Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Repubblika Portugiża biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 168, 193 u 250 tad-direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2009/0641 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 24.11.2009 KUMM(2009)641 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika Portugiża biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 168, 193 u 250 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Kuntest tal-proposta Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali ta' deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew sabiex jevita ċerti tipi ta' frodi jew evażjoni tat-taxxa. Ir-Repubblika Portugiża (minn hawn 'il quddiem “il-Portugall”) ġiet awtorizzata, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/738/KE, tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2009 sistema partikolari u fakultativa għas-settur tal-bejgħ domiċiljari skont liema, minn naħa waħda, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tas-sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi dwar il-fatturat - sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, l-impriża li taħdem f'dan is-settur u awtorizzata li tagħmel użu minn din is-sistema hija responsabbli għall-VAT dovuta fuq il-kunsinni ta' prodotti li jkunu saru mill-bejjiegħa bl-imnut għall-konsumaturi aħħarin. Permezz ta’ deroga għall-Artikolu 22 ta’ din id-Direttiva, min-naħa l-oħra, il-bejjiegħa bl-imnut huma eżentati mill-obbligi stipulati f’dan l-Artikolu għall-dawn il-kunsinni. Sabiex tinkiseb din l-awtorizzazzjoni, l-impriża għandha tassigura t-totalità tal-fatturat tagħha fuq il-bejgħ fid-djar li jsiru minn bejjiegħa bl-imnut li jaġixxu f'isimhom u għall-kont tagħhom stess. Barra minn hekk, il-prodotti kollha li jinbiegħu għandhom jidhru fuq lista stabbilita minn qabel ta’ prezzijiet li jintużaw fl-istadju ta’ konsum finali u din għandha tbigħhom direttament lil bejjiegħa bl-imnut li, min-naħa tagħhom, ibigħuhom direttament lill-konsumaturi aħħarin. Permezz ta’ ittra rreġistrata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2009, il-Portugall talab awtorizzazzjoni għal estensjoni ta’ din is-sistema partikolari għad-dispożizzjonijiet ta’ deroga għall-Artikoli 193 u 250 tad-Direttiva tal-VAT u, permezz ta’ ittra kumplimentari rreġistrata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-9 ta’ Settembru 2009, talbet li l-bejjiegħa bl-imnut, permezz ta’ deroga għall-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT, ma jistgħux inaqqsu l-VAT dovuta fuq il-prodotti kkonċernati mill-miżura. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kummissjoni bagħtet it-talba ppreżentata mill-Portugall lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tat-27 ta' Ottubru 2009. Bl-ittra tat-29 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Portugall li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba. Bħala raġunijiet għat-talba ta’ estensjoni, il-Portugall indika, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT irendu responsabbli għat-taxxa dawk li m'għandhomx struttura suffiċjenti biex iwettqu d-diversi obbligi marbutin mal-applikazzjoni tagħha u li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet partikolari li għandhom l-effett li jżidu b’mod sinifikanti r-riskju ta’ frodi. Fosthom, hemm dawk li joperaw għall-kont tagħhom stess li jbigħu direttament fid-djar tal-klijenti tagħhom prodotti li huma pprovduti minn impriżi li għażlu dan il-mod partikolari ta' promozzjoni u ta' bejgħ. Il-Portugall iqis li huwa neċessarju li jinżammu l-miżuri msemmija qabel sabiex jiġi simplifikat il-ġbir tal-VAT minn dawk li jaħdmu f'dan is-settur ta' attività u biex jiġi żgurat kontroll iktar effiċjenti. Il-Portugall speċifika li miżuri ta' dan it-tip ma jaffettwawx l-ammont ta’ dħul mill-VAT fl-istadju tal-konsum finali u għalhekk m'għandhom l-ebda inċidenza fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea li ġejjin