz tan-NU 2002-2008 +++++ TIFF +++++ 3. Id-DĠ ECHO huwa responsabbli għar-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-kriżijiet umanitarji. Huwa jiffinanzja attivitajiet li l-intenzjoni tagħhom hija s-salvataġġ u l-preservazzjoni tal-ħajja matul l-emerġenzi u xogħol ta’ rijabilitazzjoni fuq perijodu ta’ żmien qasir. Huwa ma jimplimentax l-attivitajiet direttament, imma permezz ta’ msieħba li jikkonsistu f’organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi (l-NGOs). Fl-2008 d-DĠ ECHO impenja total ta’ 937 miljun euro li minnhom 404 miljun euro (43 %) ġew imwassla permezz ta’ organizzazzjonijiet tan-NU. L-Uffiċjal Sottodelegat li Jawtorizza huwa responsabbli mill-għażla tal-mekkaniżmu tal-implimentazzjoni tal-għajnuna, u jaġġixxi fuq il-parir tal-uffiċjali tal-qasam fi Brussell u l-uffiċjali tal-post li jinsabu fil-pajjiżi benefiċjarji. 4. In-NU hija parzjalment iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-pajjiżi membri tan-NU abbażi tad-dħul gross nazzjonali tagħhom, u parzjalment minn kontribuzzjonijiet volontarji lill-organizzazzjonijiet tan-NU. Il-finanzjament tal-Kummissjoni jieħu l-forma ta’ kontribuzzjonijiet volontarji u jirrappreżenta madwar 6 % tar-riżorsi tan-NU. Il-Kummissjoni tista’ tikkontribwixxi għall-fondi multidonaturi bħala waħda minn diversi donaturi li jsostnu l-azzjoni, jew inkella tista’ tkun l-unika donatur. Hija ma tikkontribwixxix għall-baġit ġenerali tal-organizzazzjonijiet tan-NU bl-eċċezzjoni ta’ aġenzija tan-NU fit-Territorju Okkupat Palestinjan, fejn ikkontribwixxiet 66 miljun euro fl-2007. 5. Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp ta' Diċembru 2005 u d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna ta' Marzu 2005 jimpenjaw lill-UE biex tikkoordina u tarmonizza l-għajnuna b’koperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-2006 u fl-2007 l-Kummissjoni għamlet ’il fuq minn 700 kontribuzzjoni separata lil madwar 30 organizzazzjoni differenti tan-NU. L-imsieħba prinċipali u l-ammonti rċevuti jidhru fil-figura 2. 6. L-attivitajiet iffinanzjati kienu mifruxa fi ’l fuq minn 90 pajjiż. L-erba’ pajjiżi li rċevew l-aktar kontribuzzjonijiet kienu lkoll milquta minn kunflitt (it-Territorju Okkupat Palestinjan, l-Iraq, l-Afganistan u s-Sudan) kif jidher fil-figura 3. 7. Il-Parlament Ewropew fid-deċiżjonijiet tal-kwittanza tiegħu saqsa għalfejn il-Kummissjoni twassal il-fondi permezz tan-NU, u ħeġġeġ ġestjoni aktar diretta mill-Kummissjoni. Huwa tħasseb dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u viżibilità fir-rigward tal-finanzjament tal-Kummissjoni permezz tan-NU u talab assigurazzjoni dwar l-adegwatezza tal-ġestjoni ta’ dawn il-fondi [1]. Figura 2 Kontribuzzjonijiet lill-organizzazzjonijiet tan-NU fl-2006 u fl-2007 +++++ TIFF +++++ Figura 3 Kontribuzzjonijiet tan-NU skont il-pajjiż li qed jirċievi fl-2006 u fl-2007 (miljun euro) +++++ TIFF +++++ Taqsima 1.2 Il-qafas regolatorju 8. L-Artikolu 53 tar-Regolament Finanzjarju li daħal fis-seħħ fl-2003 u kien revedut fl-2007 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dwar il-ħidma ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali [2]. Dan il-metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit jissejjaħ ġestjoni konġunta. Minkejja ismu, il-kompiti relatati mal-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi mhumiex ġestiti b’mod konġunt, imma huma delegati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġu implimentati skont il-proċeduri tagħhom [3]. Madankollu, it-Trattat u r-Regolament Finanzjarju jsostnu li l-Kummissjoni żżomm ir-responsabilità ġenerali għall-ġestjoni soda tal-baġit [4]. Il-kompiti jistgħu jiġu delegati direttament lil organizzazzjonijiet u l-Artikolu 43 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet u l-azzjonijiet li se jiġu ffinanzjati jintgħażlu b'manjiera oġġettiva u trasparenti [5]. 9. Il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv tal-2003 (FAFA) jispjega l-ħtiġijiet tar-Regolament Finanzjarju f’termini kuntrattwali u japplika għal kull ftehim ta’ finanzjament bejn il-Kummissjoni u n-NU. Huwa jistabbilixxi qafas intenzjonat li jtejjeb il-koperazzjoni billi jippermetti lill-organizzazzjonijiet tan-NU iġestu l-kontribuzzjonijiet skont il-proċeduri tagħhom stess. Il-proċeduri għal tmexxija konġunta mal-organizzazzjonijiet tan-NU huma differenti minn dawk meħtieġa għal azzjonijiet implimentati permezz tal-NGOs, li ġeneralment jinvolvu kompetizzjoni u l-użu tal-proċeduri tal-Kummissjoni. L-Artikolu 3.1 tal-FAFA jeħtieġ li l-azzjonijiet kollha jikkonformaw mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari l-valur għall-flus u l-effettività tal-ispejjeż. Il-FAFA jħeġġeġ azzjonijiet ta’ multidonaturi, jitlob lill-organizzazzjonijiet tan-NU jirreklamaw l-irwol tal-finanzjament tal-UE, jispjega l-użu ta’ sottokuntratturi u jiddefinixxi l-qafas finanzjarju u l-politika ta’ pagament. Huwa jiddeskrivi proċeduri għall-kontroll dwar jekk il-fondi humiex ġestiti b’mod xieraq inkluża l-preżentazzjoni ta' rapporti minn NU u d-dritt tal-Kummissjoni li twettaq kontrolli. 10. Ftehim ta’ kontribuzzjoni huwa ffirmat għal kull azzjoni tan-NU ffinanzjata mill-Kummissjoni, li jiddeskrivi l-ammont ta’ finanzjament, l-objettivi tal-azzjoni, l-attivitajiet li jridu jsiru u l-ħin tagħhom. Il-ftehim ta’ kontribuzzjoni jinkorpora d-dispożizzjonijiet tal-FAFA li għandhom x’jaqsmu mal-użu tal-proċeduri tal-organizzazzjonijiet tan-NU stess, il-viżibilità, l-użu ta’ sottokuntratturi, il-qafas finanzjarju, u l-proċeduri għall-kontroll u għar-rappurtar. Kapitolu 2 L-ambitu u l-approċċ tal-verifika 11. Il-verifika preżenti kopriet l-għajnuna barranija tad-DĠ ECHO u tal-EuropeAid iffinanzjata permezz tal-organizzazzjonijiet tan-NU u indirizzat iż-żewġ mistoqsijiet li ġejjin: a) Il-proċess li bih tittieħed id-deċiżjoni biex l-għajnuna tkun implimentata permezz tan-NU juri li din hija l-għażla l-aktar effiċjenti u effettiva? b) L-arranġamenti ta’ monitoraġġ jagħtu assigurazzjoni dwar is-saħħa tal-proċeduri finanzjarji u dwar il-kisba tal-objettivi? 12. Il-konsegwenza ta’ proċeduri dgħajfa hija riskju ta’ tnaqqis fl-effiċjenza u fl-effettività tal-infiq tal-Kummissjoni. It-tieni fażi tal-verifika, li se jsir rapport dwarha aktar tard, se teżamina safejn jimmaterjalizza dan ir-riskju. 