[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 7.12.2009 KUMM(2009)670 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tirrevoka d-Deċiżjoni 2009/472/KE tas-6 ta’ April 2009 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI B'kunsiderazzjoni li l-kolp ta' Stat li seħħ fil-Mawritanja fis-6 ta' Awwissu 2008 kien ksur partikolarment gravi u evidenti tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, l-Unjoni Ewropew kienet iddeċidiet, fil-15 ta' Settembru 2008, li tiftaħ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim. Saret laqgħa dwar dawn il-konsultazzjonijiet f'Pariġi fl-20 ta' Ottubru 2008. Matul din il-laqgħa u fix-xhur ta' wara l-Unjoni Ewropea ma ratx proposti sodisfaċenti min-naħa Mawritanja u kienet iddeċidiet li tikkonkludi l-proċedura ta' konsultazzjoni filwaqt li żżomm l-impen, flimkien mal-komunità internazzjonali, biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' April 2009[1] dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, l-Unjoni Ewropea fasslet pjan ta' rotta li jippermetti r-ritorn gradwali tal-kooperazzjoni (miżuri xierqa) abbażi tal-firma u l-implimentazzjoni ta' soluzzjoni ta' ħruġ mill-kriżi konsenswali li tinkludi elezzjoni presidenzjali trasparenti, rappreżentattiva u kredibbli. Din is-soluzzjoni konsenswali għal ritorn għall-ordni kostituzzjonali saret realtà meta ġie ffirmat, fl-4 ta' Ġunju 2009, il-Ftehim ta' Dakar bejn il-qawwiet politiċi Mawritanjani li jinsabu f'kunflitt. Dan kien ippermetta, b'mod konformi mal-miżuri xierqa adottati, l-ewwel fażi ta' ritorn għall-kooperazzjoni. Wara l-implimentazzjoni ta' parti kbira mill-miżuri stipulati fil-Ftehim ta' Dakar u elezzjoni Presidenzjali fit-18 ta' Lulju 2009, ingħata kunsens li tkompli fażi ulterjuri fil-kooperazzjoni. Fid-data prevista għad-deċiżjoni msemmija hawn fuq, missjoni konġunta ta' segwitu tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni ntbagħtet mill-5 sas-7 ta' Ottubru 2009 sabiex jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni fil-Mawritanja biex tiġi valutata l-possibbiltà ta' ritorn totali għall-kooperazzjoni u dwar is-segwitu li għandha tingħata d-Deċiżjoni tal-Kunsill. Id-dikjarazzjonijiet li saru mill-missjoni huma l-istess bħall-opinjoni tal-komunità internazzjonali u jindikaw li l-Mawritanja għamlet ritorn sħiħ għall-ordni kostituzzjonali li jippermetti t-tkomplija bis-sħiħ tal-kooperazzjoni kif previst bid-Deċiżjoni tas-6 ta' April 2009. Skont l-evalwazzjoni li saret mill-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Mawritanja, ġiet innutata l-ħtieġa li jingħata segwitu għall-kapitolu tal-Ftehim ta' Dakar li jirrigwarda djalogu nazzjonali inklużiv wara l-elezzjonijiet presidenzjali. Ta' min ifakkar li dan il-kapitolu huwa waħda mill-miżuri ta' fiduċja miftehma bejn il-partijiet li tippermetti l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Dakar. Dan id-djalogu, immirat biex tissaħħaħ l-istabbiltà tal-pajjiż, għadu ma bediex u jista' jirrekjedi azzjonijiet oħra ta' inkoraġġiment min-naħa tal-komunità internazzjonali. Fil-fatt, jidher ċar li ċerti problemi ta' bażi li kienu fost il-kawżi msemmija fil-kolp ta' Stat tas-6 ta' Awwisu 2008 ma ġewx riżolti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-bilanċ mill-ġdid tas-setgħat, ir-riforma tal-istituzzjonijiet, ir-rwol tal-forzi armati, it-tisħiħ tad-demokrazija u l-governanza tajba. Għalhekk wieħed jista' jikkonkludi li kull segwitu li għandu jingħata lid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' April għandu jirrigwarda t-tnedija ta' djalogu politiku msaħħaħ bejn il-Mawritanja u l-UE mmirat biex tissaħħaħ l-istabbiltà tal-pajjiż, il-promozzjoni tal-progressi ta' governanza tajba u l-appoġġ għat-tnedija ta' djalogu nazzjonali inklużiv b'konformità mal-Kapitolu 4.VII tal-Ftehim ta' Dakar. Dan id-djalogu politiku msaħħaħ se jsir skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill li tiġi revokata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/472/KE tas-6 ta' April 2009 u li tiġi adottata d-Deċiżjoni mehmuża skont l-Artikolu 96 tal-Ftehimm ta' Sħubija AKP-KE minflok u bħala sostitut għad-Deċiżjoni hawn fuq imsemmija. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tirrevoka d-Deċiżjoni 2009/472/KE tas-6 ta’ April 2009 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, wara li kkunsidra t-Trattati dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000, rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim AKP-KE", u b’mod speċjali l-Artikolu 96 tiegħu, wara li kkunsidra l-Ftehim intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, fuq miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ACP-KE[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Billi: (1) Ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja implimentat is-soluzzjoni ta' ħruġ ta' kriżi konsenswali hekk kif definita mill-miżuri adattati stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni 2009/472/KE tas-6 ta' April 2009[3] dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE; (2) Ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja reġgħet lura għall-ordni kostituzzjonali; (3) Jaqbel li jitħeġġeġ djalogu nazzjonali inklużiv sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà fil-pajjiż u sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ġodda ta' ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim AKP-KE, u sabiex terġa tibda l-kooperazzjoni; (4) Għalhekk jaqbel li tiġi revokata d-Deċiżjoni 2009/472/KE, u li jerġa jibda l-impenn mill-ġdid mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja għal djalogu politiku mmirat biex jinkoraġġixxi t-tisħiħ tad-demokrazija, il-prevenzjoni tat-tibdil antikostituzzjonali ta' gvern, ir-riforma tal-istituzzjonijiet u r-rwol tal-forzi armati, il-governanza politika u ekonomika tajba, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-bilanċ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet u tas-setgħa. IDDEĊIDA KIF ĠEJ: L-Ewwel Artikolu Id-Deċiżjoni 2009/472/KE tas-6 ta’ April 2009 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE hija revokata. Artikolu 2 Id-djalogu politiku mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim AKP-KE għandu jsir kif previst fl-ittra li tidher fl-anness ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Il-validità tagħha hi ta’ erbgħa u għoxrin xahar li jibdew jingħaddu mid-data tal-adozzjoni mill-Kunsill. Din tista' tiġi eżaminata, jekk meħtieġ, abbażi ta' missjonijiet ta' segwitu mill-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Magħmul fi Brussel, […] Għall-Kunsill Il-President ANNESS Abbozz ta’ ittra Sur President, Huwa b'sodisfazzjoni kbira li rajna r-ritorn tal-Mawritanja għall-ordni kostituzzjonali wara l-implimentazzjoni tal-parti kbira tal-miżuri stipulati fil-Ftehim ta' Dakar li wasslu għall-kulminazzjoni tal-ħatra tiegħek fl-ogħla kariga tal-Istat. Għalhekk bi pjaċir kbir nixtiequ nikkonfermaw it-tkomplija mill-ġdid tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja. Ninnutaw li, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4-VII tal-Ftehim Qafas ta' Dakar, il-forzi politiki differenti firmatarji kienu daħlu f'impenn fil-għan ta' tkomplija u intensifikazzjoni ta' djalogu nazzjonali inklużiv sabiex tiġi kkonsolidata r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u d-demokrazija. Kif diġà indikat mill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Kuntatt wara l-aħħar laqgħa tagħhom fl-10 ta' Settembru 2009, huwa mixtieq li dan id-djalogu jsir. Huwa diġà ta' inkoraġġiment li ninnutaw id-disponibbiltà tal-partijiet differenti għal dan id-djalogu. Fil-fatt, jidher ċar li ċerti problemi ta' bażi li kienu fost il-kawżi msemmija għall-kolp ta' Stat tas-6 ta' Awwissu 2008 għadhom ma ġewx riżolti. Fil-lista tas-suġġetti tad-djalogu msemmija fil-Ftehim ta' Dakar nenfasizzaw b'mod partikolari t-tisħiħ tad-demokrazija, il-prevenzjoni tat-tibdil antikostituzzjonali ta' gvern, ir-riforma tal-istituzzjonijiet u r-rwol tal-forzi armati, il-governanza politika u ekonomika tajba, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-bilanċ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet u tas-setgħa. It-theddid ta' sigurtà li tfaċċaw fil-Mawritanja jindikaw li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jistgħu jkunu punt ta' dan id-djalogu. Is-suġġetti kollha li jirrigwardaw l-istabbiltà tal-pajjiż tagħkom, inkluż dawk imsemmija hawn fuq, huma ta' importanza kbira għall-Unjoni Ewropea. Bħala suġġetti ta' interess komuni u b'kunsiderazzjoni tal-importanza tal-kooperazzjoni Komunitarja fil-Mawritanja dwar it-temi ta' governanza, qed nipproponu li d-djalogu politiku bejn il-Mawritanja u l-Unjoni, li hemm dispożizzjoni dwaru fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Kotonou, jiġi msaħħaħ u jsir regolari u strutturat. Id-dispożizzjonijiet u t-termini ta' referenza ta' dan id-djalogu għandhom ikunu definiti bi ftehim komuni bejn il-Gvern tagħkom u l-Kapijiet tal-Missjonijiet Diplomatiċi tal-Unjoni fir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja. Wieħed mill-għanijiet ta' dan id-djalogu se jkun b'mod partikolari l-promozzjoni tad-djalogu nazzjonali inklużiv imsemmi hawn fuq. Naħsbu li l-preċedenti u d-diffikultajiet li għamlu diffiċli t-tnedija ta' dan id-djalogu jistgħu jiġu riżolti jekk il-partijiet Mawritanji differenti jimpenjaw ruħhom biex jorjentaw id-diskussjonijiet lejn il-futur billi jevitaw li jiffukaw fuq l-akkużi u differenzi li jikkonċernaw il-passat reċenti. Bħala konklużjoni, l-Unjoni se tappoġġja l-isforzi tal-Mawritanja biex tegħleb id-diffikultajiet soċjoekonomiċi u politiki li tiltaqgħa magħhom minħabba l-perjodu twil ta' kriżi politika marbuta mal-kolp ta' Stat ta' Awwissu 2008, il-kriżi ekonomika dinjija u t-tedhid ġodda ta' sigurtà u ta' terroriżmu. Għoddna dejjem tiegħek, Magħmul fi Brussell, Għall-Kummissjoni Ewropea | Għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea | [1] Id-Deċiżjoni 2009/472/KE ppublikata fil-ĠU L 156 tad-19 ta' Ġunju 2009 [2] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376. [3] ĠU L 156, 19.06.2009, p. 26 sa 30