[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 27.11.2009 KUMM(2009)658 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tissupplimenta l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen rigward is-sorveljanza tal-fruntieri esterni fil-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali koordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA L-isfond Fl-2007 il-Kummissjoni għamlet studju li janalizza l-qafas internazzjonali legali għas-sorveljanza tal-fruntiera marittima esterna u l-ostakoli għall-implimentazzjoni effettiva tagħha. Il-Kummissjoni mbagħad ikkummissjonat grupp informali li jikkonsisti f'esperti mill-Istati Membri, mill-Frontex u mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni biex jipproduċu linji gwida għall-operazzjonijiet marittimi tal-Frontex. F'Settembru tal-2007, il-Kunsill tal-JHA, esprima l-appoġġ tiegħu għall-grupp. Huwa stieden "il-Kummissjoni, il-Frontex u l-Istati Membri biex bħala prijorità jlestu l-analiżi tal-liġi tal-baħar bħala rilevanti għal oprerazzjonijiet konġunti tal-FRONTEX, u [talab] lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Kunsill qabel tmiem is-sena". Il-Grupp iltaqa' ħames darbiet bejn Lulju tal-2007 u April tal-2008 u produċa l-"Abbozz ta' Linji Gwida għall-operazzjonijiet Frontex fuq il-baħar". Il-parteċipanti ma rnexxilhomx jaqblu fuq kwistjonijiet bħall-implikazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tar-refuġjati, ir-rwol tal-Frontex u identifikazzjoni minn qabel tal-postijiet fejn jiżbarkaw l-immigranti. Minħabba li l-Kummissjoni ħasbet li d-differenzi bejn l-Istati Membri jagħmluha impossibbli li jiġu stabbiliti lingi gwida, hija ħejjiet abbozz ta' deċiżjoni bbażata fuq ir-riżultati tal-grupp informali ta' abbozzar. L-abbozz kien bażat fuq l-Artikolu 12 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li jippermetti lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli fuq is-sorveljanza tal-fruntieri f'konformità mal-proċedura tal-komitoloġija (il-kumitat regolatorju mal-Parlament Ewropew li jeżerċita d-dritt ta' skrutinju). Konsultazzjoni mal-Kumitat dwar il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen L-abbozz ta' deċiżjoni ġie preżentat lill-Kumitat dwar il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex jiġi diskuss bejn it-23 u l-24 ta' Frar 2009. Għadd ta' Stat Membri opponew bil-qawwa l-abbozz, l-aktar minħabba r-raġuni li dan imur lilhinn mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Stati Membri oħra, madankollu, esprimew l-appoġġ tagħhom, partikolarment rigward il-ħarsien tad-dritijiet tal-bniedem u d-drittijiet tar-refuġjati. Xi Stati Membri kienu għadhom ma temmewx il-konsultazzjonijiet interni tagħhom, imma wkoll kellhom riżervi dwar l-abbozz. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju tal-2009, li ssottolinea l-bżonn li "jissaħħu l-operazzjonijiet tal-kontroll tal-fruntieri kkoordinati minn FRONTEX, li jkun hemm regoli ċari ta' ħidma għall-pattuljar konġunt u l-iżbarkar ta' persuni salvati", il-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi l-proċedura tal-komitoloġija. Verżjoni riveduta tal-abbozz ta' deċiżjoni, li tieħu kont ta' uħud mit-tħassib li tqajjem minn xi Stati Membri, ingħatat lill-Kumitat fid-19 ta' Ottubru. It-tibdiliet ewlenin huma dawn: - Il-linji gwida ġew riprodotti kompletament f'anness li jifforma parti mill-pjan operazzjonali stabbilit mill-Istati Membri parteċipanti u mill-Aġenzija Frontex. - Il-prinċipju ta' non-refoulement ġie riformulat u japplika f'każijiet fejn kien hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-individwi jkunu soġġetti għal persekuzzjoni jew forom oħra ta' trattament inuman jew degradanti. - Id-dispożizzjoni dwar interċettazzjonijiet u tiftix u salvataġġ fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' sorveljanza ġew simplifikati. - L-abbozz jagħti prijorità għad-diżembarkar f'pajjiżi terzi (soġġett għal konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement); fin-nuqqas ta' dan, id-diżembarkar isir fl-eqreb post ġeografikament. Fil-laqgħa tad-19 ta' Ottubru, il-Kumitat intalab jagħti opinjoni formali dwar l-abbozz ta' deċiżjoni. Tmien Stati Membri vvutaw favur l-abbozz, b'total ta' 67 vot. Seba' Stati Membri vvutaw kontra, li kellhom total ta' 116-il vot. Erba' Stati Membri astjenew. Ħames Stati Membri ma kinux rappreżentati. Il-limitu meħtieġ biex toħroġ opinjoni tal-Kumitat (223 vot) ma ntlaħaqx. IR-RAĠUNIJIET U L-GĦANIJIET Din il-proposta tirrappreżenta l-istadju li jmiss tal-proċedura tal-komitoloġija, li tobbliga lill-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, mingħajr dewmien, li jkun fiha t-test tal-abbozz li tressaq għall-vot quddiem il-Kumitat. L-għan tal-proposta huwa li tiżgura li r-regoli internazzjonali relevanti għall-operazzjonijiet għas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi