52009PC0668

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (It-test Litwan biss huwa awtentiku) /* KUMM/2009/0668 finali */


[pic] | Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.12.2009

KUMM(2009)668 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

(It-test Litwan biss huwa awtentiku)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1] (minn hawn 'il quddiem 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa. Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-9 ta’ Settembru 2009, ir-Repubblika tal-Litwanja (minn hawn ’il quddiem il-‘Litwanja’) talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura li tagħti deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Litwanja, permezz ta' ittra datata l-27 ta' Ottubru 2009 . B’ittra li ġġib id-data tat-29 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |

120 | Il-kuntest ġenerali Il-gvern Litwan jixtieq jestendi l-applikazzjoni attwali ta’ mekkaniżmu ta’ inverżjoni tal-ħlas fir-rigward ta’ provvisti ta’ injam u provvisti minn persuni taxxabbli li jinsabu taħt insolvenza ġuridika jew proċeduri ta’ ristrutturar. Fir-rigward tal-provvista tal-injam, il-Litwanja ġiet ikkonfrontata b’għadd konsiderevoli ta’ kummerċjanti li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom. In-negozji f’dan is-settur huma spiss bejjiegħa mill-ġdid jew intermedjarji żgħar, li spiss jgħibu mingħajr ma jħallsu lill-awtoritajiet tat-taxxa, it-taxxa li għaliha tħallsu fuq il-provvisti tagħhom iżda jħallu lill-klijenti tagħhom riċevuta valida għat-tnaqqis tal-VAT. Il-persuni taxxabbli li jinsabu taħt proċedura ta' insolvenza jew proċedura ta' ristrutturar suġġetta għal sorveljanza ġudizzjarja huma spiss mhux f'pożizzjoni jew disponibbli li jħallsu lill-awtoritajiet tat-taxxa l-VAT li rċevew mill-klijenti tagħhom. Madankollu, ix-xerrej jista’, bħala kummerċjant konformi, xorta jnaqqas il-VAT li jkun ħallas. Skont il-mekkaniżmu ta’ inverżjoni tal-ħlas, il-klijent isir responabbli għall-ħlas tal-VAT fuq tranżazzjonijiet domestiċi. Din tidderoga mir-regola ġenerali, kif stipulat fl-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT, li l-persuna taxxabbli li tipprovdi oġġetti jew servizzi hija normalment responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Din il-miżura ta’ deroga (li tidderoga mis-Sitt Direttiva[2] li kienet applikabbli qabel li ġiet sostitwita, mingħajr emenda sostanzjali għall-kontenut, bid-Direttiva dwar il-VAT) fil-bidu kienet ingħatat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/388/KE tal-15 ta’ Mejju 2006[3]. Għall-ewwel, din il-miżura ta’ deroga kienet applikabbli wkoll fir-rigward ta’ ċerti provvisti ta’ skart u ċerti provvisti ta’ xogħol ta’ bini. Kif indikat fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni, l-awtorizzazzjoni ma tibqax tapplika fid-data (jekk id-data kienet qabel il-31 ta’ Diċembru 2009) tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li tirrazzjonalizza d-derogi skont l-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva (li attwalment l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT) li kieku tinkludi skema speċjali għall-applikazzjoni tal-VAT għal dawn l-oqsma. Din immaterjalizzat permezz tal-hekk imsejjħa Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni[4] li ssostitwiet id-Deċiżjoni bħala bażi legali għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ inverżjoni tal-ħlas f’dawn iż-żewġ setturi li, b’riżultat ta’ dan, m’għadhomx suġġett ta’ talba ta’ estensjoni u ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tifhem li s-sitwazzjoni, li fuqha kienet ibbażata d-deroga inizjali, għadha teżisti u li d-deroga preċedenti ppermettiet lil-Litwanja tnaqqas ir-riskju ta’ evażjoni tal-VAT u biex tissimplifika l-proċedura tal-imponiment tat-taxxa fis-suq tal-injam u fir-rigward ċerti provvisti taħt proċeduri ta’ insolvenza jew ta’ ristrutturar. Għalhekk id-deroga għandha tingħata għal perjodu limitat ieħor. |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Derogi simili li għandhom x’jaqsmu mal-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT ingħataw lil Stati Membri oħra. |

141 | Konsistenza mal-bqija tal-politiki u miri tal-Unjoni Ewropea Ma tapplikax. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

219 | Mhux rilevanti. |

Ġbir u użu tal-kompetenza |

229 | Ma kienx hemm bżonn l-ebda għarfien espert estern. |

230 | Valutazzjoni tal-impatt Id-Deċiżjoni proposta timmira li tissimplifika l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa u li tgħin fil-ġlieda kontra il-possibilità ta’ evażjoni jew evitar tal-VAT u għalhekk għandha potenzjal għal impatt ekonimiku pożittiv. F'kull każ l-impatt se jkun limitat minħabba l-ambitu ristrett tad-deroga. |

L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

305 | Sommarju tal-azzjoni proposta Awtorizzazzjoni għal-Litwanja biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT fir-rigward tal-użu ta' mekkaniżmu ta’ inverżjoni tal-ħlas fil-każ ta’ provvisti tal-injam u fil-każ ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi minn negozji taħt proċedura ta’ insolvenza jew ristrutturar suġġetta għal sorveljanza ġudizzjarja. |

