52009PC0652

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tal-Ginea /* KUMM/2009/0652 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.11.2009

KUMM(2009) 652 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tal-Ginea

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Fis-27 ta' Ottubru 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2009/788/PESK b'risposta għas-sopressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà ta' dimostranti politiċi f'Conakry fit-28 ta' Settembru 2009, l-abbużi rrapurtati mid-drittijiet tal-bniedem wara s-sopressjoni u r-ripressjoni vjolenti u l-istaġnar politiku fil-pajjiż. Il-Pożizzjoni Komuni imponiet embargo fuq l-esportazzjoni tal-armi lill-Ginea, u imponiet projbizzjoni tal-ivjaġġar fuq 42 individwu msemmija fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni, li huma membri tal-NCDD li jinsab fit-tmexxija u persuni assoċjati mill-qrib magħhom.

2. Il-Kunsill qed jipprepara Pożizzjoni Komuni sussegwenti tal-PESK li ssejjaħ għal miżuri restrittivi li jinkludu (i) l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-individwi u l-entitajiet elenkati fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni; u (ii) projbizzjoni fuq il-forniment ta' għajnuna teknika u finanzjarja u servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari lil kull persuna fil-Ginea.

3. Dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi, f'antiċipazzjoni, Regolament li jimplimenta dawn il-miżuri restrittivi.

4. Il-miżuri restrittivi adottati taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

5. Diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament propost huma meħuda mil-Linji Gwida dwar l-Implimentazzjoni u l-Evalwazzjoni tal-Miżuri Restrittivi (Sanzjonijiet) fil-Qafas tal-Politika Komuni tal-UE dwar l-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà[1].

6. L-Aħjar Prattiki tal-UE għall-Implimentazzjoni Effettiva tal-Miżuri Restrittivi[2] jipprovdu gwida addizzjonali għall-applikazzjoni tal-miżuri proposti.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tal-Ginea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/……/PESK tal-[……] li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-Ginea,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1) Il-Pożizzjoni Komuni 2009/…./PESK tipprovdi għal ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta' membri tal-Kunsill Nazzjonali għad-Demokrazija u l-Iżvilupp (NCDD) u individwi assoċjati magħhom, responsabbli għar-ripressjoni vjolenti tat-28 ta' Settembru 2009 jew l-istaġnar politiku fil-pajjiż

(2) Dawn il-miżuri jinkludu l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni u kif ukoll projbizzjoni fuq il-forniment tal-għajnuna teknika u finanzjarja u servizzi oħra relatati mal-attivitajiet militari lil kull persuna fil-Ginea, jew għall-użu fil-Ginea.

(3) Dawn il-miżuri jaqgħu taħt l-ambitu ta' applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tkun assigurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa leġiżlazzjoni tal-Komunità sabiex timplimentahom f'dak li jirrigwarda l-Komunità.

(4) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan ir-Regolament għandu jkun applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(5) Għal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament xi dejta personali li tirrigwarda persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolament jeħtieġ li jsiru pubbliċi u jiġu ttrattati b'manjiera xierqa taħt ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta[3] u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[4].

(6) Għandha ssir dispożizzjoni għaż-żamma ta' informazzjoni klassifikata fil-Kummissjoni.

(7) Biex jiġi garantit li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a) ‘assistenza teknika’ tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, assemblaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kull servizz tekniku ieħor, u tista' tieħu forom bħalma huma t-tagħlim, il-konsulenza, it-taħriġ, it-trażmissjoni tal-għarfien jew ħiliet professjonali jew servizzi ta' konsulenza; inklużi forom ta' għajnuna verbali;

(b) ‘fondi’ tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta' kull tip, li jinkludu iżda mhumiex limitati għal:

(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money-orders u strumenti oħra ta' ħlas;

(ii) depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f'kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta' dejn;

(iii) strumenti finanzjarji elenkati fit-taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (ĠU L 145, 30.4.2004, p1);

(iv) imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur li joħroġ minnhom jew li hu ġenerat minnhom;

(v) kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, titoli eżegwibbli jew impenji finanzjarji oħra;

(vi) ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta' bejgħ;

(vii) dokumenti li jixhdu xi interess f'fondi jew riżorsi finanzjarji;

(c) ‘iffriżar ta' fondi’ tfisser il-projbizzjoni ta' ċaqliq, trasferiment, bidla, użu, aċċess jew traffikar ta' fondi li jistgħu b'xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni jew f'bidla oħra li tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, inkluż il-ġestjoni tal-portafolli;

(d) ‘riżorsi ekonomiċi’ tfisser assi ta' kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi;

(e) ‘iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi f'kull mod, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom;

(f) ‘territorju tal-Komunità’ tfisser it-territorji li għalihom huwa applikabbli t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat.