mwettqa taħt il-kooperazzjoni operazzjonali koordinata mill-Aġenzija Frontex (il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, konvenzjonijiet dwar is-sigurtà fil-baħar u t-tiftix u s-salvataġġ, il-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati u d-drittijiet fundamentali) huma applikati b'mod uniformi mill-Istati Membri kollha li jieħdu sehem f'dawn l-operazzjonijiet. Hija tfittex ukoll li toħloq il-bażi regolatorja meħtieġa biex tippermetti lil Stat Membru li jwettaq sorveljanza fil-fruntiera marittima ta' Stat Membru ieħor. Il-ħtieġa ta' "regoli ċari tal-ingaġġ għal operazzjonijiet konġunti fuq il-baħar, b'kont dovut tal-iżgurar tal-protezzjoni għal dawk fil-bżonn li jivvjaġġaw fi flussi mħallta, f'konformità mal-liġi internazzjonali" ġiet imsemmija għal darba oħra fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29-30 ta' Ottubru 2009. B'mod speċifiku, l-abbozz għandu l-għan li jwieġeb għall-problemi segwenti: - Xi Stati Membri, Membri tal-Parlament Ewropew, akkademiċi u assoċjazzjonijiet staqsew jekk id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tar-refuġjati humiex qegħdin jiġu rispettati waqt l-operazzjonijiet tal-Frontex (partikolarment rigward il-projbizzjoni tar-refoulment u l-aċċess għall-proċeduri tal-ażil). Huma staqsew liema liġi tapplika f'tali sitwazzjonijiet, partikolarment fuq il-baħar, u x'garanziji hemm li dawn id-drittijiet jiġu rispettati. Fil-fatt jeżisti d-dover li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Schengen, madankollu dan m'huwiex dikjarat b'mod espliċitu fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' sorveljanza. Rigward il-prinċipju tan-non-refoulement, jeżistu xi differenzi fl-interpretazzjonijiet ta' dan il-prinċipju tal-liġi internazzjonali mill-Istati Membri, u xi Stati Membri, per eżempju, jikkontestaw l-applikabbiltà tiegħu fl-ibħra internazzjonali. - Il-proposta għandha l-għan li tagħmel id-dover tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tar-refuġjati espliċiti fl-operazzjonijiet ta' sorveljanza tal-Aġenzija Frontex. Finalment, il-proposta tintroduċi projbizzjoni fuq ir-refoulement ta' dawk li huma fil-periklu ta' persekuzzjoni jew forom oħra ta' trattament inuman jew degradanti. Din il-projbizzjoni tapplika indipendentement mill-istatus tal-ibħra fejn kienu dawn il-persuni. - Il-proposta għal deċiżjoni toħloq bażi legali fil-liġi tal-Komunità għall-eżerċitar ta' setgħat meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 12 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, bħat-tiftix u l-interċettar tal-vapuri. Hija imbagħad tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom miżura simili tista' tittieħed fiż-żoni marittimi differenti, inkluż fl-ibħra internazzjonali. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu regoli relevanti tal-liġi internazzjonali, u b'hekk jikkontribwixxu għal implimentazzjoni effettiva u uniformi tal-operazzjonijiet tal-Frontex (awtorizzazzjoni tal-Istat kostali, verifika tal-bandiera li jkun qed itajjar il-vapur, awtorizzazzjoni mill-Istat tal-bandiera, bastimenti mingħajr bandiera, eċċ.). - Il-parti l-kbira tal-operazzjonijiet marittimi koordinati mill-Frontex jispiċċaw bħala operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ. Madankollu l-Frontex mhix aġenzija ta' tiftix u salvataġġ; il-funzjoni tagħha hija li timplimenta r-regoli dwar il-kontroll tal-fruntieri. Fil-prattika, il-fatt li l-operazzjonijiet isiru operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ ineħħihom mill-iskop tal-koordinament tal-Frontex u mil-liġi Komunitarja. L-obbligu li tingħata għajnuna fuq il-baħar u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet ta' tiftix u salvataġġ huma regolati mil-liġi internazzjonali, imma dawn ir-regoli m'humiex interpretati jew applikati b'mod uniformi mill-Istati Membri. - Il-proposta għal deċiżjoni għandha l-għan li tiżgura rispett għal dan l-obbligu internazzjonali biex tingħata għajnuna u l-applikazzjoni tas-sistema ta' tiftix u salvataġġ. Hija tistabbilixxi l-prinċipju ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' tiftix u salvataġġ anke qabel ma tibda l-operazzjoni. Hija tispeċifika wkoll liema awtorità ta' tiftix u salvataġġ għandha tiġi kkuntattjata meta l-awtorità responsabbli ma tirrispondix, sabiex l-unitajiet kollha li jieħdu sehem fl-operazzjoni jikkuntattjaw lill-istess awtorità ta' tiftix u salvataġġ. - Differenza oħra bejn l-Istati Membri hija rigward kif jidentifikaw sitwazzjoni li teħtieġ l-assistenza: għal xi Stati Membri l-bastiment irid ikun se jegħreq; għal oħrajn huwa biżżejjed li l-bastiment ma jkunx tajjeb għat-tbaħħir; xi Stati Membri jobbligaw li l-persuni abbord jitolbu l-għajnuna, filwaqt li oħrajn ma jagħmlux dan. Il-proposta hija bażata fuq is-sistema ta' tiftix u salvataġġ u tistipula li hekk kif ikun hemm dubju dwar is-sigurtà tal-bastiment jew