mill-VAT. Is-sistema partikolari u fakultativa li hija s-suġġett ta' din it-talba għandha l-effett li teżenta l-bejjiegħa bl-imnut mill-obbligi ta' dikjarazzjoni u ta' ħlas tal-VAT dovuta fuq il-kunsinni lill-konsumaturi aħħarin tal-prodotti li impriża awtorizzata tikkonsenjalhom. Dan jippermetti li jiġu simplifikati l-arranġamenti għall-ġbir tat-taxxa għall-benefiċċju ta’ dawk li huma taxxabbli. Billi l-impriża awtorizzata tkun responsabbli għall-VAT minflok il-bejjiegħa ambulanti numerużi, u billi din tingħata għalhekk ir-responsabbiltà ta' twettiq tal-obbligu korrispondenti tad-dikjarazzjoni u pagament tal-VAT, din is-sistema tippermetti ukoll li jiġi żgurat li l-VAT miġbura fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut fuq il-bejgħ ta' prodotti provenjenti mill-impriża awtorizzata titħallas kif suppost lit-Teżor u, b'dan il-mod, li tiġi ostakolata l-frodi tat-taxxa. Dan jippermetti li jiġu simplifikati wkoll l-arranġamenti għall-ġbir tat-taxxa għall-benefiċċju tal-amministrazzjoni. Safejn il-bejjiegħa bl-imnut jistokkjaw minn impriża awtorizzata huma eżentati mill-obbligu li jiddikjaraw u li jħallsu l-VAT dovuta fuq il-kunsinni lill-konsumaturi aħħarin tal-prodotti li l-impriża kkonsenjatilhom, l-għan ta' simplifikazzjoni jiġġustifika wkoll li ma jeżerċitawx id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li huma jibbenefikaw minnu fuq dawn l-akkwisti ta’ prodotti li jkunu eżentati wkoll li jagħmlu d-dikjarazzjoni tal-VAT neċessarja għad-determinazzjoni tal-ammont li għandu jintaqqas. Għalhekk jaqbel li dan id-dritt jiġi eżerċitat fil-post mill-impriża awtorizzata u li din tkun inkarigata, li twettaq l-obbligu ta' dikjarazzjoni korrispondenti. Id-dritt għat-tnaqqis li l-bejjiegħa bl-imnut ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu fuq akkwisti oħra ta’ prodotti u servizzi mhuwiex previst minn din il-miżura u għalhekk għandu jiġi eżerċitat skont il-kundizzjonijiet ta' liġi komuni. B'kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-argumenti ppreżentati mill-Portugall, il-Kummissjoni tqis li d-deroga mitluba tissodisfa l-kundizzjonijiet li jinsabu f'dan l-Artikolu u, b'mod partikolari, li tippermetti s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni tal-frodi tat-taxxa billi ma taffettwax l-ammont ta’ dħul tat-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali. Konsegwentement, il-Kummissjoni m'għandhiex oġġezzjoni għal din it-talba u b'hekk tqis li għandha tippreżenta lill-Kunsill il-proposta korrispondenti. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li jaqbel li tagħti lil din id-deroga tul ta' żmien ta' applikazzjoni limitat sabiex tkun tista' tivvaluta regolarment, fuq il-bażi tal-informazzjoni xierqa pprovduta mill-Portugall, jekk jibqgħux ir-raġunijiet li jiġġustifikawha illum. 2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt Il-proposta ta’ deċiżjoni għandha l-għan li tkompli l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ simplifikazzjoni tal-ġbir tal-VAT u biex tiġi ostakolata l-frodi tat-taxxa f’settur ekonomiku partikolari u limitat. Għalhekk hi se jkollha impatt pożittiv b'mod speċjali għal dawk li huma taxxabbli u l-Istat Membru kkonċernat. Ma kienx hemm bżonn għal esperti esterni, lanqas konsultazzjoni mal-partijiet interessati u lanqas valutazzjoni tal-impatt ta' tali deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, dan l-impatt se jkun limitat minħabba l-ambitu ta' applikazzjoni ristrett u t-tul ta' żmien ta' applikazzjoni limitat tad-deroga. 