13. Il-verifika kienet ibbażata fuq: a) analiżi tad-dokumentazzjoni, inkluż l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’Mejju 2008 tal-koperazzjoni tagħha man-NU u tar-rapporti tas-Servizz tal-Verifika Interna (IAS) tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FAFA fl-2006, l-2007 u l-2009; b) intervisti mal-persunal tal-Kummissjoni u tan-NU fil-kwartieri ġenerali tagħhom fi Brussell u fi New York; c) żjarat fuq il-post fit-Territorju Okkupat Palestinjan u fis-Sudan sabiex tiġi korroborata l-affidabilità tas-sistemi ta’ monitoraġġ; d) osservazzjoni tal-ħames grupp ta’ ħidma annwali tal-FAFA f’April 2008 fi Vjenna u tas-sitt grupp ta’ ħidma annwali tal-FAFA f’April 2009 fi Brussell; e) verifiki preċedenti tal-Qorti li fihom ġew inklużi l-azzjonijiet tan-NU; u f) ir-riżultati ta’ 52 kwestjonarju, indirizzati lid-Delegazzjonijiet fil-każ ta’ EuropeAid u uffiċjali responsabbli mill-qasam fil-każ tad-DĠ ECHO, dwar ir-raġunijiet għaliex il-ħidma saret man-NU u s-sistemi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni [6]. Kapitolu 3 Osservazzjonijiet Taqsima 3.1 Deċiżjonijiet biex l-għajnuna tiġi implimentata permezz tan-NU 14. Proċeduri b’saħħithom biex jintgħażel il-mekkaniżmu tal-għoti tal-għajnuna l-aktar xieraq biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-KE, huma neċessarji sabiex ikun żgurat li l-għażla hija bbażata fuq il-kapaċità tal-organizzazzjoni li twettaq il-kompitu b'mod effiċjenti u effettiv. Il-verifika għalhekk eżaminat jekk il-proċess li bih tittieħed id-deċiżjoni li l-għajnuna tal-Kummissjoni tkun implimentata permezz tan-NU kienx oġġettiv u trasparenti u jekk weriex li din kienet l-għażla l-aktar effiċjenti u effettiva. B'mod partikolari l-verifika eżaminat jekk id-deċiżjonijiet ta' finanzjament lill-organizzazzjonijiet tan-NU kinux infurmati b': a) linji gwida tal-politika strateġiċi li jeħtieġu evalwazzjoni dwar jekk l-organizzazzjoni tan-NU hijiex xierqa biex twettaq il-kompiti proposti; b) paragun ma’ mekkaniżmi alternattivi tal-għoti tal-għajnuna. Traduzzjoni insuffiċjenti tal-ħtiġijiet strateġiċi fil-prattika 15. Barra mill-impenji tal-Konsensus Ewropew (ara l-paragrafu 5), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 dwar Il-Kostruzzjoni ta' Sħubija Effettiva man-Nazzjonijiet Uniti, stipulat l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-finanzjament tal-għajnuna permezz tal-Organizzazzjonijiet tan-NU [7] u kien fiha ż-żewġ messaġġi ewlenin li ġejjin li jibqgħu l-kundizzjonijiet ta’ qabel ma tibda l-ħidma man-NU: a) id-deċiżjoni ta’ finanzjament ta’ organizzazzjoni tan-NU għandha tkun ibbażata fuq il-kapaċità tagħha li twettaq il-kompitu propost b’mod effiċjenti u effettiv; u b) permezz tal-għotja ta’ finanzjament sistematiku aktar milli biċċa biċċa, il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq ir-riżultati, aktar milli r-riżorsi, u tiżgura li r-rappurtar tan-NU juri b'mod adegwat il-kisba ta' objettivi li huma definiti tajjeb. 16. L-istrateġija tal-Kummissjoni fir-rigward tal-assistenza tal-UE ffinanzjata permezz ta' organizzazzjonijiet tan-NU kopriet kemm il-koperazzjoni tal-iżvilupp u kif ukoll l-għajnuna umanitarja. Hija ssuġġeriet li l-koperazzjoni għandha tiffoka fuq is-sitt oqsma tematiċi identifikati bħala prijorità għal kull għajnuna tal-iżvilupp fid-Dikjarazzjoni ta’ Novembru 2000 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar Il-Politika ta' Żvilupp tal-Komunità Ewropea [8]. Iżda, fl-2007 ’il fuq minn nofs il-finanzjament tal-Kummissjoni permezz tan-NU kellu x’jaqsam mal-itrattar ta’ kriżijiet (prinċipalment għajnuna umanitarja mogħtija wara l-kriżi, rijabilitazzjoni u rkupru), aktar milli s-sitt oqsma tematiċi identifikati fil-Komunikazzjoni. Madwar 40 % tal-għajnuna tal-Kummissjoni permezz tan-NU ntefqet fuq dawn is-sitt oqsma [9], ħafna inqas mill-proporzjon tal-għajnuna tal-Kummissjoni globali, li kważi ammontat għal 80 % [10]. Għadu mhuwiex ċar x’valur miżjud qed iġġib il-konċentrazzjoni fuq l-oqsma tematiċi minħabba li ma jidhirx li qed tiġi segwita fil-prattika. 17. Il-ħtiġijiet strateġiċi mhumiex tradotti b’mod suffiċjenti fi kriterji prattiċi għall-evalwazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-ħidma mal-organizzazzjonijiet tan-NU. Il-Kummissjoni wettqet analiżi retrospettiva li turi li hemm raġunijiet tajba għall-implimentazzjoni tal-għajnuna permezz tan-NU (ara l-paragrafu 20) u li l-Kummissjoni kienet sodisfatta bl-għażliet tagħha (ara l-paragrafu 27). Iżda, qabel ma tiddeċiedi li taħdem ma’ organizzazzjoni tan-NU, il-Kummissjoni ma tiddokumentax b’mod sistematiku l-evalwazzjoni tagħha dwar jekk il-valur miżjud tan-NU jibbilanċjax l-iżvantaġġi. 18. Qabel ma jagħmel kuntratt ma' organizzazzjoni tan-NU, il-EuropeAid mhux sistematikament iwettaq evalwazzjoni dokumentata dwar il-kapaċità tiegħu biex timplimenta l-kompitu propost. Informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-passat, inklużi s-sejbiet tal-monitoraġġ orjentat fuq ir-riżultati hija disponibbli għad-Delegazzjonijiet permezz tad-database CRIS, u, mill-2008, ir-Rapporti tat-Tmexxija tal-Assistenza Esterna (EAMRs) ta’ darbtejn fis-sena jinkludu taqsima speċifika dwar l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Iżda, fil-preżent l-informazzjoni mhijiex analizzata u kkomunikata lid-Delegazzjonijiet b’mod li tista’ tinforma aħjar evalwazzjonijiet bħal dawn. Wieħed mill-iskopijiet tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-2008 kien li jistabbilixxi jekk kienx hemm raġunijiet ċari għall-implimentazzjoni tal-għajnuna permezz tan-NU. Il-EuropeAid wettaq ukoll stħarriġ biex jistabbilixxi għaliex l-organizzazzjonijiet tan-NU ntgħażlu bħala msieħba. 19. Minħabba fin-natura urġenti tal-interventi tiegħu, id-DĠ ECHO jidħol fi ftehimiet qafas mal-imsieħba kollha tiegħu, wara li l-ewwel jevalwa l-kapaċità tagħhom. Barra minn hekk, qabel ma jidħol fi ftehim għal intervent speċifiku, b’mod sitematiku huwa jwettaq u jiddokumenta eżami tal-kapaċità tal-imsieħeb għall-azzjoni speċifika proposta. Iżda, l-informazzjoni utli dwar prestazzjonijiet passati tal-imsieħba tan-NU, li qegħdin fis-sistema ta’ monitoraġġ tal-proġetti tad-DĠ ECHO, hija maħżuna fil-livell ta’ unitajiet operazzjonali minflok ma hija disponibbli mill-ewwel lill-uffiċjali kollha biex tinforma d-deċiżjonijiet fuq il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tan-NU. Konsegwentement, il-proċess ta' evalwazzjoni tad-DĠ ECHO jista’ jkun ibbażat fuq informazzjoni inkompleta u għalhekk l-imsieħeb jista' ma jkollux il-kapaċità li jikseb ir-riżultati mistennija, partikolarment fejn huwa jiddiversifika mill-attività prinċipali tiegħu. 