ta' xi persuna l-awtoritajiet ta' tiftix u salvataġġ iridu jiġu kkuntattjati u mogħtija l-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jiddeċiedu jekk din hijiex sitwazzjoni ta' tiftix u salvataġġ. - Id-deċiżjoni fejn għandhom jittieħdu l-persuni salvati hija kwistjoni diffiċli u hija meqjusa bħala wieħed mill-punti debboli tas-sistema ta' tiftix u salvataġġ. L-emendi tal-2004 jobbligaw lill-istati kollha li jikkooperaw sabiex jiġu solvuti sitwazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ; l-istat responsabbli mir-reġjun ta' tiftix u salvataġġ jeħtieġ, bil-kooperazzjoni tagħhom, jiddeċiedi fejn jittieħdu dawn li jiġu salvati. Stat Membru wieħed ma aċċettax dawn l-emendi. Punt partikolari li qajjem argument kien fejn għandhom jitniżżlu dawk salvati jekk l-istat responsabbli mir-reġjun ta' fitix u salvataġġ jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu f'dan ir-rigward. Xi Stati Membri mhumiex lesti li jieħdu sehem fl-operazzjonijiet għax jibżgħu li jispiċċaw li jkollhom jieħdu lil dawn salvati fil-pajjiż tagħhom stess. Il-proposta għal deċiżjoni għandha l-għan li tirrisolvi dawn is-sitwazzjonijiet billi tispeċifika li fejn id-diżembark f'pajjiż terz m'huwiex possibbli dan iseħħ fl-Istat Membru li jospita l-operazzjoni. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Bażi ġuridika Il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni bejn fruntiera u oħra (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[1], li jawtorizza lill-Kummissjoni li tadotta regoli addizzjonali li jiggvernaw is-sorveljanza f'konformità mal-proċedura regolatorja mal-Parlament Ewropew li jeżerċita d-dritt ta' skrutinju. Il-proposta tapplika għas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-Frontex, li għandha mandat li tinkludi l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Dawn huma operazzjonijiet koperti bil-Kodiċi tal-Fruntieri, koordinati mill-aġenzija tal-Komunità u mħallsa mill-baġit tal-Komunità. L-adozzjoni ta' regoli addizzjonali li jiggvernaw is-sorveljanza, taħt il-proċedura tal-komitoloġija, hija prevista espressament fl-Artikolu 12 tal-Kodiċi. Meta s-sorveljanza tapplika għall-fruntieri marittimi huwa evidenti li trid tiġi rispettata l-liġi internazzjonali tal-baħar u l-liġi marittima internazzjonali. B'mod simili, tali operazzjonijiet ma jistgħux jiksru d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt tar-refuġjati, kif diġà previst fil-Kodiċi. Il-proposta tikkonferma b'mod skrupuluż mal-qafas legali internazzjonali: hija għandha l-għan li żżid ir-rispett għal dawn il-prinċipji meta jsiru l-operazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin jiġi introdott grad ta' uniformità fl-applikazzjoni tal-qafas legali mill-unitajiet operazzjonali kollha li jipparteċipaw f'tali operazzjonijiet. Sussidjarjetà u Proporzjonalità Il-proposta għal deċiżjoni hija relatata ma' materja li ma taqax fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Komunità u għalhekk hija suġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hija trid tikkonforma wkoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri jekk jaġixxu individwalment u jeħtieġu l-addozzjoni tar-regoli komunitarji. Il-proposta tapplika għas-sorveljanza tal-fruntiera marittima fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali koordinata mill-aġenzija Frontex, u ma tirrigwardax attivitajiet ta' sorveljanza mwettqa mill-Istati Membri individwalment jew li jikkooperaw barra dak il-qafas. L-għażla ta’ strumenti L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill. Id-deċiżjoni ntgħażlet bħala l-istrument legali minħabba li l-proposta għandha l-għan li toħloq obbligi għall-Istati Membri li lilhom hija indirizzata, partikolarment meta jwettqu sorveljanza fil-fruntieri esterni fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali koordinata mill-Frontex. Kontenut L-Artikolu 1 jiddikjara li s-sorveljanza tal-fruntiera marittima fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-Frontex trid issir skont il-linji gwida stabbiliti fl-anness, li għandhom ikunu inkorporati fil-pjan operazzjonali għal kull operazzjoni. - Deskrizzjoni qasira tal-kontenut tal-Anness tinstab fit-Taqsima 2. KOERENZA MA' LINJI TA’ POLITIKA OĦRA TAL-KOMUNITÀ Il-proposta hija konsistenti ma' linji ta' politika oħra tal-Komunità, u partikolarment il-politika esterna tal-Unjoni Ewropea u politika komuni dwar it-trasport. Hija konsistenti wkoll mal-politika marittima integrata tal-Unjoni Ewropea. KONSULTAZZJONI U STIMA TAL-IMPATT Konsultazzjonijiet esterni Il-proposta għal deċiżjoni hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq ir-riżultati tal-grupp informali ta' abbozzar organizzat mill-Kummissjoni fl-2007 u fl-2008 u li fih esperti mill-Istati Membri, mill-Frontex, mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni. Stima tal-impatt Ma saret ebda stima