Artikolu 2

Għandu jiġi pprojbit:

(a) li tiġi pprovduta, direttament jew indirettament, assistenza teknika relatata ma' attivitajiet militari, ma' oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea[5], jew li tirrigwarda l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti inklużi f'dik il-lista għal kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Ginea jew għall-użu fiha;

(b) li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, jew oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni għall-kreditu tal-esportazzjoni, għal kull bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-elementi, jew għall-forniment ta' għajnuna teknika relatata lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Ginea, jew għall-użu fil-Ginea;

(c) li jkun hemm parteċipazzjoni, intenzjonali jew mhux intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jinkisru l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b)

Artikolu 3

1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma jew kontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness jew għall-benefiċċju tagħhom.

3. L-Anness I għandu jikkonsisti f'persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f'konformità mal-Artikolu […] tal-Pożizzjoni Komuni 2009/…/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħala li huma:

(a) membri tal-Kunsill Nazzjonali għad-Demokrazija u l-Iżvilupp (NCDD);

(b) persuni fiżiċi assoċjati magħhom, responsabbli għar-ripressjoni vjolenti tat-28 ta' Settembru 2009 jew l-istaġnar politiku fil-Ginea, jew

(c) persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati ma' persuni fiżiċi f'(a) u (b).

4. Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, il-ksur tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 4

Il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2(b) u 3(2) m'għandhomx iwasslu għal xi xorta ta’ responsabbiltà min-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li poġġew għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru din il-projbizzjoni.

Artikolu 5

1. B'deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif elenkati fl-Anness II jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew id-disponibbiltà ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni elenkati fl-Anness I, u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inklużi ħlasijiet għal ikel, kera jew ipoteka immobiljari, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta' servizzi pubbliċi;

(b) maħsuba esklusivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż li huma konnessi mal-għoti ta' servizzi legali;

(c) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' onorarji jew ħlasijiet għal servizzi għaż-żamma ta' rutina ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d) neċessarji għal spejjeż straordinarji, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru nnotifika bir-raġunijiet li jikkonsidra li għalihom awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni mill-anqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

2. L-Istat Membru relevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 6

B'deroga mill-Artikolu 3, awtorità kompetenti elenkata fl-Anness II tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma s-suġġett ta' rahan ġudizzjarju, amministrattiv jew arbitrali stabbilit qabel id-data li fiha l-persuna, entità jew korp imsemmi fl-Artikolu 3 ġew inklużi fl-Anness I, jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jridu jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet żgurati b'dan ir-rahan jew irrikonoxxuti bħala validi f'din is-sentenza, fil-limiti ffissati bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c) ir-rahan jew sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp imniżżla fl-Anness I;

(d) ir-rikonoxximent li rahan jew sentenza ma jmorrux kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat; u kif ukoll

(e) ir-rahan jew sentenza ġew innotifikati mill-Istat Membru lill-Kummissjoni.

Artikolu 7

1. L-Artikolu 3(2) m'għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b) ħlasijiet, u trasferimenti ta' strumenti finanzjarji dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligazzjonijiet li ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 3 ġew inklużi fl-Anness I,

sakemm dan l-imgħax, dħul, ħlas jew strumenti finanzjarji oħra jkunu ffriżati skont l-Artikolu 3(1).

2. L-Artikolu 3(2) m'għandux iwaqqaf lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu fil-Komunità milli jikkreditaw kontijiet iffriżati meta jirċievu fondi trasferiti fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, sakemm kwalunkwe żieda għal dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tgħarraf bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti relevanti b'tali tranżazzjonijiet.

Artikolu 8

L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li fondi jew riżorsi ekonomiċi jitpoġġew għad-dispożizzjoni, magħmul bi skop tajjeb fuq il-bażi li din l-azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, m'għandu jirriżulta fl-ebda tip ta' obbligu fuq il-persuna fiżika jew ġuridika jew entitajiet jew korpi li jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, kemm-il darba ma jkunx ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kienu ffriżati bħala riżultat ta' negliġenza.

Artikolu 9

1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) immedjatament ifornu kull informazzjoni li tiffaċilita l-osservanza ta' dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2, lill-awtoritajiet kompetenti mniżżla fl-Anness II tal-pajjiż fejn huma residenti jew qegħdin, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti mniżżla fl-Anness II, lill-Kummissjoni; u kif ukoll

(b) jikkoperaw ma' dik l-awtorità kompetenti f'kull verifikazzjoni ta' din l-informazzjoni.

2. Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew tiġi rċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew irċevuta.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom immedjatament jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti konnessa ma' dan ir-Regolament li hija għad-dispożizzjoni tagħhom, partikolarment informazzjoni dwar problemi ta' ksur u ta' infurzar u sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

Artikolu 11

1. L-Anness I għandu jinkludi biss it-tagħrif li ġej dwar il-persuni fiżiċi elenkati:

(a) għall-finijiet tal-identifikazzjoni: il-kunjom u l-ismijiet mogħtija (inklużi psewdonimi u titli, fejn hemm); id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; in-numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali; is-sess; l-indirizz jew tagħrif ieħor dwar fejn jinstabu; il-funzjoni jew professjoni;

(b) id-data msemmija fl-Artikoli 6(a) u 7(1)(b);

(c) ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista bħall-funzjoni jew kawża dovuta suffiċjenti oħra.