20. Il-kwestjonarji tal-Qorti (ara l-paragrafu 13) immiraw li jidentifikaw, għal kull wieħed mit-52 ftehim ta’ kontribuzzjoni, it-tliet raġunijiet ewlenin għaliex hija għażlet li taħdem man-NU. L-importanza relattiva tar-raġunijiet il-għaliex intgħażlet in-NU huma mniżżla fil-qosor fil-figura 4. Ir-riżultati tal-kwestjonarji kkonfermaw is-sejbiet tal-evalwazzjoni u l-istħarriġ li l-Kummissjoni tagħżel li taħdem man-NU prinċipalment minħabba attributi marbutin mal-kapaċità tagħha li tikseb riżultati, bħal l-esperjenza tagħha, il-kompetenza, il-kapaċità loġistika (inkluż l-aċċess għal żoni perikolużi) u l-prestazzjoni tagħha fil-passat. Raġuni oħra għaliex il-Kummissjoni tagħżel li taħdem man-NU hija l-kapaċità tagħha għall-koordinazzjoni u għad-djalogu fuq livell għoli. Figura 4 Importanza relattiva tar-raġunijiet li ntgħażlet in-NU +++++ TIFF +++++ 21. L-istrateġija tal-Kummissjoni, ir-Regolament Finanzjarju u l-FAFA jeħtieġu li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kun oġġettiv u trasparenti u jimmira għall-effiċjenza u għall-effettività (ara l-paragrafi 8, 9 u 15). Filwaqt li elementi bħall-ispiża (ara l-paragrafi 22 u 23), il-ħeffa (ara l-paragrafu 24) u l-viżibilità (ara l-paragrafu 25) kienu kkunsidrati wkoll, fir-risposti għall-kwestjonarji tal-Qorti li talbu t-tliet raġunijiet prinċipali għalfejn intgħażlet in-NU, dawn il-kriterji ma kinux jidhru b'mod prominenti. 22. Dwar l-ispiża, il-Kummissjoni għandha informazzjoni limitata dwar l-effiċjenza tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tagħti kontribuzzjoni, ta’ mhux aktar minn 7 % tal-ispejjeż diretti, għall-ispejjeż indiretti tal-organizzazzjonijiet tan-NU [11]. L-Artikolu 5 tal-FAFA jistipula li s-sottokuntrattar m'għandux iwassal għal spejjeż aktar għolja milli kieku l-implimentazzjoni saret direttament min-NU nfisha. Iżda, meta l-attivitajiet huma sottokuntrattati, il-livell totali tal-kontribuzzjoni għall-ispejjeż indiretti għall-organizzazzjonijiet kollha involuti mhuwiex irrappurtat bħal pereżempju, fil-każ tal-Programm Interim għad-Diżarm, id-Demobilizzazzjoni u l-Integrazzjoni mill-ġdid fis-Sudan, fejn organizzazzjoni tan-NU ssottokuntrattat nofs l-attivitajiet lill-organizzazzjoni oħra tan-NU li reġgħet issottokuntrattat l-attivitajiet lill-NGOs biex jimplimentawhom. 23. Barra mill-kontribuzzjoni tagħha għall-ispejjeż indiretti, il-Kummissjoni tiffinanzja wkoll l-ispejjeż ta’ sostenn tal-uffiċċji lokali, il-persunal u t-trasport direttament relatati mal-attivitajiet iffinanzjati. Analiżi tal-proġetti fis-Sudan uriet firxa fil-livell tal-ispejjeż ta’ sostenn ta’ bejn 6 % u 60 % tan-nefqa totali tal-proġetti [12]. Il-Kummissjoni ma tevalwax il-livell ta’ spejjeż ta’ sostenn b’referenza għal medda normali jew standard għat-tip ta’ proġett biex tistabbilixxi jekk huwiex raġonevoli. 24. Dwar il-ħeffa tal-implimentazzjoni, f'xi każijiet, pereżempju l-kwantitajiet kbar ta’ ikel ittrasportati, in-NU wriet il-kapaċità tagħha li tagħti l-għajnuna malajr ħafna lill-benefiċjarji. Iżda, eżempji ta' għoti tal-għajnuna bil-mod (ara l-kaxxa 1) għandhom jaffettwaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. 25. Dwar il-viżibilità, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li l-viżibilità kienet sodisfaċenti fil-livell tal-pajjiż, il-kontribwenti tat-taxxa fl-UE ħafna drabi lanqas biss kienu jafu bil-preżenza u l-irwol tal-Kummissjoni f’dan it-tip ta’ intervent. Fil-każ tal-Programm Interim għad-Diżarm, id-Demobilizzazzjoni u l-Integrazzjoni mill-Ġdid, pereżempju, filwaqt li l-irwol tal-KE kien ċar fil-livell tal-amministrazzjoni nazzjonali Sudaniża, dan rarament kien jissemma fid-dokumenti pubbliċi u formali. Il-Pjan ta' Azzjoni Konġunta tal-2006 dwar il-viżibilità jagħraf ir-riskju ta’ viżibilità mnaqqsa u jenfasizza l-importanza li din il-kwestjoni tiġi indirizzata. Kaxxa 1 Eżempji ta’ implimentazzjoni bil-mod tal-għajnuna Reviżjoni tal-Programm Interim għad-Diżarm, id-Demobilizzazzjoni u l-Integrazzjoni mill-ġdid fis-Sudan li saret f’Novembru 2006 rrappurtat dwar il-livell għoli ta’ frustrazzjoni bid-dewmien u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni. F’Diċembru 2007 il-Gvern Sudaniż stqarr id-diżappunt tiegħu dwar l-implimentazzjoni bil-mod tal-programm, li kien ikkonfermat minn missjoni sussegwenti tal-Kummissjoni fis-Sudan. Fis-Sudan tan-Nofsinhar, il-EuropeAid għażel lil organizzazzjoni tan-NU bħala msieħeb biex jissorvelja l-bini urġenti ta’ uffiċċji legali. Il-benefiċjarji qablu dwar bini prefabbrikat li seta’ jiġi kkunsinnat u mtella’ malajr. Iżda kienu ffrustrati b'dewmien fl-implimentazzjoni minħabba li fil-bidu l-pedamenti ġew imħaffra fil-post żbaljat, il-panewijiet prefabbrikati ġew ikkunsinnati tard u l-maniġer tal-proġett telaq. Il-proġett tal-iżvilupp ta’ kampijiet immexxi minn organizzazzjoni tan-NU fit-Territorju Okkupat Palestinjan fil-bidu kien ippjanat għal perijodu ta’ 12-il xahar li jispiċċa f’Ġunju tal-2007 imma wara żewġ estensjonijiet kien għadu għaddej fl-aħħar tal-2008. Il-paragun formali ma’ mekkaniżmi alternattivi tal-għoti tal-għajnuna għandu jkun sistematiku 26. La l-EuropeAid u lanqas id-DĠ ECHO ma jwettqu evalwazzjonijiet formali b’mod sistematiku dwar mekkaniżmi alternattivi tal-għoti tal-għajnuna. Informazzjoni kumparattiva jew standard dwar l-ispejjeż mhijiex użata biex tanalizza l-effettività tal-ispejjeż tal-proposti tal-proġetti sabiex tikkumpensa għan-nuqqas tas-sejħiet għall-offerti kompetittivi. L-għażla li tintuża organizzazzjoni tan-NU biex tingħata l-għajnuna, mhijiex, għalhekk, appoġġata b’evidenza koklużiva li dan l-approċċ huwa aktar effiċjenti u effettiv minn modi oħra tal-għoti tal-għajnuna. 27. Ir-risposti għall-kwestjonarji tal-Qorti indikaw li fejn sar paragun ma’ alternattivi, ġeneralment dawn ma kinux dokumentati. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’mod simili sabet li ma kienx hemm eżami formalizzat ta’ forom alternattivi ta' għajnuna u ftit li xejn instabet informazzjoni dwar analiżi ta' alternattivi possibbli qabel id-deċiżjoni. Iżda, anke fejn ftit li xejn kien hemm reġistrazzjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li kien sar, il-Kummissjoni kienet sodisfatta bl-għażliet tagħha li tagħti l-għajnuna permezz tal-organizzazzjonijiet tan-NU. It-twassil tal-għajnuna permezz tan-NU ħafna drabi ġie meqjus li kien l-uniku għażla, partikolarment f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Fejn kien hemm għażliet oħrajn il-Kummissjoni ġeneralment qieset li n-NU kienet l-aqwa għażla, minkejja n-nuqqas ta' ġustifikazzjonijiet iddokumentati b’mod sistematiku fil-waqt li ttieħdu d-deċiżjonijiet. 