tal-impatt minħabba li l-proposta fil-parti l-kbira tagħha tirriproduċi u tiċċara r-regoli internazzjonali u tal-Komunità li jeżistu diġà. VALUTAZZJONI M'hi pjanata ebda valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni. DIKJARAZZJONI FINANZJARJA U VALUTAZZJONI TAR-RISKJI TAL-FRODI Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv fuq il-Komunità. Għalhekk, il-proposta m'għandha l-ebda impatt fuq il-baġit Komunitarju. POŻIZZJONI SPEĊJALI TA' ĊERTI STATI MEMBRI U PAJJIŻI ASSOĊJATI Din il-proposta tibbażata fuq l-acquis ta’ Schengen. Għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi segwenti b’rabta mad-diversi protokolli: - Ir-Renju Unit u l-Irlanda: Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta' Schengen, li r-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fih, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen. Dawn l-Istati Membri mhux qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u m'humiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha. - Id-Danimarka: Din il-proposta se tieħu post ir-Regolament (KE) Nru 562/2006. Minħabba li r-Regolament għandu l-għan li jibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ta' Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka, f'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, nnotifikat it-traspożizzjoni ta' dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali, b'ittra ddatata t-8 ta' Ġunju 2006. Għalhekk, hija marbuta taħt il-liġi internazzjonali biex timplimenta din id-Deċiżjoni. - In-Norvegja u l-Iżlanda: Din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonjiet tal-acquis ta' Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni tagħhom mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[2]. - L-Iżvizzera: Din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni tal-Iżvizzera dwar l-assoċjazzjoni ta’ din tal-aħħar bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[3]. - Il-Liechtenstein: Din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tissupplimenta l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen rigward is-sorveljanza tal-fruntieri esterni fil-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali koordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[4], u b’mod partikolaru l-Artikolu 12(5) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni , Billi: 1. L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri għandu jkun biex ma jitħalliex li jsir il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità trans-konfinali u biex jinqabdu u jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali. Is-sorveljanza tal-fruntieri għandha tkun effettiva billi tipprevjeni u tiskoraġġixxi persuni milli jaħarbuil-verifiki f’punti ta’ qsim tal-fruntiera, u li jinstabu dawk li jkunu qasmu l-fruntieri esterni mingħajr awtorizzazzjoni. 2. L-Aġenżija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) hija responsabbli mill-koordinazzjoni ta’ tali kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex tiffaċilita l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż fik dir-rigward tas-sorveljanza tal-fruntieri. Regoli addizzjonali huma meħtieġa fir-rigward ta' attivitajiet tas-sorveljanza tal-fruntieri imwettqa mill-unitajiet marittimi u tal-ajru ta' Stat Membru fil-fruntieri marittimi ta' Stati Membri oħra fil-kuntest ta' kooperazzjoni operazzjonali koordinata mill-Aġenzija, u biex tissaħħaħ aktar tali kooperazzjoni. 3. B'konformità mar-Regolament (KE) Nru 562/2006 u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, il-miżuri meħuda matul l-operazzjoni ta' sorveljanza għandhom ikunu proporzjonali mal-għanijiet segwiti u għandhom jirrispettaw b'mod sħiħ id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tar-refuġjati u ta ’ dawk li jfittxu ażil, inkluża b ’ mod partikolari l-projbizzjoni tar-rifjut (refoulement) . L-Istati Membri huma marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-acquis dwar l-ażil, u b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar l-istandards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u t-tneħħija ta' status ta' refuġjat[5], fir-rigward ta' applikazzjonijiet għall-ażil li jsiru fit-territorju, inkluż fil-fruntiera jew f'żoni ta' tranżitu tal-Istati Membri. 4. Fil-laqgħat tiegħu tat-18 u d-19 ta' Ġunju u tad-29 u t-30 ta' Ottubru 2009, il-Kunsill Ewropew issottolinea l-bżonn ta' operazzjonijiet msaħħha fil-kontroll tal-fruntieri koordinati mill-Aġenzija u għal regoli cari għall-operat ta' rondi b'mod konġunt u għall-iżbarkar ta' persuni salvati. 5. Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-operazzjonijiet tas-sorveljanza tal-fruntieri ikkoordinati mill-Aġenzija jsiru skont pjan operazzjonali li dwaru jkunu jaqblu l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu sehem u l-Aġenzija, u bl-iskeda u l-istruzzjonijiet maħruġa minn ċentru ta' koordinazzjoni li jinkludi rappreżentanti tal-Aġenzija u l-Istati Membri, u li Stat Membru li jospita, wieħed jew aktar, ikunu identifikati qabel ma tibda l-operazjoni u li l-fruntieri tiegħu/tagħhom ikunu eżaminati. Il-linji gwida previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu inkorporati f'dak il-pjan operazzjonali. 6. L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni m'għandhiex taffetwa l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali d-dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ fuq il-Baħar, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata u l-Protokoll tiegħu kontra t-Traffikar tal-Immigranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani u strumenti internazzjonali oħra relevanti. 7. B'konformità mal-liġi internazzjonali, kull Stat għandu jobbliga lill-kaptan ta' bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, sakemm jista' jagħmel dan mingħajr periklu serju għall-bastiment, l-ekwipaġġ jew il-passiġġieri, biex jagħti għajnuna lil kull persuna li tinstab fil-baħar f'periklu li tintilef u li jipproċedi malajr kemm jista' jkun biex isalva lill-persuni f'diffikultà. L-assistenza msemmija għandha tingħata tkun xi tkun in-nazzjonalità jew l-istatus tal-persuni li jkunu se jingħataw l-għajnuna jew taċ-ċirkostanzi li fihom jinstabu. Din id-Deċiżjoni ma taffettwax ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tat-tiftix u s-salvataġġ inkluż biex jiżguraw li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni jseħħu b'mod li l-persuni salvati jistgħu jitwasslu f'post sigur. 8. Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dinjità umana, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew kastig inuman u degradanti, id-dritt għall-libertà u s-sigurtà, il-prinċipju ta’ non-refoulment , ta’ kontra d-diskriminazzjoni u d-drittijiet tat-tfal. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata mill-Istati Membri b’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji. 9. Minħabba li l-għanijiet tal-azzjoni li għandha tittieħed, partikolarment l-adozzjoni ta’ regoli addizzjonali għas-sorveljanza tal-fruntieri tal-baħar mill-gwardji tal-fruntieri li qed joperaw taħt il-koordinazzjoni tal-Aġenzija, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba d-differenzi fil-leġiżlazzjoni u l-prattiċi tagħhom, u għalhekk, minħabba n-natura multinazzjonali ta’ dawn l-operazzjonijiet, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet . 10. Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 562/2006 u għalhekk m’hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, billi r-Regolament (KE) Nru 562/2006 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll, innotifikat b’ittra tat-8 ta’ Ġunju 2006 it-traspożizzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk, hija marbuta taħt il-liġi internazzjonali biex timplimenta din id-Deċiżjoni. 11. Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja fir-rigward tal-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[6], li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE[7] dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim. 12. Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[8], li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE dwar il-konklużjoni ta' dak il-Ftehim[9]. 13. Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll.[10] 14. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit m'huwiex jieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi wħud mid-disposizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen[11]; Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu. Din id-Deċiżjoni m’għandhiex, għalhekk, tkun indirizzata lir-Renju Unit. 15. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[12]. Għaldaqstant l-Irlanda mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Din id-Deċiżjoni m’għandhiex, għalhekk, tkun indirizzata lill-Irlanda. 16. Il-Kumitat tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, ikkonsultat fid-19 ta' Ottubru 2009, ma tax opinjoni, u għalhekk il-Kummissjoni kienet obbligata, f'konformità mal-Artikolu 5a (4) punt (a) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, li tissottometti proposta relatata mal-miżuri meħuda fil-Kunsill u għaddietha lill-Parlament Ewropew fl-istess ħin, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest ta’ kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri koordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ("l-Aġenzija") għandha sseħħ skont il-linji gwida stabbiliti fl-anness. Dawn il-linji gwida għandhom jiffurmaw parti mill-pjan operazzjonali kif imfassal mill-Aġenzija u l-Istati Membri parteċipanti għal kull operazzjoni koordinata mill-Aġenzija. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta' Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran-Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblika tal-Ungerija, lir-Repubblika ta' Malta, lir-Renju tal-Olanda, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Linji gwida għall-operazzjonijiet tal-Frontex fuq il-baħar Prinċipji ġenerali 1.1 Il-miżuri meħuda għall-fini ta' din l-operazzjoni ta' sorveljanza għandhom jitwettqu b'mod li ma jkunx ta' riskju għas-sigurtà tal-persuni interċettati jew salvati kif ukoll tal-unitajiet parteċipanti. 1.2. Il- ħtiġijiet speċjali tat-tfal, vittmi ta’ traffikar, persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ assistenza medika, persuni li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali u persuni oħra li qegħdin f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli għadhom jiġi kkunsidrati matul l-operazzjoni kollha. 1.3. Dawn il-linji gwida għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri f'konformità mad-drittijiet fundamentali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gwardji tal-fruntieri li jieħdu sehem fl-operazzjoni ta’ sorveljanza jkunu mħarrġa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relevanti tad-drittijiet umani u tal-liġi dwar ir-refuġjati, u jkunu familjari mar-reġim internazzjonali dwar it-tiftix u s-salvataġġ. Interċettazzjoni 2.1 Malli jintlemaħ vapur jew xi biċċa oħra tal-baħar ("vapur"), wieħed għandu jersaq lejh sabiex tiġi osservata l-identità u n-nazzjonalità tiegħu u, sakemm jittieħdu miżuri oħrajn, għandu jiġi eżaminat minn distanza prudenti. L-informazzjoni dwar il-vapur għandha tiħi komunikata immedjatament liċ-ċentru tal-koordinazzjoni stabbilit fil-kuntest u għall-għanijiet tal-operazzjoni fil-baħar koordinata mill-Frontex. 2.2 Jekk il-vapur ikun se jidħol jew diġà daħal fiż-żona kontigwa jew fl-ibħra territorjali ta' Stat Membru li ma jkunx qed jieħu sehem fl-operazzjoni, l-informazzjoni dwar il-vapur għandha tiġi kkomunikata liċ-ċentru ta’ koordinazzjoni, li min-naħa tiegħu jgħaddi l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. 2.3. L-informazzjoni dwar kull vapur ssuspettati li għandhom x'jaqsmu f'attivitajiet illegali fil-baħar barra mill-iskop tal-operazzjoni għandha jiġu rappurtati liċ-ċentru ta' koordinazzjoni, i jgħaddi l-informazzjoni lill-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i). 2.4. Il-miżuri meħuda fil-kors tal-operazzjoni ta' sorveljanza kontra bastimenti jew opri tal-baħar li fir-rigward tagħhom hemm raġuni raġonevoli sabiex wieħed jissuspetta li qed iġorru persuni li għandhom l-intenzjoni li jevitaw il-kontrolli fil-punti tal-qsim tal-fruntieri, jinkludu: (a) li tintalab informazzjoni u dokumentazzjoni dwar l-appartenenza, ir-reġistrazzjoni u l-elementi li għandhom x'jaqsmu mal-vjaġġ, u dwar l-identità, in-nazzjonalità u dejta oħra relevanti dwar il-persuni abbord; (b) it-twaqqif, l-imbarkar u t-tfittxija fuq il-vapur, il-merkanzija tiegħu u l-persuni abbord, u l-interrogazzjoni tal-persuni abbord; (c) li wieħed jagħmel lill-persuni abbord konxji li m'għandhomx l-awtorizzazzjoni biex jaqsmu l-fruntiera u li l-persuni li qed jidderieġu l-biċċa tal-baħar jistgħu jiffaċċjaw penali talli ffaċilitaw il-vjaġġ; (d) il-konfiska tal-vapur u l-arrest tal-persuni abbord; (e) li tingħata ordni li l-vapur jimmodifika r-rotta 'il barra jew lejn destinazzjoni lil hinn mill-ibħra territorjali jew iż-żona kontigwa, l-iskorta tal-vapur jew l-insegwiment mill-qrib sakem il-vapur jaqbad it-tali rotta; (f) it-twassil tal-vapur jew il-persuni abbord lejn pajjiż terz jew inkella li l-vapur jew il-persuni abbord jitħallew f'idejn l-awtoritajiet ta' pajjiż terz; (g) it-twassil tal-vapur jew il-persuni abbord lejn l-Istat Membru li jospita jew lejn Stat Membru ieħor li jkun qed jieħu sehem fl-operazzjoni. 2.5. Il-miżuri elenkati fil-paragrafu 2.4 għandhom jittieħdu taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin: 2.5.1. L-ibħra territorjali u ż-żona kontigwaIl-miżuri msemmija fil-paragrafu 2.4 għandhom jittieħdu meta toħroġ l-awtorizzazzjoni u skont l-istruzzjonijiet mill-Istat Membru li jkun qed jospita li jkunu trażmessi lill-unità li tkun qed tieħu sehem permezz taċ-ċentru ta' koordinazzjoni. Għal dan il-għan, l-unità li tkun qed tieħu sehem għandha tikkomunika mal-Istat Membru li jkun qed jospita, permezz taċ-ċentru ta' koordinazzjoni, jekk il-kaptan tal-vapur interċettat talab notifika lil aġent diplomatiku jew uffiċjal tal-konsulat tal-Istat tal-bandiera. 2.5.2. Iż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Ibħra Miftuħa 2.5.2.1. Jekk il-vapur ikun qed itajjar il-bandiera jew juri l-marki tar-reġistru tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru li jkun qed jieħu sehem fl-operazzjoni, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2.4 għandhom jittieħdu hekk kif toħroġ l-awtorizzazzjoni tal-Istat tal-bandiera. L-uffiċċjal nazzjonali li jirrappreżenta dak l-Istat Membru fiċ-ċentru ta' koordinazzjoni għandu jkun intitolat li jagħti jew li jitrażmetti t-tali awtorizzazzjoni. 