310 | Bażi legali L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT. |

329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, Stat Membru li jixtieq idaħħal miżuri ta' deroga mill-imsemmja Direttiva għandu jikseb awtorizzazzjoni mill-Kunsill, li tieħu l-forma ta' Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

331 | Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu. |

332 | Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq. |

L-għażla tal-istrumenti |

341 | Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. B’żieda ma' dan, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-iktar strument adattat ladarba tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali. |

L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

409 | Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

TAGħRIF ADDIZZJONALI |

Klawżola ta’ analiżi mill-ġdid/reviżjoni/skadenza |

533 | Il-proposta tinkludi klawżola ta’ tmiem awtomatiku wara l-għeluq tal-perjodu ffissat. |

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

(It-test Litwan biss huwa awtentiku)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[5], u partikolarment l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

1. Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretariat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-9 ta’ Settembru 2009, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

2. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li saret mil-Litwanja permezz ta’ ittra ddatata s-27 ta’ Ottubru 2009. Permezz ta' ittra ddatata d-29 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tqis it-talba.

3. L-iskop tal-miżura hija li r-riċevitur ikompli jkun responsabbli għall-VAT dovuta fuq il-provvista tal-oġġetti u s-servizzi fil-każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza jew proċeduri ta’ ristrutturar li jkunu suġġetti għal sorveljanza ġudizjarja u ta’ tranżazzjonijiet tal-injam.

4. Persuni taxxabli taħt proċeduri ta’ insolvenza jew ristrutturazzjoni li jkunu suġġetti għal sorveljanza ġudizzjarja, ħafna drabi ma jkunux jistgħu jħallsu l-VAT fatturati fuq prodotti u servizzi tagħhom minħabba diffikultajiet finanzjarji. Ir-riċevutur, bħala persuna taxxabbli bid-dritt għat-tnaqqis, jista' madankollu jnaqqas il-VAT anke jekk din ma tkunx tħallset mill-fornitur lill-awtoritajiet tat-taxxa.

5. Minħabba n-natura tas-suq u n-negozju involut, il-Litwanja ltaqgħet ma’ problemi fis-suq tal-injam li huwa dominat minn kumpaniji żgħar, spiss bejjiegħa mill-ġdid u intermedjarji li l-awtoritajiet tat-taxxa sabu diffikultà biex jikkontrollaw. L-aktar forma komuni ta’ evażjoni tinvolvi l-fatturazzjoni ta’ provvisti min-negozji li wara jgħibu mingħajr ma jħallsu t-taxxa imma jħallu lill-konsumatur b’irċevuta ta’ fattura valida li biha jista’ jieħu t-taxxa lura.

6. Bil-ħatra tar-riċevitur, sakemm dan ikun persuna taxxabbli, bħala l-persuna responsabbli għall-VAT fil-każijiet hawn fuq imsemmija, id-deroga tneħħi d-diffikultajiet ta' ġbir tal-VAT mingħajr ma taffetwa l-ammont ta' taxxa dovuta. Ir-riżultat ta' dan huwa li jiġi ssimplifikat ix-xogħol tal-awtoritajiet tat-taxxi biex jiġbru t-taxxa u li jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni u evitar ta’ taxxa dovuta. F’dan ir-rigward, il-miżura tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE li tistipula li l-persuna taxxabbli li tipprovdi oġġetti jew servizzi hija normalment responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

7. Il-miżura ġiet awtorizzata preċedentement permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/388/KE[6] taħt is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE li kienet tapplika dak iż-żmien dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-taxxi tal-fatturat – Sistema Komuni ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud: bażi uniformi ta' evalwazzjoni[7].

8. Is-sitwazzjoni legali u fattwali li kienet iġġustifikat l-applikazzjoni kurrenti tal-miżura ta’ simplifikazzjoni kkonċernata ma nbidlitx u għadha teżisti. Għalhekk il-Litwanja għandha tkun awtorizzata biex tapplika l-miżura matul perjodu limitat ieħor.

9. Id-deroga mhux ser ikollha impatt negattiv fuq ir-riżorzi proprji tal-Komunità mill-VAT,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Litwanja hija awtorizzata li tkompli taħtar il-persuna taxxabbli, li għaliha jsiru l-provvisti segwenti ta’ oġġetti u servizzi, bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT.

(1) provvisti ta' oġġetti u servizzi minn persuna taxxabli waqt li qiegħda taħt proċedura ta’ insolvenza jew proċedura ta’ ristrutturazzjoni li tkun suġġetta għal sorveljanza ġudizjarja;

(2) provvisti ta’ njam.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 347, 11.12.2006, p.1

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, 13.6.1977)

[3] ĠU L 150, 3.6.2006,, p. 13.

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/69/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta' ċerti miżuri li jissimplifikaw il-proċedura għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jassistu fil-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, u li tħassar ċerti Deċiżjonijiet li jipprovdu derogi (ĠU L 221, 12.8.2006, p. 9).

[5] ĠU L 347, 11.12.2006, p.1

[6] ĠU L 150, 3.6.2006, p. 13.

[7] ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1.