28. Implimentazzjoni mill-Kummissjoni nfisha hija waħda mill-għażliet oħrajn għall-għoti tal-għajnuna. L-irwol prinċipali tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-Mekkanżimu Internazzjonali Temporanju fit-Territorju Okkupat Palestinjan, li permezz tiegħu ġew imwassla ’il fuq minn 600 miljun euro fl-2006 u fl-2007, juri l-kapaċità tal-Kummissjoni li timplimenta u tikkoordina għajnuna fuq skala kbira f’ambjent li mhux stabbli. L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Finanzjarju revedut jistipula b’mod espliċitu li l-programmi tal-Kummissjoni jistgħu jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri u donaturi oħrajn li jagħti opportunità biex tiġi esplorata l-possibilità ta’ fondi b’ħafna donaturi ġestiti u kkoordinati mill-Kummissjoni. Taqsima 3.2 Sistemi għall-monitoraġġ u għall-verifika tal-għajnuna mwassla permezz tan-NU 29. Il-proċeduri b’saħħithom ta’ ġestjoni finanzjarja huma rekwiżit legali u strateġiku (ara l-paragrafi 8 u 15). Huma neċessarji sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-finanzjament tal-Kummissjoni jkun użat b’mod mhux ekonomiku u mhux xieraq. Informazzjoni affidabbli dwar l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u l-kisba tar-riżultati hija neċessarja sabiex tiżgura li l-objettivi tal-Kummissjoni nkisbu. Għalhekk il-verifika eżaminat jekk l-arranġamenti tal-monitoraġġ u tal-verifika jagħtux assigurazzjoni tas-saħħa tal-proċeduri finanzjarji u tal-kisba tar-riżultati. 30. Il-Kummissjoni rrispondiet għall-ħtieġa li tkun assigurata s-saħħa tal-proċeduri tal-ġestjoni finanzjarja billi żviluppat mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' kontroll li jikkumbinaw approvazzjoni preċedenti u kontrolli ex-post [13] (ara l-figura 5). Il-Kummissjoni l-ewwel twettaq evalwazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll finanzjarju tal-imsieħba tan-NU tagħha (l-analiżi tal-erba' pilastri) biex tiżgura li dawn jikkonformaw mal-istandards internazzjonali [14]. Sabiex tiżgura li dawn is-sistemi joperaw fil-prattika, il-Kummissjoni tingħata informazzjoni mill-imsieħba tagħha tan-NU permezz ta’ rapporti. Il-Kummissjoni tagħmel ukoll żjarat ta’ monitoraġġ fuq il-post u twettaq missjonijiet ta’ verifika. Għalkemm mhux parti mill-proċeduri ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri tiċċekkja wkoll l-eliġibilità ta’ kampjun tan-nefqa implimentata permezz tal-organizzazzjonijiet tan-NU bħala parti mill-verifika finanzjarja annwali tagħha tal-kontijiet tal-Kummissjoni. L-analiżi fuq erba’ pilastri ma tkoprix is-sistemi li għandhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet sottokuntrattati 31. L-analiżi fuq erba’ pilastri tevalwa l-adegwatezza tal-kontabilità, tal-kontroll intern, tal-verifika esterna u tal-proċeduri tal-akkwist tal-imsieħba tan-NU. Sal-2008 din kienet tlestiet għal kważi l-fondi kollha ġestiti tal-Kummissjoni permezz tan-NU. Filwaqt li kienet qed titwettaq, il-Kummissjoni kompliet taħdem mal-organizzazzjonijiet tan-NU abbażi ta’ preżunzjoni ta’ konformità. 32. L-organizzazzjonijiet tan-NU frekwentement issottokuntrattaw l-implimentazzjoni tal-attivitajiet lill-organizzazzjonijiet oħrajn li s-sistemi ta’ kontroll finanzjarju tagħhom ma kinux reveduti mill-Kummissjoni. Pereżempju, fil-kuntest tal-proġett fis-Sudan dwar il-kura tas-saħħa b’emerġenza, iffinanzjat mid-DĠ ECHO, l-organizzazzjoni tan-NU ssottokuntrattat l-attivitajiet lil NGOs li ma kinux daħlu fi ftehim ta' sħubija mad-DĠ ECHO. Il-Kummissjoni sserraħ fuq is-sistemi tal-organizzazzjoni tan-NU biex tikkontrolla l-attivitajiet tas-sottokuntratturi. Figura 5 Arranġamenti ta' monitoraġġ u kontroll ■ Approvazzjoni minn qabel ■ Kontrolli ex-post | 1.Analiżi fuq erba' pilasriEżami mill-Kummissjoni tal-erba' tipi prinċipali tal-kontroll finanzjarju (kontabilità, kontroll intern, verifika esterna u akkwist) tal-organizzazzjonijiet tan-NU biex tiċċekkja jekk dawn jikkonformawx mal-istandards internazzjonali. | | 2.Rapport tan-NUL-organizzazzjonijiet tan-NU huma meħtieġa li jagħtu rapporti ta' progress annwali flimkien ma' rapport finali fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-implimentazzjoni (tliet xhur għal assistenza umanitarja). L-istrateġija annwali hija appoġġata permezz ta' djalogi ta' programmar. | 3.Monitoraġġ fuq il-postIż-żjarat tal-Kummissjoni lill-proġetti u l-laqgħat mal-imsieħba biex jiżguraw l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u l-kisba tal-objettivi. Jinkludi l-monitoraġġ orjentat fuq ir-riżultati (ROM). | 4.VerifikiKontrolli tal-Kummissjoni, inklużi dawk fuq il-post, biex jikkonfermaw l-adegwatezza tal-proċeduri identifikati fl-analiżi tal-erba' pilastri u biex jeżaminaw jekk inkisibx il-valur għall-flus. Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet jiċċekkjaw l-effiċjenza u l-effettività tal-għajnuna. | Ir-rapporti tan-NU jagħtu informazzjoni insuffiċjenti dwar ir-riżultati 33. Il-Kummissjoni hija kritika fuq ir-rapporti tan-NU li huma eċċessivament ġenerali, ma jikkomunikawx il-problemi li wieħed jiltaqa’ magħhom u ħafna drabi jaslu tard [15]. Il-Kummissjoni ma rnexxilhex tottjeni informazzjoni adegwata dwar il-kisbiet tal-proġetti minħabba li miri tal-prodott ikkwantifikati b’mod ċar mhumiex żviluppati għall-proġetti kollha. Meta l-indikaturi tal-prestazzjoni huma kkwantifikati dawn jiffukaw fuq il-prodott tal-proġett li huwa eħfef biex jitkejjel aktar milli fuq l-impatt tal-proġett. Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-proġett (Marzu 2004) jiddistingwu bejn l-indikaturi tal-prodott fuq naħa, u l-indikaturi tar-riżultati u tal-impatt fuq in-naħa l-oħra. L-indikaturi tal-prodott ikejlu l-konsegwenzi immedjati u konkreti tal-miżuri meħuda filwaqt li l-indikaturi tal-eżitu u tal-impatt ikejlu l-effett tal-proġett fuq il-benefiċjarji u l-konsegwenzi fuq tul taż-żmien twil. F’xi wħud mill-każijiet l-indikaturi tal-impatt kienu inklużi imma ma setgħux jitkejlu, partikolarment fil-limitu taż-żmien aqsar ta’ rappurtar tad-DĠ ECHO [16] (ara l-kaxxa 2). Kaxxa 2 Diffikultajiet fil-kejl tal-prestazzjoni Fejn il-proġetti inkludew kemm indikaturi tal-prodott u kif ukoll tar-riżultati, l-organizzazzjoni tan-NU ma kinitx neċessarjament kapaċi tirrapporta dwar l-indikaturi tal-eżitu fiż-żmien li suppost kellu jsir ir-rappurtar. Pereżempju fil-każ ta’ proġett tan-NU fid-Darfur, is-Sudan, il-mira tal-prodott kienet li 25000 dar jirċievu żerriegħa għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba' filwaqt li l-mira tar-riżultat kienet li kull benefiċjarju jikkultiva 1,2 ettari oħrajn permezz tal-assistenza mogħtija. Fil-każ tal-proġett tan-NU dwar is-saħħa, in-nutriment u l-ilma fl-Istati tal-Blue Nile u ta’ Khartoum l-indikaturi tal-prodott kellhom x’jaqsmu man-numru ta’ kliniki appoġġjati filwaqt li l-indikaturi tal-eżiti kellhom x’jaqsmu mar-rati ta’ mortalità u morbidità. Għalkemm għal dawn iż-żewġ proġetti tad-DĠ ECHO l-organizzazzjonijiet tan-NU setgħu jirrappurtaw dwar l-indikaturi tal-prodott, huma ma setgħux jirrappurtaw dwar l-indikaturi tal-eżitu li kellhom x’jaqsmu mal-art addizzjonali kkultivata jew mar-rati ta’ moralità u morbidità, fiż-żmien li suppost kellu jsir ir-rappurtar (tliet xhur wara tmiem il-proġett). 