52009PC0702

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (2007 Ftehim PNR) /* KUMM/2009/0702 finali - NLE 2009/0187 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.12.2009

KUMM(2009)702 finali

2009/0187 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (2007 Ftehim PNR)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

- Il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tat-23 ta' Lulju 2007 awtorizza lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jiffirma ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS). Il-Ftehim ġie ffirmat mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta' Lulju 2007 u mill-Istati Uniti fis-26 ta' Lulju 2007 u japplika proviżorjament mis-26 ta' Lulju 2007.

- L-iskop tal-Ftehim huwa li jiżgura l-iskambju ta' informazzjoni Ewropea dwar il-passiġġieri, magħrufa bħala r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġier jew dejta PNR mad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti li skontu s-servizzi tiegħu jevalwaw ir-riskju li passiġġier jista' jkollu fil-konfront tas-sigurtà Amerikana.

- L-għan ta' dan il-ftehim huwa li tiġi pprovduta bażi legali għall-iskambju tal-informazzjoni relevanti għall-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali relatata, inkluż il-kriminalità organizzata, f'dan il-każ id-dejta PNR, biex b'dan il-mod tiġi pprovduta ċertezza legali għal-linji tal-ajru, għall-passiġġieri u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-privatezza taċ-ċittadini kif ukoll is-sigurtà fiżika tagħhom. B'żieda ma' dan Ftehim tal-UE jippermetti li din l-istrateġija tiġi applikata b'mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru.

****

- Il-Ftehim għandu l-għan li jipprevjeni u jiġġieled it-terroriżmu filwaqt li jirrispetta d-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari l-protezzjoni tad-dejta personali. Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti għandu l-għan li jirrispetta bi sħiħ id-drittijiet fundamentali mnaqqxa fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għall-prinċipji tal-proporzjonalità u l-ħtieġa fir-rigward tad-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali kif stipulata fl-Artikoli 7 u 8 tat-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

- L-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li fil-każ ta' ftehimiet li jkopru l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li jikkonkludi l-ftehim, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

****

- Għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni li tikkonkludi Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti tal-Amerika.

2009/0187 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-[xx.xx.2010]

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (2007 Ftehim PNR)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218 (6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[1],

Billi:

1. Fit-22 ta' Frar 2007 il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni, biex tiftaħ negozjati għal ftehim fuq terminu twil bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS).

2. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/551/CFSP/JHA tat-23 ta' Lulju 2007[2] il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) ġie ffirmat fil- ..., suġġett għal konklużjoni f'data ulterjuri.

3. Skont il-punt 9) tiegħu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim huma applikati fuq bażi proviżorja, mid-data tal-firma tiegħu.

4. Il-Ftehim għadu ma ġiex konkluż. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dan il-għan mill-Unjoni Ewropea huma rregolati permezz tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5. Dan il-Ftehim għandu jkun konkluż.

6. [Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rispett tal-qasam tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.]

7. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta bil-Ftehim jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS)[3], flimkien mal-ittra li takkumpanjah mid-DHS u l-ittra ta' tweġiba mill-Unjoni Ewropea huma b'dan konklużi.

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi konkluż huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi f'isem l-Unjoni Ewropea bl-iskambju tal-istrumenti ta' approvazzjoni stabbiliti f’punt 9 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-qbil tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjail tal-Unjoni Ewropea .

Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tkun pubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

ANNESS

[1] ĠU C [...], [...], p. [...].

[2] ĠU L 204, 4.8.2007, p. 16.

[3] ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18.