3. L-elementi legali tal-proposta Id-Deċiżjoni proposta għandha l-għan li tippermetti lill-Portugall japplika miżura derogatorja partikolari għall-Artikoli 168, 193 u 250 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tinżamm u tiġi emendata sistema partikolari u fakultativa mmirata, fis-settur tal-bejgħ domiċiljari, biex l-impriżi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u awtorizzati li japplikawha, minn naħa waħda, permezz ta’ deroga għall-Artikolu 193 ta’ din id-Direttiva, responsabbli għat-taxxa dovuta fuq il-kunsinni ta’ prodotti kkonsenjati mill-bejjiegħa bl-imnut tagħhom għall-konsumaturi aħħarin, u min-naħa l-oħra, permezz ta’ deroga għall-Artikolu 168 ta’ din id-Direttiva, intitolati għad-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa dovuta jew eżentata mill-bejjiegħa bl-imnut tagħhom għall-prodotti korrispondenti li huma kkonsinjawlhom. Finalment, din is-sistema hija mmirata, permezz ta’ deroga għall-Artikolu 250 ta’ din id-Direttiva, biex teżenta mill-obbligu ta' dikjarazzjoni msemmi f'dan l-Artikolu f'dak li jirrigwarda l-prodotti li l-impriża awtorizzata tkun ikkonsenjatilhom u l-kunsinna tal-istess prodotti lill-konsumaturi aħħarin u, b’konsegwenza, biex ir-responsabbiltà tingħata lill-impriża għat-twettiq ta’ dan l-obbligu. Il-bażi legali ta' din id-deċiżjoni hi magħmula mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT li kienu adottati skont l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. F'konformità ma' dan l-Artikolu, l-Istat Membru li jixtieq idaħħal miżuri speċjali ta' deroga mill-imsemmja Direttiva għandu jikseb awtorizzazzjoni mill-Kunsill, li tieħu l-forma ta' Deċiżjoni tal-Kunsill. Peress li hija miżura ta' implimentazzjoni li tinvolvi armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar it-taxxi fuq il-fatturat, il-prinċipju tas-sussidjarità hu rispettat. Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għalhekk ma taqbiżx dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ simplifikazzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi fuq it-taxxa minħabba li din hija indirizzata għal settur ekonomiku partikolari u limitat u għalhekk hija indirizzata għal numru limitat ta’ persuni taxxabblili, barra minn hekk, jistgħu jiddeċiedu jekk jagħżlux din is-sistema jew le. Għalhekk, hi tidderoga biss mill-prinċipji tad-Direttiva dwar il-VAT b'mod limitat u xieraq. 4. Implikazzjoni baġitarjA Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. 5. Informazzjoni addizzjonali Il-proposta tipprevedi li l-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika Portugiża biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 168, 193 u 250 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu, wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha, wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2], Billi: 1. Ir-Repubblika Portugiża (minn hawn 'il quddiem “il-Portugall”) ġiet awtorizzata, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/738/KE[3], tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2009 sistema partikolari u fakultativa għas-settur tal-bejgħ domiċiljari skont liema, minn naħa waħda, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tas-sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi dwar il-fatturat - sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima[4], l-impriża li taħdem f'dan is-settur u awtorizzata li tagħmel użu minn din is-sistema hija responsabbli għall-VAT dovuta fuq il-kunsinni ta' prodotti li jkunu saru mill-bejjiegħa bl-imnut għall-konsumaturi aħħarin. Permezz ta’ deroga għall-Artikolu 22 ta’ din id-Direttiva, min-naħa l-oħra, il-bejjiegħa bl-imnut huma eżentati mill-obbligi stipulati f’dan l-Artikolu għall-dawn il-kunsinni. Sabiex tinkiseb din l-awtorizzazzjoni, l-impriża għandha tassigura t-totalità tal-fatturat tagħha fuq il-bejgħ fid-djar li jsiru minn bejjiegħa bl-imnut li jaġixxu f'isimhom u għall-kont tagħhom stess. Barra minn hekk, il-prodotti kollha li jinbiegħu għandhom jidhru fuq lista stabbilita minn qabel ta’ prezzijiet li jintużaw fl-istadju ta’ konsum finali u din għandha tbigħhom direttament lil bejjiegħa bl-imnut li, min-naħa tagħhom, ibigħuhom direttament lill-konsumaturi aħħarin. 