2.5.2.2. Jekk il-vapur itajjar il-bandiera jew juri l-marki tar-reġistru ta’ Stat Membru li ma jkunx qed jieħu sehem fl-operazzjoni jew ta’ pajjiż terz, għandha tintalab konferma tar-reġistrazzjoni mill-Istat tal-bandiera permezz tal-metodi xierqa, u jekk in-nazzjonalità tiġi kkonfermata, għandha tintalab awtorizzazzjoni mill-Istat tal-bandiera biex jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2.4.Iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni għandu jiġi infurmat b’kull komunikazzjoni mal-Istat tal-bandiera. 2.5.2.3. Jekk, minkejja li jkun qed itajjar bandiera barranija jew jirrifjuta li juri l-bandiera, hemm bażi raġonevoli ta’ suspett li l-vapur, fil-verità, huwa tal-istess nazzjonalità tal-unità li qed tipparteċipa, l-unità li qed tipparteċipa għandha tipproċedi biex tivverifika d-dritt tal-vapur li jtajjar il-banidera tagħha. Għal dan il-għan, hi tista’ tibgħat dgħajsa taħt il-kmand ta’ uffiċjal lejn il-vapur issuspettat. Jekk jibqa’ suspett wara li jiġu ċċekkjati d-dokumenti, hija għandha tipproċedi b’eżami ulterjuri abbord il-vapur, li għandu jsir bil-kunsiderazzjoni kollha possibbli. Il-pajjiż li tiegħu allegatament il-vapur ikun qed itajjar il-bandiera għandu jiġu kkuntattjat permezz tal-metodi xierqa. 2.5.2.4. Jekk, minkejja li jkun qed itajjar bandiera barranija jew jirrifjuta li juri l-bandiera tiegħu, hemm bażi raġonveoli biex wieħed jissuspetta li l-vapur, fil-verità, huwa ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor li qed jieħu sehem fl-operazzjoni, il-verifika tad-dritt tal-vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu għandha ssir hekk kif toħroġ l-awtorizzazzjoni ta' dak l-Istat Membru. L-uffiċċjal nazzjonali li jirrappreżenta dak l-Istat Membru fiċ-ċentru ta' koordinazzjoni għandu jkun intitolat li jagħti jew li jitrażmetti t-tali awtorizzazzjoni.Jekk is-suspetti fir-rigward tan-nazzjonalità tal-vapur ikunu ppruvati li huma fondati, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2.4 għandhom jittieħdu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.5.2.1. 2.5.2.5. Jekk hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-vapur hu mingħajr nazzjonalità jew li jista’ jiġi meqjus bħala vapur mingħajr nazzjonalità, l-unita tar-ronda għandha tipproċedi biex tivverifika d-dritt tal-vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu. Għal dan il-għan, hi tista’ tibgħat dgħajsa taħt il-kmand ta’ uffiċjal lejn il-vapur issuspettat. Jekk jibqa’ suspett wara li jiġu ċċekkjati d-dokumenti, hija għandha tipproċedi b’eżami ulterjuri abbord il-vapur, li għandu jsir bil-kunsiderazzjoni kollha possibbli.Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2.4 għandhom jittieħdu jekk is-suspetti li l-vapur huwa mingħajr nazzjonalità jiġu ppruvat li jkunu fondati u jkun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-vapur qed jitraffika illegalment l-immigranti bil-baħar skont il-Protokoll kontra t-Traffikar Illegali tal-Immigranti bl-Art, il-Baħar u l-Ajru, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transkonfinali.Vapur għandu jiġi kkunsidrat li huwa mingħajr nazzjonalità jew li jista’ jitqies bħala vapur mingħajr nazzjonalità meta l-vapur ma jkunx ingħata minn xi Stat id-dritt li jtajjar il-bandiera tiegħu jew meta jkun qed ibaħħar bil-bnadar ta' żewġ pajjiżi jew aktar, u jużahom skont il-konvenjenza. 2.5.2.6. Sakemm toħroġ awtorizzazzjoni jew jekk ma jkunx hemm waħda mill-Istat tal-bandiera, dak il-vapur għandu jkun issorveljat minn distanza prudenti. M’għandha tittieħed l-ebda miżura oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-Istat tal-bandiera, minbarra dawk meħtieġa biex jitneħħa l-periklu imminenti għall-ħajja tan-nies kif stabbilit f'parti 3 jew dawk il-miżuri li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali jew multilaterali relevanti, jew sakemm il-vapur ma jidħolx f'żona kontigwa. 2.6. Kwalunkwe attività operazzjonali fl-ibħra territorjali ta’ Stat Membru li ma jkunx qed jieħu sehem fl-operazzjoni jew ta’ pajjiż terz għandha ssir skont l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjonijiet tal-Istat kostali. Iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni għandu jkun infurmat bi kwalunkwe komunikazzjoni mal-Istat kostali u bl-azzjonijiet li jkunu se jittieħdu sussegwentment. Sitwazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ li jinħolqu fil-kors tal-operazzjoni 3.1. Unitajiet parteċipanti għandhom jipprovdu għajnuna lil kull bastiment jew persuna li teħtieġ l-għajuna fil-baħar. Għandhom jagħmlu dan tkun xi tkun in-nazzjonalità jew l-istatus tal-persuni jew taċ-ċirkostanzi li fihom jinstabu. 