34. Il-kwalità tar-rappurtar hija importanti fil-kuntest tal-aġenda dwar l-effettività tal-għajnuna u l-għan tal-Kummissjoni u n-NU li jiffukaw fuq ir-riżultati [17]. Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna timpenja lid-donaturi biex jimplimentaw arranġamenti komuni fil-livell tal-pajjiż għall-ippjanar u l-finanzjament tal-attivitajiet. Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005, b’mod simili jenfasizza l-impenn tal-UE biex taħdem mal-imsieħba biex tarmonizza l-għajnuna permezz ta' mekkaniżmi aktar prevedibbli tal-għajnuna. Il-Prinċipji ta’ Good Humanitarian Donorship (Donazzjoni Umanitarja Tajba) miftiehma fi Stokkolma fl-2003 jimpenjaw lid-donaturi biex jirsistu sabiex jiżguraw il-prevvedibilità u l-flessibilità fil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tan-NU u biex jesploraw il-possibilità li jnaqqsu l-assenjar tal-għajnuna u jintroduċu arranġamenti ta’ ffinanzjar fuq tul ta’ żmien itwal. L-assenjazzjoni tal-għajnuna għal numru kbir ta’ attivitajiet speċifiċi jista’ jkun mezz biex jiġu mmirati riżorsi sabiex jinkisbu riżultati speċifiċi, imma mhijiex konsistenti mal-approċċ komuni previst mill-aġenda dwar l-effettività tal-għajnuna. Iżda, parzjalment minħabba fir-rappurtar inadegwat tan-NU, il-Kummissjoni ppreferiet li tassenja l-fondi, minflok tiffinanzja koperazzjoni fuq tul ta’ żmien itwal [18]. 35. Anke fejn il-Kummissjoni tikkontribwixxi għal fond ta’ multidonaturi, minflok ma’ tgħaqqad il-finanzjament tagħha ma’ donaturi oħrajn xi kultant hija tassenja l-finanzjament tagħha għal attivitajiet speċifiċi f'dak il-fond (ara l-kaxxa 3). L-assenjazzjoni ġġib magħha ħtiġijiet ta' rappurtar addizzjonali u spejjeż assoċjati. Ir-rapport annwali tal-Qorti tal-1999 ikkritika l-allokazzjoni ta’ riżorsi skarsi tan-NU u tal-Kummissjoni għall-kompitu amministrattiv tar-rappurtar fuq in-nefqa allokata li fil-biċċa l-kbira tiegħu mhuwiex produttiv [19]. Il-Kummissjoni rrispondiet li hija kienet qed tħares lejn approċċi ġodda li kieku jieħdu kont tas-suġġeriment tal-Qorti li titnaqqas l-assenjazzjoni. Ir-riżultati tal-kwestjonarji tal-Qorti juru li għal 10 minn 29 fond ta' multidonaturi (34 %) il-Kummissjoni kienet assenjat il-fondi tagħha għal attivitajiet speċifiċi. Kaxxa 3 Eżempju ta’ assenjar Il-Kummissjoni kkontribwiet miljun euro lill-fond tal-multidonatur tal-organizzazzjoni tan-NU ta’ 14-il miljun euro biex tgħin l-elezzjonijiet fil-Gijana fl-2006. Donaturi oħrajn inklużi l-Kanada (CIDA) u r-Renju Unit (DFID) ma assenjawx il-kontribuzzjonijiet tagħhom għal attivitajiet speċifiċi, imma l-Kummissjoni hekk għamlet. Pereżempju hija allokat 146000 euro għat-teknoloġija tal-informazzjoni, 418000 euro għall-edukazzjoni tal-elettur, 143000 euro għall-monitoraġġ tal-midja u 115000 euro għal osservazzjoni lokali. Iżda, is-sistemi tal-kontabilità tal-organizzazzjoni tan-NU ma rreġistrawx in-nefqa skont dawn l-intestaturi tal-baġit u ma kinitx kapaċi tagħti lista tat-tranżazzjonijiet f’kull kategorija lill-Kummissjoni. 36. Il-Kummissjoni ma ffinanzjatx il-baġit ġenerali tal-korpi tan-NU bl-eċċezzjoni ta’ aġenzija tan-NU fit-Territorju Okkupat Palestinjan [20]. Billi kkontribwiet għall-baġit ġenerali ta’ din l-aġenzija l-Kummissjoni setgħet tinvolvi ruħha fi djalogu fuq livell għoli biex itejjeb is-sistema tal-kejl tal-prestazzjoni tal-organizzazzjoni u tagħti informazzjoni ċara u affidabbli dwar il-kisba tar-riżultati. L-inizjattiva pilota preżenti tan-NU biex tippreżenta interface wieħed tan-NU għad-donaturi f’pajjiż partikolari fil-futur, tista' tippreżenta opportunità ulterjuri biex il-Kummissjoni tikkunsidra finanzjament b'mod anqas frammentat, u b'hekk tiżgura armonizzazzjoni akbar tal-għajnuna. Iżda, kull moviment lill hinn mill-bżonnijiet tal-assenjazzjoni jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn sistema b’saħħitha ta’ rappurtar li tagħti lid-donaturi informazzjoni affidabbli dwar il-kisba tar-riżultati. Il-monitoraġġ fuq il-post tal-Kummissjoni ma jikkumpensax għan-nuqqas ta’ informazzjoni fir-rapporti tan-NU 37. Il-monitoraġġ fuq il-post tal-EuropeAid mill-persunal tad-Delegazzjoni jinkludi laqgħat mal-persunal tan-NU, żjarat fuq il-post tal-proġetti u lill-benefiċjarji u attendenza għall-kumitati tat-tmexxija. L-organizzazzjonijiet tan-NU, benefiċjarji u donaturi oħrajn ġeneralment iqisu lill-EuropeAid bħala donatur relattivament involut. Barra minn hekk, iż-żjarat tal-monitoraġġ orjentat fuq ir-riżultati (ROM), imwettqa minn konsulenti għall-EuropeAid, jevalwaw ir-relevanza, l-effiċjenza, l-effettività, l-impatt u s-sostenibilità potenzjali ta' proġett. 38. Iżda, il-monitoraġġ imwettaq mid-Delegazzjonijiet u r-ROM mhuwiex intenzjonat li jikkumpensa għal-limitazzjonijiet tar-rappurtar tan-NU dwar l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u l-kisba tar-riżultati (ara l-kaxxa 4). Il-metodoloġija tar-ROM hija bbażata fuq it-teħid ta’ kampjuni, u kwestjonijiet ta’ sigurtà huma kunsiderazzjoni wkoll. Ir-riżultati tal-kwestjonarji tal-Qorti wrew li sebgħa biss mis-37 proġett tal-EuropeAid (19 %) kienu ġew immonitorjati permezz tar-ROM. 39. B’kuntrast, l-uffiċjali tal-qasam tad-DĠ ECHO b’mod sistematiku jwettqu żjarat ta’ monitoraġġ tal-proġetti darba kull sitt xhur (ħlief meta dawn mhumiex possibbli, pereżempju, għal raġunijiet ta’ sigurtà) u jiddokumentaw is-sejbiet. Dawn ir-rapporti ta’ monitoraġġ huma għodda utli biex tinbeda kull azzjoni neċessarja ta’ rimedju, għalkemm l-effettività tagħhom tista’ titjieb billi r-rapport bil-miktub jingħata lill-imsieħba minflok li jingħataw biss id-dettalji verbalment. Il-monitoraġġ mill-uffiċjali fuq il-post tad-DĠ ECHO, flimkien maż-żjarat tal-evalwaturi, missjonijiet mill-uffiċjali responsabbli mill-qasam u d-djalogi tal-ipprogrammar strateġiku annwali mal-organizzazzjonijiet tan-NU jgħinu biex jikkumpensaw għal-limitazzjonijiet tar-rapporti tan-NU. Kaxxa 4 Limitazzjonijiet fil-monitoraġġ fuq il-post tal-EuropeAid Fis-Sudan, l-għajnuna tal-Kummissjoni kienet imwassla l-istess bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż. Iżda, d-Delegazzjoni kienet ibbażata f’Khartoum fit-Tramuntana u kien hemm maniġer tal-programm wieħed biss jaħdem f’kundizzjonijiet partikolarment diffiċli fin-Nofsinhar. Il-ftuħ ippjanat tal-Uffiċċju tan-Nofsinhar f’Juba fl-2009 se jagħti opportunità biex jiġi indirizzat dan l-iżbilanċ fid-distribuzzjoni tar-riżorsi tal-monitoraġġ. Fejn il-proġetti ltaqgħu ma’ problemi, bħal fil-każ tal-bini urġenti ta’ uffiċċji legali fis-Sudan tan-Nofsinhar, il-monitoraġġ tad-Delegazzjoni ma kkumpensax għal sorveljanza mhux effettiva tan-NU. Fis-Sri Lanka, proċeduri ta’ monitoraġġ u sorveljanza adegwati ma ġewx stabbiliti għall-proġett ta’ toroq komunitarji implimentat minn organizzazzjoni tan-NU [21]. Il-verifikazzjonijiet tal-Kummissjoni iddubitati mill-panel tal-awdituri tan-NU 40. Il-FAFA tistipola li l-Komunitajiet Ewropej jistgħu jagħmlu kontrolli relatati mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Komunitajiet Ewropej, u kif ukoll kontrolli fuq il-post. L-iskop ta’ dawn il-kontrolli mhuwiex biss ir-reviżjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni finanzjarja, imma wkoll l-eżami dwar jekk inkisibx valur għall-flus fl-implimentazzjoni tal-proġetti. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet [22], il-missjonijiet tal-verifikazzjoni jiffukaw fuq l-adegwatezza tal-proċeduri filwaqt li l-eżami tal-effiċjenza tal-implimentazzjoni jew l-effettività tar-riżultati huma kwistjonijiet indirizzati fir-rapporti tan-NU u l-monitoraġġ fuq il-post tal-Kummissjoni. Termini tipiċi ta’ referenza ta’ missjoni ta' verifikazzjoni huma: a) l-evalwazzjoni tas-sistemi lokali tal-kontabilità għall-finanzjament tal-Kummissjoni u jkun ikkonfermat li dawn joperaw fil-prattika; u b) il-kontroll tal-eliġibilità tan-nefqa fuq l-attivitajiet speċifiċi ffinanzjati. 41. Fl-istess ħin minħabba li l-livell tal-fondi tal-Kummissjoni mogħtija permezz tan-NU żdied (ara l-paragrafu 1), il-Kummissjoni bdiet teżerċita aktar fis id-dritt tagħha li twettaq verifikazzjonijiet. Bejn l-2004 u l-2006 l-EuropeAid u d-DĠ ECHO wettqu total sħiħ ta’ 22 missjoni tal-verifikazzjoni, jew bejn wieħed u ieħor sebgħa kull sena. Fl-2007 n-numru żdied b’mod sinifikanti minħabba li l-EuropeAid wettaq 38 missjoni tal-verifikazzjoni u d-DĠ ECHO disgħa oħra. Fl-2008 l-EuropeAid wettaq 25 missjoni tal-verifikazzjoni u d-DĠ ECHO disgħa. Biex in-numru tal-missjonijiet ta’ verifikazzjoni jitpoġġa f’kuntest, il-EuropeAid u d-DĠ ECHO kull wieħed annwalment jidħlu f’madwar 180 kuntratt mal-organizzazzjonijiet tan-NU (ara l-paragrafu 5). 42. L-attitudnijiet lejn il-verifikazzjonijiet ivarjaw fi ħdan in-NU, imma l-Panel tal-Awdituri tan-NU kontinwament jitfa’ dubji fuq id-dritt tal-Kummissjoni li tiċċekkja n-nefqa, għax jargumenta li l-arranġamenti tal-verifika tiegħu stess huma suffiċjenti (ara l-kaxxa 5). Il-Bord tal-Awdituri tan-NU jwettaq il-verifika esterna tar-rendikonti finanzjarji tal-korpi tan-NU [23]. Id-diversi aġenziji tan-NU wkoll għandhom il-funzjoni tal-verifika interna tagħhom stess. Pereżempju, waħda mill-organizzazzjonijiet tan-NU għandha Uffiċċju tal-Verifika u tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni li huwa meħtieġ jivverifika kull attività minn tal-anqas darba matul l-eżistenza tagħha. Kaxxa 5 Il-kontroversja li ilha teżisti dwar il-verifikazzjonijiet tal-Kummissjoni Fl-1993 il-Panel ta’ Awdituri Esterni tan-NU kiteb lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u insista li d-donaturi għandhom jistrieħu fuq arranġamenti normali tal-verifika tan-NU. L-Assemblea Ġenerali tan-NU qablet ma’ din il-fehma. Fl-1994, il-klawsola tal-verifikazzjoni ġiet miftiehma, u tat bażi għall-aċċess tal-KE għall-informazzjoni kollha relevanti tan-NU u d-dritt li twettaq kontrolli, għalkemm iddikjarat li t-tranżazzjonijiet u r-rendikonti finanzjarji kienu soġġetti għall-proċeduri tal-verifika interni u esterni tan-NU. Il-Panel ta’ Awdituri Esterni tan-NU kompla jtenni l-ħsibijiet tiegħu dwar verifiki indipendenti mid-donaturi u fl-2001 ġie ffirmat ftehim supplimentari dwar l-applikazzjoni tal-klawżola tal-verifikazzjoni. Fl-2005 l-Kumitat ta' Livell Għoli tan-NU dwar it-Tmexxija ħa taħt idejh id-dritt esklussiv tal-verifika tal-awdituri tan-NU, minkejja dak li huwa ddeskriva bħala pressjoni minn xi donaturi inkluża l-Kummissjoni, biex jinkiser il-prinċipju tal-verifika ewlenija. Kmieni fl-2008 l-Kontrollur tan-NU talab il-waqfien tal-missjonijiet kollha tal-verifika sakemm il-klawżola tal-verifikazzjoni, li kienet ikkunsidrata li tmur kontra l-indipendenza tan-NU, terġa’ tiġi negozjata mill-ġdid jew imneħħija. Il-Kummissjoni rrifjutat din it-talba. F’April 2008 l-kwestjoni tal-verifikazzjonijiet kienet is-suġġett prinċipali diskuss waqt il-Ħames Grupp ta’ Ħidma annwali tal-FAFA. In-NU u l-Kummissjoni qablu li jabbozzaw termini ta’ referenza għall-missjonijiet tal-verifika li ġew adottati fis-Sitt Grupp ta’ Ħidma f'April 2009. 43. Il-Kummissjoni tistrieħ fuq ix-xogħol tal-awdituri tan-NU meta dan ikun disponibbli għal reviżjoni u skrutinju [24]. Ir-rendikonti finanzjarji vverifikati tal-organizzazzjoni tan-NU b’mod ġenerali huma disponibbli għall-pubbliku. Iżda r-rendikonti finanzjarji tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Kummissjoni mhumiex ivverifikati separatament. 44. Il-Kummissjoni u n-NU ħadmu biex jegħlbu d-differenzi tagħhom fir-rigward tal-verifikazzjonijiet imma l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ aċċess ristrett għas-sistemi u d-dokumenti tan-NU (ara l-kaxxa 6). Kaxxa 6 Eżempji ta’ aċċess ristrett tal-Kummissjoni Il-verifikazzjoni tal-EuropeAid tal-2007 tas-sostenn li l-organizzazzjoni tan-NU tat fl-elezzjonijiet fil-Gijana ma setgħetx taċċessa s-sistema tal-kontabilità tal-organizzazzjoni tan-NU. Il-verifikazzjoni tal-EuropeAid tal-2007 tal-programm tal-organizzazzjoni tan-NU għall-eradikazzjoni tal-poljo ma tħallietx tieħu kopji tad-dokumenti. Minħabba f’limitazzjonijiet imposti mill-Kwartieri Ġenerali ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet tan-NU, il-verifikazzjoni tad-DĠ ECHO tal-2008 ta’ proġetti fl-Uganda ma setgħetx tagħżel numru raġonevoli ta’ tranżazzjonijiet għall-ittestjar sabiex tasal għal konklużjoni ġenerali dwar l-eliġibilità tal-ispejjeż. Il-qorti tal-awdituri tiltaqa’ ma’ ostakli waqt li qed twettaq il-kontrolli finanzjarji 45. Sabiex twettaq il-verifika finanzjarja annwali tal-kontijiet tal-Kummissjoni tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tiċċekkja l-eliġibilità ta' kampjun ta' pagamenti [25]. Għal dawk it-tranżazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu man-NU, il-Qorti tiċċekkja li n-nefqa saret skont it-termini tal-ftehim mal-Kummissjoni. 