2. Permezz ta’ ittra rreġistrata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2009, il-Portugall talab awtorizzazzjoni għal estensjoni ta’ din is-sistema partikolari għad-dispożizzjonijiet ta’ deroga għall-Artikoli 193 u 250 tad-Direttiva tal-VAT u, permezz ta’ ittra kumplimentari rreġistrata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-9 ta’ Settembru 2009, talbet li l-bejjiegħa bl-imnut, permezz ta’ deroga għall-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT, ma jistgħux inaqqsu l-VAT dovuta fuq il-prodotti kkonċernati mill-miżura. 3. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba ppreżentata mill-Portugall lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tat-27 ta' Ottubru 2009. Bl-ittra tat-29 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Portugall li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba. 4. Din is-sistema partikolari għandha l-effett li taħtar, minflok u b’sostituzzjoni ta’ bosta bejjiegħa ambulanti, impriżi li huma awtorizzat bħala titolari tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT dovuta jew eżentata minn dawn il-bejjiegħa bl-imnut għall-prodotti li ġew ikkonsenjati lilhom u li huma taxxabbli għat-taxxa dovuta fuq il-kunsinni ta’ dawn il-prodotti mill-bejjiegħa bl-imnut għall-konsumaturi aħħarin. Dawn l-impriżi awtorizzati huma wkoll inkarigati li jwettqu l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas korrispondenti li minnhom il-bejjiegħa bl-imnut tagħhom huma eżentati. 5. Għalhekk din is-sistema tippermetti li jiġi żgurat li l-VAT miġbura fl-istadju tal-kummerċ bl-imnut fuq il-bejgħ tal-prodotti provenjenti minn dawn l-impriżi titħallas kif suppost lit-Teżor u, b’dan il-mod biex tiġi ostakolata l-frodi fuq it-taxxa. Din tippermetti wkoll is-simplifikazzjoni, għall-benefiċċju tal-amministrazzjoni, tal-proċeduri ta' ġbir ta’ din it-taxxa u t-tnaqqis tal-obbligi tal-bejjiegħa bl-imnut fir-rigward tal-VAT. 6. Il-miżura derogatorja mhijiex se temenda l-ammont ta’ dħul mit-VAT fl-istadju tal-konsum finali u mhijiex se jkolla impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea provenjenti mill-VAT, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Portugall huwa awtorizzat li japplika sistema partikolari ta’ tassazzjoni fis-settur tal-bejgħ fid-djar, li jipprevedi dispożizzjonijiet derogatorji għad-Direttiva 2006/112/KE. L-impriżi li l-fatturat totali tagħhom jinkiseb fuq bejgħ fid-djar minn bejjiegħa bl-imnut li jaġixxu fl-isem tagħhom u għall-kont tagħhom jistgħu jitolbu lill-amministrazzjoni l-awtorizzazzjoni biex japplikaw din is-sistema derogatorja meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti: a) il-prodotti kollha mibjugħa mill-impriża li jinsabu f’lista stabbilita minn qabel tal-prezzijiet prattikati fl-istadju tal-konsum finali; b) l-impriża tbigħ direttament il-prodotti tagħha lil bejjiegħa bl-imnut li, min-naħa tagħhom, ibigħuhom direttament lill-konsumaturi aħħarin. Artikolu 2 L-impriżi li ngħataw awtorizzazzjoni biex japplikaw din is-sistema derogatorja għandhom, permezz ta’ deroga għall-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, id-dritt li jnaqqsu l-VAT dovuta jew eżentata mill-bejjiegħa bl-imnut tagħhom għall-prodotti li huma kkonsenjawlhom u huma, permezz ta' deroga għall-Artikolu 193 tal-istess Direttiva, responsabbli għall-VAT dovuta fuq il-kunsinni ta' dawn l-prodotti mill-bejjiegħa bl-imnut tagħhom għall-konsumaturi aħħarin. Artikolu 3 Il-bejjiegħa bl-imnut li jistokkjaw minn impriża li tkun awtorizzata tapplika din is-sistema derogatorja huma eżentati mill-obbligu ta' dikjarazzjoni msemmi fl-Artikolu 250 tad-Direttiva 2006/112/KE f’dak li jirrigwarda prodotti li l-impriża kkunsinjatilhom u l-kunsinna ta’ dawn l-prodotti lill-konsumaturi aħħarin. Dan l-obbligu għandu jsir mill-impriża awtorizzata. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2012. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Portugall. Magħmulfi Brussel, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 347, tal-11.12.2006, p. 1. [2] ĠU C , , p. . [3] ĠU L 325 tat-28.10.2004, p. 62. [4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Id-Direttiva mħassra bid-Direttiva 2006/112/KE.