2. L-Anness I jista' jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-membri tal-familja tal-persuni elenkati, sakemm l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni hija neċessarja f'każ speċifiku għall-iskop uniku li tiġi vverifikata l-identità tal-persuna fiżika elenkata in kwistjoni.

Artikolu 12

1. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li:

(a) temenda l-Anness I fuq il-bażi ta' deċizjonijiet meħuda dwar l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2009/…/PESK; u kif ukoll

(b) temenda l-Anness II fuq il-bażi tat-tagħrif fornut mil-Istati Membri.

2. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet individwali u speċifiċi għad-deċiżjonijiet meħuda skont il-paragrafu 1(a), filwaqt li tipprovdi lill-individwu, entità jew korp ikkonċernati bl-opportunità li jesprimu l-fehma tagħhom dwar din il-kwistjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-dejta personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

(a) il-preparazzjoni ta' emendi għall-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(b) l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness I fil-lista konsolidata, elettronika ta' persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-UE disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni[6];

(c) l-ipproċessar ta' tagħrif dwar ir-raġunijiet għall-elenkar; u kif ukoll

(d) l-ipproċessar tat-tagħrif dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħal ma huma l-valur tal-fondi ffriżati u t-tagħrif dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

4. Il-Kummissjoni tista' tipproċessa d-dejta relevanti relatata ma' reati kriminali mwettqa mill-persuni fiżiċi elenkati, u kundanni kriminali jew miżuri ta' sigurtà dwar dawn il-persuni, biss safejn dan l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-preparazzjoni ta' dikjarazzjoni tar-raġunijiet u analiżi tal-opinjonijiet magħmula dwarha mill-persuna fiżika kkonċernata, soġġett għal salvagwardji speċifiċi xierqa. Tali dejta ma għandhiex tkun ippubblikata jew skambjata.

5. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-unità tal-Kummissjoni elenkata fl-Anness II hija nominata bħala "kontrollur" fit-tifsira tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

6. Meta l-Kummissjoni tirċievi informazzjoni klassifikata, hija għandha tittrattaha f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom[7] u, fejn applikabbli, il-ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni riżervata konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat li jressaq l-informazzjoni.

7. Id-dokumenti kklassifikati fuq livell li jikkorrispondi għal 'TRES SECRET UE/L-OGĦLA SEGRETEZZA UE', 'SECRET UE/SIGRIET UE' jew 'CONFIDENTIEL UE/KUNFIDENZJALI UE' m'għandhomx ikunu rilaxxati mingħajr il-kunsens tal-oriġinatur tagħhom.

Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 14

Fejn hemm, f'dan ir-Regolament, obbligu li tiġi nnotifikata jew infurmata l-Kummissjoni, jew li ssir xi komunikazzjoni oħra magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk fl-Anness II.

Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fi ħdan it-territorju tal-Komunità, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c) għal kull persuna fit-territorju tal-Komunità jew barra minnu, li hija ċittadin ta' Stat Membru;

(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, ġewwa l-Komunità.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

ANNESS I

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3

ANNESS II

Lista ta' awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 5, 6, 7(2) u 9, u l-indirizzi għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

(Għandha timtela mill-Istati Membri)

A. Awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru:

IL-BELĠJU

IL-BULGARIJA

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

ID-DANIMARKA

IL-ĠERMANJA

L-ESTONJA

L-IRLANDA

IL-GREĊJA

SPANJA

FRANZA

L-ITALJA

ĊIPRU

IL-LATVJA

IL-LITWANJA

IL-LUSSEMBURGU

L-UNGERIJA

MALTA

L-OLANDA

L-AWSTRIJA

IL-POLONJA

IL-PORTUGALL

IR-RUMANIJA

IS-SLOVENJA

IS-SLOVAKKJA

IL-FINLANDJA

L-IŻVEZJA

IR-RENJU UNIT

B. Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew komunikazzjonijiet oħra magħha:

Il-Kummissjoni Ewropea

DĠ Relazzjonijiet Esterni

Direttorat A. Pjattaforma ta' Kriżi u Koordinazzjoni tal-Politika fil-PESK

Unità A.2. Ġestjoni tal-Kriżijiet u Prevenzjoni tal-Kunflitti

CHAR 12/106

B-1049 Bruxelles/Brussel

Belgium

Indirizz tal-posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel.: (32 2) 295 55 85

Faks: (32 2) 299 08 73

[1] Id-dokument tal-Kunsill Nru 15114/05.

[2] Id-dokument tal-Kunsill Nru 8666/1/08.

[3] ĠU L 8, 12.1.2001, p.1.

[4] ĠU L 281, 23.11.1995, p.31.

[5] ĠU C 65, 19.3.2009, p. 1.

[6] http://ec.europa.eu/external_relations/cfsp/sanctions/consol-list_en.htm

[7] ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.