46. Il-Kummissjoni żgurat li l-klawżola tal-verifikazzjoni tal-FAFA tat l-aċċess meħtieġ lill-Qorti tal-Awdituri għall-informazzjoni sabiex din tkun tista’ twettaq dawn il-kontrolli [26]. Il-klawżola tal-verifikazzjoni tal-FAFA tistipola li l-Komunitajiet Ewropej, u dan jinkludi l-Qorti, anke jekk mhumiex imsemmija b’mod speċifiku, jistgħu jwettqu kontrolli finanzjarji fuq il-post, u li n-NU għandha tagħti l-informazzjoni finanzjarja kollha relevanti. Madankollu, il-Qorti esperjenzat xi diffikultajiet biex taċċessa l-informazzjoni tan-NU (ara l-kaxxa 7). Kaxxa 7 Il-qorti tal-awdituri għandha diffikultajiet biex taċċessa l-informazzjoni Ir-rapporti annwali tal-Qorti għall-2001 u għall-2004 jiddeskrivu d-diffikultajiet tal-Qorti biex taċċessa d-data mill-organizzazzjonijiet tan-NU. Il-verifika tal-Qorti tal-2007 tal-Fondi Ewropej tal-Iżvilupp irrappurtat li minn 11-il pagament lill-organizzazzjonijiet tan-NU, żewġ pagamenti ma setgħux jiġu vverifikati b’mod sħiħ minħabba li l-Qorti ma setgħetx tottjeni d-dokumentazzjoni ta’ bażi. Il-verifika ta’ pagamenti tan-NU oħrajn ġiet imxekkla minn koperazzjoni inadegwata tal-organizzazzjonijiet tan-NU u eventwalment saret possibbli biss bl-intervent tal-Kummissjoni. Ir-rapport annwali tal-Qorti tal-2007 dwar il-baġit ġenerali rrapporta li għal tliet pagamenti lill-organizzazzjonijiet tan-NU xi wħud mid-dokumenti meħtieġa ma setgħux jingħataw fi żmien tajjeb mill-organizzazzjoni kkonċernata. Kapitolu 4 Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet 47. Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp jimpenja lill-UE biex tikkoordina u tarmonizza l-għajnuna b’koperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tan-NU. Ir-Regolament Finanzjarju tal-2003 u l-FAFA jipprovdu l-qafas li jippermetti lill-Kummissjoni li tagħmel kuntratti diretti mal-organizzazzjonijiet tan-NU. Il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli għall-kompiti ddelegati lill-organizzazzjonijiet tan-NU. Abbażi tar-Regolament Finanzjarju u tal-arranġamenti fil-FAFA, hija fil-fatt tiċċekkja jekk il-proċeduri finanzjarji tan-NU jikkonformawx mal-istandards internazzjonali u titlob konferma dwar l-operat prattiku ta’ dawn is-sistemi u dwar il-kisba tar-riżultati permezz tar-rapporti tan-NU u l-verifiki u l-monitoraġġ fuq il-post tagħha stess. Deċiżjonijiet għall-implimentazzjoni tal-għajnuna permezz tan-NU 48. Il-proċess li bih tittieħed id-deċiżjoni biex l-għajnuna tiġi implimentata permezz tan-NU ma jurix li din hija l-għażla l-aktar effiċjenti u effettiva. Sabiex ikun hemm kumpens għan-nuqqas ta' kompetizzjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-bżonn għal proċeduri b’saħħithom tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-għażla tagħha tal-imsieħeb li jimplimenta. Iżda, il-ħtiġijiet strateġiċi u legali mhumiex tradotti b'mod suffiċjenti fi kriterji prattiċi biex isostnu t-teħid tad-deċiżjonijiet. Qabel ma tiddeċiedi li taħdem ma' organizzazzjoni tan-NU, il-Kummissjoni ma turix b'mod konvinċenti li l-vantaġġi jibbilanċjaw l-iżvantaġġi. L-għażla li tintuża organizzazzjoni tan-NU lanqas ma hija appoġġata b'evidenza suffiċjenti biex jintwera li dan l-approċċ huwa aktar effiċjenti u effettiv minn mezzi oħra ta’ għoti tal-għajnuna. Rakkomandazzjoni 1 Il-Kummissjoni għandha tippubblika u tiżgura l-implimentazzjoni ta’ linji gwida prattiċi sabiex ittejjeb il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-għażla tal-mezz ta’ implimentazzjoni għall-kompitu propost. Il-linji gwida għandhom iwasslu għal wirja trasparenti, oġġettiva u sistematika li l-għażla hija aktar effiċjenti u effettiva minn mekkaniżmi oħrajn tal-għoti tal-għajnuna. Sistemi għall-monitoraġġ u l-ivverifikar tal-għajnuna mogħtija permezz tan-NU 49. Arranġamenti ta' monitoraġġ ma jagħtux informazzjoni adegwata dwar is-saħħa tal-proċeduri finanzjarji u dwar il-kisba tal-objettivi. Ir-rapporti tan-NU ma jagħtux informazzjoni adegwata b’mod sistematiku dwar il-kisbiet tal-proġetti u filwaqt li l-monitoraġġ mill-Kummissjoni jagħti informazzjoni komplimentarja, huwa insuffiċjenti biex jikkumpensa b’mod sħiħ għal dawn in-nuqqasijiet. Il-Panel ta’ Awdituri Esterni tan-NU baqa’ kontinwament jitfa’ dubju fuq id-dritt tal-Kummissjoni li jiċċekkja n-nefqa u l-Qorti tal-Awdituri ltaqgħet ukoll ma’ diffikultajiet biex taċċessa l-informazzjoni. Rakkomandazzjoni 2 Il-Kummissjoni għandha tkompli tesplora opportunitajiet biex tiddependi fuq ix-xogħol tal-verifika mwettaq mill-korpi tan-NU u għandha tkompli tiżgura li l-FAFA hija applikata biex kull problema dwar l-aċċess għall-informazzjoni tkun riżolta mill-aktar fis possibbli. Rakkomandazzjoni 3 Sabiex tirrispondi għall-aġenda tal-effettività tal-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-rapporti tan-NU jagħtu informazzjoni adegwata fuq il-prestazzjoni tal-proġetti u l-kisba tar-riżultati inkluża l-kisba tal-impatt fuq perijodu ta’ żmien itwal li mhuwiex miżurabbli fil-qafas ta’ żmien eżistenti għar-rappurtar. Rakkomandazzjoni 4 Il-EuropeAid għandu jiżgura li l-monitoraġġ tal-qasam tiegħu jkopri b'mod adegwat il-proġetti implimentati permezz tal-organizzazzjonijiet tan-NU biex jissuplimenta u jikkonferma l-informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mir-rapporti tan-NU. Rakkomandazzjoni 5 Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk tistax tibni fuq l-esperjenza tagħha ma' waħda mill-aġenziji tan-NU billi tikkontribwixxi b’mod anqas frammentat, pereżempju fil-livell tal-pajjiż, għal organizzazzjonijiet oħrajn tan-NU bi skop li tinvolvi ruħha fi djalogu ta’ livell għoli simili li jtejjeb il-konċentrazzjoni fuq il-prestazzjoni tagħhom fil-kisba tal-objettiv. Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat- 22 ta’ Ottubru 2009. Għall-Qorti tal-Awdituri +++++ TIFF +++++ Vítor Manuel da Silva Caldeira President [1] Id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-UE għas-snin finanzjarji 2004, 2005, 2006 u 2007. [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1). [3] L-organizzazzjonijiet tan-NU jistgħu jġestu l-fondi tal-Kummissjoni skont il-proċeduri tal-kontabilità, tal-verifika, tal-kontroll intern u tal-akkwist tagħhom stess sakemm dawn jikkonformaw mal-istandards aċċettati internazzjonalment (L-Artikolu 53d(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-preambolu tal-FAFA). [4] L-Artikolu 274 tat-Trattat tal-KE jistipola li l-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit fuq ir-responsabilità tagħha stess. L-Artikolu 27 tar-Regolament Finanzjarju jistipola li l-approprijazzjonijiet tal-baġit għandhom ikunu użati b’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni soda finanzjarja. L-Artikolu 165 tar-Regolament Finanzjarju jistipola li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali hija suġġetta għall-skrutinju