3.2. Meta, waqt operazzjoni, jkun hemm sitwazzjoni fejn teżisti inċertezza jew apprensjoni fir-rigward tas-sigurtà ta’ vapur jew ta’ xi persuna abbord, l-unità li tkun qed tieħu sehem għandha tibgħat mill-aktar fis possibbli kull informazzjoni disponibbli liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli mir-reġjun ta' tiftix u salvataġġ fejn tkun qed isseħħ is-sitwazzjoni. F’każ fejn iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ tal-pajjiż terz responsabbli mir-reġjun tat-tfittxija u s-salvataġġ ma jweġibx għan-notifika trażmessa mill-unità li tkun qed tieħu sehem, din tal-aħħar għandha tikkuntattja liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Risjku tal-Istat Membru li hu ġeografikament l-aktar fil-qrib tal-emerġenza. Filwaqt li jistennew struzzjonijiet miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ, l-unitajiet li jkunu qed jieħdu sehem għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw is-sigurtà tal-persuni kkonċernati. 3.3. L-unitajiet li jkunu qed jieħdu sehem għandhom jikkunsidraw l-elementi relevanti kollha u jikkomunikaw il-valutazzjoni tagħhom liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli, inkluż b’mod partikolari: 17. l-eżistenza ta’ talba għall-għajnuna, 18. kemm il-vapur ikun tajjeb għall-baħar u jekk hux probabbli li l-vapur ma jasalx fid-destinazzjoni aħħarija tiegħu, 19. in-numru ta’ passiġġieri mqabbla mat-tip ta' vapur (tagħbija żejda), 20. id-disponibbiltà tal-provvisti meħtieġa (fjuwil, ilma, ikel, eċċ.) biex jasal sa xatt, 21. il-preżenza ta’ ekwipaġġ u kmand ikkwalifikat tal-vapur, 22. id-disponibbiltà ta’ tagħmir ta' sigurtà, navigazzjoni u komunikazzjoni, 23. il-preżenza ta’ passiġġieri li jkollhom bżonn urġenti ta’ għajnuna medika, 24. il-preżenza ta’ passiġġieri mejta, 25. il-preżenza ta’ nisa tqal jew tfal, 26. il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar. 3.4. L-eżistenza ta’ emerġenza m’għandhiex tkun dipendenti esklużivament jew iddeterminata minn talba attwali għall-għajnuna. Fil-każ meta, minkejja li l-vapur ikun jidher li hu fi stat ta’ emerġenza, il-persuni abbord jirrifjutaw li jaċċettaw l-għajnuna, l-unità li tkun qed tieħu sehem għandha tinforma liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ u tkompli twettaq id-dover tal-kura, billi tieħu kull miżura meħtieġa għas-sigurtà tal-persuni kkonċernati, u tevita milli tieħu kull azzjoni li tista’ taggrava s-sitwazzjoni jew iżżid iċ-ċansijiet li xi ħadd iweġġa' jew jitlef ħajtu. 3.5. Iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tal-operazzjoni għandu jkun infurmat mill-aktar fis possibbli bi kwalunkwe kuntatt maċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ u bit-tip ta' azzjoni li tittieħed mill-unità li tkun qed tieħu sehem. 3.6. Jekk il-vapur ma jistax jew ma jistax jitqies aktar li huwa fi stat ta' emerġenza, jew li l-operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ ġiet konkluża, l-unità li tkun qed tipparteċipa għandha, b'konsultazzjoni maċ-ċentru ta' koordinazzjoni tal-operazzjoni, tkompli bl-operazzjoni f'konformità ma' parti 2. Diżimbarkazzjoni 4.1. Il-pjan operazzjonali għandu jindika l-modalitajiet għad-diżimbarkazzjoni tal-persuni interċettati jew salvati, skont il-liġi internazzjonali u kull ftehim bilaterali applikabbli. Soġġett għal taqsima 4.2, għandha tingħata prijorità lid-diżembarkazzjoni fil-pajjiż terz minn fejn il-persuni telqu jew li għaddew mill-ibħra territorjali tiegħu jew ir-reġjun ta' tiftix u sigurtà li minnu l-persuni għaddew jew, jekk dan ma jkunx possibbli, li jiddiżembarkaw fil-post l-eqreb ġeografikament fejn is-sigurtà tal-persuni tista' tiġi żgurata. 4.2. Ebda persuna m'għandha tiġi diżembarkata jew mgħoddija lil awtoritajiet ta' pajjiż li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jaħseb li hu jew hi jkunu soġġetti għal persekuzzjoni jew tortura jew forom oħra ta' trattament jew kastig inuman jew degadanti, jew li minnu r-ritorn jew it-tkeċċija lejn il-pajjiż li dwaru jkunu esprimew beżgħat bħal dawn. Il-persuni interċettati jew salvati jridu jiġu infurmati b'mod xieraq sabiex ikunu jistgħu jesprimu kull raġuni 'l għala jemmnu li se jkunu soġġetti għal tali trattament fil-post propost għad-diżembarkazzjoni. 4.3. Iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni għandu jkun infurmat bil-preżenza ta’ persuni fi ħdan it-tifsira tal-paragrafu 4.2, u għandu jgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun qed jospita. [1] ĠU L 105, 13.4.2006, p. 9. [2] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36. [3] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52. [4] ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1. [5] ĠU L 326, 13.12.2005, p. 13. [6] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36. [7] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31. [8] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52. [9] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1. [10] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3. [11] ĠU L 131, 1.6.2000, p.43. [12] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20