mill-Kummissjoni. [5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat- 23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1). [6] Il-kampjun ta’ 52 kuntratt b’valur totali ta’ 764 miljun euro rrappreżenta 7 % tan-numru totali tal-kuntratti (741) miftehma man-NU fl-2006 u fl-2007 li jinkludu 33 % tal-valur totali tagħhom (2286 miljun euro). [7] COM(2001) 231 tat- 2.5.2001 "Il-kostruzzjoni ta' sħubija effettiva man-Nazzjonijiet Uniti fl-oqsma ta' l-Iżvilupp u tal-Affarijiet Umanitarji." Il-Komunikazzjoni sussegwenti COM(2003) 526 tal- 10.9.2003 "L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti: L-għażla tal-multilateraliżmu", iddiskutiet kif il-Kunsill tal-UE, l-Istati Membri u l-Kummissjoni setgħu jagħmlu lill-UE aktar effiċjenti fl-iffurmar tal-politika tan-NU, imma ma rrevedewx l-istrateġija dwar il-koperazzjoni fl-oqsma tal-iżvilupp u umanitarji. Dawn iż-żewġ komunikazzjonijiet huma kkumplimentati bi ftehimiet ta’ sħubija strateġika ma' numru ta’ organizzazzjonijiet tan-NU. [8] Is-sitt oqsma ta’ prijorità kienu: i) Kummerċ u żvilupp ; ii) Integrazzjoni u koperazzjoni reġjonali ; iii) Politika makroekonomika u sostenn lis-settur soċjali ; iv) Trasport ; v) Sigurtà fl-ikel u żvilupp rurali sostenibbli; vi) Bini ta’ kapaċità istituzzjonali. [9] Nazzjonijiet Uniti: Intejbu l-Ħajjiet - Ir-Riżultati tas-Sħubija tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni Ewropea fl-2007. [10] L-Uffiċċju ta’ Koperazzjoni tal-EuropeAid: Ir-Rapport Annwali 2008 dwar l-iżvilupp tal-KE u l-politika ta' assistenza esterna u l-implimentazzjoni tagħha fl-2007. [11] L-Artikolu 4.1 tal-FAFA jistipula li persentaġġ fiss tal-ispejjeż diretti eliġibbli, li ma jeċċedix is-7 %, għandu jkun eliġibbli biex jiffinanzja l-ispejjeż indiretti tal-organizzazzjonijiet tan-NU. L-ispejjeż indiretti ffinanzjati mill-Kummissjoni mhumiex identifikati separatament mis-sistemi finanzjarji tagħha. Iżda, abbażi ta’ finanzjament annwali ta’ aktar minn biljun euro u ħlief għal xi proġetti li ma jirċivux il-kontribuzzjoni tas-7 % għall-ispejjeż indiretti, il-Qorti tqis li l-kontribuzzjoni totali annwali għall-ispejjeż indiretti tal-organizzazzjonijiet tan-NU hija ta’ madwar 50 miljun euro kull sena. [12] L-eżempju ta’ 60 % tal-ispejjeż ta’ sostenn li kienu relatati ma’ proġett ta’ assistenza fl-ikel, u l-ispejjeż ta’ sostenn inkludew it-trasport lokali, il-ħażna u l-amministrazzjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn kienu għoljin ħafna parzjalment minħabba l-kundizzjonijiet fid-Darfur, imma anke minħabba l-bżonn li l-operazzjonijiet jiġu ssimplifikati biex ikun aktar ekonomikament effettiv. [13] L-Artikolu 165 tar-Regolament Finanzjarju jistipola li l-implimentazzjoni ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali hija suġġetta għal skrutinju mill-Kummissjoni. Skrutinju bħal dan għandu jkun eżerċitat jew b’approvazzjoni preċedenti, jew b’verifiki ex post jew bi proċedura konġunta. [14] Il-Kummissjoni stabbiliet standards relattivi għal kull proċedura bħala l-bażi għal din l-evalwazzjoni. [15] Aktar minn 70 % tar-risposti għall-kwestjonarji tal-Qorti minn DĠ ECHO indikaw li r-rapporti tan-NU waslu tard. [16] L-Artikolu 2.6 tal-FAFA jeħtieġ rapport finali fi żmien tliet xhur wara tmiem l-implimentazzjoni għal għajnuna umanitarja u sitt xhur f’każijiet oħrajn. [17] Il-preambolu tal-FAFA jiddikjara li l-Attivitajiet kollha magħmula hawn taħt huma diretti lejn il-kisba tar-riżultati: umanitarji, dwar l-iżvilupp jew oħrajn. Ix-xaqliba lejn orjentazzjoni fuq ir-riżultati għandha tkun akkumpanjata minn xaqliba korrispondenti lill hinn mill-eżami esklussiv tad-dħul u tal-attivitajiet. Il-Linji Gwida Konġunti ta’ April 2007 dwar ir-rapppurtar taħt il-FAFA b’mod simili jenfasizzaw l-importanza li wieħed għandu jiffoka fuq ir-riżultati, skont il-prinċipji tat-tmexxija bbażata fuq ir-riżultati tan-NU, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa jekk l-objettivi tal-azzjoni ntlaħqux jew le. [18] COM(2001) 231 tat- 2.5.2001 "Il-kostruzzjoni ta' sħubija effettiva man-Nazzjonijiet Uniti fl-oqsma tal-Iżvilupp u tal-Affarijiet Umanitarji", jistipula li ħafna ostakli, inkluż ir-rappurtar inadegwat, fixklu l-iżvilupp ta’ koperazzjoni pprogrammata fuq tul ta’ żmien itwal. [19] Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar is-sena finanzjarja 1999. [20] Il-Kommunikazzjoni tal-2001 COM(2001) 231 tat- 2.5.2001 "Il-kostruzzjoni ta' sħubija effettiva man-Nazzjonijiet Uniti", stipulat li l-Kummissjoni f’dak l-istadju, ma kinitx, qed tirrakkomanda kontribuzzjonijiet ċentrali għall-baġit ġenerali tal-organizzazzjonijiet tan-NU minħabba li ma jkunx hemm valur miżjud għall-KE jekk din sempliċement tgħaddi r-riżorsi fdati lilha mill-Istati Membri lill-aġenziji tan-NU bħala kontribuzzjonijiet ċentrali. [21] Ir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 6/2008: L-Għajnuna ta' Rijabilitazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea wara t-Tsunami u l-Uragan Mitch (http://eca.europa.eu). Il-Kummissjoni wara infurzat mill-ġdid il-kontroll tal-kwalità indipendenti qabel ma aċċettat ix-xogħlijiet iffinalizzati. [22] Pereżempju, il-verifikazzjoni tal-2008 tad-DĠ ECHO tal-proġetti implimentati minn organizzazzjoni tan-NU dwar is-sostenn u l-protezzjoni ta’ persuni spostati f’pajjiżhom fl-Uganda inkludiet reviżjoni tal-progress b’paragun mal-indikaturi. [23] Il-Bord tal-Awdituri tan-NU jikkonsisti fi tliet Awdituri-Ġenerali tal-Istati Membri tan-NU u jwettaq il-verifika esterna tar-rendikonti finanzjarji tal-korpi tan NU. L-irwol tal-Panel tal-Awdituri Esterni, li jinkludi l-membri tal-Bord tal-Awdituri, huwa li jikkoordina l-verifiki u jiskambja l-informazzjoni dwar il-metodi u s-sejbiet. [24] L-Istandards Internazzjonali dwar il-Verifika 600 fuq l-Użu tax-Xogħol ta’ Awditur Ieħor; L-Istandards Internazzjonali dwar il-Verifika 402 fuq Kunsiderazzjonijiet tal-Verifika li Għandhom x’Jaqsmu ma’ Entità li tuża Organizzazzjoni ta’ Servizz Terza; L-Opinjoni Nru 2/2004 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-mudell tal-"verifika ewlenija" (ĠU C 107, 30.4.2004, p. 1). [25] Skont l-Artikolu 248 tat-Trattat tal-KE l-Qorti hija meħtieġa li tagħti lill-Parlament u lill-Kunsill dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. [26] L-Artikolu 43.4(h) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju jistipula li l-ftehimiet konklużi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għandu jkun fihom dispożizzjoni li tagħti aċċess lill-Qorti tal-Awdituri għall-informazzjoni meħtieġa biex twettaq dmirijietha. --------------------------------------------------